24.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 418/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2046

tat-23 ta’ Novembru 2021

li jagħti protezzjoni fl-Unjoni lill-Indikazzjoni Ġeografika “ ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper” irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal ċaħda, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fl-14 ta’ Diċembru 2020, il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali nnotifika lill-Kummissjoni li l-isem “ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper”, użat mill-Kambodja, ġie rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra.

(3)

Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-Indikazzjoni Ġeografika “ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, biex tkun tista’ tiġi ppreżentata oppożizzjoni possibbli.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-Indikazzjoni Ġeografika “ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper” skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu u kkonkludiet li dawn huma ssodisfati.

(5)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oppożizzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1753, jenħtieġ li l-isem “ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper” jiġi protett fl-Unjoni, f’konformità mal-Att ta’ Ġinevra.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “ម្រេចកំពត”/“Kampot Pepper”, irreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali, għandu jiġi protett fl-Unjoni.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tat-tip “bżar”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1.

(2)   ĠU C 30, 27.1.2021, p. 9.