European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6707

16.12.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/6707)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Danbo”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DK-00830-AM01 — 16.9.2025

1.   Isem il-prodott

“Danbo”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Id-Danimarka

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Fødevarestyrelsen [L-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża]

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi jikkonċernaw bidliet editorjali u aġġornamenti ta’ ebda importanza kbira għall-isem.

L-applikazzjoni biex tiġi emendata l-indikazzjoni ġeografika protetta “Danbo” ma taqa’ taħt l-ebda wieħed mit-tliet każijiet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 li jikkostitwixxi emenda tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, jiġifieri:

(a)

bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem;

(b)

riskju li tixxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku;

(c)

restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Danbo” huma kklassifikati bħala emenda standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Emenda tat-Taqsima 2, “Deskrizzjoni tad-‘Danbo’ ”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Il-kliem “Ġobon immaturat u sod magħmul minn ħalib ta’ oriġini bovina. Ħalib u prodotti tal-ħalib minn annimali oħra mhumiex permessi.”

ġie emendat għal:

“Ġobon immaturat u sod magħmul mill-ħalib tal-baqra.”

Raġuni: L-iskop tal-emenda huwa li t-test jiġi ssimplifikat, mingħajr ma tinbidel is-sustanza tiegħu.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 2.1, “Kompożizzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

L-aħħar paragrafu, “Il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa huwa espress bħala 30+ jew 45+. Fil-ġobon ‘Danbo’ b’kontenut ta’ 30 % sa < 45 % ta’ xaħam fil-materja niexfa, il-kontenut ta’ xaħam irid jiġi indikat bħala parti mill-isem. Kontenut ta’ 45 % ta’ xaħam fil-materja niexfa jintuża bħala referenza għal indikazzjonijiet kumparattivi dwar in-nutrizzjoni fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam.”, tħassar.

Raġuni: It-test tħassar għax jitqies żejjed. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa ma għandux jiġi indikat flimkien mal-isem “Danbo”, li għandu jidher waħdu.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar il-kompożizzjoni fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tal-punt dwar l-istruttura fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Fit-tieni sentenza, il-kliem “jintużaw sustanzi li jagħtu t-togħma” huwa sostitwit bil-kliem “jintuża l-kemmun”.

Raġuni: Din hija kjarifika, peress li l-kemmun huwa l-uniku aromatizzant permess.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar l-istruttura fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tal-punt dwar il-maturazzjoni fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Il-kliem li ġej fl-ewwel paragrafu:

“It-togħma u l-konsistenza karatteristiċi tad-‘Danbo’ joħorġu wara li jitħalla jsir għal bejn 3 u 4 ġimgħat f’temperatura ta’ bejn 12 u 20 °C.”

ġie emendat għal:

“It-togħma u s-sawra karatteristiċi tad-‘Danbo’ joħorġu wara li jiġi mmaturat għal bejn ġimagħtejn u 4 ġimgħat f’temperatura ta’ bejn 7 u 21 °C.”

Raġuni: It-temperatura tal-ħżin inbidlet biex jitqies il-mod li bih jinkisbu t-togħma u s-sawra karatteristiċi tad-“Danbo”. Il-bidliet fid-dispożizzjonijiet dwar il-ħżin jippermettu wkoll li jsir użu aħjar mill-kapaċità ta’ ħżin tal-imħaleb. Il-provi u t-testijiet prattiċi, inklużi t-testijiet tat-togħma fl-għama, urew li l-karatteristiċi tad-“Danbo” ma humiex affettwati mill-kundizzjonijiet modifikati tal-ħżin.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar il-maturazzjoni fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tal-punt dwar il-maturazzjoni fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Id-‘Danbo’ jista’ jintbagħat mill-impjant tal-produzzjoni għal proċessar ulterjuri, inkluż għall-maturazzjoni, jew għall-ħażna f’impjant ieħor qabel ma jkun laħaq iż-żmien imsemmi hawn fuq, imma ma jistax jinħareġ mit-tieni impjant qabel ma jkun laħaq iż-żmien minimu.” tħassar.

Raġuni: It-test tħassar peress li l-informazzjoni tmexxiet għat-Taqsima 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott dwar il-metodu ta’ produzzjoni.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar il-maturazzjoni fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tal-punt dwar aromatizzanti oħra li jistgħu jiżdiedu fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Il-kemmun jista’ jiġi miżjud jekk ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati minn din iż-żieda u s-sustanza essenzjali li tagħti t-togħma tkun inkluża fl-isem jew indikata b’rabta miegħu.”

ġie emendat għal:

“Il-kemmun jista’ jiġi miżjud jekk ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati minn din iż-żieda.”

Raġuni: It-test tħassar għax jirrigwarda t-tikkettar. L-informazzjoni tmexxiet għat-Taqsima 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott dwar it-tikkettar.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar aromatizzanti oħra li jistgħu jiżdiedu fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 4, “Prova tal-oriġini”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Il-kliem “Il-produtturi kollha tad-‘Danbo’ jeħtiġilhom jiġu approvati minn qabel mill-korp taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni (ara t-Taqsima 7 hawn taħt). Il-kontrolli sussegwenti jinkludu l-ispezzjoni tal-produzzjoni u l-kontrolli tal-prodott ibbażati fuq ir-rekwiżiti tal-produzzjoni u tal-prodott stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Mill-maħleb, il-ġobnijiet jiġu ttikkettati f’konformità mal-leġiżlazzjoni kurrenti sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu traċċati lura għall-maħleb. It-tikkettar huwa mmonitorjat mill-awtoritajiet.

Ara l-Anness 1 – deskrizzjoni qasira tal-kontrolli.”

ġie emendat għal:

“Id-‘Danbo’ ġie żviluppat mid-Daniż Rasmus Nielsen fil-maħleb ta’ Kirkeby f’Fyn. Għall-produzzjoni tad-‘Danbo’, jintuża proċess speċjali tal-maturazzjoni permezz tal-mikroflora waqt il-perjodu tal-maturazzjoni, magħruf bħala ‘l-metodu Daniż’, fejn il-ġobon jinħasel sabiex jiġi mmaturat permezz tal-mikroflora minn barra ’l ġewwa. Ħafna xogħlijiet internazzjonali ta’ referenza dwar il-ġobon jirreferu għall-oriġini Daniża tal-ġobon.

Id-‘Danbo’ ngħata ismu fl-1952 bil-Konvenzjoni ta’ Stresa. L-isem tal-ġobon kien referenza ċara għall-oriġini Daniża tiegħu, billi l-isem ‘Dan’ huwa d-derivattiv Nordiku tal-isem popolari ‘Danerne’ (‘id-Daniżi’), filwaqt li Bo tfisser ‘ir-resident’.”

Raġuni: L-iskop tal-emenda huwa li t-test jiġi allinjat mat-titolu tat-taqsima. Barra minn hekk, it-test preċedenti kien fih informazzjoni dwar il-kontrolli, li aħna nqisuha bħala żejda peress li dawn il-kontrolli huma impliċiti fir-regolamenti rilevanti.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 5, “Metodu ta’ produzzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Il-kliem “Il-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat huwa standardizzat fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam u pasturizzat. Jiżdiedu l-istarters. Jiżdied it-tames. Il-baqta tinqata’ b’sikkina meta tinkiseb is-sodezza mixtieqa. It-taħlita mbagħad titħawwad, jitneħħielha x-xorrox u tissaħħan qabel ma l-baqta tiġi ppressata taħt ix-xorrox. Il-baqta kkompressata tinqasam u l-biċċiet jiġu ttrasferiti f’forom. Il-ġobon iffurmat jerġa’ jiġi ppressat. Il-ġobnijiet jitkessħu, jitmellħu, is-superfiċje tagħhom tiġi ttrattata b’kultura ta’ mikroflora tal-krosta f’konformità mal-metodu Daniż u jiġu mmaturati għal tul ta’ żmien varjabbli, skont kemm għandu jkun immaturat il-prodott lest. Il-ġobon jista’ fakultattivament jinħasel u jitnixxef waqt il-maturazzjoni jew wara u qabel ma jiġi imballat.

Ara d-dijagramma sekwenzjali għall-produzzjoni tad-‘Danbo’ fl-Anness 2 u d-deskrizzjoni ta’ ‘Il-metodu Daniż’ fl-Anness 3.”

ġie emendat għal:

“Il-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat huwa standardizzat fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam u pasturizzat. Jiżdiedu l-istarters. Jiżdied it-tames. Il-baqta tinqata’ b’sikkina meta tinkiseb is-sodezza mixtieqa. It-taħlita mbagħad titħawwad, jitneħħielha x-xorrox u tissaħħan qabel ma l-baqta tiġi ppressata taħt ix-xorrox. Il-baqta kkompressata tinqasam u l-biċċiet jiġu ttrasferiti f’forom. Il-ġobon iffurmat jerġa’ jiġi ppressat. Il-ġobnijiet jitkessħu, jitmellħu u s-superfiċje tagħhom tiġi ttrattata b’kulturi ta’ mikroflora tal-krosta. F’konformità mal-linji gwida stabbiliti fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness 1 u ‘il-metodu Daniż’ deskritt fl-Anness 2, il-kulturi ta’ mikroflora tal-krosta użati fit-trattament jistgħu jkunu Brevibacterium linens, Corynebacterium casei u/jew Microbacterium gubbeenense.

Il-ġobnijiet jiġu mmaturati fl-impjant tal-produzzjoni sakemm jinkisbu t-togħma u s-sawra karatteristiċi tagħhom. Il-ġobnijiet jistgħu jintbagħtu għal aktar maturazzjoni jew biex jinħażnu f’impjant ieħor biss ladarba jkunu kisbu l-karatteristiċi partikolari tagħhom.

Il-ġobon jista’ fakultattivament jinħasel u jitnixxef waqt il-maturazzjoni jew wara u qabel ma jiġi imballat.”

Raġuni: L-emenda saret biex tiċċara l-metodu ta’ produzzjoni.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 6.1, “Oriġini tal-isem”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

L-ewwel paragrafu bil-kliem “Fl-1952, 10 tipi ta’ ġobon tipiku Daniż, inkluż id-‘Danbo’, ingħataw ismijiet Daniżi skont il-Konvenzjoni ta’ Stresa u l-Ordni tal-Ministeru għall-Agrikoltura Nru 80 tat-13 ta’ Marzu 1952. L-ismijiet tal-ġobon u d-deskrizzjonijiet korrispondenti għadhom japplikaw sal-lum f’konformità mal-Ordni Nru 335 tal-10 ta’ Mejju 2004 dwar prodotti tal-ħalib, eċċ.”

ġie emendat għal:

“Fl-1952, 11-il tip ta’ ġobon tipiku Daniż, inkluż id-‘Danbo’, ingħataw ismijiet Daniżi skont il-Konvenzjoni ta’ Stresa u l-Ordni tal-Ministeru għall-Agrikoltura Nru 80 tat-13 ta’ Marzu 1952.”

Raġuni: Il-paragrafu ġie emendat peress li n-numru korrett ta’ ġobnijiet Daniżi huwa 11 u mhux 10. Barra minn hekk, l-Ordni Nru 335 tal-10 ta’ Mejju 2004 dwar prodotti tal-ħalib, eċċ. ġiet issostitwita b’ordni ġdida. Id-“Danbo” u d-deskrizzjoni korrispondenti tħassru mill-Ordni meta l-ġobon ġie rreġistrat fl-UE bħala indikazzjoni ġeografika protetta.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar ir-reputazzjoni fit-Taqsima 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 6.1, “Oriġini tal-isem”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

It-tieni paragrafu li fih il-kliem “It-terminu ‘Danbo’ huwa taħlita taż-żewġ ismijiet ‘Dan’ u ‘Bo’. ‘Dan’ huwa d-derivattiv Nordiku tal-isem popolari ‘Danerne’ (‘id-Daniżi’) filwaqt li ‘Bo’ tfisser ‘ir-resident’. Għaldaqstant, l-isem ‘Danbo’ huwa t-terminu storiku għal persuna li tkun residenti fid-Danimarka u ngħata lil dan il-ġobon għaliex id-Daniżi kollha jqisuh bħala l-aktar ġobon Daniż karatteristiku mill-ġobon kollu.”

huwa sostitwit b’dan:

“It-terminu ‘Danbo’ huwa taħlita taż-żewġ ismijiet ‘Dan’ u ‘Bo’. ‘Dan’ huwa [d-]derivattiv Nordiku tal-isem popolari ‘Danerne’ (‘id-Daniżi’) filwaqt li ‘Bo’ tfisser ‘ir-resident’. Għaldaqstant, l-isem ‘Danbo’ huwa t-terminu storiku għal persuna li tkun residenti fid-Danimarka u ngħata lil dan il-ġobon għaliex id-Daniżi kollha jqisuh bħala l-aktar ġobon Daniż karatteristiku mill-ġobon kollu.”

Raġuni: Emenda editorjali.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 6.4, “Metodu ta’ produzzjoni karatteristiku u reputazzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Fit-tieni paragrafu, il-kliem “li jammontaw għal 40 100 tunnellata, madwar 13 % tal-produzzjoni totali tal-ġobon tad-Danimarka” tħassar.

Raġuni: L-emenda saret għax l-informazzjoni hi storika.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar ir-reputazzjoni fit-Taqsima 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 6.4, “Metodu ta’ produzzjoni karatteristiku u reputazzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Fir-raba’ paragrafu, il-kliem “L-ismijiet tal-ġobon u d-deskrizzjonijiet korrispondenti għadhom japplikaw sal-lum f’konformità mal-Ordni Nru 335 tal-10 ta’ Mejju 2004 dwar prodotti tal-ħalib, eċċ.” tħassar.

Raġuni: It-test tħassar għax l-Ordni Nru 335 tal-10 ta’ Mejju 2004 dwar prodotti tal-ħalib, eċċ. ġiet issostitwita b’ordni ġdida.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar ir-reputazzjoni fit-Taqsima 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 6.4, “Metodu ta’ produzzjoni karatteristiku u reputazzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Fit-tmien paragrafu, il-kliem “l-aktar reċenti fil-Wirja Nazzjonali tal-Prodotti tal-Ħalib u fil-wirjiet distrettwali fl-2009” tħassar.

Raġuni: Il-frażi tħassret għax l-informazzjoni hi storika.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar ir-reputazzjoni fit-Taqsima 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 7, “Korp taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

It-taqsima kollha tħassret.

Raġuni: It-taqsima kollha dwar il-korp taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni tħassret peress li l-informazzjoni dwar min huwa responsabbli biex jivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma hijiex meqjusa rilevanti għall-inklużjoni fl-ispeċifikazzjoni. Barra minn hekk, dak il-kompitu ma għadux delegat, iżda issa jitwettaq mill-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 8, “Tikkettar”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Il-kliem “Danbo 45+ jew 30+, skont il-kontenut ta’ xaħam, flimkien ma’ ‘indikazzjoni ġeografika protetta’ jew ‘IĠP’ u/jew is-simboli uffiċjali tal-UE.”

ġie ssostitwit b’dan:

“Jekk ikun żdied il-kemmun, dan irid jiġi indikat separatament mill-indikazzjoni ġeografika, iżda fl-istess kamp viżiv bħalha.”

Raġuni: It-test tħassar minħabba li l-informazzjoni hija meqjusa żejda. Ir-rekwiżit li l-isem jiġi ssupplimentat b’“indikazzjoni ġeografika protetta” jew “IĠP” diġà huwa applikabbli u għalhekk ma għandux għalfejn jiġi riprodott fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Barra minn hekk, iddaħħal it-test dwar it-tikkettar fejn ikun ġie miżjud il-kemmun, li qabel kien inkluż fil-punt dwar aromatizzanti oħra li jistgħu jiżdiedu fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott (ara l-emenda Nru 6).

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fit-Taqsima 4.6, “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda tat-Taqsima 9, “Kwalunkwe rekwiżit stabbilit fid-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

It-taqsima kollha tħassret.

Raġuni: It-taqsima tħassret għax ma għadx hemm rekwiżiti nazzjonali speċifiċi.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda li tikkonċerna l-grupp applikant

Deskrizzjoni

L-isem u l-indirizz tal-grupp applikant ġew aġġornati u l-isem u l-indirizz tal-persuna ta’ kuntatt tħassru.

Raġuni: Ġew ikkoreġuti l-isem u l-indirizz tal-grupp applikant. Il-persuna ta’ kuntatt, li qabel kienu jingħataw id-dettalji tagħha wkoll, hija meqjusa żejda, peress li l-grupp applikant jista’ jiġi kkuntattjat direttament.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda li tikkonċerna l-Anness 1

Deskrizzjoni

L-Anness 1 tħassar u l-bqija tal-annessi ġew innumerati mill-ġdid kif xieraq.

Raġuni: Il-kontenut tal-Anness 1 huwa meqjus żejjed.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Danbo”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DK-00830-AM01 — 16.9.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Danbo”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Id-Danimarka

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0406 – Ġobon u baqta

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Ġobon immaturat u sod magħmul mill-ħalib tal-baqra.

Kompożizzjoni

Kontenut ta’ ilma: skont il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa, il-kontenut massimu tal-ilma huwa kif ġej:

Għal kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa ta’ bejn 30 % u < 45 %, il-kontenut massimu tal-ilma huwa ta’ 56 %.

Għal kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa ta’ bejn 45 % u < 50 %, il-kontenut massimu tal-ilma huwa ta’ 50 %.

Il-proprjetajiet karatteristiċi l-oħrajn huma kif ġej

Parti esterna:

Qoxra soda bi krosta tal-mikroflora. Il-ġobon jista’ jkun miksi.

Parti interna:

Kulur: Bajdani (jew lewn l-avorju) fl-isfar ċar

Sawra: Minkejja li l-konsistenza tiegħu hija ratba u flessibbli, xorta waħda huwa adattat biex jinqata’.

Struttura: Bejn ftit u ħafna toqob ta’ daqs ta’ piżella, mifruxin b’mod ugwali u b’forma tonda uniformi, ħafna minnhom b’dijametru ta’ mhux aktar minn 10 mm, u xi kultant anke bi ftit fetħiet f’għamla ta’ tiċrita. Normalment, jekk jintuża l-kemmun, ikun hemm diversi toqob żgħar b’forma irregolari.

Riħa u togħma: Togħma karatteristika u aromatika li hija moderata u kemxejn aċiduża minħabba l-maturazzjoni permezz tal-mikroflora. Ir-riħa u t-togħma jsiru iktar qawwija maż-żmien.

Forma: Ċatta u kwadra jew rettangolari.

Maturazzjoni: It-togħma u s-sawra karatteristiċi joħorġu wara li jiġi mmaturat għal bejn ġimagħtejn u 4 ġimgħat f’temperatura ta’ bejn 7 u 21 °C.

Aromatizzanti oħra li jistgħu jiżdiedu: Il-kemmun jista’ jiġi miżjud jekk ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati minn din iż-żieda.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

—

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-passi kollha fil-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Jekk ikun żdied il-kemmun, dan irid jiġi indikat separatament mill-indikazzjoni ġeografika, iżda fl-istess kamp viżiv bħalha.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Id-Danimarka

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq:

☑

reputazzjoni

☐

kwalità

☑

karatteristiċi oħra

Sommarju tar-rabta

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Id-Danimarka għandha tradizzjoni twila ħafna u kburija ta’ produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib. Il-produzzjoni tad-“Danbo” ilha parti integrali mill-kurrikulu fl-iskejjel Daniżi tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib għal aktar minn 100 sena. Għalhekk, l-esperti Daniżi tal-prodotti tal-ħalib tħarrġu sabiex jiksbu l-għarfien prattiku essenzjali għall-produzzjoni ta’ din l-ispeċjalità Daniża ta’ ġobon.

Storja

Fl-1889, Rasmus Nielsen laħaq Direttur Maniġerjali tal-maħleb ta’ Kirkeby f’Fyn. Huwa kien produttur ħawtiel tal-prodotti tal-ħalib, u dan jidher biċ-ċar, fost l-oħrajn, mill-fatt li l-maħleb kien approvat bħala stabbiliment għat-taħriġ ta’ persuni li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib wara li rċieva għotja mill-Istat. Fl-1896, ġie aġġudikat għotja mill-Gvern Daniż sabiex ikun jista’ jistudja l-produzzjoni tal-ġobon barra mill-pajjiż. Ix-xitwa ta’ wara attenda lezzjonijiet tal-Ġermaniż u fir-rebbiegħa tal-1897 vvjaġġa lejn il-Prussja tal-Lvant tul il-fruntiera mar-Russja. L-art hemmhekk kienet steppa b’artijiet bil-ħaxix estensivi. L-imħaleb ta’ hemmhekk kienu magħrufin sew għall-produzzjoni tajba tal-ġobon.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni għall-perjodu ta’ studju tiegħu fl-imħaleb, huwa ngħata ittra ta’ rakkomandazzjoni mill-Professur Bernhard Bøggild tal-Università Rjali Veterinarja u Agrikola Daniża. Għaldaqstant, intlaqa’ tajjeb fid-diversi mħaleb żgħar li kienu jinsabu fil-Prussja tal-Lvant. Xogħlu kien li jintraċċa dokumenti u jiskopri t-tekniki użati fil-produzzjoni tal-ispeċjalitajiet tal-ġobon fin li dak iż-żmien kienu jiġu prodotti fil-Prussja tal-Lvant.

Wara l-Prussja tal-Lvant, Nielsen mar l-Olanda fejn ħadem fil-produzzjoni tal-ġobon f’diversi mħaleb. Irritorna lura daru fil-maħleb ta’ Kirkeby fil-ħarifa tal-1897 wara li ggwadanja ammont kbir ta’ għarfien u ta’ esperjenzi ġodda. Lura f’pajjiżu, minnufih beda jipprova dak kollu li kien tgħallem.

Mill-bidu nett, kien pjuttost ċert li ma ried jimita l-ebda tip partikolari ta’ ġobon li kien ra, iżda ried jisfrutta l-esperjenzi kollha tiegħu sabiex joħloq ġobon speċjali ħafna. Ġobon kompletament ġdid.

Il-kwalità speċjali tal-ġobon il-ġdid li pproduċa Nielsen kienet li kien ġobon “opstukken” kwadru b’maturazzjoni speċjali ħafna fuq is-superfiċje permezz tal-mikroflora. Dak iż-żmien, li ġobon “opstukken” ikollu forma kwadra kienet xi ħaġa kompletament ġdida. Il-maturazzjoni permezz tal-mikroflora tal-krosta kienet xi ħaġa speċjali wkoll billi kienet tinvolvi l-għerik ta’ kulturi ta’ batterji u ta’ ħmira fil-qoxra tal-ġobon.

Il-ġobon il-ġdid beda jinbiegħ b’rata mgħaġġla u gradwalment ħafna mħaleb differenti bdew jipproduċu dan it-tip ta’ ġobon.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija l-ġobon fid-Danimarka kien jiġi prodott l-aktar għas-suq domestiku. Wara l-gwerra u speċjalment fis-snin 50, il-produzzjoni tal-ġobon bdiet tiżdied u ż-żieda fl-esportazzjonijiet fissret li d-Danimarka kellha tpoġġi lilha nnifisha fis-swieq tal-esportazzjoni b’ismijiet tipiċi ta’ ġobon Daniż sabiex tkun tista’ turi l-ġobon Daniż meta tikkummerċjalizzah flimkien ma’ prodotti agrikoli Daniżi oħrajn magħrufin sew. Dan il-ġobon ingħata l-isem onorifiku “Danbo”. Din hija waħda mir-raġunijiet li għalihom id-“Danbo” ġie inkluż fil-Konvenzjoni ta’ Stresa u aktar tard fil-Codex Alimentarius.

Speċifiċità tal-prodott

Id-“Danbo” huwa wieħed mill-iktar ġobnijiet Daniżi tipiċi u għall-produtturi Daniżi tal-prodotti tal-ħalib huwa t-tip ta’ ġobon “opstukken” tipiku. Id-“Danbo” għandu togħma distintiva ferm. Hija moderata, kemxejn aċiduża, aromatika u kkaratterizzata b’mod distintiv bil-maturazzjoni bil-krosta tal-mikroflora. Il-kontenut għoli ta’ ilma fid-“Danbo”, meta mqabbel ma’ ġobon simili ieħor, jagħtih ukoll irtubija u flessibbiltà li ma jinstabux f’ġobon ieħor, filwaqt li xorta waħda jibqa’ jista’ jinqata’ faċilment.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott

Il-protezzjoni tad-“Danbo” bħala indikazzjoni ġeografika hija bbażata fuq il-metodu ta’ produzzjoni karatteristiku tiegħu u fuq ir-reputazzjoni tiegħu.

Metodu tal-produzzjoni

Għall-produzzjoni tad-“Danbo”, jintuża proċess speċjali ħafna ta’ maturazzjoni bil-krosta tal-mikroflora, magħruf bħala “il-metodu Daniż”, billi l-ġobon jinħasel sabiex jiġi mmaturat bil-krosta tal-mikroflora minn barra ’l ġewwa. Dan il-proċess ta’ maturazzjoni bil-krosta tal-mikroflora huwa essenzjali għat-togħma distintiva ferm tal-ġobon, togħma li d-Daniżi ħaddnuha iżda li ma tappellax għal palati Ewropej oħrajn. Kwalità partikolari tal-produzzjoni tad-“Danbo” hija ż-żieda ta’ kwantitajiet kbar ta’ ilma. Il-konsistenza karatteristika tal-ġobon hija parzjalment dovuta għal dan. It-tagħlim dwar kif isir id-“Danbo” kien – u għadu – parti normali mit-taħriġ tal-persuni li jaħdmu fis-settur tal-prodotti tal-ħalib fid-Danimarka, u għalhekk, referenzi għall-proċess tal-produzzjoni tad-“Danbo” jistgħu jinsabu f’għadd kbir ta’ manwali ta’ taħriġ. Il-produtturi, it-tekniċi, it-teknoloġisti u l-inġiniera fil-qasam tal-prodotti tal-ħalib ilhom aktar minn 100 sena jitħarrġu fuq kif għandhom jagħmlu d-“Danbo”. Minħabba t-tradizzjonijiet li ilhom stabbiliti żmien twil u li jingħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra permezz tat-taħriġ u l-metodu speċjali tal-produzzjoni u tal-maturazjoni użat fid-Danimarka, id-“Danbo” jrid jiġi prodott u mmaturat fi mħażen tal-maturazzjoni fid-Danimarka.

Reputazzjoni

Fl-1952, 11-il tip ta’ ġobon tipiku Daniż, inkluż id-“Danbo”, ingħataw ismijiet Daniżi skont il-Konvenzjoni ta’ Stresa u l-Ordni tal-Ministeru għall-Agrikoltura Nru 80 tat-13 ta’ Marzu 1952.

It-terminu “Danbo” huwa taħlita ta’ żewġ ismijiet – “Dan” u “Bo”. “Dan” huwa d-derivattiv Nordiku tal-isem popolari “Danerne” (“id-Daniżi”) filwaqt li “Bo” tfisser “ir-resident”. Għaldaqstant, l-isem “Danbo” huwa t-terminu storiku għal persuna li tkun residenti fid-Danimarka u ngħata lil dan il-ġobon għaliex id-Daniżi kollha jqisuh bħala l-aktar ġobon Daniż karatteristiku mill-ġobon kollu.

Id-“Danbo” huwa rikonoxxut bħala speċjalità ta’ oriġini Daniża. Skont stħarriġ reċenti tal-konsumaturi, il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi Daniżi huma familjari mad-“Danbo” u jassoċjawh mad-Danimarka. Minħabba li l-produzzjoni u l-konsum tad-“Danbo” huma kkonċentrati l-aktar fid-Danimarka, id-“Danbo” huwa magħruf l-aktar mal-konsumaturi Daniżi. L-istħarriġ wera li b’mod ġenerali l-għadd ta’ persuni mhux Daniżi li huma familjari mad-“Danbo” huwa baxx ħafna.

In-natura speċjali tal-ġobon, b’mod notevoli t-togħma ferm karatteristika tiegħu u l-konsistenza partikolari, jagħmlu d-“Danbo” tip ta’ ġobon uniku. Id-“Danbo” huwa l-aktar tip ta’ ġobon li jittiekel fid-Danimarka. Minħabba l-karattru partikolari tiegħu, jittiekel kważi mid-Daniżi biss.

Il-produzzjoni u l-konsum tad-“Danbo” huma kkonċentrati l-aktar fid-Danimarka u d-“Danbo” llum huwa meqjus bħala l-ġobon nazzjonali tad-Danimarka.

Il-ġobon “Danbo” ħa sehem f’wirjiet u f’kompetizzjonijiet kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali u rebaħ għadd kbir ta’ premjijiet. Id-“Danbo” ilu jżomm post permanenti fil-wirjiet nazzjonali għal aktar minn 100 sena. Kien u għad hemm ħafna u ħafna kampanji ta’ reklamar speċifikament relatati mad-“Danbo”, ġobon uniku li jaqdi l-ħtiġijiet tal-maġġoranza tal-konsumaturi ta’ ġobon tajjeb li huwa partikolarment adattat għat-tfettit. Ħafna xogħlijiet internazzjonali ta’ referenza dwar il-ġobon jirreferu għall-oriġini Daniża tal-ġobon. Id-“Danbo” jintuża wkoll f’għadd kbir ta’ riċetti Daniżi.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://foedevarestyrelsen.dk/Media/638931888219943336/Produktspecifikation%20for%20Danbo%20-%20110925.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6707/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)