|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2385 |
28.11.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2385
tas-27 ta’ Novembru 2025
li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti aċidi fosfoniċi tal-alkil u l-imlieħ tas-sodju tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fit-18 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċidi fosfoniċi tal-alkil u l-imlieħ tas-sodju tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment imressaq fis-7 ta’ Awwissu 2025 minn LANXESS Deutschland GmbH, li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal- produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti aċidi fosfoniċi tal-alkil u l-imlieħ tas-sodju tagħhom. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa l-aċidu 2-fosfonobutan-1,2,4-trikarbossiliku (“PBTC” jew “PBTCA”) u l-melħ tas-sodju tiegħu Idroġenu 2-fosfonatobutan-1,2,4-trikarbossilat tat-tetrasodju (“PBTC-Na4”), fil-forma solida jew f’soluzzjoni milwiema, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodott ikkonċernat normalment jaqa’ taħt il-Chemical Abstract Services (“CAS”) 37971-36-1 u 66669-53-2, huwa rreġistrat fl-Unjoni Ewropea taħt in-numri ta’ referenza tal-Komunità Ewropea (KE) 253-733-5 u 266-442-3, rispettivament, u l-Customs and Statistics Numbers (“CUS”) fuq il-bażi tad-data tal-Inventarju Doganali Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi (“ECICS”, European Customs Inventory of Chemical Substances) huma 0027475-9 u 0087281-1. Il-prodott ikkonċernat huwa kklassifikat mill-1 ta’ Jannar 2025 taħt il-kodiċi NM 2931 49 80 (il-kodiċi TARIC 2931 49 80 60). Matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-prodott taħt investigazzjoni ġie kklassifikat taħt il-kodiċi TARIC 2931 49 90 90. Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(6) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. |
|
(7) |
Il-kalkoli li ngħataw fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġni tad-dumping ta’ 100 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 75 % u 95 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(8) |
Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex titneħħa l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(9) |
Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni. |
3. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(10) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu 2-fosfonobutan-1,2,4-trikarbossiliku u l-melħ tas-sodju tiegħu Idroġenu 2-fosfonatobutan-1,2,4-trikarbossilat tat-tetrasodju, f’forma solida jew milwiema, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2931 49 80 (il-kodiċi TARIC 2931 49 80 60) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2025/5021, 18.9.2025.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2385/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)