|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1134 |
4.6.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2025/1134
tat-22 ta’ Mejju 2025
dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-reattur ta’ fluss għoli f’Petten għall-2024–2027 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,
Billi:
|
(1) |
Ir-reattur ta’ fluss għoli f’Petten (“HFR”) kien riżorsa importanti għar-riċerka tal-Komunità dwar ix-xjenzi u l-ittestjar tal-materjali, il-mediċina nukleari u r-riċerka dwar is-sikurezza tar-reattur fil-qasam tal-enerġija nukleari. |
|
(2) |
It-tħaddim tal-HFR ġie appoġġat minn serje ta’ programmi supplimentari ta’ riċerka. L-aħħar programm supplimentari ta’ riċerka, li ġie stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/960 (1) għal terminu ta’ 4 snin, skada fil-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(3) |
Minħabba l-importanza kontinwa tiegħu bħala infrastruttura insostitwibbli għar-riċerka tal-Komunità fl-oqsma tat-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, tas-saħħa (inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi għar-riċerka medika), tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali, tat-taħriġ u tal-ġestjoni tal-iskart (inkluż il-possibbiltà li tiġi studjata l-imġiba tas-sikurezza tal-fjuwils nukleari għas-sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa), jenħtieġ li l-HFR ikompli jingħatalu appoġġ permezz ta’ programm supplimentari ta’ riċerka sal-aħħar tal-2027. |
|
(4) |
Minħabba l-interess speċjali tagħhom fil-kapaċitajiet tal-irradjazzjoni tal-HFR, in-Nuclear Research and consultancy Group V.O.F (“NRG”) u l-Commissariat à l’énergie atomique et aux énergies alternatives (“CEA”), bħala aġenti implimentattivi għan-Netherlands u għal Franza rispettivament, qablu li jiffinanzjaw il-programm supplimentari ta’ riċerka tal-HFR għall-2024-2027 kollu permezz ta’ kontribuzzjonijiet magħmula lill-baġit ġenerali tal-Unjoni permezz ta’ dħul assenjat estern. |
|
(5) |
Dawk il-kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jservu biex jiffinanzjaw it-tħaddim tal-HFR sabiex jiġi appoġġat programm ta’ riċerka u t-tħaddim u l-manutenzjoni regolari tal-HFR. Il-ħruġ ta’ notifika uffiċjali ta’ waqfien definittiv mill-operatur NRG lill-awtorità regolatorja nazzjonali Olandiża qabel id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sikura jenħtieġ li jwassal għas-sospensjoni tal-pagamenti pendenti u fis-sospensjoni ta’ kwalunkwe sejħa għal fondi mill-Kummissjoni. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata kontinwità bejn il-programmi supplementari ta’ riċerka u t-tħaddim bla xkiel tal-programm supplementari ta’ riċerka tal-HFR għall-2024-2027, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2024. |
|
(7) |
Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ta l-opinjoni tiegħu minn qabel (2) skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom (3), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar it-tħaddim tar-Reattur ta’ Fluss Għoli f’Petten (“il-programm”), li l-objettivi tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I, huwa adottat għal perjodu ta’ erba’ snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2024.
Artikolu 2
Il-kostijiet għat-twettiq tal-programm, li huma stmati għal EUR 26 815 000, għandhom jiġu kompletament iffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet min-Netherlands u minn Franza, permezz tan-Nuclear Research and consultancy Group V.O.F (NRG) u tal-Commissariat à l’énergie atomique et aux énergies alternatives (CEA), rispettivament. It-tqassim ta’ dan l-ammont huwa stabbilit fl-Anness II. Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm. Għal dan il-għan, hija għandha tirrikorri għas-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
2. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka infurmat bl-implimentazzjoni tal-programm.
Artikolu 4
Fil-każ li l-NRG jinnotifika uffiċjalment lill-awtorità regolatorja nazzjonali Olandiża bil-waqfien definittiv tar-Reattur ta’ Fluss Għoli, qabel id-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni sikura, l-obbligi min-naħa tan-Netherlands u ta’ Franza u, permezz tal-NRG u tas-CEA, rispettivament, li jagħmlu kontribuzzjonijiet ulterjuri għandhom jiġu sospiżi, kif ukoll kwalunkwe sejħa għal fondi mill-Kummissjoni skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara t-tmiem tal-programm.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BARANOWSKI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2020/960 tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-adozzjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka tar-reattur ta’ fluss għoli għall-2020-2023 li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 211, 3.7.2020, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/960/oj).
(2) L-Opinjoni tas-7 ta’ Novembru 2024.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom tal-10 ta’ April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/282/oj).
(4) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ANNESS I
OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI
L-objettivi ewlenin tal-programm huma dawn li ġejjin:
|
(1) |
li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u affidabbli tal-HFR sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fluss tan-newtroni għal għanijiet sperimentali; |
|
(2) |
li jkun possibbli użu effiċjenti tal-HFR mill-istituti tar-riċerka f’firxa wiesgħa ta’ oqsma: it-titjib tas-sikurezza tar-reatturi nukleari, tas-saħħa (inkluż l-iżvilupp tal-isotopi mediċi), tal-fużjoni nukleari, tar-riċerka fundamentali u tat-taħriġ u tal-ġestjoni tal-iskart (inkluż il-possibbiltà li jiġu studjati l-kwistjonijiet rigward is-sikurezza tal-fjuwils nukleari għas-sistemi tar-reatturi li huma ta’ interess għall-Ewropa). |
ANNESS II
TQASSIM TAL-KONTRIBUZZJONIJIET
Il-kontribuzzjonijiet għall-programm jiġu min-Netherlands u minn Franza.
Dawn il-kontribuzzjonijiet huma mqassma kif ġej;
In-Netherlands: EUR 26 215 000;
Franza: EUR 600 000;
Total: EUR 26 815 000.
Dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom isiru lill-baġit ġenerali tal-Unjoni u għandhom jiġu assenjati għall-programm. Parti mill-kontribuzzjonijiet fil-qafas tal-programm jistgħu jkopru wkoll in-nefqa mġarrba fir-rigwardtat-tħaddim tal-HFR matul is-sena 2024 f’konformità mal-programm ta’ ħidma li għandu jiġi miftiehem bejn l-Istati Membri kontributuri u l-Kummissjoni.
Dawk il-kontribuzzjonijiet huma fissi u ma jistgħux jiġu riveduti fir-rigward tal-varjazzjonijiet relatati mal-kostijiet tat-tħaddim, tal-manutenzjoni u tad-dekummissjonar.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1134/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)