SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘prodott bijoċidali’ – Kundizzjoni marbuta mal-‘użu intenzjonat’ tal-prodott – Prodotti magħmula mill-ħall intiżi li jintużaw kemm bħala prodotti tal-ikel kif ukoll bħala prodotti għat-tindif/għad-diżinfezzjoni ta’ dawn il-prodotti tal-ikel (‘prodotti multifunzjonali’) – Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012 – Artikolu 2(1) u (2) – Anness V – Lista tat-tipi ta’ prodotti bijoċidali koperti mir-Regolament – Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u protezzjoni tal-ambjent”

Fil-Kawża C‑473/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura

Speyer & Grund GmbH & Co. KG

vs

Werner & Mertz GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Piçarra u N. Fenger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Speyer & Grund GmbH & Co. KG, minn C. Eggers u C. Böhler, Rechtsanwälte,

–

għal Werner & Mertz GmbH, minn T. C. Körber u V. Warnecke, Rechtsanwälte,

–

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr, I. Galindo Martín u R. Lindenthal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2), tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 280, p. 57 u fil-ĠU 2023, L 71, p. 43), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 103, p. 22, rettifika fil-ĠU 2017, L 81, p. 20), u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1819, tat‑8 ta’ Awwissu 2019 (ĠU 2019, L 279, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-bijoċidi”), tal-Artikolu 1(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”), u tal-Artikolu 2(6)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84), kif emendat bir-Regolament CLP (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Speyer & Grund GmbH & Co. KG, kumpannija li tikkummerċjalizza u tippromwovi ċerti prodotti komposti mill-ilma kif ukoll mill-aċidu ċitriku u/jew mill-aċidu aċetiku, u Werner les Mertz GmbH, kumpannija li tikkummerċjalizza prodotti tat-tindif, dwar azzjoni għal kompetizzjoni żleali mressqa minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament dwar il-bijoċidi

3

Il-premessi 1, 3, 18 u 19 tar-Regolament dwar il-bijoċidi jistabbilixxu:

“(1)

Il-prodotti bijoċidali huma meħtieġa għall-kontroll ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-kontroll ta’ organiżmi li jikkawżaw ħsara lill-materjali naturali jew manifatturati. Madankollu, il-prodotti bijoċidali jistgħu joħolqu riskji għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom u l-modi ta’ użu assoċjati magħhom.

[…]

(3)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali fl-Unjoni waqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni kemm għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent. […] Dan ir-Regolament għandu jkun sostnut mill-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiġi żgurat li l-manifattura u t-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq ta’ sustanzi attivi u prodotti bijoċidali ma jirriżultawx f’effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew f’effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent. […]

[…]

(18)

Ċerti prodotti bijoċidali u oġġetti trattati kif definiti fir-Regolament huma wkoll regolati minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti marġnijiet ċari sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Lista tat-tipi ta’ prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament b’sett ta’ deskrizzjonijiet indikattivi fi ħdan kull tip għandha tiġi stabbilita f’Anness għal dan ir-Regolament.

(19)

Il-prodotti bijoċidali maħsuba sabiex jintużaw mhux biss għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda wkoll b’konnessjoni mal-apparat mediku, bħad-diżinfettanti użati sabiex jiġu diżinfettati s-superfiċji fl-isptarijiet u l-apparat mediku, jistgħu joħolqu riskji li mhumiex dawk ikkonċernati minn dan ir-Regolament. Għalhekk, tali prodotti bijoċidali għandhom ikunu konformi wkoll, minbarra mar-rekwiżiti stabbiliti b’dan ir-Regolament, mar-rekwiżiti essenzjali […]”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien ta’ gruppi vulnerabbli.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti bijoċidali u oġġetti ttrattati. Lista tat-tipi tal-prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament u d-deskrizzjonijiet tagħhom hija stabbilita fl-Anness V.

2.   Soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni espliċita għall-kuntrarju f’dan ir-Regolament jew f’leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prodotti bijoċidali jew oġġetti ttrattati li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti li ġejjin:

[…]

e)

ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319] […];

[…]

Minkejja l-ewwel subparagrafu, meta prodott bijoċidali jkun fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mill-istrumenti msemmija hawn fuq u jkun maħsub biex jintuża għal għanijiet mhux koperti minn dawk l-istrumenti, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak il-prodott bijoċidali safejn dawn l-għanijiet ma jkunux indirizzati minn dawk l-istrumenti.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

‘prodott bijoċidali’ tfisser

—

kwalunkwe sustanza jew taħlita, fl-għamla li jiġu fornuti lill-utent, li jikkonsistu minn, li fihom jew li jiġġeneraw sustanza attiva waħda jew aktar, bl-intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika;

[…]”

7

L-Anness V tar-Regolament dwar il-bijoċidi, intitolat “Tipi ta’ prodotti bijoċidali u d-deskrizzjonijiet tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)”, jipprovdi:

“Grupp Prinċipali 1. Disinfettanti

[…]

Tip ta’ prodott 4: Żoni tal-ikel u tal-għalf

Prodotti użati sabiex jiddiżinfettaw tagħmir, kontenituri, oġġetti tat-tisjir, superfiċji jew sistemi tal-pajpijiet assoċjati mal-produzzjoni, it-trasport, il-ħżin jew il-konsum tal-ikel jew l-għalf (inkluż l-ilma tax-xorb) għall-bnedmin u għall-annimali […]

Prodotti użati biex jiġu inkorporati f’materjali li jistgħu jiġu f’kuntatt mal-ikel.

Tip ta’ prodott 5: Ilma tax-xorb

Prodotti użati sabiex jiddiżinfettaw l-ilma tax-xorb, kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali.

[…]”

Ir-Regolament REACH

8

L-Artikolu 2 tar-Regolament REACH, intitolat “Applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ma għandhomx japplikaw għall-preparati li ġejjin fl-istat lest, maħsub għall-utent finali:

[…]

(d)

ikel […] konformi mar-Regolament (KE) Nru 178/2002 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel Regolament dwar l-Ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5)], inkluż l-użu:

(i)

bħala addittiv fi prodotti ta’ l-ikel […];

[…]”

9

L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti għal skedi ta’ data ta’ sigurtà”, li jinsab fit-Titolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni fil-katina tal-provvista”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li l-fornitur ta’ sustanza jew ta’ taħlita għandu jipprovdi lid-destinatarju tas-sustanza jew tat-taħlita dokument ta’ data tas-sigurtà stabbilit konformement mal-Anness II, meta sustanza jew taħlita tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala prodott perikoluż konformement mar-Regolament CLP.

Ir-Regolament CLP

10

L-Artikolu 1 tar-Regolament CLP jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal sustanzi u taħlitiet fil-forom li ġejjin, li huma fl-istat finali, maħsuba għall-utent finali:

[…]

e)

ikel jew oġġetti ta’ l-ikel kif definiti fir-Regolament [Nru 178/2002] inkluż meta jintużaw:

i)

bħala addittiv ta’ l-ikel f’oġġetti ta’ l-ikel […];;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Speyer & Grund tikkummerċjalizza u tippromwovi prodotti bit-trade mark “SURIG” u, b’mod partikolari, prodott kompost mill-ilma u mill-aċidu aċetiku (7.5 %), iddenominat “SURIG Essigspray UNIVERSAL”, kif ukoll prodott magħmul mill-ilma, mill-aċidu aċetiku (10 %) u mill-aċidu ċitriku (1.5 %), iddenominat “SURIG Essigspray EXTRA”.

12

Dawn il-prodotti huma kkummerċjalizzati fi fliexken tal-isprej trasparenti li t-tikketti tagħhom jinkludu, fil-parti ta’ quddiem, minbarra l-ismijiet tat-trade mark u tal-prodotti rispettivi, immaġni ta’ ħxejjex mhux ipproċessati, sink tal-kċina jleqq u timbru bil-kliem “kwalità tal-ikel iggarantita” u “100 % veġetali”. Fuq in-naħa ta’ wara ta’ dawn il-prodotti, it-tikketti jindikaw, fost l-oħrajn, l-informazzjoni segwenti: “Il-flixkun tal-isprej konvenjenti jippermetti li jiġu umidifikati faċilment l-insalati, il-frott u l-ħaxix. […] adattat mhux biss għal vinaigrettes tal-insalati delizzjużi, iżda jirfina pjatti oħra […]”.

13

Werner & Mertz, li tikkummerċjalizza prodotti tat-tindif, tqis li l-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni minn Speyer & Grund tal-prodotti SURIG Essigspray UNIVERSAL u SURIG Essigspray EXTRA, bħala prodotti tal-ikel, jiksru r-regoli ta’ kompetizzjoni leali, moqrija flimkien mar-Regolament dwar il-bijoċidi, ir-Regolament CLP u r-Regolament REACH, sa fejn ir-rekwiżiti ta’ ttikkettar u ta’ reklamar ma humiex osservati, u jistgħu, barra minn hekk, iqarrqu bil-konsumatur, peress li fir-realtà dawn huma prodotti tat-tindif.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Werner & Mertz talbet, essenzjalment, lil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) tordna lil Speyer & Grund tieqaf milli tikkummerċjalizza u/jew tippromwovi l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

15

Dik il-qorti laqgħet din it-talba billi qieset li dawn il-prodotti jikkostitwixxu prodotti bijoċidali.

16

Speyer & Grund appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja). Dik il-qorti, wara li qieset, essenzjalment, li dawn il-prodotti kienu jikkostitwixxu prodotti bijoċidali, peress li l-forma tal-flixkun, li l-pubbliku jassoċja esklużivament ma’ prodotti tat-tindif, u l-istampi li jinsabu fuq it-tikketti tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimmilitaw f’dan is-sens u peress li l-imsemmija prodotti b’użu doppju huma suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament dwar il-bijoċidi, mir-Regolament CLP u mir-Regolament REACH, ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni.

17

Adita b’appell għal reviżjoni ppreżentat minn Speyer & Grund, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, tistaqsi essenzjalment jekk prodotti b’użu doppju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-bijoċidi, tar-Regolament CLP u tar-Regolament REACH.

18

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-ewwel [inċiż] tal-Artikolu 3(1)(a) tar-[Regolament dwar il-bijoċidi] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-użu intenzjonat ta’ prodott li huwa [meħtieġ] sabiex ikollu l-kwalità ta’ prodott bijoċidali għandu jikkostitwixxi l-użu intenzjonat waħdieni jew prinċipali tiegħu, jew huwa biżżejjed li prodott ikun intenzjonat ukoll li jintuża bħala prodott bijoċidali, anki jekk b’mod sekondarju?

2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-[Regolament dwar il-bijoċidi], ikkunsidrata flimkien mal-Anness V tar-[Regolament dwar il-bijoċidi], għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott bijoċidali li jkun intiż (ukoll) li jintuża għat-tindif tal-prodotti tal-ikel jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament bħala prodott tat-tip ta’ prodotti 4 (Żoni tal-ikel u tal-għalf) tal-grupp 1 (Diżinfettanti)?

3)

Il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-[Regolament dwar il-bijoċidi] għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodott bijoċidali li jkun intiż (ukoll) li jintuża għat-tindif/għad-diżinfezzjoni ta’ prodotti tal-ikel jaqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 852/2004], u, b’mod partikolari, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament dwar il-bijoċidi], bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ esklużjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar?

4)

L-esklużjoni tal-prodotti tal-ikel mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament CLP], prevista fl-Artikolu 1(5)(e) tar-Regolament Nru 1272/2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li dan ir-regolament għandu jiġi applikat għal prodott li jkun fl-istess ħin prodott tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-[Regolament Nru 178/2002], u prodotti bijoċidali, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, minkejja l-esklużjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni iżda, jekk ikun il-każ, li l-funzjoni bijoċidali tkun predominanti?

5)

L-esklużjoni tal-prodotti tal-ikel mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu IV tar-[Regolament REACH], prevista fl-Artikolu 2(6)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex eskluża l-applikazzjoni tat-Titolu IV ta’ prodott fis-sens tar-raba’ domanda preliminari, minkejja l-inklużjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni iżda, jekk ikun il-każ, li l-funzjoni bijoċidali tkun predominanti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex prodott jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni, dan il-prodott għandu jkun intenzjonat għall-użu esklużiv jew prinċipali bħala bijoċidu, jew jekk dan l-użu jistax ikun biss anċillari meta mqabbel ma’ użijiet oħra.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, AFAÏA,C‑228/23, EU:C:2024:829, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, “prodott bijoċidali” tfisser “kwalunkwe sustanza jew taħlita, fl-għamla li jiġu fornuti lill-utent, li jikkonsistu minn, li fihom jew li jiġġeneraw sustanza attiva waħda jew aktar, bl-intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika”.

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-formolazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li prodott għandu jiġi kklassifikat bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tagħha, jekk jissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, dan il-prodott għandu jkun ikkostitwit minn “sustanza attiva” waħda jew iktar, jew għax ikun fih dawn is-sustanzi jew għax jiġġenerahom. It-tieni nett, l-imsemmi prodott għandu jkollu ċerti użijiet skopijiet, jiġifieri li jeqred, li jimpedixxi, jew li jrendi mhux dannużi l-organiżmi dannużi, li jipprevjeni l-azzjoni tagħhom jew li jeżerċita kontroll fuqhom. It-tielet nett, il-mod ta’ azzjoni tal-istess prodott għandu jkun “bi kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Biofa,C‑29/20, EU:C:2021:843, punti 26 u 28).

23

Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, li hija s-suġġett tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, mill-formolazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi ma jirriżultax li l-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, teħtieġ li dan il-prodott ikollu użu intenzjonat esklużiv jew predominanti bħala bijoċidu.

24

Fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi jirriżulta li, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja espressa li tinsab f’dan ir-regolament jew f’atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, l-imsemmi regolament ma japplikax għall-prodotti bijoċidali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti strumenti legali elenkati f’dan l-artikolu, bħar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

25

Dan premess, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi jinkludi deroga minn din ir-regola billi jipprevedi li, minkejja dan l-ewwel subparagrafu, fir-rigward ta’ prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt l-istrumenti elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, u intiżi għal użijiet mhux kopert minn dawn l-istrumenti, ser jiġi applikat ir-Regolament dwar il-bijoċidi, sa fejn dawn l-użijiet ma humiex indirizzati mill-imsemmija strumenti.

26

Barra minn hekk, kif huwa rifless fil-premessa 1 tar-Regolament dwar il-bijoċidi, il-prodotti bijoċidali jistgħu joħolqu diversi riskji għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent, b’mod partikolari minħabba l-użijiet assoċjati magħhom. Kif stabbilit fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, “[i]l-prodotti bijoċidali maħsuba sabiex jintużaw mhux biss għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda wkoll b’konnessjoni mal-apparat mediku […] jistgħu joħolqu riskji li mhumiex dawk ikkonċernati minn dan ir-Regolament [u g]ħalhekk, tali prodotti bijoċidali għandhom ikunu konformi wkoll, minbarra mar-rekwiżiti stabbiliti b’dan ir-Regolament, mar-rekwiżiti essenzjali [stabbiliti fl-istrumenti legali li jikkonċernaw dan l-apparat]”.

27

Minn dan isegwi li l-kuntest tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-prodotti multifunzjonali, fosthom l-użu bijoċidali, mingħajr ma ssuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal użu intenzjonat esklużivament bħala bijoċidali tal-prodott ikkonċernat.

28

Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala prodott bijoċidali, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-użu intenzjonat tiegħu, ma tistax tiġi eskluża għas-sempliċi raġuni li dan il-prodott ikollu diversi użijiet.

29

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, moqri fid-dawl tal-premessi 3 u 19 tiegħu, ma jinkludix preċiżazzjonijiet dwar in-natura jew l-intensità tal-użu bijoċidali, li jikkonferma li prodott li jkollu użu intenzjonat bħala bijoċidu ta’ natura anċillari ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

30

Qari ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti f’fehim wiesa’ tal-klassifikazzjoni ta’ prodott bijoċidali, fis-sens li din ma tkunx ikkundizzjonata b’użu intenzjonat esklużiv jew predominanti bħala bijoċidu, huwa konformi mal-għan tar-Regolament dwar il-bijoċidi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 3 tiegħu, li huwa, fost l-oħrajn, dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u ta’ protezzjoni tal-ambjent, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

31

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi fis-sens li kull użu intenzjonat bħala bijoċidu, anki jekk sempliċement sekondarju, ta’ prodott partikolari huwa biżżejjed sabiex jitqies li t-tieni kundizzjoni kumulattiva li għandu jissodisfa prodott bijoċidali, imsemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, tkun issodisfatta, hija intiża li tipproteġi, bl-istess mod, l-utenti kollha tal-prodotti bijoċidali, kemm jekk jużawhom konformement mal-użu intenzjonat bħala bijoċidu sekondarjament kif ukoll esklużivament jew prinċipalment.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar il-bijoċidi għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex prodott jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni, ma għandux neċessarjament ikollu użu intenzjonat esklużivament jew prinċipalment bħala bijoċidu, peress li dan l-użu jista’ jkun anċillari meta mqabbel ma’ użijiet oħra.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

33

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, moqri flimkien mat-tip ta’ prodott 4 tal-grupp 1 tal-Anness V ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott bijoċidali li huwa intiż għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-prodotti tal-ikel jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

34

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżami ta’ dawn id-domandi huwa bbażat fuq il-premessa, li tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li tgħid li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi għal użu doppju, bħala prodotti tal-ikel u bħala prodotti għat-tindif/għad-diżinfezzjoni ta’ dawn l-istess prodotti tal-ikel.

35

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-prodotti bijoċidali, dan ir-regolament għandu japplika għall-prodotti bijoċidali u għall-oġġetti ttrattati, b’lista tat-tipi ta’ prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-regolament u b’deskrizzjoni tagħhom fl-Anness V.

36

Kif iddikjarat fil-premessa 18 tar-Regolament dwar il-bijoċidi, ċerti prodotti bijoċidali huma rregolati wkoll b’atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni, u dan jeħtieġ demarkazzjoni ċara sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u, għaldaqstant, id-determinazzjoni ta’ “[l]ista tat-tipi ta’ prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament b’sett ta’ deskrizzjonijiet indikattivi fi ħdan kull tip” stabbiliti f’anness tiegħu.

37

Mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, moqri fid-dawl tal-premessa 18 tiegħu, jirriżulta għalhekk li l-lista ta’ prodotti koperti mill-Anness V ta’ dan ir-regolament għandha titqies li hija eżawrjenti. Fil-fatt, it-terminu “indikattiva” li jinsab f’din il-premessa jikkonċerna biss id-“deskrizzjonijiet” għal kull tip ta’ prodott u mhux il-“lista” tat-tipi ta’ prodotti bijoċidali.

38

Minn dan isegwi li, sabiex prodott partikolari jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-bijoċidi, is-sempliċi fatt li dan jissodisfa d-definizzjoni ta’ prodott bijoċidali stabbilita fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, ma huwiex suffiċjenti. Barra minn hekk, tali prodott għandu jikkorrispondi għal wieħed mit-tipi ta’ prodotti elenkati fl-Anness V tar-Regolament dwar il-prodotti bijoċidali.

39

F’dan ir-rigward, it-tip ta’ prodott 4, inkluż fil-grupp 1 tat-tipi ta’ prodotti intitolat “Disinfettanti”, fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, isemmi prodotti użati għad-diżinfezzjoni ta’ tagħmir, kontenituri, għodda tat-tisjir, superfiċji jew sistemi tal-pajpijiet assoċjati mal-produzzjoni, mat-trasport, mal-ħażna jew mal-konsum tal-ikel jew tal-għalf (inkluż l-ilma tax-xorb) intiż għall-bnedmin u għall-annimali, kif ukoll prodotti użati sabiex jiġu inkorporati f’materjal li jista’ jiġi f’kuntatt mal-ikel.

40

Mid-deskrizzjoni tal-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt it-tip ta’ prodott 4, inkluż fil-grupp 1 tat-tipi ta’ prodotti, fl-Anness V tar-Regolament dwar il-bijoċidi, jirriżulta li hemmhekk hemm riferiment għas-“superfiċji” mhux tal-prodotti tal-ikel infushom, iżda ta’ dawk li fuqhom ġie pproċessat dan l-ikel jew li kienu f’kuntatt mal-imsemmija prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, il-“prodotti” previsti f’din id-dispożizzjoni għandhom jinftiehmu bħala dawk użati għad-diżinfezzjoni ta’ materjal u superfiċji użati fil-kuntest ta’ diversi azzjonijiet li jikkonċernaw l-ikel u l-għalf.

41

Kuntrastament, dan it-tip ta’ prodott 4 ma jistax jinftiehem fis-sens li l-użijiet previsti f’dan it-tip ta’ prodott jikkonċernaw id-diżinfezzjoni ta’ prodott tal-ikel innifsu għall-finijiet tal-konsum eventwali tiegħu.

42

Għalkemm huwa minnu li t-tip ta’ prodott 5, intitolat “Ilma tax-xorb”, inkluż f’dan l-istess grupp 1 li jinsab fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda l-prodotti użati sabiex “jiddiżinfettaw l-ilma tax-xorb, kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali”, dan jikkonċerna biss l-ilma tax-xorb u mhux il-prodotti tal-ikel. Fil-fatt, li kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jkopri wkoll dawn il-prodotti tal-ikel, ir-riferiment għalihom kien ikun espressament inkluż f’dan l-anness, fid-dawl tal-importanza tas-sigurtà tal-imsemmija prodotti tal-ikel fi ħdan l-Unjoni.

43

Barra minn hekk, dan ir-riferiment għall-“ilma tax-xorb” ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li, fost il-prodotti bijoċidali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-bijoċidi, li jinsabu fl-Anness V ta’ dan tal-aħħar, jikklassifika prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-lista ta’ prodotti koperti minn dan l-anness hija ta’ natura eżawrjenti.

44

Għaldaqstant, għandu jitqies li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-użu intenzjonat tagħhom huwa kemm bħala prodott tal-ikel kif ukoll bħala prodott għat-tindif jew għad-diżinfezzjoni ta’ dawn l-istess prodotti, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-bijoċidi, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, moqri flimkien mat-tip ta’ prodott 4 tal-grupp 1 tal-Anness V ta’ dan ir-regolament.

45

Barra minn hekk, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rriproduċa, fir-Regolament dwar il-bijoċidi, it-tip ta’ prodott 4 li qabel kien jinsab fid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3), filwaqt li t-tip ta’ prodott 20 preċedenti intiż għall-prodotti użati għall-protezzjoni tal-ikel u tal-għalf permezz ta’ kontroll tal-organiżmi dannużi, li kien jinsab ukoll f’din id-direttiva, ma ġiex riprodott f’dan ir-regolament, jikkorrobora l-konklużjoni li l-prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt it-tipi ta’ prodotti li jinsabu fl-Anness V tal-imsemmi regolament.

46

Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament dwar il-bijoċidi, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tiegħu, għall-prodotti li l-użu intenzjonat tagħhom huwa kemm bħala prodott tal-ikel kif ukoll bħala prodott għat-tindif jew għad-diżinfezzjoni ta’ dawn l-istess prodotti tal-ikel, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, għalkemm l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tiegħu jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament il-prodotti bijoċidali li jaqgħu taħt l-istrumenti elenkati f’dan l-ewwel subparagrafu. B’mod partikolari, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi jipprovdi li, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja espliċita, dan ir-regolament ma japplikax għall-prodotti bijoċidali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni, fost l-oħrajn, tar-Regolament Nru 852/2004.

47

Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi jipprevedi eċċezzjoni għal din l-esklużjoni, billi jindika li, minkejja dak l-ewwel subparagrafu, meta prodott bijoċidali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti u jkun intiż għal użijiet mhux koperti mill-imsemmija strumenti, dan ir-regolament għandu japplika wkoll għal dan il-prodott bijoċidali sa fejn dawn l-użijiet ma jkunux indirizzati minn dawk l-istess strumenti.

48

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-użu intenzjonat tagħhom huwa kemm bħala prodott tal-ikel kif ukoll bħala prodott għat-tindif jew għad-diżinfezzjoni ta’ dan il-prodott, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minħabba li ma jissodisfawx il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati sussegwentement fir-rigward tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament dwar il-bijoċidi, moqri flimkien mat-tip ta’ prodott 4 tal-grupp 1 tal-Anness V ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott bijoċidali li jkun intiż għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ prodotti tal-ikel ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2014, u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1819, tat‑8 ta’ Awwissu 2019,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex prodott jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni, ma għandux neċessarjament ikollu użu intenzjonat esklużivament jew prinċipalment bħala bijoċidu, peress li dan l-użu jista’ jkun anċillari meta mqabbel ma’ użijiet oħra.

 

2)

L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 528/2012, kif emendat bir-Regolament Nru 334/2014 u bir-Regolament Delegat 2019/1819, moqri flimkien mat-tip ta’ prodott 4 tal-grupp 1 tal-Anness V ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

prodott bijoċidali li jkun intiż għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ prodotti tal-ikel ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.