|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/70 |
30.1.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006, (UE) Nru 528/2012, (UE) Nru 649/2012 u (UE) 2019/1021
(COM(2025) 386 final — 2025-207-COD)
(C/2026/70)
Relatur Ġenerali:
Maciej Dawid KUNYSZ|
Konsulent |
Frank ALLEN |
|
Proċedura leġiżlattiva |
|
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 6.10.2025 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.9.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea |
COM(2025) 386 final — 2025-207-COD Sommarju tad-dokument COM(2025) 386 final — 2025-207-COD |
|
Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) rilevanti |
SDG 16 — Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet b’Saħħithom |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
600 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
197/4/8 |
1. RAKKOMANDAZZJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)
|
1.1. |
jilqa’ r-Regolament propost tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li se joħloq qafas legali indipendenti biex l-ECHA tkun tista’ timmaniġġja d-dmirijiet dejjem akbar tagħha b’mod effiċjenti bil-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-KESE diġà talab għal dan l-iżvilupp fl-Opinjoni NAT/911 (1); |
|
1.2. |
jemmen li l-valutazzjonijiet xjentifiċi tas-sustanzi kimiċi għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli bħala parti mill-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-gruppi vulnerabbli jinsabu f’riskju akbar ta’ saħħa ħażina, ħsara jew sfruttament minħabba fatturi bħall-istatus soċjoekonomiku, l-età, is-saħħa jew l-emarġinazzjoni soċjali. Gruppi vulnerabbli komuni jinkludu t-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-migranti u r-rifuġjati, il-minoranzi razzjali u etniċi u dawk li jesperjenzaw il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar jew il-faqar. L-użu ta’ ċerti sustanzi kimiċi jista’ joħloq problemi partikolari għal gruppi bħal dawn. Il-KESE jħeġġeġ lill-Aġenzija tintegra l-perspettiva “Saħħa Waħda” fil-valutazzjonijiet kimiċi tagħha sabiex tindirizza aħjar ir-riskji li jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-gruppi vulnerabbli kif ukoll issaħħaħ il-governanza inklużiva, trasparenti u kkoordinata (2); |
|
1.3. |
jinnota li l-fattur li se jwassal għas-suċċess futur tal-Aġenzija huwa li jiġi żgurat li din tkun indipendenti u meqjusa bħala tali fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħha. Il-membri kollha tal-kumitat iridu jitqiesu bħala indipendenti u jkunu ġew aċċettati mill-pubbliku bħala indipendenti. Il-kwistjoni tal-kunflitti ta’ interess trid tkun ukoll kunsiderazzjoni ċentrali sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni mifruxa tal-opinjonijiet xjentifiċi; |
|
1.4. |
jirrakkomanda li l-proposti l-ġodda jiżguraw l-aktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti kollha li fihom data dwar is-sustanzi kimiċi u s-sorsi l-oħra kollha ta’ informazzjoni dwar id-data dwar is-sustanzi kimiċi. Dan se jiżgura l-aħjar kontribut possibbli għall-opinjonijiet xjentifiċi. Data akkademika indipendenti hija essenzjali, u huwa meħtieġ mekkaniżmu biex jiġi żgurat li titqies tali data; |
|
1.5. |
iqis li l-Bord tal-Appell, magħmul minn president u żewġ membri, huwa limitat u ristrett wisq biex jittratta b’mod adegwat id-diversi appelli li se jinqalgħu. Il-KESE jqis li l-Bord tal-Appell irid ikun magħmul minn aktar membri biex tiġi żgurata l-ġustizzja u t-trasparenza fis-sistema tal-appelli; |
|
1.6. |
jissottolinja li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jrid japplika sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika u l-ambjent f’każ li ma jiġux rimedjati opinjonijiet xjentifiċi diverġenti. Il-qafas regolatorju jrid dejjem jagħti prijorità lis-saħħa pubblika u lill-ambjent; |
|
1.7. |
jitlob li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-kumitati tal-ECHA u li jiġu introdotti indikaturi ta’ puntwalità u standards ta’ servizz. Dawn l-elementi kollha jridu jiġu rrapportati fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u fir-rapport annwali; |
|
1.8. |
jirrakkomanda li jiġi stabbilit Panel Konsultattiv tas-Soċjetà Ċivili permanenti għall-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA, u li jiġu ppubblikati l-opinjonijiet u l-minuti tiegħu; |
|
1.9. |
jappella għall-pubblikazzjoni proattiva ta’ kontributi mhux kunfidenzjali u sommarji b’lingwaġġ sempliċi ta’ opinjonijiet, deċiżjonijiet u rapporti (bl-Ingliż u bil-lingwi tal-Istati Membri rilevanti), flimkien ma’ metadata FAIR u API għall-użu mill-ġdid tad-data. Il-KESE huwa favur ukoll li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ eliġibbli jingħataw id-dritt li jindirizzaw lill-Bord tal-Appell, u li dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-tariffi. |
2. NOTI TA’ SPJEGAZZJONI
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.2
|
2.1. |
Evidenza akkademika indipendenti. Sabiex jittejbu t-trasparenza u l-fiduċja, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiżgura skrinjar sistematiku ta’ studji akkademiċi rieżaminati bejn il-pari għal kull opinjoni rilevanti u l-pubblikazzjoni ta’ rendikont tal-feedback pubbliku qasir li jispjega kif intużat evidenza indipendenti jew għaliex ma na ġietx ikkunsidrata. |
|
2.2. |
Gruppi vulnerabbli u esponiment kumulattiv. Il-KESE jenfasizza r-riskji sproporzjonati li jiffaċċjaw it-tfal, in-nisa tqal u li qed ireddgħu, l-individwi immunokompromessi u l-ħaddiema b’esponiment għoli, inkluż l-esponiment kumulattiv. Il-Kummissjoni tinnota li t-tfal, in-nisa tqal, u l-anzjani huma partikolarment sensittivi għal ċerti proprjetajiet perikolużi, u li l-konsumaturi u l-ħaddiema huma esposti għal firxa wiesa’ ta’ prodotti u postijiet tax-xogħol (3). L-estensjoni tal-approċċ ġeneriku għall-ġestjoni tar-riskju għandha l-għan li tiżgura protezzjoni aktar konsistenti tal-gruppi vulnerabbli (4). |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.3
|
2.3. |
Indipendenza u kunflitt ta’ interess Il-KESE jisħaq li l-indipendenza trid tkun tista’ tintwera. Il-linji gwida dwar il-kunflitt ta’ interess għandhom jistabbilixxu kriterji minimi, inkluż perjodu ta’ preklużjoni ta’ 24 xahar wara impjieg ma’ operaturi ekonomiċi vvalutati mill-Aġenzija, divulgazzjoni pubblika tal-interessi mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħat, u regoli ta’ rikuża. Dawn ir-regoli jridu jkopru l-membri, il-membri magħżula b’mod konġunt, il-konsulenti u l-esperti esterni involuti fl-abbozzar jew fir-rieżami tal-opinjonijiet. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li l-politiki u l-proċeduri tal-ECHA dwar il-kunflitt ta’ interess ma kinux kompluti u kienu inqas preċiżi, u rrakkomandat kriterji ċari u oġġettivi għall-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi u għall-indirizzar tar-riskji ta’ wara l-impjieg (5). |
|
2.4. |
Il-Bord tat-Tmexxija u s-soċjetà ċivili. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinkludi mill-inqas membru wieħed bidrittijiet tal-vot minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fl-oqsma tas-saħħa pubblika, l-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumatur, magħżul permezz ta’ proċedura miftuħa u nondiskriminatorja b’mandat limitat. Panel Konsultattiv tas-Soċjetà Ċivili permanenti għandu joħroġ opinjonijiet dwar id-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni, il-politika ta’ trasparenza, ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ interess u l-indikaturi tal-puntwalità. L-opinjonijiet u l-minuti tal-Panel għandhom jiġu ppubblikati. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.4
|
2.5. |
It-trasparenza u l-użu mill-ġdid tad-data. L-Aġenzija għandha tippubblika b’mod proattiv kontributi mhux kunfidenzjali u sommarji b’lingwaġġ sempliċi ta’ opinjonijiet, deċiżjonijiet u rapporti bl-Ingliż u bil-lingwi tal-Istati Membri rilevanti. Is-settijiet tad-data għandhom jinkludu metadata FAIR u jsiru disponibbli permezz ta’ API biex jippermettu analiżi u użu mill-ġdid indipendenti. |
Argumenti b’appoġġ għar-rakkomandazzjoni 1.5
|
2.6. |
Il-kapaċità u l-puntwalità. Minħabba l-kompetenzi usa’ tal-Aġenzija, il-KESE jitlob li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika (SEAC) u kumitati oħra u li jiġu introdotti indikaturi tal-puntwalità u standards tas-servizzi (eż. perċentwal ta’ opinjonijiet mogħtija fil-ħin, ħin medjan tal-ipproċessar u sistema trimestrali ta’ twissija bikrija). Ir-riżultati għandhom jiġu rrappurtati fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u fir-rapport annwali. Il-Parlament Ewropew jappella għal mudell ta’ finanzjament ġdid stabbli għall-ECHA u livelli adegwati ta’ persunal biex jiġu implimentati l-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi (6). |
|
2.7. |
Il-Bord tal-Appell — effetti tal-appelli. Sabiex jiġu ssalvagwardjati ċ-ċertezza legali u l-interess pubbliku, l-appelli ma għandux ikollhom effett sospensiv awtomatiku. Il-Bord tal-Appell jista’ jagħti s-sospensjoni biss meta jintwera każ prima facie ta’ dannu serju u irreparabbli, wara valutazzjoni tal-bilanċ tal-interessi. Il-KESE huwa favur ukoll li l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ eliġibbli jingħataw id-dritt li jaġixxu bħala intervenjenti jew amicus curiae, u li dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw eżenzjonijiet jew tnaqqis tat-tariffi. |
|
2.8. |
Standard ta’ konsultazzjoni pubblika. Għall-opinjonijiet ewlenin tal-kumitat u l-abbozz ta’ gwida, l-Aġenzija għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi li jdumu mill-inqas tmien ġimgħat u tippubblika rendikont tal-feedback pubbliku li jiġbor fil-qosor il-kontributi u t-tweġibiet tal-Aġenzija. Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar jirrikjedu konsultazzjonijiet pubbliċi obbligatorji bbażati fuq l-internet (minimu ta’ 12-il ġimgħa) għal inizjattivi bl-IA, u l-pubblikazzjoni ta’ sommarju fattwali qasir dwar il-kwistjonijiet ewlenin fi żmien 8 ġimgħat mill-għeluq (7). |
|
2.9. |
Baġit għall-parteċipazzjoni u t-trasparenza. Il-KESE jirrakkomanda intestatura baġitarja delimitata għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, li tkopri t-traduzzjonijiet, is-sommarji b’lingwaġġ sempliċi, il-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni ta’ esperti mingħajr skop ta’ qligħ, sabiex jiġi żgurat li t-trasparenza u l-involviment ikunu jistgħu jinkisbu b’mod konsistenti. |
3. EMENDI PROPOSTI GĦALL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Emenda 1
marbuta mar-rakkomandazzjoni 1.2
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4(2) |
|
Fit-twettiq tal-objettivi tagħha, l-Aġenzija għandu jkollha l-għan li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ sustanzi fis-suq intern u għall-koerenza u l-konsistenza fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi madwar l-Unjoni, filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni, billi tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju 121 u tippromwovi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali. |
Fit-twettiq tal-objettivi tagħha, l-Aġenzija għandu jkollha l-għan li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent , inkluża l-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ sustanzi fis-suq intern u għall-koerenza u l-konsistenza fil-valutazzjoni u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi madwar l-Unjoni, filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni, billi tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju 121 u tippromwovi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali. |
Raġuni
Il-gruppi vulnerabbli bħat-tfal jeħtieġu protezzjoni speċjali peress li jistgħu ma jkunux kompletament konxji tar-riskji assoċjati mal-kontenut kimiku ta’ prodotti partikolari.
Emenda 2
b’rabta mar-rakkomandazzjoni 1.3
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
Artikolu 14(1) |
Artikolu 14(1) |
|
Kull Stat Membru għandu jinnomina żewġ kandidati għas-sħubija fl-RAC u jista’ jinnomina sa żewġ kandidati addizzjonali. |
Kull Stat Membru għandu jinnomina żewġ kandidati għas-sħubija fl-RAC u jista’ jinnomina sa żewġ kandidati addizzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ linji gwida ċari għall-valutazzjoni tal-indipendenza u l-kunflitti ta’ interess tal-membri, il-membri magħżula b’mod konġunt, il-konsulenti u l-esperti kollha. |
Raġuni
Il-membri kollha tal-kumitati tal-ECHA jridu jitqiesu bħala indipendenti sabiex id-deċiżjonijiet tagħhom jitqiesu li huma ġusti u raġonevoli u mhux ikunu favur interessi personali. Il-kunflitti ta’ interess iridu jiġu ttrattati b’mod trasparenti sabiex il-pubbliku jkun jista’ jkollu fiduċja fid-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitati.
Emenda 3
b’rabta mar-rakkomandazzjoni 1.4
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
Artikolu 16(1) |
Artikolu 16(1) |
|
L-Aġenzija tista’ tiddependi fuq is-servizzi ta’ esperti biex iservu fi grupp ta’ ħidma tal-kumitati, tal-Forum, jew ta’ gruppi ta’ ħidma oħrajn tal-Aġenzija jew għat-twettiq ta’ kompiti oħrajn stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni, fejn dan ikun iġġustifikat mill-kuntest xjentifiku u tekniku, jew mil-livell għoli ta’ għarfien espert meħtieġ. Il-proċedura għall-użu tal-esperti u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan għandhom jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. |
L-Aġenzija tista’ tiddependi fuq is-servizzi ta’ esperti biex iservu fi grupp ta’ ħidma tal-kumitati, tal-Forum, jew ta’ gruppi ta’ ħidma oħrajn tal-Aġenzija jew għat-twettiq ta’ kompiti oħrajn stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni, fejn dan ikun iġġustifikat mill-kuntest xjentifiku u tekniku, jew mil-livell għoli ta’ għarfien espert meħtieġ. Il-proċedura għall-użu tal-esperti u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan għandhom jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. |
|
|
Għandha ssir dispożizzjoni biex isir użu sħiħ mill-għarfien siewi tar-riċerka indipendenti, bħal studji akkademiċi rieżaminati bejn il-pari li huma rilevanti għal skopijiet regolatorji. |
Raġuni
Id-data indipendenti tista’ tagħti kontribut sinifikanti għall-proċess regolatorju.
Emenda 4
b’rabta mar-rakkomandazzjoni 1.5
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
Artikolu 20(1) |
Artikolu 20(1) |
|
Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn President u żewġ membri oħrajn. |
Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn President u erba’ membri oħrajn. |
Raġuni
Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell propost hija ristretta wisq biex tittratta l-appelli potenzjali li se jinqalgħu fil-futur.
Emenda 5
b’rabta mar-rakkomandazzjoni 1.6
|
Test propost mill-Kummissjoni Ewropea |
Emenda tal-KESE |
|
Artikolu 45(3) |
Artikolu 45(3) |
|
L-Aġenzija u l-korp ikkonċernati għandhom jikkooperaw biex isolvu d-diverġenza. Jekk l-Aġenzija u l-korp ikkonċernati ma jkunux jistgħu jsolvu d-diverġenza, huma għandhom ifasslu rapport konġunt. Ir-rapport għandu jiddeskrivi b’mod ċar il-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi, jidentifika l-inċertezzi rilevanti fid-data u r-raġunijiet sottostanti għall-opinjonijiet diverġenti, inkluż dwar id-differenzi metodoloġiċi, u jkun disponibbli għall-pubbliku. Meta l-korp ikkonċernat ikun aġenzija tal-Unjoni jew kumitat xjentifiku, l-Aġenzija għandha tippreżenta r-rapport konġunt lill-Kummissjoni. |
L-Aġenzija u l-korp ikkonċernati għandhom jikkooperaw biex isolvu d-diverġenza. Jekk l-Aġenzija u l-korp ikkonċernati ma jkunux jistgħu jsolvu d-diverġenza, huma għandhom ifasslu rapport konġunt. Ir-rapport għandu jiddeskrivi b’mod ċar il-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi, jidentifika l-inċertezzi rilevanti fid-data u r-raġunijiet sottostanti għall-opinjonijiet diverġenti, inkluż dwar id-differenzi metodoloġiċi, u jkun disponibbli għall-pubbliku. Meta l-korp ikkonċernat ikun aġenzija tal-Unjoni jew kumitat xjentifiku, l-Aġenzija għandha tippreżenta r-rapport konġunt lill-Kummissjoni. Fil-każ ta’ diverġenzi xjentifiċi serji, għandu japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika u l-ambjent. |
Raġuni
In-nuqqas li jiġu rrimedjati opinjonijiet xjentifiċi diverġenti huwa kwistjoni serja u għalhekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni jrid japplika sakemm ikunu jistgħu jiġu solvuti tali kwistjonijiet.
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjattaforma komuni tad-data dwar is-sustanzi kimiċi, li jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat li d-data li tinsab fiha tkun traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli u li jistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva għas-sustanzi kimiċi u — Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 401/2009, (UE) 2017/745 u (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-attribuzzjoni mill-ġdid ta’ kompiti xjentifiċi u tekniċi u t-titjib tal-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tas-sustanzi kimiċi u — Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-attribuzzjoni mill-ġdid ta’ kompiti xjentifiċi u tekniċi lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU C, C/2024/3381, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3381/oj).
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Pjaneta b’saħħitha għal nies b’saħħithom: lejn approċċ komprensiv “Saħħa Waħda” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2026/16, 16.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/16/oj).
(3) Il-Kummissjoni Ewropea, COM(2020) 667, it-taqsima 2.2.1.
(4) Il-Kummissjoni Ewropea, COM(2020) 667, it-taqsima 2.2.1.
(5) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 15/2012.
(6) Il-Parlament Ewropew, Kwittanza 2020: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, 4 ta’ Mejju 2022, P9_TA(2022)0174.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea — Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar (SWD(2021) 305 final), 3 ta’ Novembru 2021.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/70/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)