|
23.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 294/51 |
P9_TA(2020)0037
It-tħaddim tat-tfal f'minjieri fil-Madagascar
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2020 dwar it-tħaddim tat-tfal fil-minjieri f'Madagascar (2020/2552(RSP))
(2021/C 294/08)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Madagascar, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2011 (1) u tas-16 ta' Novembru 2017 (2); |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1924 u l-adozzjoni tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1959, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li b'mod espliċitu jirrikonoxxi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-affarijiet interni u f'dawk esterni bħala objettiv tal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 138 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-età minima għall-ammissjoni għax-xogħol tas-6 ta' Ġunju 1973, u l-Konvenzjoni 182 tal-ILO dwar il-projbizzjoni tal-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal u l-azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni tagħhom tal-1 ta' Ġunju 1999, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Marzu 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli (3) (ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar it-tħaddim tat-tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Protezzjoni, Rispett u Rimedju” tal-2011, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Lulju 2019 li tiddikjara l-2021 bħala s-Sena Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019“Nibnu Ewropa sostenibbli sal-2030” (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal ktajjen ta' provvista responsabbli ta' minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti u minn żoni ta' riskju għoli, inklużi l-annessi u s-supplimenti kollha tagħha; |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) tal-2011, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 24 (2017) tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR) tan-NU dwar l-obbligi tal-Istati skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fil-kuntest tal-attivitajiet ta' negozju (E/C.12/GC/24), |
|
— |
wara li kkunsidra l-inizjattiva dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Prinċipji tan-Negozju, żviluppata mill-UNICEF, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-UE u ktajjen ta' valur dinjija responsabbli, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Federazzjoni Internazzjonali Terre des Hommes intitolat “Child Labour in Madagascar's Mica Sector” (It-tħaddim tat-tfal fis-settur tal-majka f'Madagascar) ta' Novembru 2019 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Ftehim ta' Cotonou, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistipula li “l-Istati Partijiet jirrikonoxxu d-dritt tat-tfal li jiġu protetti minn sfruttament ekonomiku u milli jwettqu kwalunkwe xogħol li aktarx ikun perikoluż jew li aktarx jinterferixxi mal-edukazzjoni tat-tfal, jew li aktarx ikun ta' ħsara għas-saħħa tat-tfal jew għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali jew soċjali tagħhom”, |
|
B. |
billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija fost it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġew irratifikati, hekk li rratifikawha l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, u billi l-Konvenzjoni tistabbilixxi obbligi legali ċari għall-Istati dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u s-sostenn tad-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom; |
|
C. |
billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tat-tfal fl-azzjonijiet interni u esterni tagħha, u li taġixxi skont il-liġi internazzjonali, inkluż skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha (10); |
|
D. |
billi l-Karta tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja f'kull azzjoni tal-UE u tipprojbixxi t-tħaddim tat-tfal billi tistabbilixxi “l-età minima għall-ammissjoni għal impjieg, li ma tistax tkun inqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu tal-iskola” u tiddikjara li “ż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol skont l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku jew kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jista' jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom”; |
|
E. |
billi l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 24 tal-Karta jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jinstemgħu u li fehmiethom jitqiesu fi kwistjonijiet li jikkonċernawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom; |
|
F. |
billi l-UE impenjat ruħha li timplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u li tilħaq l-għanijiet u l-miri tagħha, inkluża l-mira tal-SDG 8.7 li “jittieħdu miżuri immedjati u effikaċi għall-qerda tax-xogħol furzat, għat-tmiem tal-jasar modern u t-traffikar tal-bnedmin u għall-iżgurar tal-projbizzjoni u tal-eliminazzjoni tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, inklużi r-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, u li sal-2025 it-tħaddim tat-tfal jintemm fil-forom kollha tiegħu” (11); |
|
G. |
billi madwar 152 miljun tifla u tifel ta' età bejn 5 snin u 17-il sena huma involuti fit-tħaddim tat-tfal madwar id-dinja (12), filwaqt li l-ogħla proporzjon ta' tfal imħaddma jgħixu fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; billi l-Afrika, bi 72,1 miljun tifel u tifla mħaddma, u l-Asja u l-Paċifiku, bi 62,1 miljun, huma r-reġjuni fid-dinja bl-akbar għadd ta' vittmi tat-tħaddim tat-tfal; billi l-agrikoltura, is-servizzi u l-industrija, inkluż is-settur tal-minjieri, huma t-tliet setturi ewlenin li fihom iseħħ it-tħaddim tat-tfal; billi, għalkemm sar xi progress fit-tnaqqis tat-tħaddim tat-tfal, l-ILO tistma li dan il-pass ta' tnaqqis xorta se jħalli 121 miljun tifel u tifla fit-tħaddim tat-tfal sal-2025; |
|
H. |
billi l-Artikolu 3(d) tal-Konvenzjoni Nru 182 tal-1999 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-projbizzjoni tal-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal u l-azzjoni immedjata għall-eliminazzjoni tagħhom jiddefinixxi t-tħaddim perikoluż tat-tfal bħala “tħaddim li, min-natura tiegħu jew miċ-ċirkostanzi li fihom isir, aktarx jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza jew lill-morali tat-tfal”; billi Madagascar irratifika t-trattati internazzjonali ewlenin kollha dwar it-tħaddim tat-tfal, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (u ż-żewġ Protokolli Fakultattivi tagħha), il-Konvenzjoni Nru 138 tal-ILO dwar l-età minima u l-Konvenzjoni Nru 182 tal-ILO dwar l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal, u billi l-Gvern fassal pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal f'Madagascar, f'kollaborazzjoni, fost l-oħrajn, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali ta' min iħaddem u tal-ħaddiema; billi dawn l-impenji u miżuri jonqsu milli jħallu riżultati effikaċi fil-prattika; |
|
I. |
billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fid-definizzjoni tagħha tat-tħaddim tat-tfal, tistqarr li “mhux kull xogħol li jsir mit-tfal għandu jiġi kklassifikat bħala tħaddim tat-tfal li għandu jiġi eliminat; il-parteċipazzjoni tat-tfal jew tal-adolexxenti f'xogħol li ma jaffettwax saħħithom jew l-iżvilupp personali tagħhom jew li ma jfixkilx l-edukazzjoni tagħhom ġeneralment titqies bħala ħaġa pożittiva”; billi, permezz tal-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana u l-Pjan ta' Azzjoni fuq Għaxar Snin għall-Eradikazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal, ix-Xogħol Furzat, it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Jasar Modern fl-Afrika (2020-2030) li ġie ffirmat dan l-aħħar, il-pajjiżi Afrikani huma impenjati li jeliminaw il-forom kollha ta' tħaddim tat-tfal fil-kontinent fi qbil mal-SDG 8.7 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti; |
|
J. |
billi l-akbar kategorija tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal hija dik tat-tħaddim perikoluż tat-tfal, li tħaddan madwar 73 miljun tifel u tifla, fl-etajiet minn 5 snin sa 17-il sena, li jaħdmu f'kundizzjonijiet perikolużi f'firxa wiesgħa ta' setturi, inkluż f'dak tal-minjieri (13); billi, fl-2018, 47 % tat-tfal kollha ta' Madagascar fl-etajiet minn 5 snin sa 17-il sena kienu involuti fit-tħaddim tat-tfal u huwa stmat li 86 000 minnhom huma mħaddma fis-settur tal-minjieri (14); billi s-settur tal-minjieri għandu l-ogħla rati ta' mwiet, b'medja ta' 32 mewta għal kull 100 000 tifel u tifla bejn l-etajiet ta' 5 snin u 17-il sena; |
|
K. |
billi Madagascar għandu l-ħames l-akbar għadd ta' tfal li ma jmorrux skola (15); billi nofs it-tfal kollha f'Madagascar taħt l-età ta' 5 snin ibatu minn nuqqas ta' żvilupp fiżiku u billi biss 13 % għandhom aċċess għall-elettriku (16); billi, mill-popolazzjoni totali, 74 % qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar nazzjonali u 80 % jgħixu f'żoni rurali (17); billi tliet kwarti tal-popolazzjoni jgħixu b'inqas minn USD 1,90 kuljum; billi, skont il-UNICEF, biss 30 % tat-tfal ta' Madagascar għandhom aċċess għall-iskola primarja; billi l-edukazzjoni hija kruċjali biex tipprevjeni t-tħaddim tat-tfal u biex it-tfal ma jitħallewx fit-toroq, fejn isiru vulnerabbli għat-traffikar u għall-isfruttament; |
|
L. |
billi Madagascar huwa t-tielet l-akbar esportatur ta' majka fid-dinja, hekk li kien jirrappreżenta USD 6,5 miljun fl-2017, u wkoll wieħed mill-pajjiżi bl-akbar riskju ta' ksur tad-drittijiet tat-tfal fil-minjieri tal-majka, flimkien mal-Indja, iċ-Ċina, is-Sri Lanka, il-Pakistan u l-Brażil; |
|
M. |
billi l-majka tirreferi għal grupp ta' minerali differenti li jintużaw fl-industriji tal-elettronika u tal-karozzi u li jinsabu f'firxa wiesgħa ta' prodotti, minn żebgħat sa kondizzjonaturi tal-ħamrija u minn kożmetiċi sa smartphones; |
|
N. |
billi huwa stmat li 11 000 tifel u tifla huma involuti fis-settur tal-majka f'Madagascar; billi l-maġġoranza ta' dan it-tħaddim tat-tfal huwa kkonċentrat fit-tliet provinċji ta' Anosy, Androy u Ihorombe fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn it-tfal jibqgħu lura f'termini ta' saħħa, nutrizzjoni u żvilupp edukattiv; |
|
O. |
billi t-tfal involuti fis-settur tal-majka f'Madagascar huma esposti għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u xejn sikuri, li jikkawżawlhom uġigħ fid-dahar, uġigħ ta' ras minħabba s-sħana u n-nuqqas ta' ilma jew ta' ossiġenu fil-minjieri, uġigħ fil-muskoli minħabba x-xogħol ripetittiv u iebes tal-ġarr ta' tagħbijiet tqal, u sogħla frekwenti u problemi respiratorji minħabba l-partiċelli fini ħafna ta' trab tal-majka fil-minjieri u ċ-ċentri tal-ipproċessar u madwarhom, kif ukoll ir-riskju tal-mewt minħabba sfrundar ta' minjieri jew uqigħ tal-art; billi l-awtoritajiet ta' Madagascar mhumiex fil-qagħda li jipprovdu lil ħafna komunitajiet tal-minjieri aċċess adegwat għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni, jew għal faċilitajiet tal-ilma tax-xorb nadif; |
|
P. |
billi l-kawżi aħħarija tat-tħaddim tat-tfal jinkludu l-faqar, il-migrazzjoni, il-gwerer jew id-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, in-nuqqas ta' impjiegi diċenti għall-ġenituri u n-nuqqas ta' protezzjoni soċjali u ta' normi soċjali; billi l-indirizzar tat-tħaddim tat-tfal għalhekk jirrikjedi approċċ multidimensjonali u analiżi tax-xejriet tat-tħaddim tat-tfal f'kuntest speċifiku; |
|
Q. |
billi Madagascar jinsab fil-qiegħ tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, ikklassifikat fil-161 post minn 189 pajjiż (2017), hekk li 57 % tal-popolazzjoni ta' Madagascar tbati minn faqar multidimensjonali serju skont l-Indiċi tal-Faqar Multidimensjonali (MPI), u 1,3 miljun ruħ f'Madagascar kienu affettwati b'mod gravi min-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'Marzu 2019 (18); billi t-tħaddim tat-tfal huwa sintomu ta' kawżi aħħarija li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku – inklużi l-faqar, in-nuqqas ta' ekwità u n-nuqqas ta' aċċess għal servizzi soċjali bażiċi; billi, bħala tali, it-tħaddim tat-tfal ma jistax jitqies għalih waħdu; |
|
R. |
billi s-settur tal-majka f'Madagascar huwa intaxxat permezz ta' sensiela ta' arranġamenti kumplessi, fejn il-livelli tat-taxxa fuq l-esportazzjonijiet huma relattivament baxxi u mhux dejjem jipprovdu benefiċċju dirett lill-komunitajiet tal-minjieri; billi nħarġu biss madwar 40 permess ta' esportazzjoni, fatt li jagħti x'wieħed jifhem li l-maġġoranza vasta tal-estrazzjoni tal-majka ssir illegalment u f'siti artiġjanali mhux regolati u prekarji; billi ż-żieda fl-esportazzjonijiet flimkien mat-tnaqqis sinifikanti tal-prezz għal kull tunnellata jaggravaw ir-riskju ta' sfruttament tal-ħaddiema; |
|
S. |
billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem 2015-2019 għandu l-għan li jindirizza t-tħaddim tat-tfal, inkluż bl-għoti ta' appoġġ “lill-pajjiżi sħab biex jippromwovu, jipproteġu u jħarsu d-drittijiet tat-tfal b'attenzjoni fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, bħalma hu d-dritt għall-edukazzjoni, is-saħħa u n-nutrizzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, dejjem iggwidata mill-aħjar interessi tat-tfal” (19); |
|
T. |
billi l-Kumment Ġenerali 16 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal “jirrikonoxxi li d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet marbuta mar-rispett tad-drittijiet tat-tfal fil-prattika jmorru lil hinn mis-servizzi u l-istituzzjonijiet tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat u japplikaw għall-atturi privati u l-intrapriżi kummerċjali” u jsostni wkoll li “n-negozji kollha jeħtiġilhom jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward id-drittijiet tat-tfal, u l-Istati jeħtiġilhom jiżguraw li jagħmlu dan”; |
|
U. |
billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, impenjat ruħha favur politika ta' tolleranza żero rigward it-tħaddim tat-tfal fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE (20) u stiednet lill-Viċi President innominat għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, tfassal strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal (21); |
|
V. |
billi f'dawn l-aħħar snin l-UE bdiet tadotta leġiżlazzjoni biex issaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva u tinkorpora elementi ta' Diliġenza Dovuta dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (HRDD) fil-leġiżlazzjoni, inkluż fir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt u fid-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju; billi l-Istati Membri bdew jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali bl-istess għan, bħal-liġi tar-Renju Unit dwar il-jasar modern, il-liġi Franċiża dwar id-dmir ta' diliġenza tal-kumpaniji multinazzjonali, il-liġi tan-Netherlands dwar id-diliġenza dovuta rigward it-tħaddim tat-tfal, jew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-Ġermanja u l-Italja għall-implimentazzjoni tal-UNGPs; billi l-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha tgħarbel modi kif tista' ttejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, inklużi aspetti ta' diliġenza dovuta obbligatorja; |
|
W. |
billi, f'riżoluzzjoni tal-2010, il-Parlament ħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet mill-UE ta' prodotti magħmulin bl-involviment tat-tħaddim tat-tfal u, f'riżoluzzjoni tal-2016, tenna t-talbiet tiegħu favur “proposta bilanċjata u realistika għal leġiżlazzjoni”, inklużi miżuri bħat-tikkettar ta' prodotti li ma jkunux magħmulin bl-involviment tat-tħaddim tat-tfal kif ukoll projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti magħmulin bl-involviment tat-tħaddim tat-tfal; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa l-użu inaċċettabbli tat-tħaddim tat-tfal fil-forom kollha tiegħu; |
|
2. |
Jinsab imħasseb bil-kbir dwar in-numru kbir ta' tfal li jaħdmu fil-minjieri ta' Madagascar u l-ksur tad-drittijiet ta' dawn it-tfal; ifakkar lill-awtoritajiet ta' Madagascar fir-responsabbiltà tagħhom li jiddefendu d-drittijiet tat-tfal u jiggarantixxu s-sikurezza u l-integrità tagħhom; |
|
3. |
Jilqa' l-fatt li l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida u jitlobha tagħti dettalji dwar kif beħsiebha tindirizza t-tħaddim tat-tfal permezz tal-politika, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament tal-UE, inklużi inizjattivi ġodda; |
|
4. |
Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni l-ġdida li tippreżenta strateġija komprensiva ġdida dwar id-drittijiet tat-tfal u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali strateġija tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-kawżi aħħarija tat-tħaddim tat-tfal u l-agħar forom tiegħu; jistieden lill-UE tiżgura li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ġlieda kontra t-tħaddim u l-isfruttament tat-tfal, jibqa' element essenzjali tad-djalogu politiku tagħha ma' Madagascar; |
|
5. |
Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri saħqu fuq il-ħtieġa li titħaffef l-azzjoni, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha, biex jitwettqu l-viżjoni u l-għanijiet tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (22); jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn kumpaniji transnazzjonali jiġi indirizzat b'mod effikaċi; jilqa' għaldaqstant in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar trattat vinkolanti tan-NU għall-kumpaniji transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati u biex jiżvolġu rwol attiv u jikkontribwixxu għat-tfassil ta' proposti konkreti, inkluż l-aċċess għar-rimedji; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tieħu sehem attiv fin-negozjati; |
|
6. |
Jilqa' l-fatt li l-UE ħadet xi passi biex tfassal regolamenti vinkolanti fil-qasam tad-diliġenza dovuta korporattiva f'setturi speċifiċi fejn hemm riskju għoli ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fl-oqsma tal-injam u tal-minerali ta' kunflitt; jinnota li xi Stati Membri fasslu huma wkoll leġiżlazzjoni, bħal-liġi Franċiża dwar id-dmir ta' diliġenza tal-kumpaniji multinazzjonali u l-liġi tan-Netherlands dwar id-diliġenza dovuta rigward it-tħaddim tat-tfal; jinnota wkoll li l-UE żviluppat numru ta' inizjattivi biex tippromwovi d-diliġenza dovuta u li diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew stiednu lill-UE tfassal aktar regoli vinkolanti f'dan il-qasam; |
|
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mas-setturi differenti biex jiżguraw monitoraġġ effiċjenti tal-ktajjen tal-provvista differenti sabiex prodotti u servizzi relatati mat-tħaddim tat-tfal ma jitħallewx jidħlu fis-swieq tal-UE; itenni t-talba tiegħu għall-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista, inkluż permezz ta' ħidma favur regoli vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta u l-implimentazzjoni tal-istandards tal-OECD; |
|
8. |
Ifakkar li l-minjieri jirrappreżentaw wieħed mis-setturi bl-ogħla riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema; jieħu nota li r-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt se jidħol fis-seħħ f'Jannar 2021 u li l-Kummissjoni mistennija tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament sa Jannar 2023; jemmen li r-rieżami għandu jqis l-impatt tar-regolament fil-post u jivvaluta l-possibbiltà li jiġu inklużi minerali bħall-majka; |
|
9. |
Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu ma' Madagascar biex jappoġġjaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni, politiki, baġits u programmi ta' azzjoni li jikkontribwixxu għat-twettiq sħiħ tad-drittijiet kollha ta' kull tifel u tifla, inklużi l-ħaddiema tfal, kif ukoll itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawk involuti fis-settur tal-minjieri; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE f'Madagascar tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-pajjiż; |
|
10. |
Jirrileva li huwa importanti li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 jirrifletti l-impenn tal-UE favur il-qerda tal-faqar u l-eliminazzjoni tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal u favur l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal sal-2025 skont l-SDGs, inkluż f'Madagascar (23), fil-limiti taż-żmien previsti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (24); jistieden lill-Gvern ta' Madagascar jimplimenta bis-sħiħ l-impenji tiegħu meħuda fil-qafas tal-Konvenzjoni Nru 182 tal-ILO dwar l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal u Nru 138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għax-xogħol, b'mod partikolari billi jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tiegħu li jissorvelja u jispezzjona l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-ħaddiema tal-minjieri u, b'mod aktar ġenerali, billi jipprovdi aċċess adegwat għall-edukazzjoni bażika, għall-kura tas-saħħa, għas-sanità u għall-ilma tax-xorb; jistieden lill-Gvern ta' Madagascar iħares id-drittijiet tat-tfal u jippromwovi l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqajjem ma' Madagascar il-kwistjoni tal-kumpaniji tal-minjieri tal-pajjiż li jħaddmu lit-tfal sabiex jiġi żgurat li l-ebda parti mill-produzzjoni tagħhom ma tiġi importata direttament jew indirettament mill-UE; |
|
12. |
Jitlob li l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u Madagascar u sħab oħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika jiġi riformat b'tali mod li jinkludi kapitolu sod dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli li fih ikun minqux ir-rispett tal-istandards maqbula fil-livell internazzjonali dwar id-drittijiet tax-xogħol, inkluża l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal; |
|
13. |
Jitlob li l-kumpaniji kollha tal-UE u dawk internazzjonali josservaw il-prinċipji ta' kummerċ ġust u tal-ksib etiku ta' oġġetti u materjali; |
|
14. |
Jirrakkomanda li fil-futur ir-Regolament dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) jiġi applikat fil-kuntest tal-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, inkluż fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem, peress li dan ikun jista' jiżgura li l-UE tinvesti fl-edukazzjoni, is-saħħa, in-nutrizzjoni, il-protezzjoni soċjali u t-tisħiħ globali tas-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal; |
|
15. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-UE jwettqu konsultazzjonijiet sinifikanti mal-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali tas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-evidenza mill-programmi u l-esperjenzi tat-tfal imħaddma jitqiesu mill-proċess ta' programmazzjoni tal-NDICI, inkluż il-proċess ta' programmazzjoni li jirrigwarda lil Madagascar; |
|
16. |
Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, tiġġieled it-tħaddim tat-tfal u l-forom moderni ta' xogħol furzat u tipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem permezz tal-programm tematiku tal-NDICI dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; |
|
17. |
Jistieden lill-UE biex, bħala attur ewlieni favur id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, tkun minn ta' quddiem fl-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u tieħu miżuri immedjati u effikaċi biex ittemm il-forom kollha tat-tħaddim tat-tfal sal-2025; |
|
18. |
Jirrakkomanda li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE li jmiss għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, jagħti prijorità lill-ħarsien u lill-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u lill-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; |
|
19. |
Jirrakkomanda li s-SEAE jiżviluppa l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE li jmiss għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem bil-parteċipazzjoni sinifikattiva u effikaċi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, kif ukoll tat-tfal infushom; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrateġija futura tal-UE għall-Afrika tkun immexxija mill-ambizzjoni li l-SDGs jiġu implimentati u li jsir investiment f'firxa wiesgħa ta' drittijiet tat-tfal, filwaqt li tiżgura li l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal tkun fil-qalba ta' din l-istrateġija; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqiegħed id-drittijiet tat-tfal fil-qalba tal-Ftehim ta' Wara Cotonou; |
|
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ta' implimentazzjoni komprensiva għall-Aġenda 2030 u tistabbilixxi l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal bħala objettiv ċentrali; jissottolinja l-ħtieġa li l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, jiġi implimentat bis-sħiħ u li jiġi integrat approċċ “tagħmilx ħsara” rigward id-drittijiet tat-tfal; jisħaq fuq l-importanza, għal dan il-għan, li l-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal tiġi inkluża fil-ftehimiet kollha ta' sħubija ekonomika tal-UE, permezz ta' kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jridu jirriflettu l-ogħla standards ambjentali u soċjali, b'mod partikolari dwar it-tħaddim tat-tfal, f'konformità mal-impenn tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen favur politika ta' “tolleranza żero” rigward it-tħaddim tat-tfal; |
|
22. |
Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija li javvanzaw fil-katina ta' valur mondjali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, u dan jirrikjedi regoli kummerċjali globali ġusti u favorevoli għall-iżvilupp; jenfasizza, f'dan l-isfond, li l-UE għandha żżomm lura milli tadotta politika kummerċjali li tipprojbixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli jimponu taxxi fuq l-esportazzjoni tal-materja prima bħala regola ġenerali fl-ambitu tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika, sakemm dan ikun kompatibbli mar-regoli tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv fi ħdan id-WTO biex tippromwovi regoli multilaterali għall-ġestjoni sostenibbli tal-ktajjen ta' valur mondjali, inkluż l-obbligu ta' diliġenza dovuta rigward il-ktajjen tal-provvista; |
|
23. |
Jistieden lil Madagascar jintegra l-inklużjoni taż-żgħażagħ fl-aġendi ta' żvilupp nazzjonali tiegħu, jadotta mekkaniżmi għat-tisħiħ tar-rappreżentanza tagħhom fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jipprovdi allokazzjonijiet baġitarji speċifiċi u adegwati fi programmi li jippermettu liż-żgħażagħ kollha jibbenefikaw minn edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja; |
|
24. |
Jieħu nota tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-kodiċi tal-minjieri ta' Madagascar u jistieden lill-gvern jagħti prijorità lill-konformità mal-impenji internazzjonali tiegħu, inkluż f'termini ta' standards soċjali u ambjentali, xogħol deċenti u rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali u d-drittijiet tat-tfal, billi jibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Inizjattiva Majka Responsabbli; |
|
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u lill-Gvern ta' Madagascar. |
(1) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 129.
(2) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 58.
(3) ĠU C 263, 25.7.2018, p. 371.
(4) Testi Adottati, P9_TA(2019)0066.
(5) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14835-2019-INIT/mt/pdf
(6) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.
(7) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.
(8) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.
(9) https://www.terredeshommes.nl/sites/tdh/files/ visual_select_file/tdh_mica_madagascar_rapport.pdf
(10) L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(11) In-Nazzjonijiet Uniti. 2015. Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development. (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), Dokument tan-NU A/RES/70/1. Disponibbli fis-sit web: https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(12) ILO. 2017. Global Estimates of Child Labour: Results and trends, 2012-2016. (Stimi Globali tat-Tħaddim tat-Tfal: Riżultati u Xejriet, 2012-2016). https://www.ilo.org/global/publications/books/WCMS_575499/lang--en/index.htm
(13) https://www.ilo.org/ipec/facts/WorstFormsofChildLabour/Hazardouschildlabour/lang--en/index.htm
(14) INSTAT/UNICEF, Madagascar 2018, Travail des enfants, Multiple Indicator Cluster Surveys (MICS), (Tħaddim tat-tfal: Stħarriġiet dwar raggruppamenti ta' indikaturi multipli (MICS)), preżentazzjoni PowerPoint.
(15) Is-sit web tal-Bank Dinji, School Enrolment Primary (Reġistrazzjoni fl-Iskejjel Primarji), https://data.worldbank.org/indicator/SE.PRM.ENRR?locations=MG
(16) Is-sit web tal-Bank Dinji, Where We Work, Madagascar, ‘Overview' (Fejn naħdmu, Madagascar, “Stampa ġenerali”), https://www.worldbank.org/en/country/madagascar/overview
(17) Ministère de l'Economie et du Plan, Rapport National sur le Développement Humain (Ministeru għall-Ekonomija u l-Ippjanar, Rapport Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Uman), RNDH no6, 2018, https://bit.ly/2IWdx8o
(18) OCHA, Madagascar, Aperçu de la situation humanitaire (Stampa tal-qagħda umanitarja), Marzu-April 2019 , https://tinyurl.com/y4z3zrbo
(19) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. 2015. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem 2015-2019. Azzjoni 15.b https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_action_plan_on_human_rights_and_democracy_en_2.pdf
(20) Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa mill-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Il-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024. Disponibbli fis-sit web: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf
(21) Ursula von der Leyen, President elett tal-Kummissjoni Ewropea. Ittra ta' Missjoni lil Dubravka Šuica, Viċi President innominat għad-Demokrazija u d-Demografija. 10 ta' Settembru 2019. Disponibbli fis-sit web: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/mission-letter-dubravka-suica_en.pdf
(22) https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14835-2019-INIT/mt/pdf
(23) https://www.un.org/development/desa/dpad/least-developed-country-category-madagascar.html
(24) Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp: “Id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna”. 2017. http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9459-2017-INIT/mt/pdf