21.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 180/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Ġunju 2011

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi

2011/C 180/06

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (“Early Warning System — EWS”) għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi tinkludi, fid-definizzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega għall-finijiet tad-Deċiżjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 2 tagħha, l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju, li jeżerċitaw il-funzjoni ta' direttur.

(2)

Meta l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega għall-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet, li jkunu ġejjin mis-sezzjoni “Kummissjoni” u li jingħatawlhom permezz ta' sottodelega, jenħtieġ li dawn ikunu inklużi fid-definizzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega kompetenti għall-finijiet tad-Deċiżjoni dwar l-EWS, bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi għandha tiġi emendata kif ġej:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“—   ‘uffiċjal awtorizzanti b'delega kompetenti’: l-uffiċjali awtorizzanti b'delega tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju, li skont ir-regoli interni, ikunu kompetenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem tissejjaħ ‘il-baġit’), inklużi d-diretturi tal-aġenziji eżekuttivi, l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju li jeżerċitaw il-funzjoni ta' direttur, u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni meta dawn jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega tal-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 59(2) tar-Regolament Finanzjarju”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata, għall-informazzjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tiġi annessa mar-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.