European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2314

21.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2314

tad-19 ta’ Ottubru 2026

li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014 (2) (“ir-Regolament anti-dumping oriġinali”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”).

(2)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1394 (3), wara investigazzjoni mill-ġdid kontra l-assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4), il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju anti-dumping impost mir-regolament anti-dumping oriġinali.

(3)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080 (5) (ir-“rieżami ta’ skadenza preċedenti”), il-Kummissjoni estendiet, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping definittiv għal 5 snin oħra (“il-miżuri fis-seħħ”). Id-dazji anti-dumping individwali jvarjaw minn 17,5 % għal 75,4 %. Il-kumpaniji l-oħra kollha huma soġġetti għal dazju anti-dumping li japplika għall-pajjiż kollu ta’ 67,1 % (“il-miżuri fis-seħħ”).

(4)

Fi proċedimenti separati, il-Kummissjoni imponiet dazji kompensatorji li jvarjaw minn 3,2 % għal 17,1 % f’Mejju 2014 (6). Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081 (7) (ir-“rieżami ta’ skadenza preċedenti”), il-Kummissjoni estendiet, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), id-dazju kompensatorju definittiv għal 5 snin oħra.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-iskadenza imminenti (9), il-Kummissjoni Ewropea rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba għal rieżami ġiet ippreżentata fit-18 ta’ April 2025 minn Interfloat Group, jiġifieri, Interfloat Corporation u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“l-applikanti”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet imsejsa fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(7)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat lill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, fit-22 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10) (“in-Notifika tal-Bidu”).

1.4.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu kkunsidrat

(8)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.5.   Partijiet interessati

(9)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikanti, lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-utenti tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni, lill-produtturi magħrufa fir-RPĊ u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi, l-utenti, in-negozjanti magħrufa, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-iskadenza, u stednithom jipparteċipaw.

(10)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(11)

Parti waħda talbet seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2026, saret seduta ta’ smigħ bejn il-Kummissjoni u Solar Heat Europe, assoċjazzjoni li tirrappreżenta diversi utenti attivi fit-teknoloġija tas-sħana solari. Is-seduta ta’ smigħ ikkonċernat l-investigazzjonijiet tar-rieżami, li għalihom irreġistraw bħala parti interessata u qajmu argumenti li huma spjegati f’aktar dettall fit-taqsima 7.2.

1.6.   Kampjunar

(12)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(13)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, minkejja li l-ikkampjunar tal-produtturi tal-Unjoni ma kienx neċessarju f’dan il-każ, minħabba l-għadd żgħir ta’ produtturi fl-Unjoni Ewropea li ppreżentaw ruħhom. Il-kampjun kien jikkonsisti miż-żewġ produtturi tal-Unjoni elenkati fit-talba għal rieżami. F’dak il-mument, iż-żewġ produtturi kienu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-Unjoni li huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma sar l-ebda kumment. Il-kampjun jikkonsisti miż-żewġ kumpaniji li ġejjin:

—

AGC Glass Europe(“AGC”);

—

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“GMB”) u Interfloat Corporation (“Interfloat Group”).

Kampjunar tal-importaturi

(14)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(15)

Żewġ importaturi inizjalment ippreżentaw ruħhom, UAB Soli Tek Cells (“Soli Tek”) u Sunerg Solar Energy (“Sunerg”), u ntbagħtilhom il-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati. Wara li waslet it-tweġiba għall-kwestjonarju mingħand Soli Tek, ġie konkluż li din il-kumpanija hija utent minflok importatur. Konsegwentement, il-Kummissjoni talbithom jimlew il-kwestjonarju tal-utenti. Sunerg ma weġibx għall-kwestjonarju.

Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(16)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (GTĊ).

(17)

Ebda produttur esportatur mir-RPĊ ma kkoopera.

(18)

Konsegwentement, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-RPĊ permezz tan-Note Verbale tal-5 ta’ Novembru 2025, li kellha l-ħsieb li tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku meta teżamina l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping. L-awtoritajiet tar-RPĊ ma rrispondewx għan-Note Verbale.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(19)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”). Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju.

(20)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti, lill-produttur l-ieħor tal-Unjoni u lill-utenti biex jimlew il-kwestjonarji, li kienu disponibbli fuq is-sit web tagħha (11) fil-jum tal-bidu. Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produtturi (GMB/Interfloat, u AGC) u mingħand l-utenti (Soli Tek, SOLVIS u Bisol). Intbagħtu ittri dwar in-nuqqasijiet lil GMB u lil Interfloat, lil AGC, u lil SOLVIS.

(21)

L-applikanti naqsu milli jippreżentaw il-makrokwestjonarju minkejja diversi talbiet mis-servizzi tal-Kummissjoni. Bisol ippreżenta tweġiba b’ħafna insuffiċjenzi għall-kwestjonarju, u ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

1.8.   Verifika

(22)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu u tal-interess tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku, twettqu żjarat ta’ verifika fil-kumpaniji li ġejjin:

Kumpanija tal-bejgħ relatata mal-Unjoni:

—

Interfloat Coporation, Rugell, il-Liechtenstein;

Utenti:

—

Soli Tek Cells, permezz ta’ vidjokonferenza;

—

SOLVIS, permezz ta’ vidjokonferenza.

(23)

Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ppermettietx li jsiru ż-żjarat ta’ verifika. Iż-żewġ produtturi waqqfu l-produzzjoni fil-bidu tal-2025. L-applikant, GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, ressaq rikors għal insolvenza f’Novembru 2025, u kkanċella fi żmien qasir iż-żjarat ta’ verifika skedati f’żewġ okkażjonijiet. Il-produttur l-ieħor, AGC, ma setax jirċievi t-tim tal-każ tal-Kummissjoni minħabba l-waqfien tal-produzzjoni. Abbażi ta’ dan u fin-nuqqas ta’ assoċjazzjoni ddedikata (12), sehem sostanzjali ta’ informazzjoni ma ġiex ippreżentat u ma setax jiġi vverifikat mill-Kummissjoni.

(24)

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu kontroverifika mill-bogħod tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti msemmija hawn fuq.

1.9.   Proċedura sussegwenti

(25)

Fit-28 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha tħassar id-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(26)

Wara d-divulgazzjoni, ma ġie rċevut l-ebda kumment u l-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(27)

Il-prodott taħt rieżami huwa ħġieġ solari li jikkonsisti minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut ta’ ħadid ta’anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li għandu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85) (“il-prodott taħt rieżami”). Il-ħġieġ solari soġġett għad-dazju anti-dumping jinkludi l-ħġieġ kollu li jissodisfa l-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi msemmijin hawn fuq, kemm jekk jintuża għall-moduli fotovoltajċi, għall-kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti, għall-għamara, biex jinbnew is-serer, jew għal użi oħra.

(28)

Il-ħġieġ solari jista’ jkollu disinn jew le, b’superfiċe trasparenti jew diffuża, b’tipi ta’ xfarijiet differenti. Jista’ jkun hemm disinn differenti fuq iż-żewġ naħat tal-ħġieġa, jew id-disinn jista’ jkun fuq naħa waħda biss. Il-ħġieġ jista’ jkun imtaqqab, u jista’ jiġi wkoll stampat permezz tal-applikazzjoni ta’ kuluri taċ-ċeramika, pereżempju. Is-superfiċe tal-ħġieġ tista’ tiġi trattata bl-użu ta’ teknoloġiji differenti. L-aktar waħda komuni hija kisja antiriflessiva li tiġi applikata qabel jew wara l-proċess tal-ittemprar. Teknoloġiji oħra jippermettu li l-ħġieġ solari jinkesa b’saffi funzjonali rqaq li jipprovdu proprjetajiet ta’ trażmittenza akbar, awtopulitura, kontra l-ħmieġ jew ta’ ebusija.

(29)

Il-ħġieġ solari huwa wieħed mill-komponenti li jintużaw biex isiru l-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u moduli fotovoltajċi b’rita rqiqa għall-produzzjoni tal-elettriku (il-“moduli PV”), kif ukoll kolletturi tal-enerġija fototermali ċatti użati, pereżempju, biex jiġi ġġenerat il-misħun (il-“moduli fototermali”). Jintuża wkoll għall-bini tas-serer (l-hekk imsejjaħ “ħġieġ ortikulturali” jew “ħġieġ tas-serer”).

2.2.   Prodott ikkonċernat

(30)

Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami, li joriġina mir-RPĊ li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85).

2.3.   Prodott simili

(31)

Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti, il-ħġieġ solari prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-ħġieġ solari prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-ħġieġ solari importat fl-Unjoni mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali. Għalhekk, dawn jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(32)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari mir-RPĊ komplew. Skont id-data tal-Eurostat, l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari mir-RPĊ ammontaw għal madwar 3 % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 30,5 % matul l-investigazzjoni oriġinali u 9 % matul ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti.

(33)

Kif imsemmi fil-premessa (17), l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi mir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-RPĊ li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward tar-RPĊ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta f’dan ir-rigward.

(34)

Fil-5 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li, minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-esportaturi/produtturi fir-RPĊ, kien beħsiebha tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni saħqet ukoll li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun anqas favorevoli għall-parti kkonċernata u stednithom biex jikkummentaw. Il-GTĊ ma pprovda l-ebda kumment.

(35)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari fuq dawk li jinsabu fit-talba għal rieżami u fl-informazzjoni pprovduta mill-Eurostat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament bħall-Global Trade Atlas (13) (“GTA”), l-Istitut Tork tal-Istatistika (14) (“TurkStat”), GlobalPetrolPrices (15), l-Awtorità Regolatorja tas-Suq tal-Enerġija tar-Repubblika tat-Turkija (16) u l-Uffiċċju tal-Investiment tal-Presidenza tar-Repubblika tat-Turkija (17).

3.1.1.   Dumping

Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għall-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-RPĊ

(36)

Minħabba li l-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni għandha t-tendenza li turi, fir-rigward tar-RPĊ, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b), tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat il-valur normali abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(37)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li kienet se tuża l-fatti disponibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ.

(38)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ kien it-Turkija, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, bil-għan li tiddetermina l-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kienet se teżamina pajjiżi xierqa possibbli oħra f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(39)

Fit-30 ta’ April 2026, il-Kummissjoni informat permezz ta’ nota dwar il-fatturi tal-produzzjoni (“in-Nota tal-FOP”) lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li kien beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali, bit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv. F’dik in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija li jintużaw fil-produzzjoni tal-ħġieġ solari. Informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amminsitrattivi u l-profitti abbażi ta’ informazzjoni disponibbli għall-kumpanija Türkiye Şişe ve Cam Fabrikaları A.Ş, produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Ma wasal l-ebda kumment.

Valur normali

(40)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(41)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “[f]il-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem “SG & A”).

(42)

Kif huwa spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli li turi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-pajjiż esportatur, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GTĊ u mill-produtturi esportaturi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(43)

Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, “[i]d-distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

—

is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur,

—

il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet,

—

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles,

—

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji u l-proprjetà,

—

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni,

—

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat”.

(44)

Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) għandha tqis, fost l-oħrajn, il-lista mhux eżawrjenti ta’ elementi elenkati fih. Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, fil-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, għandu jitqies l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew ta’ aktar minn dawk l-elementi fuq il-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur tal-prodott taħt rieżami. Fil-fatt, peress li dik il-lista ma hijiex kumulattiva, ma hemmx bżonn li jiġu stabbiliti l-elementi kollha biex ikun hemm sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw sabiex tintwera l-eżistenza ta’ element wieħed jew aktar tal-lista. Madankollu, kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir abbażi tal-evidenza kollha disponibbli. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur, b’mod partikolari fejn l-elementi fundamentali tal-istruttura ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż esportatur jipprovdu lill-gvern b’setgħat sostanzjali sabiex jintervjeni fl-ekonomija b’tali mod li l-prezzijiet u l-kostijiet ma jkunux ir-riżultat tal-iżvilupp ħieles tal-forzi tas-suq.

(45)

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jipprevedi li “[f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur”.

(46)

Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet rapport tal-pajjiż dwar iċ-Ċina (18) (“ir-Rapport dwar iċ-Ċina”), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’ħafna fatturi ewlenin tal-produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u l-manodopera), kif ukoll f’setturi speċifiċi (bħall-azzar u s-sustanzi kimiċi). Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jirribattu, jikkummentaw jew jissupplimentaw l-evidenza li tinsab fil-fajl tal-investigazzjoni fil-mument tal-bidu, li r-Rapport kien parti integrali minnu. Ma wasal l-ebda kumment.

(47)

It-talba għal rieżami ppreżentata mill-applikanti pprovdiet evidenza addizzjonali dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-ħġieġ solari skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), li tikkomplementa r-Rapport. Din l-evidenza hija relatata ma’ diversi distorsjonijiet u tista’ tinsab fit-taqsima ta’ hawn taħt mill-premessa (49) sa (76).

(48)

Kif huwa indikat fil-premessa (19), il-GTĊ la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti fil-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali pprovduta mill-applikanti, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(49)

L-ewwel nett, l-evidenza li tinsab fit-talba kienet tinkludi informazzjoni li allegat li s-suq Ċiniż huwa rregolat minn distorsjonijiet sistemiċi li japplikaw għas-settur tal-ħġieġ solari u għall-ekonomija kollha. Għalhekk, it-talba stabbiliet li l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-ħġieġ solari, kif ukoll il-kostijiet kollha tal-input (il-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) ma jistgħux jintużaw minħabba distorsjonijiet li jirriżultaw minn intervent sostanzjali tal-gvern. Il-GTĊ jintervjeni fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista tal-ħġieġ solari, u dan joħloq sitwazzjoni fejn l-inputs relevanti kollha huma affettwati b’mod jew ieħor minn distorsjonijiet mill-gvern. B’mod partikolari, it-talba semmiet l-elementi li ġejjin li juru l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti (19):

—

is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

—

il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

—

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles; in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji u l-proprjetà;

—

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

—

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

Is-suq tal-ħġieġ solari li jiġi servut sa grad sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

(50)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni miċ-Ċina, il-Kummissjoni kellha tiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli dwar l-istruttura tas-sjieda tal-kumpaniji attivi fis-settur tal-ħġieġ solari fir-RPĊ.

(51)

Fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, il-Kummissjoni sabet li s-settur tal-ħġieġ solari fir-RPĊ kien moqdi b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni jew il-gwida tal-politika mill-awtoritajiet Ċiniżi. Il-Kummissjoni identifikat diversi produtturi ewlenin bħala intrapriżi proprjetà tal-Istat, inkluż Dongguan CSG Solar Glass taħt CSG Holding, Luoyang Glass u CNBM, filwaqt li nnotat ukoll li anke gruppi apparentement privati bħal Xinyi Solar Holdings u Flat Glass Group kienu soġġetti għall-qafas usa’ ta’ influwenza mill-Istat u kontroll tal-Partit (20). It-talba għal rieżami kkonfermat li diversi produtturi Ċiniżi ewlenin għadhom proprjetà tal-Istat jew influwenzati mill-Istat u li l-akbar żewġ produtturi joperaw f’sistema fejn l-istrutturi tal-Partijiet u s-superviżjoni tal-politika tal-Istat jibqgħu inkorporati fil-governanza korporattiva.

(52)

Il-GTĊ u l-Partit Komunista Ċiniż (CCP) iżommu strutturi li jiżguraw l-influwenza kontinwa tagħhom fuq l-intrapriżi, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi proprjetà tal-Istat (“SOEs”). L-Istat (u f’ħafna aspetti anke s-CCP) mhux biss jifformula u jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi ġenerali minn SOEs individwali, iżda jiddikjara wkoll id-drittijiet tiegħu li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali fl-SOEs. Tipikament, dan isir permezz tar-rotazzjoni ta’ cadres bejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-SOEs, permezz tal-preżenza ta’ membri tal-partit fuq il-korpi eżekuttivi tal-SOEs u ta’ ċelloli tal-partit fil-kumpaniji, kif ukoll permezz tat-tiswir tal-istruttura korporattiva tas-settur tal-SOEs. Min-naħa tagħhom, l-SOEs igawdu status partikolari fl-ekonomija Ċiniża, li jinvolvi għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, b’mod partikolari l-protezzjoni mill-kompetizzjoni u l-aċċess preferenzjali għal inputs rilevanti, inklużi l-finanzi.

(53)

Fir-rigward tas-superviżjoni u tal-gwida tal-politika mill-Istat fis-settur tal-ħġieġ solari, anke l-produtturi tal-ħġieġ solari privati ma jitħallewx joperaw f’kundizzjonijiet ta’ suq ħieles. Bil-livell għoli ta’ intervent tal-gvern fl-industrija tal-ħġieġ solari u b’sehem importanti ta’ SOEs fis-settur, anke l-produtturi bi sjieda privata ma jitħallewx joperaw skont il-kondizzjonijiet tas-suq.

Preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet

(54)

Il-kumitat tas-CCP jimmonitorja l-konformità tal-kumpanija mal-politiki tal-gvern, l-implimentazzjoni tal-linji gwida tas-CCP, il-ħatra tal-maniġment jew tal-membri tal-bord, u huwa involut fid-deċiżjonijiet importanti tal-kumpanija. (21) Id-diversi Kummissjonijiet ta’ Superviżjoni u Amministrazzjoni tal-Assi tal-Kunsill tal-Istat (“SASACs”) lokali li huma proprjetà tal-Istat għandhom is-setgħat li jiżguraw b’mod effettiv il-kontroll fuq il-kompożizzjoni tal-korpi statutorji tal-kumpaniji, u l-ogħla maniġers tal-SOE jalternaw bejn l-SOEs u l-funzjonijiet tal-gvern. Fil-prattika, il-maniġment jaċċetta l-gwida tal-GTĊ, li bi skambju għaliha l-kumpanija tirċievi trattament preferenzjali f’opportunitajiet ta’ negozju u f’vantaġġi finanzjarji. L-Istat jinterferixxi wkoll f’kumpaniji privati b’mezzi aktar indiretti, bħall-politika ta’ fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet biex jikkostitwixxi kumpaniji promoturi, it-tmexxija tal-investiment permezz tal-kontroll tal-istituzzjonijiet bankarji u l-preżenza mifruxa fis-swieq finanzjarji. Dawn il-lievi ta’ influwenza jippermettu lill-GTĊ jiffavorixxi kumpaniji fuq oħrajn billi, pereżempju, jagħti aċċess preferenzjali għall-finanzjament lil dawk il-kumpaniji li huma allinjati mal-politika industrijali tal-Istat.

(55)

Il-GTĊ għandu wkoll preżenza ta’ distorsjoni f’kumpaniji upstream li joperaw kemm fil-livell tal-materja prima użata bħala inputs għall-ħġieġ solari, kif ukoll fil-provvista tal-enerġija.

(56)

Pereżempju, Sinopec Group, ikkontrollat bis-sħiħ mill-gvern ċentrali Ċiniż permezz ta’ SASAC, jiddeskrivi lilu nnifsu bħala l-“bażi ta’ produzzjoni nazzjonali” ta’ sustanzi kimiċi inorganiċi, organiċi u fini. Huwa ddikjara l-pożizzjoni tiegħu bħala strument tal-politika ekonomika Ċiniża u f’diversi każijiet issottolinja l-aderenza tiegħu mal-prinċipji tal-partijiet. Kif ikkonfermat investigazzjoni tal-Kummissjoni: “Fl-2018, il-kumpanija aderixxiet mal-gwida tal-ideoloġija soċjalista tal-era l-ġdida ta’ Xi Jinping b’karatteristiċi Ċiniżi u l-ispirtu tad-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit, implimentat bis-sħiħ ir-rekwiżiti ġenerali għall-bini tal-partiti fl-era l-ġdida, iffokat mill-qrib fuq l-iskjerament strateġiku tal-bini ta’ intrapriża ta’ klassi dinjija, u mmexxija mill-kostruzzjoni politika, saħħet b’mod vigoruż il-bini tal-kapaċitajiet tal-kumitati tal-partit ta’ intrapriżi bi sjieda proprjetà diretta biex jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni ġenerali, timplimenta b’mod vigoruż il-proġett ta’ titjib organizzazzjonali tal-organizzazzjoni tal-għeruq tal-partit, issaħħaħ b’mod vigoruż il-vitalità tal-uffiċjali tat-tim u l-intraprenditorija, tikkoordina u ssaħħaħ il-ħidma kollha tal-bini tal-partiti u ttejjeb kontinwament il-kwalità tal-kostruzzjoni tal-partiti sabiex jipprovdi garanzija b’saħħitha għall-bini ta’ Sinopec f’intrapriża ta’ klassi dinjija b’kompetittività globali. L-għaqda, l-edukazzjoni u l-gwida tal-membri u l-cadres tal-partiti jkomplu jsaħħu l-għarfien tal-kisba b’mod riżolut ta’ ‘żewġ salvagwardji’ u jipprattikaw il-lealtà lejn il-partit b’azzjonijiet prattiċi” (22).

(57)

Is-suq tal-elettriku fiċ-Ċina huwa kkaratterizzat minn involviment qawwi tal-SOEs fl-istadji kollha tal-katina ta’ provvista (23). Madwar 50 % tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni hija proprjetà tal-Istat, filwaqt li l-grilja tat-trażmissjoni kollha hija proprjetà ta’ żewġ SOEs. Il-preżenza qawwija tal-Istat testendi għas-settur kollu tal-enerġija, u minn aktar minn mitt SOE li huma proprjetà ċentrali li attwalment qed jiġu ssorveljati mill-SASAC, 21 jinsabu fis-settur tal-enerġija. Dan minbarra l-prattika ta’ xi provinċji Ċiniżi li joffru prezzijiet tal-enerġija preferenzjali biex jattiraw l-investiment fiż-żoni ekonomiċi u fil-parks industrijali (24).

(58)

Diversi aspetti tal-politiki tal-gvern Ċiniż iservu wkoll biex ifixklu l-prezzijiet tal-elettriku. L-ewwel waħda hija li l-Kummissjoni Regolatorja tal-Istat għall-Elettriku (“SERC”), ir-regolatur indipendenti tal-elettriku taċ-Ċina, ma tistabbilix il-prezzijiet tal-elettriku. Minflok, il-prezzijiet huma stabbiliti mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma (NDRC), l-awtorità tal-gvern li għandha wkoll awtorità fuq il-politiki industrijali. It-tieni waħda hija li filwaqt li l-elettriku huwa wieħed mill-inputs ewlenin fil-manifattura tal-ħġieġ solari, il-prezzijiet tal-elettriku ma humiex ibbażati fuq is-suq fir-RPĊ, u huma affettwati wkoll minn distorsjonijiet sinifikanti (permezz tal-istabbiliment tal-prezzijiet ċentrali, id-differenzjazzjoni tal-prezzijiet u fil-prattiki diretti tax-xiri tal-enerġija). Il-produzzjoni tal-gass naturali fiċ-Ċina hija rregolata u kkontrollata wkoll mill-Istat Ċiniż li jwassal għal distorsjonijiet permezz ta’ diversi mekkaniżmi, peress li l-prezzijiet għall-gass naturali domestiku huma rregolati mill-NDRC, li tippubblika l-prezzijiet applikabbli għal kull provinċja f’Avviżi, u mbagħad l-uffiċċji lokali tal-prezzijiet jippubblikaw avviż korrispondenti fil-livell lokali li jimplimenta l-prezzijiet deċiżi mill-NDRC ċentrali. (25)

(59)

Fil-qosor, il-prezzijiet tal-enerġija fiċ-Ċina għadhom ma humiex ibbażati fuq is-suq, u l-prezzijiet għadhom fil-biċċa l-kbira kkontrollati mill-Istat. L-impatt ta’ dawn id-distorsjonijiet jikkonsisti f’li jippermettu lill-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari jibbenefikaw minn tariffi tal-enerġija mnaqqsa u b’hekk inaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħu fis-suq lokali.

Politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi

(60)

B’mod ġenerali, is-sistema ta’ ppjanar fir-RPĊ tirriżulta f’riżorsi li jiġu diretti lejn setturi mfassla bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jiġu allokati skont il-forzi tas-suq.

(61)

Għadd ta’ produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari (26) huma rikonoxxuti bħala intrapriżi nazzjonali ta’ teknoloġija avvanzata u/jew ċentri tat-teknoloġija tal-intrapriżi fil-livell nazzjonali u/jew tal-provinċji lokali. L-istatus ta’ HNTE (Intrapriża ta’ Teknoloġija Avvanzata u Ġdida) jikkwalifika lill-kumpanija għal rata tat-taxxa korporattiva ta’ 15 % (kontra l-istandard ta’ 25 %) irrispettivament mit-tip ta’ investiment tal-kumpanija. Normalment, l-istatus ta’ HNTE jingħata mill-awtoritajiet tat-taxxa provinċjali għal faċilitajiet u għal impjanti tal-kumpaniji li jinsabu f’dawk il-provinċji.

(62)

Distorsjonijiet oħra jirriżultaw mill-benefiċċji mogħtija taħt il-programmi tal-gvern ċentrali u lokali għal parks industrijali jew kimiċi u l-hekk imsejħa Żoni ta’ Żvilupp Industrijali ta’ Teknoloġija Avvanzata.

In-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji u l-proprjetà, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tagħhom

(63)

Is-sistema Ċiniża ta’ falliment ma tilħaqx b’mod adegwat l-objettivi ewlenin tagħha stess, bħas-saldu ġust tal-pretensjonijiet u tad-djun u li tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-kredituri u tad-debituri (27). Dan huwa msejjes fuq il-fatt li s-sistema Ċiniża ta’ falliment hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ każijiet ta’ falliment, li huwa baxx ħafna għal ekonomija tad-daqs taċ-Ċina, jindika kwistjonijiet serji bl-infurzar tal-liġijiet dwar il-falliment, li jirriżultaw minn difetti f’dawn il-liġijiet, kif ukoll mill-implimentazzjoni inadegwata tagħhom. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza għadu b’saħħtu u attiv, u spiss ikollu influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti.

(64)

Rigward il-liġijiet fil-qasam tal-proprjetà, is-supremazija tas-sjieda pubblika fuq dik privata huwa mifrux fis-sistema legali kollha u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fil-leġiżlazzjoni prinċipali kollha. Il-liġi Ċiniża fil-qasam tal-proprjetà hija eżempju prim: din tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bil-ħarsien tas-sistema ekonomika bażika li permezz tagħha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti.

(65)

L-istess bħal setturi oħra fl-ekonomija Ċiniża, il-produtturi Ċiniżi tal-ħġieġ solari huma soġġetti għar-regoli regolari dwar il-liġijiet Ċiniżi dwar il-fallimenti, il-kumpaniji u l-proprjetà. Dawn il-kumpaniji, ukoll, huma soġġetti għad-distorsjonijiet minn fuq għal isfel li jirriżultaw mill-applikazzjoni diskriminatorja jew mill-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-fallimenti u l-proprjetà. Bħala tali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-fallimenti u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost, u b’hekk jiġġeneraw distorsjonijiet meta d-ditti insolventi jinżammu ħajjin u meta d-drittijiet għall-użu tal-art jiġu allokati fir-RPĊ. Dawk il-kunsiderazzjonijiet, ibbażati fuq l-evidenza disponibbli, jidhru li huma applikabbli bis-sħiħ ukoll fis-settur tal-ħġieġ solari.

Distorsjonijiet fil-pagi

(66)

Is-settur tal-ħġieġ solari Ċiniż huwa affettwat ukoll mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi (28). Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lis-settur kemm direttament (meta jiġi prodott il-prodott taħt rieżami jew l-inputs ewlenin), kif ukoll indirettament (meta jkun hemm aċċess għall-kapital jew għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tal-manodopera).

(67)

Iċ-Ċina ma rratifikatx ħafna mill-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”), b’mod partikolari dawk dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv. Skont il-liġi nazzjonali, organizzazzjoni ta’ trade union waħda biss hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni hija nieqsa mill-indipendenza mill-awtoritajiet tal-Istat, u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali.

(68)

Barra minn hekk, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi madwar iċ-Ċina, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dawk in-nuqqasijiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi fir-RPĊ.

Aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat

(69)

L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fiċ-Ċina huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.

(70)

L-ewwel nett, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat, li, meta jagħtu aċċess għall-finanzi, iqisu kriterji oħra għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. Bl-istess mod għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jibqgħu marbuta mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ relazzjonijiet personali (l-ogħla eżekuttivi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) u, għal darb’oħra eżatt bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw b’mod regolari politiki pubbliċi mfassla mill-gvern. Meta jagħmlu dan, il-banek jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jwettqu n-negozju tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat. Dan huwa aggravat permezz ta’ regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi lejn setturi magħżula mill-gvern bħala mħeġġa jew li b’xi mod ieħor huma importanti. (29)

(71)

Dan jirriżulta f’aċċess privileġġat għall-finanzjament għas-setturi u għall-intrapriżi ffavoriti, inklużi dawk attivi f’industriji relatati mal-enerġija solari. Dawn id-distorsjonijiet, flimkien mar-rwol mifrux tal-politika pubblika fl-allokazzjoni tal-kreditu, jaffettwaw l-aċċess għall-kapital fis-settur tal-ħġieġ solari.

(72)

It-tieni, fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku u kkonkludiet li l-gvern Ċiniż kompla jappoġġa s-settur tal-ħġieġ solari, li l-ħġieġ solari kien parti minn industrija mħeġġa, u li l-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina ma setgħux jintużaw biex jiġi stabbilit il-valur normali (30).

Konklużjoni

(73)

It-talba għal rieżami sostniet li ma seħħet l-ebda bidla strutturali fir-RPĊ jew fis-settur tal-ħġieġ solari li tqajjem dubji dwar dawk is-sejbiet imfakkrin fit-taqsimiet preċedenti. Għall-kuntrarju, għad hemm l-istess karatteristiċi distorsivi fis-seħħ u l-appoġġ tal-politika Ċiniża, il-kapaċità żejda, (31) l-influwenza tal-Istat u d-distorsjonijiet fil-materja prima, fl-enerġija, fil-manodopera, fil-qafas legali u fil-finanzi jkomplu jikkaratterizzaw is-settur.

(74)

Barra minn hekk, it-talba għal rieżami wriet li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami komplew distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-ħġieġ solari.

(75)

Finalment, l-ebda evidenza jew argumenti għall-kuntrarju ma tressqu mill-GTĊ jew mill-produtturi esportaturi f’din l-investigazzjoni.

(76)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott taħt rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħielsa minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif muri mill-impatt reali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dak, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex taħdem il-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING

(77)

L-investigazzjoni stabbiliet livell ta’ dumping ta’ aktar minn de minimis. Madankollu, ma kinitx meħtieġa valutazzjoni aktar dettaljata minħabba l-konklużjonijiet stabbiliti fit-taqsima ta’ hawn taħt.

5.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

5.1.   Sitwazzjoni tal-produzzjoni tal-Unjoni

(78)

L-investigazzjoni stabbiliet li, mill-bidu tal-2025, ma kien hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni. Fl-istadju tat-talba, GMB Glasmanufaktur Brandenburg u AGC Glass Europe biss kienu għadhom qed joperaw. Madankollu, iż-żewġ produtturi waqqfu l-produzzjoni fl-ewwel trimestru tal-2025, u l-iżviluppi ta’ wara l-PIR ikkonfermaw li l-produzzjoni baqgħet sospiża.

(79)

Il-produtturi tal-Unjoni indikaw li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tippermetti li l-produzzjoni terġa’ tibda ladarba jittejbu l-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, matul l-investigazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jissostanzjaw dak il-prospett. Huma ma pprovdew l-ebda element li juri li l-kundizzjonijiet tas-suq se jittejbu, u l-ebda ftehim vinkolanti, finanzjament garantit jew pjan operazzjonali li juri li jista’ jseħħ bidu mill-ġdid u meta dan jista’ jseħħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda dokument li jiġġustifika bidu mill-ġdid potenzjali tal-produzzjoni jew akkwiżizzjoni tal-attività rilevanti, minkejja li offriet b’mod espliċitu lill-produtturi tal-Unjoni l-opportunità li jippreżentaw tali evidenza.

(80)

Meta jitqies in-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni verifikabbli, il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tistabbilixxi l-probabbiltà li tissokta l-produzzjoni tal-Unjoni f’perjodu raġonevolment prevedibbli wara l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(81)

Sa fejn taf il-Kummissjoni, GMB u AGC kienu l-uniċi żewġ produtturi tal-Unjoni li jifdal tal-ħġieġ solari fil-bidu tal-PIR. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet sabiex tivverifika jekk xi produtturi oħra tal-prodott taħt rieżami kinux attivi fl-Unjoni. Ġew ikkuntattjati produtturi oħra possibbli; madankollu, ma pprovdew l-ebda indikazzjoni ta’ xi produzzjoni jew attività fir-rigward tal-prodott taħt rieżami. L-ebda produttur ieħor ma ppreżenta ruħu matul l-investigazzjoni.

(82)

Iż-żewġ utenti vverifikati, UAB Soli Tek Cells u SOLVIS d.o.o., iddikjaraw li fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm minnufih minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx tipproduċi l-prodott taħt rieżami.

(83)

Fil-fatt, GMB daħal fi proċedimenti ta’ insolvenza f’Lulju 2025 u, sussegwentement, allegatament daħal f’negozjati ma’ investitur ġdid biex jieħu f’idejh l-attivitajiet tiegħu.

(84)

Fir-rigward tat-talba mill-utenti biex itemmu l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li f’dak il-mument, minħabba l-proċedimenti ta’ insolvenza li kienu jinsabu għaddejjin, kien ikun prematur biex wieħed jikkonkludi li l-industrija ma kinitx għadha teżisti fuq bażi permanenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma waqfitx il-proċediment abbażi tan-nuqqas ta’ industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni u tivvaluta l-evidenza kollha disponibbli.

(85)

Madankollu, sa meta ġiet konkluża l-investigazzjoni, il-produzzjoni fl-Unjoni ma kinitx issoktat, u l-applikanti ma pprovdew l-ebda evidenza verifikabbli ta’ akkwiżizzjoni potenzjali.

(86)

Fil-fatt, sa tmiem il-PIR, l-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni ma kinitx bdiet mill-ġdid l-attivitajiet tagħha u lanqas ma fetħet mill-ġdid il-fabbriki tagħha għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami.

(87)

F’dawk iċ-ċirkostanzi, ma hemm l-ebda industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku li s-sitwazzjoni tagħha tista’ tiġi eżaminata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu, u lanqas xi produzzjoni li fir-rigward tagħha l-miżuri eżistenti jistgħu jkomplu jagħtu protezzjoni.

(88)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni waqqfet l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha li jikkonċernaw il-prodott taħt rieżami, u li ma jeżisti l-ebda prospett verifikabbli li dawk l-attivitajiet se jissoktaw f’perjodu raġonevolment prevedibbli. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-Unjoni fi tmiem il-PIR, fin-nuqqas ta’ industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, fl-impossibbiltà li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u fin-nuqqas li jiġi previst kwalunkwe prospett verifikabbli li tissokta l-produzzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu.

6.   KAWŻALITÀ

(89)

L-investigazzjoni stabbiliet in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu, u b’hekk ma kinitx meħtieġa analiżi dwar il-kawżalità minħabba l-konklużjonijiet stabbiliti fit-taqsima ta’ hawn fuq.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(90)

Għalkemm is-sejba stabbilita fil-premessa (88) fiha nnifisha hija biżżejjed biex tikkonkludi li jenħtieġ li l-miżuri ma jinżammux, il-Kummissjoni eżaminat ukoll, għal raġunijiet ta’ kompletezza u f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq għarfien ta’ kull wieħed mid-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni u tal-utenti.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(91)

Kif huwa spjegat fit-Taqsima 5, l-investigazzjoni stabbiliet li, l-industrija tal-Unjoni waqqfet il-produzzjoni tal-ħġieġ solari matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u b’hekk, de facto, attwalment ma hemm l-ebda industrija attiva tal-Unjoni.

(92)

L-industrija tal-Unjoni argumentat li l-estensjoni tal-miżura se tirrestawra l-industrija dment li jittejbu l-kundizzjonijiet tas-suq. Kif imsemmi fil-premessa (79), il-Kummissjoni tirrifjuta din id-dikjarazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn.

(93)

Kif huwa spjegat fit-Taqsima 1.8, l-ebda informazzjoni ppreżentata mill-produtturi tal-Unjoni ma setgħet tiġi vverifikata. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-applikant, u b’mod partikolari tal-inkapaċità ripetuta tiegħu li jippreżenta l-informazzjoni mitluba u li jippermetti li l-informazzjoni ppreżentata tiġi vverifikata, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx turi interess li baqa’ għaddej u reali fil-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(94)

Konsegwentement, fis-sitwazzjoni kurrenti, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni attiva tal-prodott taħt rieżami mill-industrija tal-Unjoni u, mingħajr l-ebda prospett verifikabbli li tissokta l-produzzjoni, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika l-ebda interess għall-industrija tal-Unjoni biex testendi l-miżuri biex tipproteġi lill-industrija kontra prattiki kummerċjali inġusti potenzjali li jikkonċernaw prodott li ma għadhiex tipproduċi.

7.2.   Interess tal-utenti

(95)

L-utenti tal-ħġieġ solari jikkonsistu minn manifatturi ta’ moduli fotovoltajċi, l-industrija termali solari, u sa ċertu punt, manifatturi tas-serer.

(96)

L-utenti kollha esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-kontinwazzjoni tal-miżuri. L-utenti argumentaw li fin-nuqqas ta’ produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni, il-miżuri jaġixxu de facto bħala taxxa.

(97)

Il-Kummissjoni wettqet kontroverifika remota ta’ żewġ utenti, iż-żewġ manifatturi tal-pannelli solari. Matul il-verifika, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt taż-żewġ eżiti possibbli tal-investigazzjoni.

(98)

Il-kontinwazzjoni tal-miżuri ma tbiddilx is-sitwazzjoni tal-utenti. Il-ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina xorta jkun soġġett għad-dazji anti-dumping. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-Unjoni, l-utenti tal-Unjoni, madankollu, ma għandhom l-ebda għażla għajr li jimportaw il-ħġieġ solari tagħhom. Għalhekk, iż-żamma tal-miżuri żżid il-kostijiet fuq l-utenti downstream li jiksbu l-ħġieġ solari tagħhom miċ-Ċina mingħajr ma jiġi pprovdut l-ebda benefiċċju protettiv lil industrija upstream li effettivament waqfet topera.

(99)

Min-naħa l-oħra, it-terminazzjoni tal-miżuri tirriżulta f’impatt pożittiv dirett fuq il-kost tal-produzzjoni tal-utenti. L-investigazzjoni stabbiliet li l-ħġieġ solari jikkostitwixxi sehem sinifikanti tal-istruttura tal-kostijiet tal-produtturi tal-pannelli solari. Il-ħġieġ solari jammonta għal madwar 12 % sa 18 % tal-kost tal-produzzjoni tal-moduli standard. Meta wieħed iqis iż-żmien tal-produzzjoni u l-konsenja miċ-Ċina, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-utenti tkun teħtieġ mill-anqas 4 xhur qabel ma tibbenefika mit-terminazzjoni tal-miżuri, fil-forma ta’ tnaqqis tal-kost tal-produzzjoni tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fi profitti ogħla jew fi gwadann tal-kompetittività fl-Unjoni.

(100)

F’suq downstream ikkaratterizzat minn pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet u marġnijiet dojoq, anke tnaqqis żgħir fil-kost tal-produzzjoni tal-utenti huwa mistenni li jtejjeb il-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ moduli importati.

(101)

Abbażi ta’ dan, il-kontinwazzjoni tal-miżuri ma sservix l-interess tal-Unjoni, filwaqt li t-terminazzjoni tagħhom ittejjeb il-kompetittività tal-industrija downstream tal-moduli solari mingħajr ma tagħmel ħsara lill-ebda produttur tal-Unjoni peress li l-ebda wieħed ma huwa attiv f’dan is-suq.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(102)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, wara li qieset l-interessi involuti, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti relatata mal-interess tal-Unjoni biex testendi l-miżuri.

(103)

Għall-kuntrarju, l-analiżi tal-interess tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-interess tal-utenti, issostni li l-miżuri jitħallew jiskadu. Fin-nuqqas ta’ industrija attiva tal-Unjoni, il-miżuri ma għadhomx iservu l-iskop li għalih ġew imposti.

8.   KONKLUŻJONI

(104)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014 u estiżi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080, jenħtieġ li jitħassru. Kif imsemmi fil-premessa (102), il-Kummissjoni tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(105)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300–2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b’dan imħassar, u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa tterminat.

2.   Kwalunkwe dazju miġbur mid-data tal-bidu ta’ din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza fuq merkanzija li ġiet rilaxxata mid-dwana għandu jitħallas lura dment li dan ikun rikjest mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u mogħti minn dawk l-awtoritajiet skont il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-ħlas lura u r-remissjoni tad-dazju. Tali ħlas lura ma għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ mgħax mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/470/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat-13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 215, 14.8.2015, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1394/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1225/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1080 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1080/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/471/oj.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1081 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1081/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj).

(9)  L-Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C, C/2024/6327, 24.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6327/oj).

(10)  In-Notifika tal-bidu tar-rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjoni ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2025/4011, 22.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4011/oj).

(11)  Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2806.

(12)  EU Pro Sun Glass, l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-ħġieġ solari tal-Unjoni, ma baqgħetx teżisti mill-investigazzjoni preċedenti.

(13)  Global Trade Atlas – GTA (https://www.gtis.com/gta/secure/htscty_wta.cfm).

(14)   http://www.turkstat.gov.tr/Start.do.

(15)   https://web.archive.org/web/20260312130325/https:/www.globalpetrolprices.com/Turkey/natural_gas_prices/.

(16)   https://www.epdk.gov.tr/Home/En.

(17)   https://www.invest.gov.tr/en/pages/home-page.aspx.

(18)  Commission Staff Working Document on Significant Distortions in the Economy of the People’s Republic of China for the purposes of Trade Defence Investigations, l-10 ta’ April 2024, SWD(2024) 91 final, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.

(19)  It-talba għal rieżami ta’ skadenza, p. 15.

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080, il-premessi (55) u (56).

(21)   Ibid., it-Taqsima 3.2.2.4.

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336, tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1336/oj).

(23)  Ir-Rapport dwar iċ-Ċina, it-Taqsima 10.1.1.

(24)  Ir-Rapport dwar iċ-Ċina, it-Taqsima 10.2.1.2.

(25)  It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Gass Naturali, disponibbli fuq: https://policy.asiapacificenergy.org/node/3044.

(26)  Flat (Solar) Glass Group Co., Ltd., Xinyi Photovoltaic Industry (Anhui) Holdings Co., Ltd., Anhui Flat Solar Glass Co., Ltd., Hefei IRICO New Energy Co., Ltd u l-Jinjin Group.

(27)  Ir-Rapport dwar iċ-Ċina, it-Taqsima 6.7.2.

(28)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080, it-Taqsima 3.2.2.7.

(29)  Ir-Rapport dwar iċ-Ċina, il-Kapitolu 6.

(30)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080, il-premessa (92).

(31)  Ara t-Taqsima 4.2 tat-talba għal rieżami.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2314/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)