(Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
25 ta’ Marzu 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Proċeduri ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni – Importazzjoni ta’ merkanzija mill-Kanada – Metodu ta’ determinazzjoni tal-valur doganali – Prezz iddikjarat għall-esportazzjoni tal-merkanzija kkomunikat mill-awtoritajiet Kanadiżi fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali ta’ kooperazzjoni doganali – Kunċett ta’ ‘data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni’ – Mezzi raġonevoli – Artikolu 74(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 – Metodu residwu jew ‘fall back’ – Artikolu 144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447”
Fil-Kawża T‑296/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ April 2025, fil-proċedura
Direktor na TD Mitnitsa Burgas
vs
Lidikar OOD,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
komposta minn M. Sampol Pucurull, President, T. Pynnä, J. Laitenberger (Relatur), M. Stancu u W. Valasidis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Mejju 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Direktor na TD Mitnitsa Burgas, minn L. Dimitrov, R. Dimitrova Todorova u P. Kalchev, bħala aġenti, |
|
– |
għal Lidikar, minn R. Vasileva, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, A. Edelmannová u J. Vláčil bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova u F. Moro, bħala aġentes, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, “Lidikar” OOD, kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Bulgaru, u, min-naħa l-oħra, id-Direktor na TD Mitnitsa Bourgas (id-Direttur tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Bourgas, il-Bulgarija) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni doganali Bulgara ddeterminat il-valur doganali ta’ vettura importata mill-Kanada minn Lidikar abbażi tal-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet doganali Kanadiżi lill-amministrazzjoni doganali Bulgara fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ kooperazzjoni doganali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
GATT tal‑1994
|
3 |
L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT tal‑1994”) huwa fformulat kif ġej: “1. Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur doganali, il-validità tal-prinċipji ġenerali li jinsabu fil-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-artikolu u jintrabtu li japplikawhom fir-rigward tal-prodotti kollha suġġetti għal dazji doganali jew għal taxxi jew restrizzjonijiet oħra fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bbażati fuq il-valur jew b’xi mod relatati mal-valur. Barra minn hekk, kull meta parti kontraenti oħra titlob dan, huma għandhom jeżaminaw, fid-dawl tal-imsemmija prinċipji, l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe liġi jew regolament relatati mal-valur doganali. Il-partijiet kontraenti jistgħu jitolbu lill-partijiet kontraenti oħra biex jipprovdulhom rapporti dwar il-miżuri li jkunu ħadu skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.
[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali
|
4 |
L-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-artikolu vii tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali”) huwa fformulat kif ġej: “1. Jekk il-valur tad-dwana fuq l-oġġetti importati ma jistax jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli minn 1 sa 6 inklussivi, il-valur tad-dwana għandu jiġi stabbilit bl-użu ta’ mezzi raġjonevoli konsistenti mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan il-Ftehim u ta’ l-Artikolu VII tal-GATT 1994 u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fil-pajjiż ta’ l-importazzjoni. 2. L-ebda valur tad-dwana ma għandu jiġi stabbilit fuq id-diposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’: […]
[…]
[…]
[…]” |
Il-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali
|
5 |
L-Artikolu 1 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 428, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali”) huwa fformulat kif ġej: “Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, […]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 7 tal-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa fformulat kif ġej: “1. L-awtoritajiet doganali għandhm jgħinu wieħed lill-ieħor, jew fuq talba jew minn rajhom, billi jipprovdu t-tagħrif approprjat li jgħin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni doganali u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra kull ksur tal-leġislazzjoni doganali. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 11(1) tal-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa fformulat kif ġej: “L-awtorit mitluba għandha tikkomunika t-tagħrif approprjat lill-awtorit li tagħmel it-talba fil-għamla ta’ dokumenti, kopji attestati ta’ dokumenti, rapporti jew il-verżjonijiet elettroniċi tagħhom. It-tagħrif kollu rilevanti għalbiex it-tagħrif jiġi interpretat jew utilizzat għandu jiġi fornit fl-istess ħin.” |
|
8 |
L-Artikolu 16(3) tal-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa fformulat kif ġej: “Il-paragrafu 2 ma għandu jimpedixxi l-użu tat-tagħrif fl-ebda proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva sossegwentement istitwita minħabba n-nuqqas tal-konfomità mal-leġislazzjoni doganali.” |
CETA Kanada-UE
|
9 |
L-Artikolu 6.1 tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU 2017, L 11, p. 23, iktar ’il quddiem iċ-“CETA Kanada-UE”), intitolat “Objettivi u prinċipji”, jistipula dan li ġej: “[…] 2. Il-Partijiet għandhom, sa fejn possibbli, jikkoperaw u jiskambjaw informazzjoni, inkluż informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, sabiex imexxu ’l quddiem l-applikazzjoni u l-osservanza tal-miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ f’dan il-Ftehim. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 6.13 taċ-CETA Kanada-UE, intitolat “Kooperazzjoni”, jistipula dan li ġej: “[…] 3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw skont il-[Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali] li sar f’Ottawa fl‑4 ta’ Diċembru 1997 […]. 4. Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali skont il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni Doganali bejn il-Kanada u l-UE, inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw xi suspett ta’ ksur ta’ leġiżlazzjoni doganali ta’ Parti, kif definit f’dan il-Ftehim, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.” |
Id-dritt tal-Unjoni
Kodiċi Doganali tal-Unjoni
|
11 |
L-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa fformulat kif ġej: “1. Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ. 2. Il-prezz li effettivament tħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun il-pagament totali magħmul jew li għandu jsir mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil parti terza għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-pagamenti kollha magħmula jew li għandhom isiru bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal- merkanzija importata. […]” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huwa previst dan li ġej: “1. Fejn il-valur doganali tal-merkanzija ma jkunx jista’ jkun determinat skont l-Artikolu 70, dan għandu jkun determinat billi jipproċedi b’mod sekwenzjali mill-punt (a) sal-punt (d) tal-paragrafu 2, sakemm jintlaħaq l-ewwel punt fejn jista’ jkun determinat il-valur doganali tal-merkanzija. L-ordni ta’ applikazzjoni tal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandu jinqaleb jekk jitlob hekk id-dikjarant. 2. Il-valur doganali, skont il-paragrafu 1, għandu jkun:
3. Fejn il-valur doganali ma jistax jkun determinat taħt il-paragrafu 1, huwa għandu jkun determinat abbażi tad-data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jintużaw mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u l-provvedimenti ġenerali ta’ dawn kollha li ġejjin:
|
Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447
|
13 |
L-Artikolu 140) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni] (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), jipprovdi dan li ġej: “1. Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali mħallas jew pagabbli kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi [doganali tal-Unjoni] [jistgħu jitolbu lid-dikjarant jipprovdi informazzjoni addizzjonali]. 2. Jekk id-dubji tagħhom ma jiġux eliminati, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li l-valur tal-prodotti ma jistax jiġi stabbilit skont l-Artikolu 70(1) tal-[imsemmi] Kodiċi u, għaldaqstant, ma jiddeterminawx il-valur doganali bl-użu ta’ dak il-metodu.” |
|
14 |
L-Artikolu 144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, intitolat “Metodu ‘fall back’)”, huwa fformulat kif ġej: “1. Meta jiġi stabbilit il-valur doganali skont l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi [doganali tal-Unjoni], tista’ tintuża flessibbiltà raġonevoli fl-applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikoli 70 u 74(2) tal-Kodiċi. Il-valur b’hekk stabbilit għandu, kemm jista’ jkun possibbli, ikun ibbażat fuq il-valuri doganali stabbiliti qabel. 2. Meta ma jkun jista’ jiġi stabbilit ebda valur doganali skont il-paragrafu 1, għandhom jintużaw metodi xierqa oħrajn. F’dan il-każ, il-valur doganali ma għandux jiġi stabbilit abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin: […]
[…]
[…]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Fit‑18 ta’ Jannar 2021, Lidikar, li aġixxiet bħala rappreżentanta indiretta ta’ importatriċi, ippreżentat dikjarazzjoni doganali fl-uffiċċju doganali tal-port ta’ Bourgas (il-Bulgarija) għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ vettura bil-mutur li kienet ġarrbet inċident tat-traffiku. F’din id-dikjarazzjoni, il-valur doganali tal-vettura importata ġie ddeterminat, konformement mal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiġifieri bi prezz ta’ 3310 dollaru Kanadiż (CAD) (madwar EUR 2100). |
|
16 |
Sar kontroll a posteriori tad-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni mill-awtoritajiet doganali Bulgari abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-amministrazzjoni doganali Kanadiża fil-kuntest tal-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali fir-rigward tal-vetturi ddikjarati għall-esportazzjoni mill-Kanada lejn l-Unjoni Ewropea. B’mod iktar partikolari, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑16 ta’ Diċembru 2022, l-amministrazzjoni doganali Kanadiża pprovdiet lill-awtoritajiet doganali Bulgari fajl li jinkludi lista ddettaljata ta’ vetturi, fosthom dik inkwistjoni, li tindika l-valur iddikjarat waqt l-esportazzjoni tagħhom mill-Kanada. Wara analiżi mill-awtoritajiet doganali Bulgari tad-data pprovduta, l-imsemmija awtoritajiet ikkonstataw li l-prezz ta’ CAD 3310 tal-merkanzija ddikjarata fil-Bulgarija ma kienx jikkorrispondi għall-prezz ta’ CAD 15889 (madwar EUR 10100) ikkomunikat mill-amministrazzjoni doganali Kanadiża għall-vettura kkonċernata u indikat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni korrispondenti. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet doganali Bulgari talbu provi mingħand Lidikar għall-konferma tal-prezz iddikjarat waqt l-isdoganament. Ġiet ippreżentata fattura tat‑18 ta’ Novembru 2020, lista tal-ippakkjar, polza ta’ kargu kif ukoll fattura tat‑13 ta’ Jannar 2021. Minkejja dawn id-dokumenti, l-awtoritajiet doganali Bulgari qiesu li kien hemm dubji raġonevoli dwar il-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, iddeterminat konformement mal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Lidikar ipprovdiet spjegazzjonijiet bil-miktub fejn tindika li hija ma kienet żammet la l-fajl kummerċjali dwar it-tranżazzjoni kkonċernata, la l-offerta, la l-listi tal-prezzijiet, la d-dokumenti relatati mal-ħlasijiet, u lanqas korrispondenza oħra preċedenti għall-imsemmija tranżazzjoni. |
|
18 |
Wara li vverifikaw id-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali Bulgari qiesu li ma kienet teżisti ebda prova tal-eżattezza tal-prezz iddikjarat konformement mal-fattura tat‑18 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, huma kkonstataw li ma kienx jirriżulta b’mod ċar mir-rapport tal-kont bankarju pprovdut li l-ħlas tal-prezz kien definittiv. Għaldaqstant, huma qiesu li, fid-dawl tad-dubji leġittimi u tal-assenza ta’ provi dwar il-prezz iddikjarat, il-valur doganali ddikjarat skont l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, iddeterminat abbażi tal-fattura tat‑18 ta’ Novembru 2020, kellu jiġi miċħud. |
|
19 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali Bulgari kkonstataw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-metodi sekondarji ta’ evalwazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni skont l-Artikolu 74(2)(a) sa (d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma kinux issodisfatti, peress li din kienet vettura li ġarrbet inċident, li minħabba l-kundizzjoni teknika partikolari tagħha kien diffiċli li jsir paragun tagħha mal-kundizzjoni ta’ vetturi oħra tal-istess trade mark u tal-istess mudell u importati fil-Bulgarija. Madankollu, l-awtoritajiet doganali Bulgari ddeterminaw il-valur doganali, konformement mal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, abbażi tal-verżjonijiet elettroniċi tad-dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet doganali Kanadiżi abbażi tal-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali. |
|
20 |
Għaldaqstant, l-amministrazzjoni doganali Bulgara ffissat il-valur doganali tal-vettura inkwistjoni għas-somma ta’ 19 830.43 leva Bulgari (BGN) (madwar EUR 9500) kif ukoll l-ammont totali tad-dazji fuq l-importazzjoni u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li għandhom jiġu rkuprati għas-somma ta’ BGN 5023 (madwar EUR 2150). |
|
21 |
Id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni doganali Bulgara kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-ewwel istanza mill-Administrativen sad Bourgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bourgas, il-Bulgarija), li annullatha minħabba illegalità. Din il-qorti qieset li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Bulgari ma kinux osservaw l-obbligu tagħhom li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ “dubji raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 140 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, u li t-tweġiba pprovduta mill-awtoritajiet doganali Kanadiżi ma kinitx tikkostitwixxi dokument uffiċjali ta’ prova vinkolanti għall-qorti. |
|
22 |
Id-Direktor na TD Mitnitsa Burgas (id-Direttur tad-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Bourgas, il-Bulgarija) appella fil-kassazzjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza mogħtija mill-Administrativen sad Bourgas (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bourgas), billi invoka n-natura żbaljata tal-konstatazzjonijiet ta’ din tal-aħħar u billi sostna l-applikabbiltà tal-metodu tal-mezzi raġonevoli, skont l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Huwa argumenta li t-tweġiba pprovduta mill-awtoritajiet doganali Kanadiżi kienet tikkostitwixxi dokument uffiċjali dwar il-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-Kanada u l-Unjoni u li l-valur doganali inkwistjoni kien ġie ddeterminat billi ttieħed inkunsiderazzjoni l-prezz indikat fil-verżjonijiet elettroniċi tad-dokumenti trażmessi mill-awtoritajiet doganali Kanadiżi. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
24 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali, jistax jiġi kklassifikat bħala data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din l-istess merkanzija. |
|
25 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-metodu residwu (jew il-metodu “fall back”) previst fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jikkostitwixxi mezz tal-aħħar istanza sabiex tiġi indirizzata n-neċessità li jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata fil-każ fejn id-dikjarant doganali ma jipprovdix informazzjoni suffiċjentement preċiża jew affidabbli li tippermetti determinazzjoni ta’ dan il-valur abbażi tal-metodu prinċipali previst fl-Artikolu 70(1) tal-imsemmi kodiċi jew tal-metodi sekondarji previsti fl-Artikolu 74(2) tal-istess kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 54, u tad‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II, C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 75). |
|
26 |
Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-formulazzjoni tiegħu, il-kunċett ta’ “data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni” għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li jirreferi għad-disponibbiltà fattwali ta’ data fis-sens li l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni jistgħu jiddisponu minnha għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija. |
|
27 |
Minn dan isegwi, minn naħa, li l-kunċett ta’ “data disponibbli fit-territorju tal-Unjoni” ma jistax ikun limitat għad-data miġbura fl-Unjoni. Għalhekk, il-fatt li d-data toriġina minn pajjiż terz ma jeskludix li din tista’ tikkostitwixxi “data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni”. |
|
28 |
Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward ta’ data dwar il-prezz ta’ merkanzija ddikjarata għall-esportazzjoni li ġiet trażmessa mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni abbażi ta’ ftehim internazzjonali li jirregola l-kooperazzjoni fil-qasam doganali bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż terz, bħalma huma l-Ftehim Kanada-UE dwar il-Kooperazzjoni Doganali u ċ-CETA Kanada-UE li jipprevedu assistenza reċiproka fil-qasam doganali. |
|
29 |
Minn dan isegwi, min-naħa l-oħra, li l-klassifikazzjoni bħala “data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni” ma tista’ tiddependi, kuntrarjament għal dak li tallega Lidikar fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, la mill-aċċessibbiltà għad-dikjaranti doganali għad-database tal-pajjiż terz li minnha tirriżulta d-data trażmessa lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u lanqas mill-eżistenza ta’ talba min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet intiża speċifikament għat-trażmissjoni ta’ din id-data, meta din tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn it-territorju doganali tal-Unjoni kif ikkomunikat mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ kooperazzjoni doganali jista’ jiġi kklassifikat bħala data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din l-istess merkanzija. |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni doganali, jistax jikkostitwixxi mezz raġonevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din l-istess merkanzija. |
|
32 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 144(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 li, fid-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 74(3) tal-imsemmi kodiċi, tista’ tintwera “flessibbiltà raġonevoli” fl-applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikolu 70 fl-Artikolu 74(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II, C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 104). Għaldaqstant, għandu jiġi rrikonoxxut li l-awtoritajiet għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-metodu residwu (jew il-metodu “fall back”) li għandu jiġi implimentat b’osservanza tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 74(3) tal-imsemmi kodiċi. Fil-fatt, l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdi li l-valur doganali għandu jiġi ddeterminat b’mezzi raġonevoli li għandhom ikunu kompatibbli, l-ewwel nett, mal-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali, it-tieni nett, mal-Artikolu VII tal-GATT tal‑1994 u, it-tielet nett, mal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-imsemmi kodiċi, dwar il-valur doganali tal-merkanzija. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2)(e) tal-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali jipprojbixxi li l-valur doganali jkun jista’ jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz ta’ merkanzija mibjugħa għall-esportazzjoni lejn pajjiż li ma huwiex il-pajjiż ta’ importazzjoni. Din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta, fid-dritt tal-Unjoni, fl-Artikolu 144(2)(e) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, li jipprovdi li “il-valur doganali ma għandux jiġi stabbilit abbażi […] [tal-]prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz”. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega Lidikar fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, la l-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jeskludu li l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru tal-Unjoni jiddeterminaw il-valur doganali ta’ merkanzija, skont il-metodu residwu (jew il-metodu “fall back”), abbażi tal-prezz iddikjarat f’pajjiż terz għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni ta’ din l-istess merkanzija. |
|
34 |
Minn dan isegwi li l-użu tal-prezz iddikjarat f’pajjiż terz għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn l-Unjoni jista’ jikkostitwixxi mezz raġonevoli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din l-istess merkanzija abbażi tal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, fil-kuntest tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), li ppreċeda l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riferiment għal prezz iffissat għall-istess merkanzija fil-kuntest ta’ bejgħ preċedenti għal dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali jista’ jikkostitwixxi mezz raġonevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 61). Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix, bħala prinċipju, l-użu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali abbażi tal-metodu residwu (jew il-metodu “fall back”), ta’ prezz iffissat preċedentement għall-istess merkanzija. |
|
36 |
Barra minn hekk, l-użu tal-prezz iddikjarat f’pajjiż terz għall-esportazzjoni tal-istess merkanzija bħal dik li hija s-suġġett ta’ determinazzjoni tal-valur doganali abbażi tal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jmurx kontra, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 7(2)(b) tal-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni, riprodotta fid-dritt tal-Unjoni fl-Artikolu 144(2)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, tipprojbixxi determinazzjoni tal-valur doganali abbażi ta’ “sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni tal-għanijiet tad-dwana ta’ l-ogħla wieħed bejn żewġ valuri alternattivi”, din bl-ebda mod ma tipprojbixxi l-użu tal-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni għall-istess merkanzija jekk dan ikun l-uniku valur disponibbli għall-awtoritajiet doganali, fid-dawl b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ dubji leġittimi dwar il-veraċità tal-valur inizjalment iddikjarat skont l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. |
|
37 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li, sa fejn il-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni, ikkomunikat fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ kooperazzjoni doganali, jikkorrispondi, bħala prinċipju, għall-valur reali ta’ merkanzija, l-użu ta’ dan il-prezz lanqas ma jmur kontra l-projbizzjoni li jiġi ddeterminat il-valur doganali fuq valuri arbitrarji jew fittizji li tinsab fl-Artikolu 7(2)(g) tal-Ftehim dwar il-Valutazzjoni Doganali kif ukoll fl-Artikolu 144(2)(g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-prezz iddikjarat għall-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, kif ikkomunikat mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ esportazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ kooperazzjoni doganali, jista’ jikkostitwixxi mezz raġonevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ din l-istess merkanzija. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Sampol Pucurull Pynnä Laitenberger Stancu Valasidis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Marzu 2026. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.