SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 1299/2013 – Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ ‘kooperazzjoni territorjali Ewropea’ – Artikolu 27 – Irkupru mingħand il-benefiċjarju ewlieni ta’ somom imħallsa wara irregolarità – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 447/2014 – Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) – Regoli speċifiċi ta’ implimentazzjoni – Artikoli 40 u 46 – Korrezzjoni finanzjarja fil-każ ta’ irregolarità – Deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja indirizzata lil benefiċjarju li ma huwiex il-benefiċjarju ewlieni – Dritt tal-benefiċjarju ewlieni li jipparteċipa fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati ma’ din id-deċiżjoni – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑620/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
“NOV ZHIVOT 1919” NCh
vs
Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na programata za transgranichno satrudnichestvo INTERREG-IPP,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, il-President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, M. Gavalec (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova, C. Ehrbar u J. Hradil, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2014 tat‑2 ta’ Mejju 2014 dwar ir-regoli sepċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU 2014, L 132, p. 32, rettifika fil-ĠU 2015, L 277, p. 60), kif ukoll tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “NOV ZHIVOT 1919” u r-Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na programata za transgranichno satrudnichestvo INTERREG-IPP (il-Kap tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm ta’ Kooperazzjoni Transkonfinali INTERREG IPA, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità ta’ Ġestjoni”) dwar deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità adottat korrezzjoni finanzjarja wara irregolarità kkonstatata waqt l-implimentazzjoni ta’ proġett iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (UE) Nru 1299/2013
|
3 |
L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU 2013, L 347, p. 259, rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 20), intitolat “Impenji baġitarji, ħlasijiet u rkupri”, jipprevedi li: “[…] 2. L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ammont imħallas bħala riżultat ta’ irregolarità jkun irkuprat mill-benefiċjarju ewlieni jew uniku. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni kwalunkwe ammont li ma kellux jitħallas. 3. Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxielux jiggarantixxi l-ħlas lura minn benefiċjarji oħra jew jekk l-awtorità ta’ ġestjoni ma jirnexxilhiex tiggarantixxi l-ħlas lura mill-benefiċjarju ewlieni jew uniku, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fit-territorju tiegħu il-benefiċjarju jkun jinsab jew, fil-każ ta’ [raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali], ikun irreġistrat għandu jirrimborsa lill-awtorità ta’ ġestjoni kwalunwe ammont li ma kellux jitħallas lil dak il-benefiċjarju. L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għar-rimborż tal-ammonti kkonċernati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni, skont it-tqassim tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit fil-programm ta’ kooperazzjoni.” |
Ir‑Regolament (UE) Nru 1303/2013
|
4 |
Skont il-premessa 65 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155): “L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jiggarantixxu t-twaqqif u l-iffunzjonar xierqa tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll sabiex tingħata assigurazzjoni dwar l-użu legali u regolari tal-Fondi [Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE)]. […]” |
|
5 |
Il-punt 36 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 143 tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jgħid li: “1. L-Istati Membri għandhom qabel xejn jerfgħu r-responsabilità biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. F’każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-investigazzjoni tiegħu b’mod li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu milquta. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha f’operazzjoni jew fil-programm operazzjonali. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju li jġarrbu l-Fondi jew il-[Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS)] u għandu japplika korrezzjoni proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet mill-awtorità ta’ ġestjoni għas-sena ta’ kontabilità li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-kanċellazzjoni. […]” |
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014
|
7 |
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, intitolat “Deċiżjonijiet ta’ finanzjament u ftehimiet ta’ finanzjament”: “[…] 3. Il-ftehimiet ta’ finanzjament jipprovdu, fost l-oħrajn, it-termini li fuqhom l-assistenza tal-[Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II)] tiġi ġestita, inklużi l-metodi ta’ implimentazzjoni applikabbli, l-intensitajiet tal-għajnuna, l-iskadenzi ta’ implimentazzjoni, kif ukoll ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa. […] 4. Ftehimiet ta’ finanzjament għal programmi ta’ kooperazzjoni transtransfruntiera kif imsemmi fit-Titolu VI, il-Kapitolu II jista’ wkoll jiġi ffirmati mill-Istat Membru li fih ikun hemm l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm rilevanti. […]” |
|
8 |
It-Titolu VI ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Kooperazzjoni transfruntiera”, jinkludi l-Kapitolu II, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kooperazzjoni transfruntiera bejn Stati Membri u benefiċjarji tal-IPA II”, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, li huwa fformulat kif ġej: “1. Safejn hu kkonċernat(i) l-Istat(i) Membru/i parteċipanti fi programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu, b’mod partikolari l-Istat Membru fejn tinsab l-awtorità ta’ ġestjoni, japplikaw ir-regoli applikabbli għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea previst fir-Regolament [Nru 1303/2013] u r-Regolament [Nru 1299/2013], kif previst f’dan il-Kapitolu. Fejn tali regoli jirreferu għall-Fondi [SIE] u kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1303/2013], għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-assistenza tal-IPA II hija meqjusa koperta wkoll. 2. Għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarji tal-IPA II li jipparteċipaw fi programm ta’ koperazzjoni transfruntiera taħt dan il-Kapitolu, ir-regoli applikabbli għal kooperazzjoni territorjali Ewropea japplikaw, kif previst f’dan il-Kapitolu, mingħajr ħsara għal derogi motivati stabbiliti fil-ftehim relevanti tal-finanzjament.” |
|
9 |
L-Artikolu 40 tal-istess regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi li: “1. Fejn ikun hemm żewġ benefiċjarji jew iżjed għal operazzjoni fi programm ta’ kooperazzjoni, transfruntiera wieħed minnhom jinħatar mill-benefiċjarji kollha bħala l-benefiċjarju ewlieni. 2. Il-benefiċjarju ewlieni jwettaq il-kompiti li ġejjin:
3. Jekk mhux speċifikat mod ieħor fl-arranġamenti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu (2), il-benefiċjarju ewlieni jiżgura li l-benefiċjarji l-oħra jirċievu l-ammont totali tas-sostenn pubbliku malajr kemm jista’ kollu kemm hu. L-ebda ammont ma għandu jitnaqqas jew jinżamm u ma għandha tinġabar l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b’effett ekwivalenti li tkun tista’ tnaqqas dawk l-ammonti għall-benefiċjarji l-oħra. 4. Benefiċjarji ewlenin jew uniċi jkunu lokalizzati f’pajjiż parteċipanti. 5. Minkejja l-Artikolu 39(2) ta’ dan ir-Regolament, raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ koperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU 2006, L 210, p. 19),] jew korp legali ieħor stabbilit taħt il-liġijiet ta’ wieħed mill-pajjiżi parteċipanti jista’ japplika bħala benefiċjarju uniku għal operazzjoni sakemm dan ikun stabbilit mill-awtoritajiet u korpi pubbliċi ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti. 6. Għal kull operazzjoni l-awtorità ta’ ġestjoni tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni jew uniku dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għas-sostenn tal-operazzjoni inklużi r-rekwiżiti speċifiċi rigward il-prodotti jew is-servizzi li jkollhom jitwettqu taħt l-operazzjoni, il-pjan ta’ finanzjament, u l-limitu ta’ żmien għat-twettiq.” |
|
10 |
L-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, intitolat “Ġestjoni finanzjarja, diżimpenn, eżami u aċċettazzjoni ta’ kontijiet, għeluq u korrezzjonijiet finanzjarji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 6 tiegħu, li: “Rigward il-korrezzjonijiet u l-irkupri jappli[k]aw l-Artikoli 85, 122(2) u 143 sa 147 tar-Regolament [Nru 1303/2013]. Japplika wkoll l-Artikolu 27(2) u (3) tar-Regolament [Nru 1299/2013].” |
Ir‑Regolament (UE, Euratom) 2018/1046
|
11 |
L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), intitolat “Il-kunflitt ta’ interessi”, kien jgħid li:
|
Id‑dritt Bulgaru
|
12 |
L-Artikolu 70 taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża, DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “L-appoġġ finanzjarju mir-riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt ġestjoni kondiviża jista’ jitneħħa kompletament jew parzjalment billi ssir korrezzjoni finanzjarja għar-raġunijiet li ġejjin:
[…]” |
|
13 |
L-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej: “Il-korrezzjoni finanzjarja għandha tiġi ddeterminata, fir-rigward tal-bażi u tal-ammont tagħha, permezz ta’ deċiżjoni motivata tal-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni li jkun approva il-proġett.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14 |
Fl‑4 ta’ Novembru 2020, ġie konkluż kuntratt ta’ sussidju bejn l-awtorità ta’ ġestjoni u l-Opština Babušnica (il-Komun ta’ Babušnica, is-Serbja), magħżul bħala s-sieħeb ewlieni. Dan il-kuntratt kellu bħala suġġett l-għoti ta’ sussidju mill-awtorità ta’ ġestjoni għall-implimentazzjoni tal-proġett “network kulturali transkonfinali għal futur komuni”, iffinanzjat skont il-programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali INTERREG IPA Bulgarija-Serbja 2014‑2020, taħt l-IPA II. |
|
15 |
Fil-kwalità tiegħu ta’ sieħeb ewlieni u konformement mal-Artikolu 1 tal-imsemmi kuntratt, il-Komun ta’ Babušnica kiseb il-finanzjament inkwistjoni u assuma r-responsabbiltà li jeżegwixxi dan il-proġett. F’dan il-kuntest, huwa kien responsabbli, fil-konfront tal-awtorità ta’ ġestjoni, għall-irregolaritajiet kollha mwettqa, inklużi dawk imwettqa mill-imsieħba, kif ukoll għar-rimbors tas-somom kollha dovuti lil din l-awtorità fil-każ ta’ irregolarità. |
|
16 |
NOV ZHIVOT 1919 hija, min-naħa tagħha, imsieħba taħt l-imsemmi proġett. |
|
17 |
Fis‑27 ta’ April 2021, NOV ZHIVOT 1919 ikkonkludiet kuntratt ta’ servizz mal-fornitur ta’ servizzi “Tsentar za profesionalno obuchenie i orientirane” EOOD fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istess proġett. |
|
18 |
Wara komunikazzjoni ta’ suspett ta’ irregolarità, l-awtorità ta’ ġestjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/1046, bejn persuna maħtura minn NOV ZHIVOT 1919 bħala koordinatur tal-proġett inkwistjoni u persuna assoċjata ma’ dan il-fornitur ta’ servizzi. |
|
19 |
Peress li dan il-kunflitt ta’ interessi ġie kklassifikat, mill-awtorità ta’ ġestjoni, bħala “irregolarità”, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, il-kap ta’ din l-awtorità, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2023 (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑20 ta’ April 2023”), adotta korrezzjoni finanzjarja, fir-rigward ta’ NOV ZHIVOT 1919, li tammonta għal 100 % tal-infiq ammissibbli, iffinanzjat minn Fondi SIE, skont il-kuntratt ta’ servizz imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. |
|
20 |
NOV ZHIVOT 1919 ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, u kkontestat l-eżistenza tal-imsemmi kunflitt ta’ interessi. |
|
21 |
Din il-qorti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, l-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata hija kompetenti sabiex tikkonstata irregolarità mwettqa minn benefiċjarji stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u, għaldaqstant, tadotta korrezzjoni finanzjarja, kif sar f’dan il-każ. Din il-kompetenza testendi kemm għall-każijiet ta’ irregolarità mwettqa minn benefiċjarju ewlieni jew minn sieħeb ewlieni kif ukoll għal dawk ta’ irregolarità mwettqa minn benefiċjarju jew minn sieħeb li ma huwiex dan il-benefiċjarju ewlieni jew dan is-sieħeb ewlieni. Madankollu, l-imsemmija kompetenza hija territorjalment limitata, sa fejn huwa meħtieġ li l-awtur tal-irregolarità jkun stabbilit fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tindika li, fit-tilwima li hija adita biha, is-sieħeb ewlieni, li lilu ma ġietx indirizzata d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑20 ta’ April 2023, la pparteċipa fil-proċedura amministrattiva li tiddetermina din il-korrezzjoni finanzjarja, u lanqas ma pparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament tagħha, minħabba l-fatt li huwa stabbilit fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja. |
|
23 |
Issa, peress li dan is-sieħeb ewlieni assuma r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-proġett inkwistjoni kollu, inklużi l-irregolaritajiet imwettqa mill-imsieħba fil-kuntratt ta’ sussidju msemmi fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, huwa immedjatament ikkonċernat mid-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja tal‑20 ta’ April 2023. Is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima teħtieġ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk huwiex l-imsemmi sieħeb ewlieni li kellu jkun id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni u, jekk ikun il-każ, jekk dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u fil-proċedura ġudizzjarja intiża għall-annullament tagħha kellux jiġi ggarantit lilu. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-oblast (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
25 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju semmiet espressament l-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014. Dan l-artikolu jinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Kooperazzjoni transfruntiera bejn Stati Membri u benefiċjarji tal-IPA II”, tat-Titolu VI ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, huwa stess intitolat “Kooperazzjoni transfruntiera”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Ġestjoni finanzjarja, diżimpenn, eżami u aċċettazzjoni ta’ kontijiet, għeluq u korrezzjonijiet finanzjarji”, li jipprevedi, fit-tieni sentenza tal-paragrafu 6 tiegħu, b’mod partikolari li l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1299/2013 japplika wkoll. |
|
26 |
Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 40 u l-Artikolu 46(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1299/2013, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità ta’ ġestjoni stabbilita fi Stat Membru li tipparteċipa fi programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali taħt l-IPA II tindirizza deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja biss lil operatur ekonomiku li jkun wettaq irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, filwaqt li benefiċjarju ewlieni, responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-operazzjoni kollha inkwistjoni, inkluż ir-rimbors ta’ kull somma mħallsa indebitament, ikun intgħażel fil-kuntest ta’ dan il-programm, iżda ma jkunx stabbilit f’dan l-Istat Membru. |
|
27 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, jikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali dwar l-applikazzjoni tiegħu li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, li għandu jew li jista’ jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi dan il-baġit jiġi addebitat b’nefqa mhux iġġustifikata. |
|
28 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 143(1) ta’ dan ir-regolament, applikabbli konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 46(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, jipprevedi b’mod partikolari li fl-ewwel lok huma l-Istati Membri li għandhom jinvestigaw l-irregolaritajiet, jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji neċessarji u jibdew proċeduri ta’ rkupru. Għal dan l-għan, kif jistabbilixxi l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 143, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fir-rigward tal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi misjuba fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. |
|
29 |
Madankollu, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1303/2013 ma tipprevedi regoli dwar id-definizzjoni tad-destinatarji ta’ att ta’ korrezzjoni finanzjarja. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-ħlas lura ta’ vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċiment konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, u b’hekk irendu indebitu l-vantaġġ irċevut (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs,C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Minn dan isegwi li l-ħlas lura ta’ vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013, ma għandux neċessarjament jintalab mingħand l-organu li jkun wettaq tali irregolarità. |
|
32 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, meta operazzjoni li taqa’ taħt programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali jkollha diversi benefiċjarji, wieħed minnhom għandu jintgħażel mill-benefiċjarji kollha bħala l-benefiċjarju ewlieni. Dan tal-aħħar huwa, skont dan l-Artikolu 40(2)(b), responsabbli għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni kollha. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 40(2)(c), huwa għandu jiżgura li l-infiq ippreżentat mill-benefiċjarji kollha jkun sar fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni, jikkorrispondi għall-attivitajiet miftiehma bejn il-benefiċjarji kollha u josserva l-kriterji li jinsabu fid-dokument ipprovdut mill-awtorità ta’ ġestjoni skont l-istess Artikolu 40(6). |
|
33 |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni jew lill-benefiċjarju uniku ta’ kull operazzjoni, meta dan tal-aħħar jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 40(5) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, dokument li jindika l-kundizzjonijiet li din l-operazzjoni għandha tissodisfa sabiex tibbenefika minn appoġġ, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, il-pjan ta’ finanzjament u t-terminu ta’ eżekuzzjoni. |
|
34 |
Minn dan isegwi li, b’differenza mill-benefiċjarji l-oħra ta’ għajnuna, il-benefiċjarju ewlieni għandu relazzjoni partikolari mal-awtorità ta’ ġestjoni, li tagħha huwa l-interlokutur dirett. |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1299/2013, li jipprovdi li l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li kull somma mħallsa wara irregolarità tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarju ewlieni jew il-benefiċjarju uniku u li l-benefiċjarji għandhom jirrimborsaw lill-benefiċjarju ewlieni kull somma mħallsa indebitament. |
|
36 |
Għalhekk, meta benefiċjarju ewlieni jkun intgħażel skont l-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, l-awtorità ta’ ġestjoni hija obbligata tirkupra kull somma mingħandu u mhux mingħand benefiċjarju ieħor. |
|
37 |
F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Komun ta’ Babušnica kkonkluda kuntratt ta’ sussidju mal-awtorità ta’ ġestjoni, li huwa ntgħażel bħala sieħeb ewlieni u li, f’din il-kwalità, huwa kien responsabbli, lejn l-awtorità ta’ ġestjoni, għall-irregolaritajiet kollha mwettqa kif ukoll għar-rimbors tas-somom kollha dovuti lil din l-awtorità fil-każ ta’ irregolarità, filwaqt li l-irregolarità inkwistjoni twettqet minn NOV ZHIVOT 1919, sieħeb taħt il-proġett “network kulturali transkonfinali għal futur komuni”. |
|
38 |
Fid-dawl tar-responsabbiltà finanzjarja li għandu, skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1299/2013, il-benefiċjarju ewlieni u li tikkonsisti fir-rimbors ta’ kull somma mħallsa indebitament, kif ukoll tal-kwalità ta’ tali benefiċjarju bħal interlokutur dirett tal-awtorità ta’ ġestjoni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, meta deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja taffettwa direttament l-interessi ta’ benefiċjarju ewlieni, din id-deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lilu. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, il-fatt invokat mill-qorti tar-rinviju li l-awtorità ta’ ġestjoni ma hijiex kompetenti sabiex tindirizza korrezzjoni finanzjarja lill-benefiċjarju ewlieni kkonċernat, jiġifieri l-Komun ta’ Babušnica, ma jistax ikun ta’ natura li jbiddel dan l-obbligu. |
|
40 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 40 u l-Artikolu 46(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 447/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1299/2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità ta’ ġestjoni stabbilita fi Stat Membru li tipparteċipa fi programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali taħt l-IPA II tindirizza deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja biss lil operatur ekonomiku li jkun wettaq irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 1303/2013, filwaqt li benefiċjarju ewlieni, responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-operazzjoni kollha inkwistjoni, inkluż ir-rimbors ta’ kull somma mħallsa indebitament, ikun intgħażel fil-kuntest ta’ dan il-programm, iżda ma jkunx stabbilit f’dan l-Istat Membru. |
Fuq it‑tieni domanda
|
41 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 40 u l-Artikolu 46(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2014 tat‑2 ta’ Mejju 2014 dwar ir-regoli sepċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II), moqrija flimkien mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu li awtorità ta’ ġestjoni stabbilita fi Stat Membru li tipparteċipa fi programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) tindirizza deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja biss lil operatur ekonomiku li jkun wettaq irregolarità, fis-sens tal-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, filwaqt li benefiċjarju ewlieni, responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-operazzjoni kollha inkwistjoni, inkluż ir-rimbors ta’ kull somma mħallsa indebitament, ikun intgħażel fil-kuntest ta’ dan il-programm, iżda ma jkunx stabbilit f’dan l-Istat Membru. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.