KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 ( 1 )
Kawża C‑563/22
SN,
LN, irrappreżentata minn SN
vs
Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew minn persuni mingħajr Stat li jitolbu status ta’ refuġjat – Persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li użaw l-għajnuna tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Artikolu 12(1)(a) – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA – Kundizzjonijiet għall-intitolar ipso facto għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95 – Tifsira ta’ “meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni” – Importanza ta’ elementi relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fil-Medda ta’ Gaża – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet tal-għajxien li jammontaw għal “trattament inuman u degradanti” – Limitu – Direttiva 2013/32 – Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali – Obbligu ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ elementi relatati ma’ din is-sitwazzjoni ġenerali li diġà ġew eżaminati – Artikolu 19(2) tal-Karta – Prinċipju ta’ non-refoulement)
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) twaqqfet wara l-kunflitt Iżraeljan-Għarbi tal‑1948, bil-ħsieb li twettaq programmi diretti ta’ għajnuna u ta’ xogħlijiet għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrati ma’ din l-aġenzija ( 2 ). Iż-żona li fiha topera ġiet iddefinita bħala li tinkludi l-Libanu, is-Sirja, il-Ġordan, ix-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalemm tal-Lvant) u l-Medda ta’ Gaża. Il-mandat tal-UNRWA ġie mġedded suċċessivament u attwalment għandu jiskadi fit‑30 ta’ Ġunju 2026 ( 3 ). |
|
2. |
SN u LN, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li kienu jgħixu fil-Medda ta’ Gaża u huma rreġistrati mal-UNRWA. Huma qegħdin japplikaw għall-ażil għat-tieni darba fil-Bulgarija, wara li l-ewwel applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali ġew miċħuda mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru. Huma jsostnu li għandhom jingħataw l-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ( 4 ). Skont din id-dispożizzjoni, persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA huma esklużi minn dan l-istatus. Madankollu, din l-esklużjoni ma tibqax tapplika jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tkun “waqfet”. |
|
3. |
Il-każ preżenti jqajjem kwistjoni ta’ importanza u sensittività ovvja – b’mod partikolari fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża minn meta saru l-attakki tal-Ħamas fuq Iżrael fis‑7 ta’ Ottubru 2023: il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA jistgħu jitqiesu bħala li “waqfu”, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti f’din iż-żona, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-persuni kkonċernati li juru li huma speċifikament immirati jew affettwati minn dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom? |
|
4. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali qamet qabel dawk l-avvenimenti. Fil-fatt, it-talba ta’ SN u ta’ LN u l-elementi li tibbaża ruħha fuqhom l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża kif kienet qabel jew fiż-żmien ta’ meta tressqet din it-talba, li ġġib id‑data tad‑9 ta’ Awwissu 2022. Madankollu, kif ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, kwalunkwe evalwazzjoni li dik il-qorti jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ser ikollhom jagħmlu ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa f’dik iż-żona, li diversi organi u rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti esprimew tħassib serju dwarha ( 5 ). |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
1. Il‑Konvenzjoni ta’ Genève ( 6 )
|
5. |
L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi: “Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għall-persuni li attwalment qegħdin jirċievu protezzjoni jew għajnuna minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. F’sitwazzjoni fejn din il-protezzjoni jew din l-għajnuna tintemm għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma tiġi riżolta b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ikunu intitolati jibbenefikaw ipso facto mir-regoli ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6. |
Fid-dawl tan-natura tal-operazzjonijiet tagħha, l-UNRWA għandha titqies bħala “protezzjoni jew għajnuna minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ma humiex il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. |
2. Riżoluzzjonijiet rilevanti tal‑Assemblea Ġenerali u tal‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti
a) Riżoluzzjonijiet adottati qabel is‑7 ta’ Ottubru 2023
|
7. |
Diversi riżoluzzjonijiet ġew adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-UNRWA jew is-sitwazzjoni fiż-żona ta’ operat tagħha, sa mill-istabbiliment ta’ din l-aġenzija. Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 74/83 tat‑13 ta’ Diċembru 2019: “L-Assemblea Ġenerali, […] Konxja dwar il-ħtiġijiet dejjem jikbru tar-refuġjati tal-Palestina fiż-żoni kollha ta’ operazzjoni, jiġifieri, il-Ġordan, il-Libanu, ir-Repubblika Għarbija Sirjana u t-Territorju Palestinjan Okkupat, Filwaqt li tesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tar-refuġjati tal-Palestina taħt okkupazzjoni, inkluż fir-rigward tas-sigurtà, tal-benesseri u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien soċjoekonomiċi tagħhom, Filwaqt li tesprimi tħassib serju b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni umanitarja gravi u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-refuġjati tal-Palestina fil-Medda ta’ Gaża, u tenfasizza l-importanza ta’ għajnuna ta’ emerġenza u umanitarja u sforzi urġenti ta’ rikostruzzjoni, […] 3. Tenfasizza n-neċessità li x-xogħol tal-[UNRWA] jitkompla kif ukoll l-importanza tal-operazzjonijiet tagħha, li għandhom jitwettqu mingħajr ostakoli, u n-neċessità tas-servizzi tagħha, inkluża l-għajnuna ta’ emerġenza, fir-rigward tal-benesseri, tal-protezzjoni u tal-iżvilupp uman tar-refuġjati tal-Palestina u tal-istabbiltà tar-reġjun, fl-istennija ta’ soluzzjoni ekwa għall-kwistjoni tar-refuġjati tal-Palestina; 4. Tistieden lid-donaturi kollha sabiex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-ħtiġijiet antiċipati tal-[UNRWA], inkluż fir-rigward taż-żieda fl-infiq u l-ħtiġijiet li jirriżultaw minn kunflitti u instabbiltà fir-reġjun u s-sitwazzjoni soċjoekonomika u umanitarja serja, partikolarment fit-Territorju Palestinjan Okkupat, u dawk il-ħtiġijiet imsemmija f’appelli u pjanijiet ta’ emerġenza, irkupru u rikostruzzjoni riċenti għall-Medda ta’ Gaża […] […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
b) Riżoluzzjonijiet adottati mis‑7 ta’ Ottubru 2023
|
8. |
L-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023 wasslu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tivvota, fis‑27 ta’ Ottubru 2023, fuq riżoluzzjoni intitolata “Protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-osservanza tal-obbligi legali u umanitarji”, li fiha hija appellat għal “tregwa umanitarja immedjata, dejjiema u sostnuta li twassal għall-waqfien tal-ostilitajiet” fil-Medda ta’ Gaża ( 7 ). Fost affarijiet oħra, innotat “id-deterjorament gravi tas-sitwazzjoni”, iddeplorat “l-ammont kbir ta’ vittmi fost il-popolazzjoni ċivili u l-qerda mifruxa” u esprimiet tħassib serju “dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Medda ta’ Gaża, u dwar il-konsegwenzi vasti tagħha għall-popolazzjoni ċivili, li l-biċċa kbira tagħha tinkludi tfal” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
9. |
Din ir-riżoluzzjoni ġiet segwita, fil‑15 ta’ Novembru 2023, mir-Riżoluzzjoni 2712 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li talbet, inter alia, għal pawżi umanitarji urġenti u estiżi fil-Medda ta’ Gaża ( 8 ). |
|
10. |
Fit‑12 ta’ Diċembru 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti vvutat favur riżoluzzjoni intitolata “Il-Protezzjoni tal-Popolazzjoni Ċivili u l-Issodisfar ta’ Obbligi Legali u Umanitarji” ( 9 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din ir-riżoluzzjoni, hija ordnat waqfien mill-ġlied umanitarju immedjat fil-Medda ta’ Gaża u li jiġi żgurat aċċess umanitarju għal dik iż-żona. Hija rripetiet ukoll l-insistenza tagħha li l-partijiet għall-kunflitt ikunu konformi mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, u li l-ostaġġi kollha għandhom jiġu rrilaxxati immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet. |
|
11. |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2720 (2023) ( 10 ), li ssemmi r-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tagħha, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2712 (2023). Fost affarijiet oħrajn, huwa esprima “tħassib serju għas-sitwazzjoni umanitarja ħażina u li qiegħda tiddeterjora b’mod mgħaġġel fil-Medda ta’ Gaża u l-impatt serju tagħha fuq il-popolazzjoni ċivili” [traduzzjoni mhux uffiċjali], enfasizza “l-bżonn urġenti għal aċċess umanitarju sħiħ, mingħajr dewmien, sigur u mhux imfixkel ġewwa u fil-Medda ta’ Gaża kollha”, u nnota r-“rapporti ta’ tħassib mit-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet umanitarji f’dan ir-rigward”. Hija enfasizzat ukoll it-“tħassib serju tagħha għall-effett sproporzjonat li l-kunflitt għandu fuq il-ħajjiet u l-benesseri tat-tfal, tan-nisa, u ta’ persuni ċivili oħrajn f’sitwazzjonijiet vulnerabbli”. |
B. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
a) Id‑Direttiva 2011/95
|
12. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Esklużjoni”, jipprovdi: “1. Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:
[…]” |
b) Id‑Direttiva 2013/32 ( 11 )
|
13. |
Skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”: “1. Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas. […]” |
C. Id‑dritt nazzjonali
|
14. |
Id-Direttiva 2011/95 u d-Direttiva 2013/32 ġew trasposti fid-dritt Bulgaru miż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”). |
|
15. |
L-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB sostanzjalment jirriproduċu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2011/95. L-Artikolu 12(1) taż-ZUB jirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
16. |
Skont l-Artikolu 75(2) taż-ZUB: “Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jitqiesu l-fatti rilevanti kollha, […] dwar is-sitwazzjoni personali tal-applikant jew tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu […]” |
III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi magħmula
|
17. |
SN, imwielda fl‑1995, u bintha, LN, huma persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana. Huma telqu mill-Medda ta’ Gaża f’Lulju 2018 u għexu l-Eġittu għal 45 jum u t-Turkija għal seba’ xhur. Wara li għaddew illegalment mill-Greċja, huma daħlu fit-territorju Bulgaru ma’ KN, li huwa r-raġel ta’ SN u missier LN. |
|
18. |
Fit‑22 ta’ Marzu 2019, SN u LN ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem id-“DAB”). Huma bbażaw it-talba tagħhom fuq diversi elementi, inkluż in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u l-instabbiltà fil-Medda ta’ Gaża, kif ukoll is-sitwazzjoni kważi permanenti ta’ kunflitt armat ikkawżat minn azzjoni militari Iżraeljana u t-tensjonijiet bejn il-Fatah u l-Ħamas. SN indikat ukoll li l-ħajja ta’ KN kienet ġiet mhedda minn diversi attakki bil-bombi waqt li kien ix-xogħol u li d-dar tagħhom kienet tinsab qrib post tal-għassa tal-pulizija, li spiss kienet fil-mira ta’ missili. |
|
19. |
Fl-applikazzjonijiet tagħhom, SN u LN ma semmewx li kienu rreġistrati mal-UNRWA. |
|
20. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019, il-Predsedatel tad-DAB (il-President tad-DAB) ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ SN u LN. Il-President tad-DAB iddikjara li SN u LN ma kinux ġew imġiegħla jitilqu mill-Medda ta’ Gaża minħabba riskju reali ta’ tortura, ta’ trattament inuman jew degradanti, ta’ piena tal-mewt jew eżekuzzjoni, jew ta’ theddid serju ieħor. SN jew LN lanqas ma kienu f’riskju li jaffaċċjaw theddid bħal dan kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża, peress li ma kinux ippreżentaw evidenza li kienu ser ikunu mmirati speċifikament minħabba fatturi li jappartjenu għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li fis-sentenza fil-kawża Elgafaji ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza kunflitt armat jista’ jilħaq livell tant għoli li l-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunux obbligati li jressqu evidenza li huma mmirati speċifikament minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom, is-sitwazzjoni f’dik iż-żona ma setgħetx titqies, fiż-żmien tal-fatti, bħala waħda li tammonta għal kunflitt armat, simili għal dik li kienet wasslet għas-sentenza msemmija. Finalment, il-President tad-DAB iddikjara li SN u LN setgħu baqgħu l-Eġittu jew t-Turkija u li huma ġew il-Bulgarija biss sabiex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar. |
|
21. |
Mal-eżawriment tar-rimedji disponibbli, dik id-deċiżjoni saret definittiva. |
|
22. |
Fil‑21 ta’ Awwissu 2020, SN u LN reġgħu applikaw għal protezzjoni internazzjonali. Huma pproduċew prova tal-fatt li huma kienu rreġistrati mal-UNRWA u sostnew li l-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għalhekk kienet tapplika għalihom. Huma sostnew li, taħt din id-dispożizzjoni, huma kienu ipso facto intitolati għall-istatus ta’ refuġjat peress li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħhom kellha titqies bħala li kienet “waqfet”. |
|
23. |
L-Intervyuirasht organ na DAB (il-Korp tal-Intervisti tad-DAB) iddikjara l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN ammissibbli. |
|
24. |
Insostenn tat-talba tagħhom li jingħataw l-istatus ta’ refuġjat, SN u LN ipproduċew diversi dokumenti li stabbilixxew, skont huma, li l-kundizzjonijiet li operat taħthom l-UNRWA fil-Medda ta’ Gaża fiż-żmien rilevanti (fl‑2020) kienu fqar ħafna. |
|
25. |
B’mod partikolari, SN sostniet li s-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża kienet iddeterjorat f’dawn l-aħħar snin, partikolarment mill-pandemija tal-Covid‑19 ’il quddiem. Hija sostniet li l-qgħad kien partikolarment għoli u li dawk li kienu jaħdmu ma kinux qegħdin jitħallsu. Hija ddikjarat ukoll li ġie stabbilit curfew, li l-iskejjel baqgħu magħluqa u li l-Ħamas żammew lin-nies milli joħorġu minn djarhom u kienu qegħdin jiftħu attakki repetuti fuq l-Iżrael. Hija spjegat li nofs id-dar li kienu jgħixu fiha bħala familja kienet inqerdet bil-missili, minħabba li d-dar kienet tinsab viċin post tal-għassa tal-pulizija, u li, fl‑2014, dannu lis-saqaf li kien wassalhom sabiex jirrilokaw għal perijodu ta’ sentejn. |
|
26. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2021, iż-Zamestnik-predsedatel tad-DAB (il-Viċi President tad-DAB) ċaħad l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN. Il-Viċi President tad-DAB spjega li, peress li dawn l-applikazzjonijiet kienu “applikazzjonijiet sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, mhux l-elementi kollha li fuqhom dawn kienu bbażati kellhom jiġu eżaminati. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ jekk SN u LN kellhomx jingħataw status ta’ refuġjat tista’ tkun limitata, l-ewwel, għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ “elementi ġodda”, it-tieni, għall-evalwazzjoni tar-rilevanza ta’ dawn l-elementi għas-sitwazzjoni personali tagħhom jew għas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u, it-tielet, għad-determinazzjoni ta’ jekk l-istess elementi kinux sostnuti minn biżżejjed evidenza. |
|
27. |
Il-Viċi President tad-DAB iddikjara li l-fatt li SN u LN kienu rreġistrati mal-UNRWA, għalkemm introdott bħala “element ġdid”, ma kienx rilevanti għas-sitwazzjoni personali ta’ SN u LN. L-ewwel, SN u LN kienu fil-fatt ibbenefikaw mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA fil-passat u l-unika raġuni li ma baqgħux jibbenefikaw minnha kienet għaliex huma kienu volontarjament telqu miż-żona li fiha topera din l-aġenzija. It-tieni, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li SN u LN ma jerġgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża. Barra minn hekk, il-Viċi President tad-DAB indika li l-argumenti ta’ SN u LN relatati mas-sitwazzjoni ġenerali fil-Medda ta’ Gaża ma wrewx li huma personalment affaċċjaw persekuzzjoni jew theddid serju ieħor. In-nuqqas ta’ kwalunkwe theddid bħal dan kien ifisser li ma kinux jikkwalifikaw għal protezzjoni internazzjonali. |
|
28. |
SN u LN kkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), li hija l-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, SN argumentat li r-ritorn tagħha fil-Medda ta’ Gaża (flimkien ma’ LN) ikun jikser il-prinċipju ta’ non-refoulement li jirrikjedi li l-Istati Membri joqogħdu lura milli jibagħtu lil xi ħadd fi Stat fejn ikun hemm riskju serju li dan ikun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti. |
|
29. |
Dik il-qorti tixtieq tkun taf, l-ewwel, kif l-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li jikkonċerna applikazzjonijiet sussegwenti, għandu jiġi interpretat f’tali sitwazzjoni. Hija tinnota li, insostenn tal-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom, SN u LN ipproduċew prova tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-UNRWA, element li huma ma kinux żvelaw bħala parti mill-applikazzjonijiet preċedenti tagħhom. Madankollu, hija tindika li l-ebda wieħed mill-elementi msemmija minn SN u LN dwar ir-raġunijiet għaliex kienu telqu mill-Medda ta’ Gaża ma jista’ jitqies bħala “ġdid”, peress li dawn l-elementi kollha kienu diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjonijiet preċedenti tagħhom. |
|
30. |
It-tieni, hija tistaqsi jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandhiex titqies bħala li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ SN u LN, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali fil-Medda ta’ Gaża. F’dan ir-rigward, hija tinnota li din is-sitwazzjoni ġenerali, li marret għall-agħar matul dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda dubju affettwat il-kapaċità tal-UNRWA li tipprovdi protezzjoni jew għajnuna effettiva lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana fil-Medda ta’ Gaża. Barra minn hekk, l-UNRWA ma għandhiex biżżejjed fondi u għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija tirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ April 2018 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaża ( 13 ) li fiha dik iż-żona hija deskritta bħala li qiegħda ssofri minn “kriżi umanitarja mingħajr preċedent li qed tiddeterjora”. Barra minn hekk, hija tirreferi għal dokument intitolat “Il-Pożizzjoni tal-UNHCR dwar Ritorni Lejn Gaża” ta’ Marzu 2022 ( 14 ), li fih il-UNHCR (il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati) indika li l-popolazzjoni ċivili li qiegħda taħrab mill-Medda ta’ Gaża ma għandhiex tiġi rritornata bil-forza lejn dik iż-żona, minħabba l-evidenza ta’ allegazzjonijiet serji ta’ ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta’ instabbiltà kontinwa. |
|
32. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tikkunsidra li SN u LN ikunu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ “deprivazzjoni materjali estrema”, fis-sens tas-sentenza fil-kawża Jawo ( 15 ), kieku jiġu mġiegħla jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża. Skont dik is-sentenza, SN u LN ikollhom juru li r-ritorn tagħhom fil-Medda ta’ Gaża jpoġġihom f’sitwazzjoni li ma tippermettilhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom, bħall-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, u li dan ikun idgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħhom jew ipoġġihom fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. Dik il-qorti tinnota li kieku LN (li hija minuri) kellha tiġi mġiegħla tirritorna lejn il-Medda ta’ Gaża, il-benesseri u s-sigurtà tagħha żgur li jkunu fir-riskju. Madankollu, hija tfakkar ukoll li r-raġuni għaliex SN u LN telqu mill-Medda ta’ Gaża ma hijiex marbuta ma’ xi theddida serja għas-sigurtà personali tagħhom, iżda biss mas-sitwazzjoni ġenerali f’dik iż-żona. |
|
33. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
34. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tad‑9 ta’ Awwissu 2022, ġiet irreġistrata fit‑22 ta’ Awwissu 2022. Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammet l-ebda seduta. |
IV. Analiżi
|
35. |
Id-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-applikanti għall-ażil għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-iskema ġenerali u tal-għan tagħha, li huma, inter alia, li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali, u b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-Trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, id-dispożizzjonijiet li hemm fiha għandhom ukoll jiġu interpretati b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta ( 16 ). |
|
36. |
L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jagħti dettalji dwar ir-reġim legali speċifiku applikabbli għall-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA. Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) ( 17 ), din id-dispożizzjoni tinkludi kemm klawżola ta’ esklużjoni kif ukoll klawżola ta’ inklużjoni. |
|
37. |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li jekk persuna tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, hija tkun eskluża milli tingħata l-istatus ta’ refuġjat taħt din id-direttiva, bl-istess mod li tali persuna tkun ukoll eskluża milli tkun refuġjata taħt din il-konvenzjoni. Għalkemm la l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u lanqas l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jipprovdu dan espliċitament, il-klawżola ta’ esklużjoni li dawn fihom, fil-prattika, tapplika biss għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana u, b’mod iżjed speċifiku, għal dawk biss li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA ( 18 ). |
|
38. |
Min-naħa l-oħra, jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tista’ titqies bħala li “waqfet”, din il-klawżola ta’ esklużjoni ma tibqax tapplika u tali persuni “għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji” tad-Direttiva 2011/95 (bl-istess mod li huma jsiru ipso facto wkoll intitolati għall-benefiċċji tal-Konvenzjoni ta’ Genève). Dawk il-benefiċċji jistgħu jintalbu “ipso jure” ( 19 ) – mingħajr il-ħtieġa li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li japplikaw għal applikanti oħra għall-ażil. Madankollu, l-istatus ta’ refuġjat ma huwiex mogħti awtomatikament jew mingħajr kundizzjonijiet, peress li, anki f’dik is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, pereżempju, jivverifikaw, f’kull każ, li l-persuni kkonċernati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva ( 20 ), li japplikaw meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li huma jkunu wettqu jew inċitaw jew ipparteċipaw b’xi mod ieħor fit-twettiq ta’ ċerti reati. |
|
39. |
Kif iddikjarat l-Avukata Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Bolbol ( 21 ), l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève rriżulta minn kuntest speċifiku. Dan ġie abbozzat ftit wara l-kunflitt Iżraeljan‑Għarbi tal‑1948, bil-ħsieb li, inter alia, jiġi evitat eżodu tal-massa miż-żona ġeografika li kienet il-Palestina u, fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana – li ġew irrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali ( 22 ) – ikomplu jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva sakemm il-pożizzjoni tagħhom tkun ġiet solvuta definittivament skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 23 ). |
|
40. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-għan tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huwa bbażat fuq ir-ratio legis li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana għandhom ikunu jistgħu jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva mill-UNRWA, u mhux li sempliċement jiġu ggarantiti l-eżistenza ta’ korp jew aġenzija li l-kompitu tagħhom huwa li jipprovdu tali għajnuna jew protezzjoni ( 24 ). |
|
41. |
F’dan il-kuntest, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna kwistjoni proċedurali speċifika, marbuta mal-fatt li, fil-proċeduri prinċipali, SN u LN qegħdin ifittxu status ta’ refuġjat għat-tieni darba. Hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, meta persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tissottometti tali “applikazzjoni sussegwenti”, wara li l-ewwel applikazzjoni tagħha tkun ġiet miċħuda, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx jevalwaw mill-ġdid l-elementi fattwali relatati mar-raġunijiet għalfejn il-persuna kkonċernata telqet miż-żona li fiha topera l-UNRWA, anki meta dawn l-elementi kienu diġà kkunsidrati minn dawn l-awtoritajiet fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-ewwel applikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li, matul din il-proċedura, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti eżaminaw dawn l-elementi sabiex jiddeterminaw jekk din il-persuna kinitx tissodisfax il-kriterji ġenerali sabiex tingħata l-istatus ta’ refuġjat, u mhux sabiex jiddeterminaw jekk il-lex specialis li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kinitx tapplika għaliha (minħabba li dan l-applikant ma kienx issottometta li huwa kien irreġistrat mal-UNRWA) (A). |
|
42. |
It-tieni u t-tielet domanda, li ser nanalizza flimkien, huma ta’ natura usa’ u sensittiva. Kif diġà invokajt fl-introduzzjoni iżjed ’il fuq, dawn jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, essenzjalment, jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tistax tiġi kkunsidrata bħala li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ applikanti li għamlu użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna u li kienu jgħixu fil-Medda ta’ Gaża, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti f’dik iż-żona, mingħajr ma jkollhom juru li huma mmirati jew affettwati speċifikament minn dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (B). |
|
43. |
Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-interrelazzjoni – u t-trikkib potenzjali – bejn il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tkun ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u dawk li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna bħal din tingħata protezzjoni sussidjarja (C). |
A. L‑ewwel domanda: il‑ħtieġa li jiġu evalwati mill‑ġdid elementi fattwali diġà eżaminati matul proċedura preċedenti bbażata fuq bażi legali differenti
|
44. |
Kif diġà ddikjarajt, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ SN u LN fil-kawża prinċipali huma “applikazzjonijiet sussegwenti”. Tali applikazzjonijiet huma definiti, taħt l-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32, bħala “applikazzjoni[jiet] oħra għall-protezzjoni internazzjonali li [jsiru] wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti”. |
|
45. |
Il-qorti tar-rinviju ma qajmitx id-domanda dwar jekk id-Direttiva 2013/32, li fiha r-regoli proċedurali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ġeneralment jikkonformaw magħhom meta jipproċessaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, tapplikax għal persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA. Peress li dawn il-persuni huma, bħala prinċipju, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, wieħed jista’ jistaqsi jekk humiex esklużi wkoll mir-regoli proċedurali tad-Direttiva 2013/32 (jew mill-inqas xi wħud minnhom). F’dan ir-rigward, ninnota, madankollu, li din id-direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni f’dan is-sens. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa loġiku li r-regoli proċedurali li jinsabu f’din id-direttiva japplikaw għal tali persuni. Fil-fatt, għalkemm ma humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-istess kundizzjonijiet sostantivi bħal applikanti oħra għall-ażil (b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95), ma narax li hemm raġuni għalfejn dawn il-kundizzjonijiet sostantivi differenti għandhom jirriżultaw f’li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu suġġetti għal regoli proċedurali differenti taħt id-Direttiva 2013/32. |
|
46. |
Fl-ewwel applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali (li ġew miċħuda mid-DAB), SN u LN ma semmewx il-fatt li huma kienu rreġistrati mal-UNRWA jew li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 kien japplika għalihom. L-informazzjoni pprovduta fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li d-DAB ċaħdet l-ewwel applikazzjonijiet tagħhom minħabba li huma ma ssodisfawx il-kriterji ġenerali meħtieġa sabiex jiksbu l-istatus ta’ refuġjat, kif stabbiliti taħt din id-direttiva u, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tagħha. Din iċ-ċaħda, għalhekk, ma kinitx ibbażata fuq il-lex specialis li tinsab f’dan l-Artikolu 12(1)(a). |
|
47. |
L-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN huma differenti mill-ewwel applikazzjonijiet tagħhom sa fejn, f’dawn l-applikazzjonijiet sussegwenti, huma jinvokaw ir-reġistrazzjoni tagħhom mal-UNRWA u l-intitolament tagħhom għal status ta’ refuġjat skont din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi osservat li l-fatt li SN u LN huma rreġistrati mal-UNRWA huwa “element ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 33(2), tal-Artikolu 40(2) u tal-Artikolu 40 (3) tad-Direttiva 2013/32. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, element jista’ jitqies bħala “ġdid” meta jibda jseħħ wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti tal-applikant jew fejn l-applikant jippreżentah għall-ewwel darba bħala parti mill-applikazzjoni sussegwenti tiegħu ( 25 ). Kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, “element ġdid” għalhekk ma għandux għalfejn isegwi d-deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjonijiet preċedenti tal-persuni kkonċernati ( 26 ). Għalkemm SN u LN kienu diġà rreġistrati mal-UNRWA fiż-żmien li fih applikaw għall-ewwel darba għall-protezzjoni internazzjonali, dan l-element ma ġiex żvelat jew magħmul disponibbli lid-DAB qabel ippreżentaw l-applikazzjonijiet sussegwenti tagħhom. Dan l-“element ġdid” jagħti bidu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u, għalhekk, jiftaħ bażi legali differenti li fuqha SN u LN jistgħu jitolbu l-intitolar tagħhom għall-istatus ta’ refuġjat. |
|
48. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-DAB kinitx marbuta li, meta eżaminat l-applikazzjonijiet sussegwenti ta’ SN u LN fuq il-mertu, tikkunsidra mhux biss il-fatt li dawn kienu rreġistrati mal-UNRWA (l-“element ġdid”), iżda wkoll elementi fattwali oħra fil-fajl tagħhom, b’mod partikolari dawk dwar ir-raġunijiet għaliex kienu telqu mill-Medda ta’ Gaża, li kienu diġà ġew analizzati matul dik il-proċedura preċedenti. Dawn ir-raġunijiet huma relatati mal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali prevalenti fil-Medda ta’ Gaża qabel it-tluq ta’ LN u SN minn dik iż-żona. |
|
49. |
Dik il-qorti tirreferi għall-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, li, fil-fehma tagħha, jipprovdi obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jikkunsidraw, f’kull każ, l-elementi kollha sottostanti għall-applikazzjoni sussegwenti. |
|
50. |
Huwa minnu li din id-dispożizzjoni tirreferi għal tali obbligu. Madankollu, kif nifhem jien, l-Artikolu 40(1) jikkonċerna biss żewġ sitwazzjonijiet partikolari. L-ewwel waħda tqum fejn, qabel ma tkun intlaħqet deċiżjoni finali dwar l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant jew jagħmel iktar rappreżentazzjonijiet jew jippreżenta applikazzjoni sussegwenti f’dak l-istess Stat Membru. Dan jista’ jkun, pereżempju, waqt li jkun hemm appell għaddej kontra d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. It-tieni sitwazzjoni tqum fejn tkun diġà ttieħdet deċiżjoni definittiva, iżda d-dritt nazzjonali rilevanti jippermetti li l-proċedura terġa’ tinfetaħ fid-dawl ta’ “element ġdid” ( 27 ). |
|
51. |
Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma tidher li tkopri din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-applikazzjoni sussegwenti tirriżulta f’li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jwettqu proċedura ġdida ta’ ażil fuq bażi legali differenti (in casu, din il-bażi legali ġdida hija l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95). Għalhekk ma hinix konvint bl-argument li obbligu ġenerali li jitqiesu l-elementi kollha sottostanti għal applikazzjoni sussegwenti jista’ jiġi inferit minn din id-dispożizzjoni partikolari. |
|
52. |
Dan ingħad, ninnota li l-Gvern Bulgaru jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 minflok fuq l-Artikolu 40(1) tagħha. Huwa jargumenta li, kuntrarjament għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 ( 28 ), it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni japplikaw għal sitwazzjonijiet, bħal din inkwistjoni, fejn tinbeda tali proċedura ġdida ta’ ażil. Dan il-gvern iqis li, taħt dawn il-paragrafi, elementi diġà evalwati matul il-proċedura ta’ ażil preċedenti ma għandhomx għalfejn jiġu eżaminati mill-ġdid matul din il-proċedura l-ġdida. Fil-fehma tiegħu, l-“element ġdid” biss għandu jiġi analizzat fil-kuntest tat-tieni proċedura ta’ applikazzjoni. |
|
53. |
Filwaqt li naqbel mal-Gvern Bulgaru dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għall-kwistjoni ineżami fil-proċeduri prinċipali, jien ma naqbilx mal-interpretazzjoni li dan il-gvern jipproponi. Fil-fehma tiegħi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jillimitaw ruħhom jevalwaw biss l-“element ġdid”. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 40(2) u l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 33(2)(d) tagħha ( 29 ), jindikaw li l-eżistenza ta’ “elementi ġodda” biss tista’ tipprevjeni li applikazzjonijiet sussegwenti jiġu ddikjarati inammissibbli. Għalhekk, bħala prinċipju ( 30 ), “elementi ġodda” huma l-uniċi elementi rilevanti fl-istadju tal-ammissibbiltà ta’ tali applikazzjonijiet. Madankollu, l-istess ma jgħoddx meta applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata fuq il-merti tagħha (wara li tkun instabet li hija ammissibbli). Dawk iż-żewġ stadji għandhom ikunu distinti b’mod ċar. |
|
55. |
Fil-fatt, ladarba l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jgħaddu sabiex jeżaminaw applikazzjoni sussegwenti fuq il-merti tagħha, l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiża li dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jittrattaw tali applikazzjoni b’mod differenti, sempliċement għaliex ma tkunx ġiet ippreżentata minn applikant għall-ewwel darba. Din id-dispożizzjoni tindika li, fl-istadju ta’ eżami tal-mertu tal-proċedura, il-prinċipji u l-garanziji bażiċi elenkati fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, tabilħaqq japplikaw. Dan il-kapitolu jeħtieġ, inter alia, li deċiżjoni dwar jekk persuna tikkwalifikax bħala refuġjat għandha tittieħed individwalment, oġġettivament u imparzjalment u biss “wara eżami adegwat” ( 31 ). |
|
56. |
Nista’ faċilment naċċetta li wħud mill-elementi fattwali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti diġà evalwaw matul proċedura preċedenti ta’ ażil jistgħu jkunu identiċi għal dawk li huma għandhom iqisu meta jeżaminaw applikazzjonijiet sussegwenti tal-persuni kkonċernati, anki meta ż-żewġ proċeduri jkunu bbażati fuq bażijiet legali differenti. Pereżempju, dawn il-persuni jistgħu – kif jidher li huwa l-każ hawnhekk – jinvokaw l-istess raġunijiet sabiex jitilqu minn pajjiżhom jew iż-żona tal-oriġini tagħhom. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jeħlisx lil dawn l-awtoritajiet mill-obbligu li jevalwaw mill-ġdid ir-rilevanza u l-eżattezza ( 32 ) ta’ dawn l-elementi fattwali. Dan l-obbligu għandu jiġi osservat f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, il-bażi legali li fuqha titwettaq l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni sussegwenti (l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95) ma tkunx l-istess bħal dik li fuq il-bażi tagħha tkun twettqet il-proċedura preċedenti. F’sitwazzjoni bħal din, l-elementi rilevanti – anki jekk diġà jkunu ġew eżaminati matul din il-proċedura preċedenti – għandhom jiġu evalwati mill-ġdid permezz tal-priżma tal-kriterji speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
|
57. |
Kif spjegajt fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni fiha regola speċifika dwar l-intitolar għall-istatus ta’ refuġjat, li hija distinta mill-kriterji ġenerali stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95. Meta japplikaw l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex obbligati jiddeterminaw jekk, fid-dawl tar-raġunijiet li wassluha titlaq mill-post ta’ oriġini tagħha, il-persuna kkonċernata għandhiex “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, kif ikollhom jagħmlu taħt il-kriterji ġenerali għall-kisba ta’ status ta’ refuġjat previsti, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istrument. Dan ir-rekwiżit ta’ “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni” ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu taħt l-Artikolu 12(1)(a), li tiffoka fuq jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tkunx “waqfet” jew le. Kwalunkwe raġuni li l-persuna seta’ kellha biex titlaq mill-post ta’ oriġini tagħha għandha, f’dan il-kuntest, tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit biss. |
|
58. |
Nista’ faċilment nimmaġina li l-evidenza li persuna tkun għexet f’kundizzjonijiet materjali foqra fiż-żona li fiha topera l-UNRWA u li hija tkun telqet minn din iż-żona bħala riżultat ta’ dawk il-kundizzjonijiet materjali foqra (kif jidher li huwa l-każ ta’ SN u LN fil-kawża prinċipali) tista’ tkun fattur sabiex jiġu deċiżi kemm il-mistoqsija dwar jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA “waqfitx” fir-rigward tagħha, sabiex tkun ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, kif ukoll dik dwar jekk għandux jingħatalha dan l-istatus b’applikazzjoni tal-kriterji ġenerali li jinsabu, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Madankollu, din l-evidenza ma tistax tiġi evalwata fl-istess dawl mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont liema minn dawn iż-żewġ bażijiet legali tkun rilevanti. Waqt proċedura bbażata fuq il-kriterji ġenerali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat stabbiliti fid-Direttiva 2011/95 (u mhux fuq l-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jindirizzaw l-evidenza tal-fatt li l-persuna kkonċernata għexet f’kundizzjonijiet materjali foqra minn angolu differenti minn dak taħt l-Artikolu 12(1)(a), peress li, fost affarijiet oħra, għandhom jiffokaw fuq jekk id-deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-għajxien li kienu esposti għalihom dawn il-persuni jistax jitqies bħala “att ta’ persekuzzjoni” ( 33 ) u mhux jekk jikkontribwixxix għall-istabbiliment tal-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA. |
|
59. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li, meta jeżaminaw applikazzjoni sussegwenti abbażi tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jevalwaw mill-ġdid, fid-dawl tal-kriterji legali speċifiċi għal din id-dispożizzjoni, l-elementi fattwali li huma diġà analizzaw fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq din id-dispożizzjoni iżda fuq il-kriterji ġenerali li l-persuni li ma jaqgħux fil-portata tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva għandhom jissodisfaw sabiex jingħataw l-istatus ta’ refuġjat. |
B. It‑tieni u t‑tielet domanda: il‑waqfien tal‑protezzjoni jew tal‑għajnuna tal‑UNRWA fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien prevalenti f’parti taż‑żona li fiha topera
|
60. |
Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, essenzjalment, jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandhomx jitqiesu bħala li “waqfu”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fir-rigward ta’ persuni li għamlu użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġeneralment prevalenti fil-Medda ta’ Gaża u mingħajr tali persuni ma jkollhom juru li huma mmirati speċifikament jew affettwati b’dawn il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. Hija tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda tistax tkun differenti meta l-applikanti jkunu minuri. |
|
61. |
Infakkar li, sabiex tkun tapplika l-klawżola ta’ inklużjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, huwa biżżejjed, kif tindika espressament din id-dispożizzjoni, li l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna ta’ organu jew ta’ aġenzija bħall-UNRWA jseħħ għal “xi raġuni”. |
|
62. |
Filwaqt li elaborat fuq it-tifsira ta’ dawn it-termini, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA jseħħ mhux biss jekk din l-aġenzija ma tibqax teżisti, iżda wkoll jekk il-persuna kkonċernata tkun ġiet imġiegħla titlaq miż-żona li fiha topera l-UNRWA għal raġunijiet mhux konnessi mar-rieda tagħha ( 34 ). Dan huwa l-każ jekk is-sigurtà personali tal-individwu kkonċernat tkun f’riskju serju (l-ewwel rekwiżit) ( 35 ) u jekk ikun impossibbli li din l-aġenzija tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ din il-persuna fiż-żona ta’ operat tagħha jkunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha, li hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi” ( 36 ) (it-tieni rekwiżit). |
|
63. |
Sabiex jivverifikaw jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti u sabiex jivverifikaw jekk il-persuni kkonċernati humiex, bħala riżultat, ipso facto, intitolati għall-istatus ta’ refuġjat taħt id-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkunsidraw mhux biss ir-raġunijiet li wasslu lir-rikorrenti sabiex jitilqu miż-żona li fiha topera l-UNRWA, iżda wkoll jekk huwiex attwalment possibbli għalihom li jirritornaw hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan ir-rekwiżit ċar ħafna fis-sentenza tagħha fil-kawża Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) ( 37 ), li fiha ddeċidiet li dawn l-awtoritajiet għandhom jivverifikaw jekk teżistix possibbiltà effettiva ta’ ritorn fiż-żona li fiha topera l-UNRWA. Hija spjegat li għandhom jitqiesu l-elementi fattwali, peress li dawn ikunu jeżistu mhux biss fiż-żmien tat-tluq ta’ din il-persuna miż-żona li fiha topera l-UNRWA iżda wkoll meta l-applikazzjoni tagħha tkun qiegħda tiġi kkunsidrata ( 38 ). |
|
64. |
Minn dan isegwi li, għan-nies li jgħixu fil-Medda ta’ Gaża, fejn il-livell ta’ nuqqas ta’ sigurtà u l-kundizzjonijiet tal-għajxien qegħdin jinbidlu malajr, speċjalment mill-avvenimenti li seħħew hemmhekk sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali li għaddejja bħalissa f’din iż-żona għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra r-raġunijiet li wasslu lil dawn il-persuni sabiex jitilqu minnha oriġinarjament. |
|
65. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li SN u LN ma kinux suġġetti għal theddid individwali għas-sigurtà tagħhom qabel telqu mill-Medda ta’ Gaża u li huma telqu minn din iż-żona volontarjament. Madankollu, dik il-qorti tispjega li, fl‑2018, meta SN u LN telqu mill-Medda ta’ Gaża, “kriżi umanitarja bla preċedent, assoċjata ma’ nuqqas ta’ ikel, ilma tax-xorb, servizzi tas-saħħa u mediċini, kif ukoll kwistjonijiet ta’ provvista ta’ ilma u ta’elettriku, il-qerda ta’ bini u infrastruttura, u l-qgħad” kienu diġà għaddejjin hemmhekk. |
|
66. |
Fir-rigward tal-perijodu wara li SN u LN telqu minn din iż-żona, il-qorti tar-rinviju tinsisti fuq id-diffikultajiet affaċċjati mill-UNRWA sabiex issostni l-provvista ta’ servizzi fil-Medda ta’ Gaża (inkluż fil-forma ta’ ikel u servizzi tas-saħħa). Dik il-qorti tissuġġerixxi wkoll li, anki qabel bdew iseħħu l-avvenimenti f’dik iż-żona sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023, ma kienx hemm ċertezza jekk SN u LN, li kieku kellhom jirritornaw lejn il-Medda ta’ Gaża, ikunux jistgħu jiksbu l-ikel, il-mediċina, is-servizzi tas-saħħa jew edukazzjoni li jeħtieġu mill-UNRWA. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija tiddubita jekk kwalunkwe persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana tistax tkun obbligata li tirritorna f’din iż-żona. |
|
67. |
Jiena naqbel mal-Kummissjoni li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq l-evalwazzjoni fattwali tagħha stess tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali prevalenti fil-Medda ta’ Gaża jew taċ-ċirkustanzi personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tapplika regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’din il-kawża, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju (jew, skont il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti) li għandha tivverifika, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien li jeżistu bħalissa fil-Medda ta’ Gaża, jekk SN u LN humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt tiċċara l-kriterji legali li l-qorti tar-rinviju jew dawn l-awtoritajiet għandhom japplikaw f’dan ir-rigward u ċ-ċirkustanzi li huma rilevanti għal din l-evalwazzjoni. |
|
68. |
Il-mistoqsija ċentrali li għandha tingħata tweġiba f’dan ir-rigward hija jekk, sabiex jiġi stabbilit li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tkun “waqfet” fir-rigward ta’ persuna li tkun għamlet użu minn din il-protezzjoni jew l-għajnuna fiż-żona li fiha topera din l-aġenzija jew f’parti minnha, ikunx biżżejjed li din il-persuna tinvoka l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti hemmhekk. |
1. L‑importanza relattiva ta’ elementi relatati mal‑kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien […]
|
69. |
Għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet li għalihom l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma japplikax u li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għalhekk jibbażaw ruħhom fuq il-kriterji ġenerali sabiex jiddeċiedu jekk għandux jingħata l-istatus ta’ refuġjat previst f’dik id-direttiva (kriterji li huma ddettaljati, inter alia, fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6 ta’ dan l-istrument), il-fatt li persuna tkun f’riskju serju li taffaċċja dannu serju minħabba kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi, trattament ħażin, vjolenza indiskriminata jew dannu serju ieħor jekk ikollha tirritorna lejn il-pajjiż jew iż-żona tal-oriġini tagħha ma jirriżultax, fih innifsu u minnu nnifsu, f’li hija tkun de facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat. |
|
70. |
Skont dawn il-kriterji ġenerali, l-istatus ta’ refuġjat jingħata biss jekk l-applikant għall-ażil ikollu “biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95. “[B]iża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni” ma jeżistix sakemm l-atti rilevanti ma jkunux “atti ta’ persekuzzjoni” (kif iddefiniti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva), ma jitwettqux minn ċerti atturi (elenkati taħt l-Artikolu 6 tagħha) u ma jkunux konnessi ma’ raġuni partikolari (kif deskritt fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95). |
|
71. |
Madankollu, riskju ta’ dannu serju jista’, anki jekk ma jasalx sal-livell ta’ “biża ġustifikat ta’ persekuzzjoni”, jintitola lill-persuni kkonċernati għal protezzjoni sussidjarja, li hija forma differenti ta’ protezzjoni internazzjonali ( 39 ) (li l-kundizzjonijiet tagħha huma ddettaljati fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva). Dan jista’ wkoll joħloq, b’mod iktar ġenerali, obbligu għall-Istati Membri li ma jibagħtux lil dawk il-persuni lura lejn il-pajjiż jew iż-żona ta’ oriġini tagħhom, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Dan il-prinċipju huwa stabbilit, inter alia, fl-Artikolu 3 tal-KEDB ( 40 ) u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta. B’mod partikolari, din l-aħħar dispożizzjoni teħtieġ li ħadd ma jista’ “jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”. |
|
72. |
Analiżi differenti hija meħtieġa meta jkun applikabbli l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
|
73. |
Kif spjegajt, din id-dispożizzjoni tikkundizzjona l-intitolar għall-istatus ta’ refuġjat ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA għall-kwistjoni dwar jekk din il-protezzjoni jew l-għajnuna tkunx “waqfet” jew le. Kif indikajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-missjoni tal-UNRWA hija li tiżgura “kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi” għall-persuni mqiegħda taħt il-protezzjoni jew l-għajnuna tagħha, billi tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (f’termini ta’, inter alia, ikel, iġjene personali u post fejn jgħixu). Peress li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta (li jipprovdi li “[ħ]add m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti” u li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 3 tal-KEDB) hija marbuta mill-qrib ma’ obbligi pożittivi ta’ protezzjoni għad-dinjità tal-bniedem ( 41 ), għalija huwa ċar – għall-inqas – li l-missjoni tal-UNRWA għandha titqies bħala li “waqfet” jekk ikun hemm riskju serju li dawk il-persuni, jekk jiġu rritornati fiż-żona li fiha topera l-UNRWA (jew f’parti minnha), jiġu esposti għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (li l-UNRWA hija obbligata li tiżgura li jiġu ssodisfatti) ma setgħux jiġu ssodisfatti. Dan jinkludi kundizzjonijiet tal-għajxien li ma humiex dinjitużi, trattament ħażin u vjolenza indiskriminata, kif ukoll dannu serju ieħor, li jippreżupponu li jiġu kkawżati uġigħ jew tbatija fiżika jew mentali ta’ intensità jew tul ta’ żmien suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-limitu stabbilit minn dik id-dispożizzjoni ( 42 ), li huwa l-istess bħal dak taħt l-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 43 ). Huwa importanti jingħad li ma huwiex meħtieġ li jintwera li d-dannu serju jsir minn ċerti atturi jew huwa konness ma’ raġuni partikolari u, għalhekk, jammonta għal “persekuzzjoni”. |
|
74. |
Konsegwentement, jekk persuna li tkun għamlet użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA tkun, bħala riżultat tan-nuqqas tal-UNRWA li tiżgura li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tagħha ( 44 ), esposta għal trattament ħażin li jkun jilħaq dak il-limitu, iż-żewġ rekwiżiti li ddeskrivejt fil-punt 62 iktar ’il fuq għandhom jitqiesu, mingħajr ma huwa meħtieġ iżjed, li ġew issodisfatti. F’termini konkreti, il-persuna kkonċernata għandha titqies bħala li kienet “imġiegħla titlaq” miż-żona li fiha topera l-UNRWA u li, għal din ir-raġuni, hija ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
|
75. |
Sabiex inkun ċar, kif għadni kif spjegajt, riskju ta’ esponiment għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, fih innifsu u minnu innifsu, ma jintitolax lil xi ħadd għal status ta’ refuġjat fl-Unjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha rwol speċifiku fir-rigward ta’ persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA u fir-rigward tal-mistoqsija dwar jekk huma humiex intitolati għall-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, infakkar li, kif diġà spjegajt fil-punt 39 iktar ’il fuq, persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali. Ir-raġuni għaliex huma esklużi mill-istatus ta’ refuġjat taħt id-Direttiva 2011/95 hija li huma suppost jirċievu protezzjoni jew għajnuna effettiva mill-UNRWA, li suppost tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom (f’termini, inter alia, ta’ ikel, iġjene personali u post fejn jgħixu) u tiżgura li jgawdu minn kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi. Din l-esklużjoni ma tistax tibqa’ ġġustifikata jekk in-nuqqas tal-UNRWA li tiżgura s-sodisfazzjon ta’ dawn il-ħtiġijiet bażiċi jirriżulta fil-fatt li dawn jiġu esposti għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
76. |
Madankollu, jiena tal-fehma li l-kwistjoni dwar jekk l-evidenza ta’ deterjorament tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha jistgħux ikunu biżżejjed jew le sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta għal trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta kieku jkollha tirritorna hemmhekk, u, għalhekk, li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħha tkun “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, tkun tiddependi preċiżament fuq il-grad ta’ tali deterjorament. |
|
77. |
Minn naħa, naqbel li s-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha jkunu inferjuri għal dawk li persuna tista’ tgawdi kieku tingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din il-persuna ġiet imġiegħla titlaq minn din iż-żona ( 45 ). Min-naħa l-oħra, jidhirli li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti sitwazzjonijiet, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jistgħu jsiru tant intollerabbli li jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għal kwalunkwe persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li tgħix hemmhekk (a). Bejn dawn iż-żewġ truf tal-ispettru, il-fatt jekk il-persuna kkonċernata tistax titqies, minħabba l-istess kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien (għalkemm inqas ħorox), bħala li ġiet “imġiegħla” titlaq miż-żona li fiha topera l-UNRWA jew le jkun jiddependi, kif ser nispjega, fuq jekk tappartjenix għal grupp partikolarment vulnerabbli (b) jew jekk għandhiex titqies bħala partikolarment vulnerabbli jew partikolarment affettwata minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħha (c). |
a) Sitwazzjonijiet fejn il‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien “ma humiex dinjitużi” għal kulħadd
|
78. |
Infakkar li, inter alia, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elgafaji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-domanda dwar jekk tistax tingħata protezzjoni sussidjarja minħabba vjolenza indiskriminata kkawżata minn kunflitt armat intern jew internazzjonali, li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-grad ta’ vjolenza indiskriminata jilħaq livell tant għoli li jkun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex jitqies li persuna ċivili, irritornata fil-pajjiż jew fiż-żona rilevanti, tkun, biss minħabba l-preżenza tagħha f’dan it-territorju, taffaċċja riskju reali li tkun suġġetta għal theddida għal ħajjitha ( 46 ). |
|
79. |
Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha fil-kawża Jawo, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet (għalkemm għad mhux fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95) ( 47 ) li ċerti żoni ġeografiċi jistgħu, fil-prattika, jesperjenzaw problemi operazzjonali (jew nuqqasijiet sistemiċi) tant kbar li hemm riskju sostanzjali li kwalunkwe applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’, meta jiġi ttrasferit jew irritornat lejn dawk iż-żoni, jiġi ttrattat b’mod inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, trasferimenti jew ritorn ta’ kwalunkwe applikant għall-ażil lejn dawn iż-żoni ġeografiċi, sempliċement, ma jistgħux isiru ( 48 ) fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti hemmhekk, mingħajr ma jkun meħtieġ li dawn il-persuni juru li huma jappartjenu għal grupp partikolarment vulnerabbli ta’ applikanti għall-ażil (pereżempju minħabba li huma minuri), jew li huma partikolarment vulnerabbli minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, minħabba mard) jew partikolarment probabbli li jiġu affettwati minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, għal darba oħra minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, minħabba li d-dar tagħhom tinsab f’żona li partikolarment probabbli li tkun fil-mira ta’ atti vjolenti). |
|
80. |
Sitwazzjoni li hija partikolarment gravi biss tista’ tipproduċi tali projbizzjoni ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-livell ta’ severità partikolarment għoli ma jintlaħaqx f’sitwazzjonijiet li huma sempliċement ikkaratterizzati anki minn grad għoli ta’ nuqqas ta’ sigurtà jew degradazzjoni sinjifikattiva tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien ( 49 ). Dak li huwa meħtieġ huwa riskju serju li persuni rritornati lejn din iż-żona, minħabba dawn il-problemi operazzjonali jew nuqqasijiet sistemiċi) kbar, isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali estrem li ma tippermettilhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom, bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħhom jew tpoġġihom fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem ( 50 ). |
|
81. |
Jiena naħseb li din il-loġika tista’ tiġi importata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. L-ewwel, l-Artikolu 4 tal-Karta huwa dispożizzjoni ta’ applikazzjoni transversali, għalhekk kull interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex limitata għal strument partikolari tad-dritt sekondarju. It-tieni, ma jistax jiġi eskluż – sabiex ngħidu mill-inqas – li parti miż-żona li fiha topera l-UNRWA (in casu, il-Medda ta’ Gaża) tista’ tesperjenza nuqqasijiet sistemiċi ta’ tali severità (pereżempju, minħabba kunflitt armat jew imblokk militari jew, sabiex nuża t-termini tal-qorti tar-rinviju, “kriżi umanitarja mingħajr preċedent”), li hemm riskju sostanzjali li kull persuna mibgħuta lura hemmhekk issib ruħha – biss minħabba l-preżenza tagħha f’dan it-territorju – f’sitwazzjoni ta’ faqar materjali estrem li ma jħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn tgħix, u li jdgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew ipoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem u, għalhekk, mal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
82. |
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jiena tal-fehma li l-provi ta’ tali kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma biżżejjed, fis-sens li l-applikanti ma jistgħux jintalbu juru li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali huma “mhux dinjitużi” għalihom, b’mod individwalizzat (pereżempju, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom), jew li huma speċifikament affettwati minn dawk il-kundizzjonijiet minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, il-fatt li d-dar tagħhom tinsab fi triq immirata regolarment minn missili, kif jidher li huwa l-każ ta’ SN u LN) ( 51 ). |
|
83. |
Madankollu, xorta waħda għandu jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien jistgħu fil-fatt jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd, fis-sens li għandhom ikunu ta’ tali severità li jistgħu jikkawżaw tħassib għal kwalunkwe persuna, irrispettivament miċ-ċirkustanzi personali jew mill-identità tagħha. Sakemm dan ikun il-każ, jista’ jitqies, l-ewwel, li s-sigurtà personali ta’ kwalunkwe applikant li jkun meħtieġ li jirritorna f’dik iż-żona tkun f’riskju serju (l-ewwel rekwiżit li semmejt fil-punt 62 iktar ’il fuq) u, it-tieni, li l-UNRWA ma hijiex f’pożizzjoni li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuna bħal din ikunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha, li hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi” billi tiżgura li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jiġu ssodisfatti (it-tieni rekwiżit). Konsegwentement, il-protezzjoni jew l-għajnuna ta’ din l-aġenzija għandha titqies bħala li “waqfet” fir-rigward ta’ tali applikant, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
b) Sitwazzjonijiet li fihom l‑applikant għandu juri li jappartjeni għal grupp partikolarment vulnerabbli
|
84. |
Fil-fehma tiegħi, huwa meħtieġ approċċ iktar sfumat f’sitwazzjonijiet li ma jilħqux il-livell ta’ severità msemmi fit-taqsima preċedenti. Fil-fatt, sitwazzjonijiet li ma humiex affettwati minn nuqqasijiet sistemiċi severi biżżejjed li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali jkunu meqjusa bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd, xorta jistgħu jiġġeneraw “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” għal ċerti gruppi ta’ persuni partikolarment vulnerabbli (jew ċerti persuni partikolarment vulnerabbli, kif ser nispjega fit-taqsima li jmiss) billi ma jħalluhomx jissodisfaw il-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħhom. |
|
85. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk il-fatt li l-applikant ikun minuri jaffettwax il-livell ta’ severità meħtieġ sabiex il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fil-Medda ta’ Gaża jitqiesu bħala “mhux dinjitużi”. |
|
86. |
Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni ta’ jekk jeżistix “riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” tassew tiddependi mill-vulnerabilità partikolari tal-applikant għall-ażil ikkonċernat ( 52 ). Barra minn hekk, il-QEDB irrikonoxxiet li l-evalwazzjoni tal-livell minimu ta’ severità li trattament ħażin għandu jilħaq sabiex jaqa’ fil-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB hija, “fin-natura tal-affarijiet, relattiva” ( 53 ). |
|
87. |
Fir-rigward tal-minuri, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat repetutament, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li dawn huma grupp partikolarment vulnerabbli, bi ħtiġijiet speċifiċi, li huma differenti, partikolarment f’termini ta’ sikurezza u sigurtà, minn dawk tal-adulti ( 54 ). Din il-ġurisprudenza hija riflessa f’diversi strumenti tad-dritt tal-ażil tal-Unjoni, peress li, pereżempju, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-għajxien ipprovduti lit-tfal wara li jkunu rċevew l-istatus ta’ refuġjat ( 55 ), kif ukoll sakemm tingħata kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk għandhomx jingħataw protezzjoni internazzjonali, ikunu proporzjonati għall-ħtiġijiet tagħhom u jirriflettu l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom ( 56 ). Bħala tali, jidher ġeneralment aċċettat li l-kundizzjonijiet tal-għajxien li ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għall-adulti jistgħu madankollu jitqiesu bħala tali għat-tfal bħala grupp ( 57 ). |
|
88. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa ċar għalija li, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien – għalkemm mhux iddeterjorati biżżejjed sabiex joħolqu riskju serju ta’ dannu serju prattikament għal kull persuna – xorta jistgħu jitqiesu li jesponu lil kwalunkwe minuri għal riskju serju ta’ dannu serju inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-fatt li l-minuri jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli tal-applikanti għall-ażil. |
|
89. |
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jiena tal-fehma li l-persuni li jappartjenu għal dan il-grupp partikolarment vulnerabbli (jew kwalunkwe grupp ieħor partikolarment vulnerabbli) ma għandhomx għalfejn juru li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għalihom, b’mod individwalizzat, sakemm ikun jista’ jiġi stabbilit, l-ewwel, li dawk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien huma severi biżżejjed sabiex jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” għal kull min jappartjeni għal dan il-grupp u, it-tieni, li ċ-ċirkustanzi personali rilevanti tal-applikant (pereżempju, l-età, il-ġeneru jew kundizzjoni jew diżabbiltà partikolari) jikkwalifikawh bħala parti minn dan il-grupp. |
c) Sitwazzjonijiet fejn il‑persuna kkonċernata għandha turi li għandha vulnerabbiltà partikolari jew hija affettwata speċifikament mill‑kundizzjonijiet ġenerali tal‑għajxien minħabba ċ-ċirkustanzi personali tagħha
|
90. |
Kif indikajt fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li jeżistu wkoll ċerti sitwazzjonijiet, fejn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien ma jistgħux jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u, għalhekk, ikunu inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta prattikament għal kulħadd jew għal grupp jew gruppi ta’ persuni partikolarment vulnerabbli. Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet xorta jistgħu joħolqu “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” għal ċerti persuni li għandhom jitqiesu bħala partikolarment vulnerabbli minħabba ċ-ċirkustanzi personali ( 58 ) tagħhom jew li huma speċifikament affettwati mill-istess kundizzjonijiet ġenerali minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom (pereżempju, il-fatt li d-dar tagħhom tkun tinsab fi triq immirata regolarment minn missili). Fil-fatt, kif spjega l-Avukat Ġenerali Wathelet, “[i]kun manifestament inkompatibbli man-natura assoluta ta’ [l-Artikolu 4 tal-Karta] li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jaffettwaw applikant għall-ażil bil-pretest li dan ma jirriżultax minn difett sistemiku” ( 59 ). |
|
91. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat dan ir-raġunament fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Tabilħaqq, fis-sentenza tagħha fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), li kienet tikkonċerna persuna li tbati minn marda partikolarment serja, hija kkonkludiet li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandha titqies bħala li “waqfet”, jekk din l-aġenzija ma tkunx tista’ tiżgura li persuna bħal din ikollha aċċess għall-kura tas-saħħa speċifika u trattament mediku li mingħajrhom hija tkun esposta għal riskju reali ta’ mewt imminenti jew għal riskju reali li tkun esposta għal tnaqqis gravi, rapidu u irriversibbli fl-istat ta’ saħħa tagħha jew għal tnaqqis sinjifikattiv tal-aspettattivi ta’ ħajja tagħha ( 60 ). |
|
92. |
F’sitwazzjonijiet bħal dik li wasslet għas-sentenza SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana), il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti f’parti miż-żona li fiha topera l-UNRWA ma kinux, fihom innifishom, severi biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trattament inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għal kulħadd jew saħansitra għal grupp partikolari ta’ persuni. Madankollu, l-applikant ikkonċernat seta’ jibbaża ruħu fuq ċirkustanzi personali partikolari għalih li kienu jagħmluh partikolarment vulnerabbli, u wasslu sabiex dawk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien ikunu insopportabbli u “mhux dinjitużi” (u għalhekk inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni) għalih, b’mod individwalizzat. |
2. […] Iżda l‑ħtieġa għal evalwazzjoni individwali fil‑każijiet kollha
|
93. |
Speċifikajt, fit-taqsimiet preċedenti, tliet xenarji possibbli li fihom il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tista’ titqies bħala li “waqfet” minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ din l-aġenzija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi lil persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tagħha, billi tiżgura, essenzjalment, li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom bħal, inter alia, l-ikel, l-iġjene personali u post fejn jgħixu, jiġu ssodisfatti. |
|
94. |
Fil-fehma tiegħi, l-importanza rispettiva li għandha tingħata lill-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha, minn naħa, u ċ-ċirkustanzi personali tal-persuni kkonċernati, min-naħa l-oħra, ivarjaw skont liema wieħed minn dawk it-tliet xenarji japplika. Fl-ewwel żewġ xenarji, ma huwiex meħtieġ li jintwera li dawk il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ għajxien huma “mhux dinjitużi” għall-persuna kkonċernata b’mod individwalizzat, għaliex dawn il-kundizzjonijiet huma tant severi, li jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” u għalhekk inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta għal kulħadd b’mod ġenerali jew għal grupp partikolarment vulnerabbli li din il-persuna tagħmel parti minnu. Fit-tielet xenarju, madankollu, in-natura “mhux dinjituża” tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien għandha tintwera b’mod individwalizzat, fuq il-bażi tal-vulnerabbiltà partikolari jew ta’ ċirkustanzi oħra speċifiċi għall-persuna kkonċernata. |
|
95. |
Nixtieq nagħmel il-kumment addizzjonali li ġej. Filwaqt li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien prevalenti f’parti taż-żona li fiha topera l-UNRWA huma dejjem rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna ta’ din l-aġenzija tkunx “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat dan ir-rekwiżit fis-sentenza tagħha fil-kawża Abed El Karem El Kott et ( 61 ). Tabilħaqq, hija ddeċidiet li, meta jeżaminaw jekk persuna, għal raġunijiet indipendenti mill-kontroll u mir-rieda tagħha, ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha. |
|
96. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għalhekk naqbel mal-Kummissjoni li l-elementi ta’ natura ġenerali, li għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien fiż-żona rilevanti li fiha topera l-UNRWA jew f’parti minnha (hawnhekk, il-Medda ta’ Gaża) għandhom dejjem ikunu integrati f’evalwazzjoni individwali. Anki fl-ewwel xenarju, l-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax awtomatikament lil kulħadd. Kif diġà indikajt fil-punt 83 iktar ’il fuq, il-persuni kkonċernati xorta jridu japplikaw għal dan l-istatus, u hija meħtieġa analiżi każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat mhux biss li huma effettivament għamlu użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna mill-UNRWA fiż-żona kkonċernata (jew f’parti minnha), iżda wkoll li, meta saret din l-evalwazzjoni, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien f’din iż-żona ġeografika jistgħu jitqiesu bħala “mhux dinjitużi” prattikament għal kulħadd, b’tali mod li jkun hemm raġunijiet sostanzjali sabiex wieħed jemmen li l-applikant jaffaċċja riskju reali ta’ dannu inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta, biss minħabba l-preżenza tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn juri li huwa jkun speċifikament espost għal dan id-dannu, kieku kellu jirritorna hemmhekk. |
|
97. |
Huwa importanti li wieħed jenfasizza l-ħtieġa għal tali evalwazzjoni individwali. Kieku dan ir-rekwiżit ma kienx jeżisti, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, f’ċerti aspetti, issir ekwivalenti għal dik introdotta mid-Direttiva 2001/55/KE ( 62 ), li tipprovdi protezzjoni temporanja (forma differenti ta’ protezzjoni, li hija distinta, u inqas estensiva mill-protezzjoni mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja) fil-każ ta’ influss tal-massa ta’ persuni spostati, mingħajr ebda rekwiżit li dawn il-persuni jagħmlu applikazzjonijiet individwali u, għalhekk, li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni individwali. Din id-direttiva hija mfassla sabiex tapplika biss f’ċerti sitwazzjonijiet limitati u biss wara deċiżjoni formali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (tali deċiżjoni kienet, pereżempju, ġiet adottata reċentement għal persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukraina fl‑24 ta’ Frar 2022 jew wara, bħala riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi) ( 63 ). Fil-fehma tiegħi, il-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jissostitwixxi dak stabbilit mid-Direttiva 2001/55. |
|
98. |
Barra minn hekk, infakkar li, kif diġà spjegajt fil-punt 38 iktar ’il fuq, qabel ma jagħtu l-istatus ta’ refuġjat b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ukoll jivverifikaw, f’kull każ, li l-persuna kkonċernata ma taqax fil-portata ta’ xi waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva ( 64 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li l-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana (anki jekk hija tkun għamlet użu mill-protezzjoni jew mill-għajnuna tal-UNRWA), jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li hija wettqet jew inċitat jew ipparteċipat b’xi mod ieħor fit-twettiq ta’ ċerti delitti (delitti kontra l-paċi, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, delitti serji mhux politiċi barra l-pajjiż ta’ rifuġju jew atti oħra li jmorru kontra l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti). Dan ikun jinkludi, fil-fehma tiegħi, it-twettiq ta’ atti terroristiċi u kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni fi jew kwalunkwe forma ta’ inċitazzjoni sabiex jitwettqu tali atti (bħal, sabiex nieħdu l-iktar eżempju reċenti, atti mwettqa mill-Ħamas kontra l-Iżrael). |
|
99. |
Minn dan isegwi, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma ipso facto intitolati għall-benefiċċji tad-Direttiva 2011/95 fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ dan l-istrument jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA tieqaf ma jimplikax dritt mingħajr kundizzjonijiet li jiġi rrikonoxxut lilhom l-istatus ta’ refuġjat ( 65 ). |
C. Ir‑raba’ domanda: l‑interrelazzjoni bejn l‑Artikolu 12(1)(a) tad‑Direttiva 2011/95 u d‑dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni sussidjarja
|
100. |
Kif nifhimha jien, ir-raba’ domanda – li l-għan u t-tifsira tagħha, għandi nammetti, huma pjuttost diffiċli li jiġu ddeċifrati mal-ewwel daqqa ta’ għajn – tikkonċerna l-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 – li jiftaħ il-possibbiltà, f’ċerti kundizzjonijiet, li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana jkunu ipso facto intitolati għall-istatus ta’ refuġjat – u d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument li jirrigwardaw il-“protezzjoni sussidjarja” – li, kif diġà ddikjarajt fil-punt 71 iktar ’il fuq, hija forma differenti (u inqas estensiva) ( 66 ) ta’ protezzjoni internazzjonali minn dik mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat. |
|
101. |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk il-prinċipju ta’ non-refoulement, li huwa minqux, inter alia, fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, japplikax għal sitwazzjoni fejn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, għalkemm ma tkunx intitolata għall-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) tagħha. L-intitolar ta’ tali persuna għal protezzjoni sussidjarja jkun ibbażat fuq il-fatt li, li kieku kellha terġa’ lura fiż-żona li fiha topera l-UNRWA, hija ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ “faqar materjali estrem” simili għal dak deskritt fil-punt 81 iktar ’il fuq. |
|
102. |
It-tieni, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, meta jeżaminaw jekk persuna tissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prinċipju ta’ non-refoulement iżda wkoll l-elementi li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux intitolati għal protezzjoni sussidjarja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) tagħha. |
|
103. |
Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) ( 67 ), is-sistema unika li huma suġġetti għaliha l-persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana taħt id-Direttiva 2011/95 tikkonċerna biss il-possibbiltà li jingħataw status ta’ refuġjat, u mhux protezzjoni sussidjarja ( 68 ). Għalhekk, dawn il-persuni, bħal applikanti oħra għall-ażil, jistgħu japplikaw għal status ta’ protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, u ma humiex esklużi minn dan l-istatus. |
|
104. |
Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna ssir eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja huma ddettaljati fil-Kapitolu II u fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95. Essenzjalment, għandu jintwera li l-persuna kkonċernata taffaċċja riskju reali ta’ dannu serju. “Dannu serju” huwa ddefinit taħt l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva u jikkonsisti f’“piena kapitali jew eżekuzzjoni” (Artikolu 15(a)), “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini” (Artikolu 15(b)) jew “theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna [tal-applikant] minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern” (Artikolu 15(c)). |
|
105. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ċar għalija li l-livell ta’ dannu li tkun esposta għalih persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li kieku kellha tirritorna fiż-żona rilevanti li fiha topera l-UNRWA jista’ ċertament jilħaq il-limitu ta’ “dannu serju” elenkat fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, pereżempju minħabba li dan jammonta għal “tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig” (Artikolu 15(b)), u, fl-istess ħin, ikun serju biżżejjed sabiex iwassal għal konstatazzjoni li l-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA fir-rigward tagħha tkun “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. Iż-żewġ sistemi (għall-kisba tal-istatus ta’ “refuġjat” b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) jew tal-istatus ta’ “protezzjoni sussidjarja” b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(b)) jippermettu, essenzjalment, li jittieħdu inkunsiderazzjoni livelli simili ta’ dannu, jiġifieri “trattament inuman jew degradanti” li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
106. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elgafaji ( 69 ), li, filwaqt li l-eżistenza ta’ riskju marbut mas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż, bħala regola, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ protezzjoni sussidjarja ġew issodisfatti fir-rigward ta’ persuna speċifika, jeżistu xi eċċezzjonijiet. Tabilħaqq, f’ċerti sitwazzjonijiet, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza kunflitt armat jista’ jilħaq livell tant għoli li l-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali ma jkunux obbligati jressqu evidenza li huma mmirati speċifikament minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, essenzjalment, l-istess loġika bħal dik li semmejt fit-taqsima preċedenti. Iktar ma l-applikant ikun jista’ juri li huwa speċifikament affettwat minħabba fatturi partikolari għaċ-ċirkustanzi personali tiegħu, iktar ikun baxx il-livell ta’ vjolenza indiskriminata meħtieġ sabiex ikun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Konsegwentement, iż-żewġ sistemi (għall-kisba tal-istatus ta’ “refuġjat” b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jew tal-istatus ta’ “protezzjoni sussidjarja” b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tagħha) jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu protetti persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana li jkunu qegħdin jaffaċċjaw vjolenza indiskriminata. |
|
107. |
Madankollu, iż-żewġ status, minkejja dan ix-xebh bejniethom, huma reċiprokament esklużivi. Mhux talli persuna ma tistax tibbenefika miż-żewġ status simultanjament, imma dawn l-istatus għandhom ukoll dejjem jingħataw indipendentement minn xulxin. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna tkunx ipso facto intitolata għall-istatus ta’ refuġjat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma għandhomx għalfejn jeżaminaw jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tingħata “protezzjoni sussidjarja”. |
|
108. |
Għall-kuntarju, persuna li ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex il-protezzjoni tal-UNRWA tiġi kkunsidrata li “waqfet”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, pereżempju minħabba li r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti li hija tkun esposta għalih kieku kellha tirritorna fiż-żona li fiha topera l-UNRWA ma jkunx konness mal-missjoni ta’ din l-aġenzija ( 70 ), xorta tista’ tapplika għal status ta’ “protezzjoni sussidjarja”, u tiksbu, jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti. |
|
109. |
Barra minn hekk, kieku persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja kellha tkun meħtieġa tirritorna fiż-żona li fiha topera l-UNRWA u taffaċċja “kundizzjonijiet tal-għajxien mhux dinjitużi” jew “faqar materjali estrem”, allura jkun ċar li l-prinċipju ta’ non-refoulement minqux fl-Artikolu 19(2) tal-Karta jiġi miksur. Infakkar li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex limitata għall-persuni intitolati għall-istatus ta’ refuġjat ( 71 ). Konsegwentement, il-prinċipju ta’ non-refoulement japplika – u għandu jiġi mħares – irrispettivament mill-istatus speċifiku (status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja) li tkun tista’ tikkwalifika għalih il-persuna kkonċernata. |
V. Konklużjoni
|
110. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara r-Riżoluzzjoni Nru 302 (IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949. Skont l-Istruzzjonijiet Ikkonsolidati għall-Eliġibbiltà u għar-Reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“IIER”) tal-UNRWA (disponibbli fuq: https://www.unrwa.org/sites/default/files/2010011995652.pdf), il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA hija disponibbli għal persuni li jissodisfaw il-kriterji ta’ Refuġjat Palestinjan ta’ din l-aġenzija (jiġifieri, il-persuni kollha li l-post ta’ residenza normali tagħhom kien il-Palestina matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ġunju 1946 u l‑15 ta’ Mejju 1948 u li tilfu kemm djarhom kif ukoll il-mezz tal-għajxien tagħhom minħabba l-kunflitt tal‑1948, u dixxendenti ta’ tali persuni, inklużi tfal adottati legalment, permezz tal-linja maskili) kif ukoll ċerti kategoriji oħra ta’ persuni li jsir riferiment għalihom bħala “Persuni Rreġistrati Oħra”. Dan id-dokument jindika li “[l]-applikazzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni mal-UNRWA huma eżaminati bir-reqqa mill-persunal tal-Eliġibbiltà u tar-Reġistrazzjoni tal-UNRWA u d-deċiżjonijiet dwar l-eliġibbiltà għas-servizzi tal-UNRWA jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ”.
( 3 ) Ara r-Riżoluzzjoni Nru 77/123 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑12 ta’ Diċembru 2022.
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 5 ) Minbarra n-numru allarmanti ta’ ħajjiet mitlufa fost il-popolazzjoni ċivili mis‑7 ta’ Ottubru 2023, ġie rrappurtat numru kbir ta’ vittmi fost il-persunal tal-UNRWA li jopera f’dik iż-żona. Fis‑27 ta’ Ottubru 2023, António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, iddikjara li “[s]-sistema umanitarja f’Gaża qiegħda taffaċċja kollass totali b’konsegwenzi inkonċepibbli għal iktar minn 2 miljuni persuni ċivili” (ara “Id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali - dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża”, disponibbli fuq is-sit internet tan-Nazzjonijiet Uniti). Philippe Lazzarini, il-Kummissarju-Ġenerali tal-UNRWA, indirizza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit‑30 ta’ Ottubru 2023, u ddikjara li “[s]-sistema fis-seħħ sabiex tippermetti l-għajnuna f’Gaża ma hijiex ser tirnexxi sakemm ma jkunx hemm rieda politika sabiex il-fluss tal-provvisti jsir sinjifikattiv, li jkun jaqbel mal-ħtiġijiet umanitarji mingħajr preċedent” (https://www.unrwa.org/newsroom/official-statements/un-security-council-emergency-briefing-situation-middle-east). Fis‑7 ta’ Diċembru 2023, P. Lazzarini kiteb lil Dennis Francis, President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li “l-abbiltà tal-UNRWA li timplimenta l-mandat tal-Assemblea Ġenerali tagħha f’Gaża [kienet] limitata ħafna, b’konsegwenzi immedjati u negattivi għar-rispons umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti u għall-ħajjiet tal-popolazzjoni ċivili f’Gaża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li s-sitwazzjoni umanitarja f’dik iż-żona “ma kinitx sostenibbli” (https://www.unrwa.org/resources/un-unrwa/letter-unrwa-commissioner-general-philippe-lazzarini-un-general-assembly). Fid‑29 ta’ Diċembru 2023, huwa żied li “l-kunsinna ta’ għajnuna meħtieġa ħafna u urġenti għadha limitata b’mod kwantitattiv u mimlija b’ostakoli loġistiċi” (https://www.unrwa.org/newsroom/official-statements/gaza-strip-unrwa-calls-unimpeded-and-safe-access-deliver-much-needed). L-avvenimenti li seħħew fil-Medda ta’ Gaża sa mis‑7 ta’ Ottubru 2023 wasslu wkoll lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jadottaw riżoluzzjonijiet. Il-kontenut ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet huwa ddettaljat fil-punti 8 sa 11 hawn taħt.
( 6 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).
( 7 ) A/RES/ES-10/21 disponibbli f’dan l-indirizz: https://digitallibrary.un.org/record/4025940?ln=en
( 8 ) S/RES/2712 (2023), disponibbli f’dan l-indirizz: http://unscr.com/en/resolutions/doc/2712.
( 9 ) A/RES/ES-10/22, disponibbli f’dan l-indirizz: https://digitallibrary.un.org/record/4031196?ln=en
( 10 ) S/RES/2720(2023), disponibbli f’dan l-indirizz: https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N23/424/87/PDF/N2342487.pdf?OpenElement.
( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 12 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94).
( 13 ) ĠU 2019, C 390, p. 108.
( 14 ) Disponibbli fuq l-indirizz li ġej: https://www.refworld.org/docid/6239805f4.html.
( 15 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 92).
( 16 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil) (C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) C‑294/22, EU:C:2023:388, punti 19 sa 21. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 30 u 31).
( 18 ) Għalhekk, hija ma tkoprix persuni li huma, jew kienu, eliġibbli sabiex jirċievu protezzjoni jew għajnuna minngħand din l-aġenzija, iżda li fil-fatt ma għamlux użu minn dik il-protezzjoni jew għajnuna (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 51).
( 19 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 71, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et”).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston (C‑31/09, EU:C:2010:119, punti 41 u 43).
( 22 ) Ara l-punt 2 tal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali Nru 13. Kif nifhimha jiena, huwa preċiżament minħabba li persuni mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali li jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu ipso facto intitolati għal status ta’ refuġjat taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève (u d-Direttiva 2011/95), jiġifieri, mingħajr ma jkollhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali sabiex jingħataw dak l-istatus.
( 23 ) Ara, ukoll, is-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 62. Sal-lum, għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni f’dan ir-rigward.
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li applikazzjoni sussegwenti tiġi eżaminata ulterjorment biss jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara l-“element ġdid” fil-proċedura preċedenti.
( 26 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 50) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bundesrepublik Deutschland (Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti) (C‑216/22, EU:C:2023:646, punt 34).
( 27 ) Fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2013/32, ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018., Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 98), u tad‑9 ta’ Settembru 2021, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑18/20, EU:C:2021:710, punt 21).
( 28 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru jirreferi għas-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda) (C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 50).
( 29 ) Skont din id-dispożizzjoni, applikazzjonijiet sussegwenti jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli biss meta l-ebda elementi jew fatti ġodda relatati mal-eżami ta’ jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2011/95 ma jkunu qamu jew ma jkunu ġew ippreżentati mill-applikant. L-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva jagħmilha ċara wkoll li l-“element ġdid” għandu “[jżid] sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali”.
( 30 ) Jista’ jiġi argumentat li l-fatt jekk “element ġdid”“iżidx sostanzjament il-probabbiltà” li applikant jikkwalifika għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi analizzat b’mod iżolat minn elementi oħra fil-proċess, li jfisser li l-awtoritajiet jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikollhom ukoll iqisu elementi oħra fl-istadju tal-ammissibbiltà.
( 31 ) Ara l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32.
( 32 ) Jekk element fattwali tqies li ma kienx rilevanti matul il-proċedura preċedenti tal-ażil, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti setgħu ma qisuhx mingħajr ma eżaminaw jekk kienx sostnut minn evidenza suffiċjenti. L-eżattezza ta’ dak l-element tista’, għalhekk, ikollha tiġi eżaminata mill-ġdid.
( 33 ) “Atti ta’ persekuzzjoni” huma ddefiniti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95.
( 34 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 34 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċi assenza miż-żona ta’ operat tal-UNRWA, mingħajr ebda indikazzjoni li l-persuna kkonċernata kienet imġiegħla titlaq minn din iż-żona, jew deċiżjoni volontarja ta’ tluq ma tistax titqies bħala waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna.
( 35 ) F’dan ir-rigward, inżid li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:388, punt 40), it-terminu “riskju serju” jirreferi għall-ġenwinità tar-riskju li t-theddid rilevanti għas-sigurtà personali fil-fatt jimmaterjalizza u li s-sigurtà tal-persuna tiġi affettwata fil-każ li tibqa’ fiż-żona li fiha topera l-UNRWA. Sabiex jikkwalifika bħala theddid għas-“sigurtà personali”, it-theddid għandu jkun ta’ severità suffiċjenti (għandu, fi kliem ieħor, jippresupponi dannu serju).
( 36 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Secretary of State for the Home Department (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑349/20, EU:C:2022:151, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Bundesrepublik Deutschland (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑507/19, EU:C:2021:3, punti 44 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022 (C‑349/20, EU:C:2022:151, punti 56 u 57). Dik is-sentenza kkonċernat l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), li ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2011/95. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija l-istess bħall-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.
( 38 ) Ibid., punt 58.
( 39 ) Ara l-Artikolu 2(a), (e) u (g) tad-Direttiva 2011/95.
( 40 ) Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB), iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. It-tifsira u l-portata tal-Artikolu 4 tal-Karta huma għalhekk, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-KEDB.
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ninnota li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem huwa s-suġġett tal-Artikolu 1 tal-Karta. Kif spjega l-Avukat Ġenerali Trstenjak, “[s]kont l-Artikolu 1 tal-Karta, id-dinjità tal-bniedem mhux biss għandha tiġi ‘irrispettata’ iżda wkoll ‘protetta’. Tali funzjoni pożittiva ta’ protezzjoni hija inerenti wkoll fl-Artikolu 4 tal-Karta” (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawżi magħquda NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:610), punt 112).
( 42 ) Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), sabiex it-trattament ħażin ikun jaqa’ fil-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB (li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 4 tal-Karta), it-trattament ħażin għandu jilħaq livell minimu ta’ severità (ara, inter alia, il-QEDB, l‑1 ta’ Ġunju 2010, Gäfgen vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2010:0601JUD002297805, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 43 ) L-Artikolu 19(2) tal-Karta huwa bbażat fuq l-istess livell ta’ dannu bħall-Artikolu 4 tagħha. Minkejja li forsi ma huwiex daqshekk importanti, ninnota li, fit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-prinċipju ta’ non-refoulement b’referenza espliċita mhux biss għall-Artikolu 19(2) tal-Karta, iżda wkoll għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95. Il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva humiex issodisfatti, peress li hija tifforma parti minn – u tapplika biss għad-dispożizzjonijiet ta’ – il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li l-Artikolu 12(1)(a) huwa inkluż fil-Kapitolu III ta’ dan l-istrument. Madankollu, huwa ċar għalija li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95 ma jikkonsisti f’xejn għajr espressjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju wiesa’, li għandu jiġi osservat mill-Istati Membri kull meta jkunu qegħdin japplikaw dan l-istrument.
( 44 ) Tkun xi tkun il-kawża tan-nuqqas tal-UNRWA.
( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta; persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punt 45).
( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94, punt 43). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Bundesrepublik Deutschland (Kunċett ta’ theddid serju u individwali) (C‑901/19, EU:C:2021:472, punti 27 u 28) u, l-iktar reċenti, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju) (C‑125/22, EU:C:2023:843, punti 40 u 41).
( 47 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑163/17, EU:C:2019:218). Din is-sentenza kkonċernat il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 4 tal-Karta jistax jipprekludi t-trasferiment ta’ applikant lejn l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali minħabba allegati nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’dan l-Istat Membru. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 81 u 86 sa 94).
( 48 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 85).
( 49 ) Ibid., punt 91.
( 50 ) Ibid., punti 92 u 93.
( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Kunċett ta’ dannu serju) (C‑125/22, EU:C:2023:843, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/1 PPU, EU:C:2017:127, punt 73).
( 53 ) Ara, inter alia, QEDB, 25 ta’ April 1978, Tyrer vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1978:0425JUD000585672, punt 30).
( 54 ) Ara QEDB, 4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD00292171, punt 99). F’dan ir-rigward, il-QEDB fakkret li l-minuri għandhom ħtiġijiet speċifiċi li huma relatati b’mod partikolari mal-età u n-nuqqas ta’ indipendenza tagħhom, iżda wkoll mal-istatus tagħhom ta’ applikanti għall-ażil.
( 55 ) Ara l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95, li jipprovdi li t-tfal huma “persuni vulnerabbli” (flimkien ma’ persuni b’diżabbiltà, anzjani u nisa tqal, fost l-oħrajn). Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Tabilħaqq, hija tenfasizza li l-Artikolu 20(3) jifforma parti mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95. Dan il-kapitolu, li huwa intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali” (u li l-Artikolu 12(1)(a) ma huwiex parti minnu), jirrigwarda s-salvagwardji li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ ladarba persuna tkun ingħatat l-istatus ta’ refuġjat, u mhux qabel. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala li turi l-fatt li l-minuri huma ġeneralment irrikonoxxuti bħala grupp partikolarment vulnerabbli tal-applikanti għall-ażil.
( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2013/33 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
( 57 ) Inżid li l-premessa 18 tad-Direttiva 2011/95 tipprovdi li “[l]-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva” u li, “[f]l-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq l-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha”. Din il-premessa tirrifletti l-kontenut tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li għandu jiġi osservat fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal.
( 58 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment irrikonoxxiet li sitwazzjoni li ma tammontax għal faqar materjali estrem għal kulħadd tista’ xorta waħda titqies bħala tali fir-rigward ta’ applikant li jkun kapaċi juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih li jindikaw li għandu vulnerabbiltà partikolari (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 95). Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 73, li kkonċernat applikanta għall-ażil b’kundizzjoni psikjatrika partikolarment gravi, jiġifieri depressjoni wara t-twelid kif ukoll tendenzi suwiċidali perjodiċi. F’dan ir-rigward, infakkar ukoll li l-QEDB iddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, li l-fatt jekk it-trattament ħażin li tkun ġarrbet persuna jew li tkun fir-riskju li ġġarrab jilħaqx il-livell meħtieġ ta’ severità jew le jiddependi “miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, bħat-tul tat-trattament u l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu u, f’xi każijiet, il-ġeneru, l-età u l-istat tas-saħħa tal-vittma” (ara QEDB, 4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:2014:1104JUD002921712, punt 118).
( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Jawo (C‑163/17, EU:C:2018:613), punt 86.
( 60 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, SW (Status ta’ refuġjat ta’ persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana) (C‑294/22, EU:C:2023:733, punti 46 u 48, u d-dispożittiv).
( 61 ) Ara l-punt 64 ta’ din is-sentenza.
( 62 ) Direttiva 2001/55/KE tal‑20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).
( 63 ) Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal‑4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU 2022, L 71, p. 1).
( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584 (punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 65 ) Ara s-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 75.
( 66 ) Pereżempju, il-permess ta’ residenza jista’ jkun iqsar (ara l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95). L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw l-aċċess għall-benesseri soċjali (ara l-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva).
( 67 ) C‑294/22, EU:C:2023:388, punt 29.
( 68 ) Ara s-sentenza fil-kawża Abed El Karem El Kott et, punt 68.
( 69 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009 (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 36 sa 37 u 39).
( 70 ) Kif spjegajt fil-punt 62 iktar ’il fuq, it-tieni rekwiżit għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huwa li għandu jkun impossibbli għall-UNRWA li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuna kkonċernata fiż-żona li fiha topera jkunu proporzjonati mal-missjoni fdata lilha. Il-missjoni tal-UNRWA hija li tiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien “dinjitużi”, billi tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni mqiegħda taħt il-protezzjoni tagħha. Sabiex nagħti eżempju sempliċi, jekk il-persuna kkonċernata kienet taffaċċja l-piena tal-mewt talli wettqet reat minħabba l-liġijiet prevalenti fiż-żona li fiha topera l-UNRWA, dan id-dannu ma jkunx konness mal-missjoni tal-UNRWA, iżda madankollu jista’ jintitola lill-persuna kkonċernata għal “protezzjoni sussidjarja” skont l-Artikolu 15(a) ta’ din id-direttiva.
( 71 ) Peress li jirrikjedi li “[ħ]add ma […] jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti” (enfasi tiegħi).