Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 (1)

Kawża C‑799/23

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Slovakka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Politika soċjali – Direttiva 2000/43/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew oriġini etnika – Diskriminazzjoni indiretta kontra tfal Rom fil-qasam tal-edukazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li r-Repubblika Slovakka naqset li twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2000/43 (2), billi ddiskriminat kontra tfal Rom fil-qasam tal-edukazzjoni.

2.        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni ssostni, bl-ewwel motiv tagħha, li tfal Rom qegħdin jitqiegħdu fi skejjel speċjali u fi klassijiet speċjali għal tfal affettwati minn diżabbiltajiet mentali jew diżabbiltajiet oħrajn f’numru eċċessivament ikbar minn tfal oħrajn. Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija tallega li qiegħda tiġi pprattikata s-segregazzjoni tat-tfal Rom minn tfal oħrajn fl-edukazzjoni primarja fl-iskejjel ordinarji, billi jitqiegħdu fi skejjel li huma Rom biss, fi klassijiet separati jew f’sulari separati tal-iskejjel, jew billi jiġu sseparati fil-canteens tal-iskejjel.

3.        Dan it-trattament ħażin ta’ tfal Rom huwa, skont il-Kummissjoni, riżultat ta’ prattiki, li ilhom jeżistu għal żmien twil u li r-Repubblika Slovakka naqset li telimina. Dawn il-prattiki huma mifruxa, fis-sens li jwasslu għal diskriminazzjoni kontra tfal Rom fis-sistema tal-edukazzjoni madwar il-pajjiż kollu.

4.        Filwaqt li ma tikkontestax l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni, ir-Repubblika Slovakka ssostni li hija riżultat ta’ kwistjonijiet strutturali maħluqa minn diskriminazzjoni stabbilita kontra ir-Rom fis-soċjetà Slovakka, li ma tistax tiġi indirizzata malajr. Dan l-Istat Membru, madankollu, isostni li wera li ħa numru ta’ miżuri bil-għan li jittrattaw din il-kwistjoni.

5.        Din il-kawża, li hija l-ewwel proċedura ta’ ksur li toriġina minn inugwaljanza strutturali stabbilita f’soċjetà, tqajjem kwistjoni ġdida għall-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif għandha tittratta din it-tip ta’ azzjoni għal ksur. Il-Kummissjoni ma hijiex tikkritika lir-Repubblika Slovakka għall-eżistenza ta’ miżuri leġiżlattivi konkreti (jew oħrajn) li huma diskriminatorji jew li jirriżultaw f’diskriminazzjoni, iżda pjuttost għall-eżistenza kontinwa ta’ diskriminazzjoni fi ħdan is-soċjetà Slovakka.

6.        Huwa għalhekk neċessarju, fil-fehma tiegħi, li ssir il-mistoqsija dwar jekk ir-Repubblika Slovakka għandhiex obbligu ta’ riżultat, li jeżiġi minnha l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika fil-qasam tal-edukazzjoni, jew obbligu ta’ aġir, li jeżiġi minnha li hija sempliċement tagħmel l-aħjar sforz sabiex telimina tali diskriminazzjoni. It-tip ta’ prova li hija rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi din il-kawża għalhekk ser jiddependi fuq it-tweġiba dwar jekk l-obbligu impost mid-Direttiva 2000/43 huwiex obbligu ta’ riżultat jew wieħed ta’ aġir.

II.    Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.        Wara stħarriġ fl-għamla ta’ Proċedura Pilota tal-Unjoni, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Slovakka ittra ta’ intimazzjoni fit‑30 ta’ April 2015.

8.        F’din l-ittra, il-Kummissjoni sostniet li hemm provi konvinċenti li tfal Rom kienu ssuġġettati għal diskriminazzjoni sinjifikattiva fil-qasam tal-edukazzjoni fir-Repubblika Slovakka. Il-Kummissjoni allegat b’mod partikolari li numru sproporzjonat ta’ tfal Rom tqiegħdu fi skejjel speċjali u fi klassijiet speċjali għal tfal affettwati minn diżabbilitajiet mentali u oħrajn, kif ukoll li tfal Rom ġew marġinizzati b’modi oħra fi skejjel ordinarji permezz ta’ segregazzjoni, billi tqiegħdu fi klassijiet separati jew fi skejjel separati. Din id-diskriminazzjoni kienet ir-riżultat, fil-fehma tal-Kummissjoni, ta’ miżuri leġiżlattivi insuffiċjenti li jittrasponu d-Direttiva 2000/43, ta’ implimentazzjoni insuffiċjenti tal-miżuri eżistenti u ta’ prattiki amministrattivi u soċjali difettużi.

9.        Fis-16 ta’ Awwissu 2015, ir-Repubblika Slovakka wieġbet l-ittra ta’ intimazzjoni, u indikat li hija kienet introduċiet bidliet leġiżlattivi. Pereżempju, fil-leġiżlazzjoni rilevanti hija inkludiet definizzjoni ta’ segregazzjoni u introduċiet obbligu espliċitu li tfal li ġejjin minn ambjenti soċjalment żvantaġġjati jitqiegħdu ma’ tfal oħrajn sabiex tiġi evitata s-segregazzjoni. Introduċiet ukoll mekkaniżmu legali li jippermetti stħarriġ ta’ proċeduri dijanjostiċi li kienu qed jikkontribwixxu għan-numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali. Barra minn dan, dan l-Istat Membru ċaħad l-argument li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma kinitx ġiet applikata b’mod korrett, u ssottometta li kien qiegħed ikompli jimplimenta gradwalment diversi miżuri addizzjonali sabiex jirrimedja l-problemi li tqajmu fl-ittra ta’ intimazzjoni.

10.      Bejn Diċembru 2015 u Diċembru 2017, kien hemm talbiet għal informazzjoni addizzjonali u nżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tar-Repubblika Slovakka.

11.      Fil-11 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Slovakka, u osservat li, għalkemm bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni rilevanti ċertament irrappreżentaw titjib sinjifikattiv, kien għad hemm prova ta’ prattiki diskriminatorji persistenti identiċi għal dawk preċedentement identifikati.

12.      Għalhekk, il-Kummissjoni rtirat l-allegazzjoni tagħha li tikkonċerna t-traspożizzjoni leġiżlattiva insuffiċjenti tad-Direttiva 2000/43. Madankollu, hija qieset li d-data xorta waħda indikat li r-Repubblika Slovakka ma kinitx indirizzat effettivament id-diskriminazzjoni kontra tfal Rom fis-sistema tal-edukazzjoni, peress li t-tfal Rom kienu għadhom qed jiġu rrappreżentati b’mod sproporzjonat fi skejjel speċjali u fi klassijiet speċjali. Dan kien fil-parti l-kbira tiegħu riżultat, skont il-Kummissjoni, ta’ metodoloġija dijanjostika insuffiċjenti u diffikultajiet fir-reviżjoni tad-dijanjosijiet ladarba jkunu saru. Hija żammet ukoll l-allegazzjoni li tikkonċerna s-segregazzjoni ta’ tfal Rom fi skejjel ordinarji. Għalkemm kien hemm kawżi multipliċi għal dan, ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal segregazzjoni persistenti.

13.      Fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni stabbilixxiet terminu sal‑11 ta’ Diċembru 2019, li fih ir-Repubblika Slovakka kellha twaqqaf l-allegat ksur.

14.      Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, ir-Repubblika Slovakka wieġbet din l-opinjoni motivata.

15.      F’din it-tweġiba, ir-Repubblika Slovakka ddikjarat li d-data tal-istatistika li tikkonċerna r-Rom ipprovduta mill-Kummissjoni ma kinitx affidabbli, b’mod partikolari, minħabba d-diffikultajiet assoċjati mal-ġbir ta’ tali data dwar l-etniċità. Hija sussegwentement elenkat il-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adottati reċentement sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra t-tfal Rom fis-sistema skolastika u l-proġetti speċifiċi proposti f’dan il-qasam. Finalment, ir-Repubblika Slovakka aċċertat lill-Kummissjoni li hija ser tagħmel l-almu tagħha sabiex timplimenta miżuri leġiżlattivi konkreti stabbiliti fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli, u impenjat ruħha li timplimenta miżuri relatati oħrajn kemm fuq medda ta’ żmien qasir kif ukoll fuq medda ta’ żmien twil b’mod gradwali u kontinwu.

16.      Sussegwenti għal din it-tweġiba, kien hemm kuntatt ulterjuri bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka mill-2020 sal-2022, l-iktar notevoli f’Settembru 2022, meta Helena Dalli, il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, żaret skejjel fis-Slovakkja tal-Lvant u ltaqgħet mar-rappreżentati tar-Repubblika Slovakka, inkluż il-Prim Ministru Eduard Heger.

17.      Fit-22 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE.

18.      Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat ir-risposta tagħha fis‑26 ta’ Marzu 2024.

19.      Il-Kummissjoni ppreżentat replika fis-7 ta’ Mejju 2024 u r-Repubblika Slovakka ppreżentat kontroreplika fis‑17 ta’ Ġunju 2024.

20.      Inżammet seduta fit-8 ta’ April 2025, li fiha l-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

21.      Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Repubblika Slovakka naqset b’mod sistematiku u persistenti milli twettaq obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u mal-Artikolu 3(1)(g) tal-imsemmija direttiva:

–       billi qiegħdet numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali, jew fi klassijiet speċjali għal tfal b’diżabbilitajiet mentali u oħrajn, fejn l-edukazzjoni ssegwi kurrikulu ssemplifikat; u

–       billi ssegregat tfal Rom fi klassijiet separati fi skejjel ordinarji jew fi skejjel separati.

22.      Fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha tipprova l-allegazzjonijiet tagħha li obbligu ma twettaqx (3).

23.      Jiena tal-fehma li, qabel ma tevalwa l-argumenti mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza l-kwistjoni dwar it‑tip ta’ prova li l-Kummissjoni għandha tressaq insostenn tal-motivi tagħha f’kawża ta’ din in-natura.

24.      Dan, fil-fehma tiegħi, jiddependi fuq jekk l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tagħha, huwiex obbligu ta’ riżultat jew obbligu ta’ aġir.

25.      Jiena għalhekk ser nipproċedi bil-mod kif ġej.

26.      Taħt (A), ser nelabora dwar id-differenzi li jirriżultaw minn konstatazzjoni li hemm obbligu ta’ riżultat imqabbla ma’ konstatazzjoni ta’ obbligu ta’ aġir.

27.      Taħt (B), ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tagħha, fis-sens li jimponi obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri. Dan ikun jeżiġi li l-Kummissjoni turi li r-riżultat mixtieq – in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fl-edukazzjoni – ma nkisibx fl-Istat Membru inkwistjoni.

28.      F’dan ir-rigward, kif ser nipproponi taħt (C), data tal-istatistika jew oħra li tipprova l-eżistenza tad-diskriminazzjoni allegata hija l-mod xieraq sabiex tintwera l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sostnut mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, provi oħrajn, li jikkonċernaw il-miżuri meħuda sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u l-effettività jew nuqqas ta’ effettività tagħhom, ma humiex rilevanti sabiex jipprovaw jew ma jipprovawx nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ riżultat.

29.      Taħt (D), ser insostni li l-Kummissjoni uriet b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni kontra tfal Rom fir-rigward taż-żewġ motivi tagħha. Ir-risposta ppreżentata mir-Repubblika Slovakka, li tfittex li tipperswadi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri implimentati minnha ser iwasslu għat-titjib mixtieq, ma hijiex tali li tirribatti l-provi li ż-żewġ għamliet tal-allegata diskriminazzjoni kontra t-tfal Rom baqgħu jeżistu fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata.

A.      Obbligu ta’ riżultat kontra obbligu ta’ aġir

30.      F’din il-kawża, bħala prova insostenn taż-żewġ talbiet tagħha, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja data tal-istatistika differenti u data oħra, f’rapporti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u awtoritajiet Slovakki. Dawn id-dokumenti jservu sabiex juru, l-ewwel, li kien hemm numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali jew klassijiet speċjali fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki wara din id-data; u, it-tieni, li f’ħafna sitwazzjonijiet tfal Rom huma mqiegħda fi skejjel separati kif ukoll fi klassijiet separati fi ħdan skejjel ordinarji (4). Din id-data hija ppreżentata sabiex turi l-eżistenza jew l-eżistenza kontinwa ta’ diskriminazzjoni kontra tfal Rom fis-sistema tal-edukazzjoni Slovakka.

31.      Ir-Repubblika Slovakka ma tiċħadx, bħala prinċipju (5), l-allegazzjonijiet li d-diskriminazzjoni baqgħet tippersisti. Madankollu, hija ssostni li adottat numru ta’ miżuri u programmi intiżi sabiex jittrattaw id-diskriminazzjoni eżistenti (6). Uħud minn dawn il-miżuri nbdew qabel l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, u oħrajn ġew adottati wara. Dawn il-miżuri, skont ir-Repubblika Slovakka, diġà wasslu għal ċertu titjib. Madankollu, dan l-Istat Membru jenfasizza li, minħabba l-eżistenza ta’ inugwaljanza strutturali fuq medda ta’ żmien twil li taffettwa lir-Rom fis-soċjetà Slovakka, il-miżuri adottati ma setgħux ibiddlu l-użanzi soċjetali fil-perijodu ta’ żmien qasir stipulat.

32.      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-Repubblika Slovakka adottat numru ta’ miżuri li possibbilment ikkontribwixxew għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni. Madankollu, hija tqis ukoll li numru ta’ dawn il-miżuri ma humiex suffiċjenti jew ma humiex inforzati b’mod suffiċjenti (7). Ferm importanti, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-miżuri għadhom ma eliminawx u lanqas biss ma naqqsu l-livell ta’ diskriminazzjoni kontra tfal Rom fis-sistema tal-edukazzjoni tar-Repubblika Slovakka (8).

33.      Ir-rilevanza ta’ dawn l-argumenti sabiex jiġi deċiż jekk fil-fatt kienx hemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiddependi, fil-fehma tiegħi, fuq it-tip ta’ obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tad-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni. Argumenti differenti ser ikunu rilevanti skont jekk it-talba tal-Kummissjoni tikkonċernax nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ riżultat jew ta’ obbligu ta’ aġir.

34.      Obbligu ta’ riżultat jeħtieġ li Stat Membru jikseb riżultat jew sitwazzjoni speċifiċi u ddefiniti minn qabel. Il-konċentrazzjoni hija fuq ir-riżultat innifsu, indipendentement mill-mezzi magħżula sabiex jinkiseb. Jekk ir-riżultat ma jinkisibx, ikun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sakemm l-Istat Membru ma jkunx jista’ juri force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali oħrajn. Għall-kuntrarju, obbligu ta’ aġir jeħtieġ li Stat Membru jimplimenta l-miżuri xierqa kollha sabiex jikseb ċertu għan, mingħajr ma jiggarantixxi neċessarjament li dan l-għan ser jintlaħaq. Il-konċentrazzjoni hija, pjuttost, fuq l-isforzi li saru anki jekk ir-riżultat ma nkisibx jew kien għadu ma nkisibx (9).

35.      Għalhekk, jekk id-Direttiva 2000/43 timponi obbligu ta’ riżultat, ikun suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li sempliċement teżisti diskriminazzjoni kontra tfal Rom fl-iskejjel. F’tali sitwazzjoni, l-argumenti tar-Repubblika Slovakka li jikkonċernaw il-miżuri implimentati sabiex jiksbu r-riżultat ma jikkostitwixxux difiża; dawn ma jiċħdux l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

36.      B’kuntrast ma’ dan, jekk hemm obbligu ta’ aġir, anki jekk ir-riżultat għadu ma nkisibx, il-fatt li l-Istat Membru jkun għamel l-aqwa sforzi sabiex jelimina d-diskriminazzjoni jkun argument rilevanti. F’tali każ, il-Kummissjoni jkollha turi għalfejn il-miżuri adottati mir-Repubblika Slovakka ma jirrappreżentawx l-aqwa sforzi tagħha sabiex jittrattaw id-diskriminazzjoni (10).

37.      Għandu jitfakkar, b’mod addizzjonali, li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tiftaħ proċeduri ta’ ksur u tgawdi minn diskrezzjoni sħiħa mhux biss sabiex tiddeċiedi jekk tagħtix bidu għall-proċedura, iżda wkoll meta għandha tagħmel dan u dwar liema kwistjoni (11). Il-Kummissjoni għandha wkoll diskrezzjoni sħiħa dwar jekk issegwix tali proċedura sal-punt li jilħaq il-Qorti tal-Ġustizzja (12).

38.      Meta saritilha l-mistoqsija waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li hija ddeċidiet li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika Slovakka, minkejja li problemi simili jeżistu wkoll fi Stati Membri oħrajn (13), għaliex hija evalwat li ma kien sar l-ebda titjib apprezzabbli fl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra tfal Rom f’dan l-Istat Membru.

39.      Filwaqt li l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni sħiħa matul il-proċeduri ta’ ksur, malli l-kawża tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi l-kawża abbażi ta’ kriterji legali (14) u ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex teżamina jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra Stat Membru tkunx xierqa (15).

40.      Għalhekk, jekk il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ riżultat, u jekk il-Kummissjoni tipprova li r-riżultat ma ntlaħaqx, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata biss nuqqas ta’ twettiq ta’ tali obbligu.

41.      Meta ssir tali konstatazzjoni, il-Kummissjoni sussegwentement tissorvelja t-titjib tal-konformità tal-Istat Membru mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha d-diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk, meta u taħt liema kundizzjonijiet għandha ssegwi l-każ b’mod ulterjuri permezz tal-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 260 TFUE (16).

42.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tidher li ppreżentat ir-rikors tagħha abbażi ta’ allegat nuqqas ta’ ksib ta’ riżultat. Hija ssostni li hemm diskriminazzjoni kontra tfal Rom fi skejjel, pjuttost milli r-Repubblika Slovakka ma hijiex tagħmel sforz sabiex telimina tali diskriminazzjoni.

43.      It-talbiet prinċipali tal-Kummissjoni huma għalhekk fis-sens li ma ntlaħaqx riżultat, fir-rigward tat-twaqqif tat-tqegħid ta’ numri sproporzjonatament għoljin ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali u fir-rigward ta’ segregazzjoni ta’ tfal Rom fl-edukazzjoni ordinarja.

44.      Qabel ma nevalwa jekk il-Kummissjoni pprovatx l-allegazzjonijiet tagħha, huwa neċessarju li nivverifika jekk il-Kummissjoni għandhiex raġunijiet sabiex tibda din il-proċedura ta’ ksur fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) tagħha.

B.      Eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni bħala obbligu ta’ riżultat

45.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43 fih obbligu ta’ riżultat li jeħtieġ lill-Istati Membri sabiex jeliminaw diskriminazzjoni diretta u indiretta fl-edukazzjoni? (17)

46.      Kif ser insostni, id-Direttiva 2000/43 timponi fil-fatt tali obbligu ta’ riżultat pjuttost milli sempliċement obbligu ta’ aġir.

47.      Kif spjegat fl-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/43 tistabbilixxi “qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”. Il-kliem “li jseħħ” jissuġġerixxi mhux biss sforz, iżda wkoll riżultat konkret.

48.      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43 jipprovdi li “[g]ħall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità”. Il-kliem “ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni” ukoll jimplika obbligu ta’ riżultat.

49.      L-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva sussegwentement jiddefinixxi diskriminazzjoni diretta u indiretta. B’dan il-mod, huwa jindika stat ta’ fatti mixtieq fejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa osservat.

50.      Għalhekk, sabiex jingħata effett lil dan il-prinċipju, li huwa l-iskop tad-Direttiva 2000/43, jeħtieġ li tiġi eliminata fl-Istati Membri d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq ir-razza jew oriġini etnika, inkluż fl-edukazzjoni kif qed jiġi allegat f’din il-kawża.

51.      Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha (18), ir-Repubblika Slovakka ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43 li l-Kummissjoni tinvoka bl-ebda mod ma joħolqu obbligi fuq l-Istati Membri, iżda jiddefinixxu biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta.

52.      Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex miktuba f’termini ta’ obbligi tal-Istati Membri. Madankollu, id-direttivi huma, b’mod ġenerali, strumenti tal-Unjoni li jobbligaw lill-Istati Membri jiksbu riżultati regolatorji iżda jħallulhom il-libertà li jagħżlu l-modalitajiet għall-ksib ta’ dawn ir-riżultati (19).

53.      Id-Direttiva 2000/43 kjarament tiddefinixxi r-riżultat li kull Stat Membru għandu jikseb; ugwaljanza fis-soċjetà tiegħu permezz tal-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika. Għalhekk, implimentazzjoni tajba ta’ din id-direttiva tippreżupponi li diskriminazzjoni ma hijiex preżenti fi Stat Membru.

54.      Il-premess japplika mhux biss għal sitwazzjonijiet individwali ta’ diskriminazzjoni (20) iżda wkoll għall-eliminazzjoni ta’ inugwaljanzi strutturali.

55.      Il-Kummissjoni ressqet dan il-preżenti rikors ibbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, kif iddefinita fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43. Skont din id-dispożizzjoni, diskriminazzjoni indiretta hija meqjusa li teżisti fejn dispożizzjoni kriterju jew prattika apparentement newtrali tqiegħed lil persuni ta’ ċerta razza jew oriġini etnika fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ persuni oħrajn.

56.      Preċiżament minħabba li inkluda d-diskriminazzjoni indiretta bħala riżultat ipprojbit, jidhirli li huwa ċar li l-leġiżlatura tal-Unjoni riedet telimina l-inugwaljanzi strutturali fl-Istati Membri (21).

57.      Id-diskriminazzjoni indiretta hija kwistjoni partikolarment sinjifikattiva fejn tkun stabbilita inugwaljanza strutturali li taffettwa grupp fi ħdan soċjetà partikolari. F’dawn il-każijiet, regoli li jkunu jidhru newtrali f’termini ta’ etniċità jista’ faċilment ikollhom impatt inugwali fuq grupp etniku li diġà jkun qiegħed jaffronta diskriminazzjoni (22).

58.      Din hija preċiżament is-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Kif ikkonfermat mir-Repubblika Slovakka, forma partikolari ta’ diskriminazzjoni indiretta, is-segregazzjoni ta’ Rom, ilha teżisti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru għal żmien twil. Il-problema ma hijiex waħda ta’ segregazzjoni de jure, bħal dik indirizzata fil-kawża Brown vs Board of Education (23), iċċitata minn xi parteċipanti ta’ dawn il-proċeduri. Din it-tip ta’ diskriminazzjoni hija iktar faċli li tiġi indirizzata, għaliex kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu eliminati. L-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 2000/43 jeżiġi dan espressament (24).

59.      Madankollu, f’din il-kawża, aħna qegħdin naffrontaw segregazzjoni de facto, ibbażata fuq prattiki iktar milli l-ittra tal-liġi. Id-Direttiva 2000/43 ma setgħetx tistabbilixxi miżuri speċifiċi sabiex twaqqaf tali segregazzjoni de facto, minħabba li soluzzjoni għall-problema ma tistax tinkiseb permezz tal-adozzjoni ta’ regola speċifika jew saħansitra numru ta’ regoli speċifiċi. Barra minn dan, il-mezzi sabiex tiġi indirizzata s-segregazzjoni de facto jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi partikolari f’kull Stat Membru. Dan premess jispjega għaliex id-Direttiva 2000/43 ma tippreskrivix miżuri speċifiċi intiżi għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita kontra grupp etniku.

60.      Tali nuqqas ta’ miżuri speċifiċi ma jistax, madankollu, jiġi interpretat li jfisser li d-Direttiva 2000/43 ma timponix fuq l-Istati Membri obbligu li jeliminaw id-diskriminazzjoni de facto li tirriżulta minn inugwaljanza strutturali. L-Istati Membri għandhom fil-fatt obbligu pożittiv li jieħdu kwalunkwe miżuri li jkunu neċessarji sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni etnika stabbilita. Dan l-obbligu ma huwiex espress fil-forma ta’ miżuri speċifiċi li l-Istati Membri għandhom jadottaw, għaliex ma setax ikun espress b’dan il-mod.

61.      Barra minn dan, il-premessa 12 tad-Direttiva 2000/43 tispjega li din l-azzjoni speċifika fil-qasam ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika hija neċessarja sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti, li, min-naħa tiegħu, jippermetti l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika (25). Dan jikkonferma li l-iskop ta’ dan l-att huwa l-eliminazzjoni ta’ inugwaljanzi soċjetali stabbiliti.

62.      Tali perspettiva fuq il-kunċett ta’ diskriminazzjoni hija esposta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63.      Fis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif sanċit fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, huwa prinċipju ġenerali fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Strumenti tad-dritt sekondarju, bħad-Direttiva 2000/43, jagħtu espressjoni konkreta lil dan il-prinċipju (26). L-osservanza ta’ dan il-prinċipju timponi obbligu li jmur lil hinn mis‑sempliċi obbligu ta’ “l-aqwa sforzi” tal-Istati Membri.

64.      Jekk id-Direttiva 2000/43 sempliċement imponiet obbligi ta’ aġir, l-effet utile (effettività) tagħha fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jkun ippreġudikat b’mod sinjifikattiv. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni juru ffokar fuq il-prevenzjoni ta’ riżultati diskriminatorji. Dan kien il-każ kemm fir-rigward tad-diskriminazzjoni diretta (27) kif ukoll tad-diskriminazzjoni indiretta (28). L-istess huwa minnu fir-rigward tal-ġlieda kontra id-diskriminazzjoni stabbilita eżistenti.

65.      B’mod addizzjonali, l-interpretazzjoni tal-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/43 bħala obbligu ta’ riżultat li jinkludi obbligu pożittiv li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra tfal Rom fl-iskejjel huwa skont il-pożizzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) fis-sentenzi reċenti tagħha li jikkonċernaw is-segregazzjoni ta’ tfal Rom fl-iskejjel (29). Dik il-qorti qieset li konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ segregazzjoni tinvolvi obbligi pożittivi għall-Istati li jneħħu s-segregazzjoni.

66.      Finalment, speċifikament fil-qasam tal-edukazzjoni, jeżisti argument addizzjonali dwar għalfejn il-leġiżlatura tal-Unjoni ma setax tippreskrivi miżuri speċifiċi għall-adozzjoni mill-Istati Membri, iżda setgħet biss timponi obbligu ta’ riżultat. Tali argument huwa marbut mad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif diskuss fis-seduta.

67.      L-Unjoni ma għandhiex kompetenza regolatorja fil-qasam tal-edukazzjoni; kif isegwi mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 TFUE, hija tgawdi biss kompetenza ta’ sostenn. Għalhekk, l-Unjoni ma tistax tippreskrivi l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom jew tal-kontenut tat-tagħlim.

68.      Madankollu, fuq il-bażi tal-kompetenza li tirriżulta mill-Artikolu 19 TFUE, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika, b’mod li tillimita l-kompetenza tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom (30). Għalhekk, minħabba l-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tippreskrivi miżuri speċifiċi, l-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni fl-edukazzjoni tista’ tinkiseb biss permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ riżultat. Il-miżuri li permezz tagħhom għandu jinkiseb ir-riżultat huma fil-kompetenza tal-Istati Membri.

69.      Madankollu, minkejja l-argument inizjali tagħha li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43 fih biss definizzjonijiet, ir-Repubblika Slovakka tidher li aċċettat li din id-direttiva timponi obbligu ta’ riżultat. Fir-risposta tagħha, hija ddikjarat: “id-Direttiva 2000/43 għalhekk tobbliga lil-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi implimentat, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni” (31).

70.      Fil-qosor, l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/43, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(1)(g) tagħha, jimponu obbligu ta’ riżultat fuq l-Istati Membri sabiex jeliminaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan l-obbligu mhux biss jipprojbixxi diskriminazzjoni mill-Istati Membri iżda wkoll jimponi obbligu ta’ adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi u azzjonijiet konkreti li jeliminaw l-inugwaljanzi eżistenti li jirriżultaw mill-preġudizzji soċjetali stabbiliti.

71.      Jekk ir-riżultat intiż huwa soċjetà ħielsa mid-diskriminazzjoni kontra grupp etniku fl-edukazzjoni, il-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk hemmx ksur ta’ dan l-obbligu ta’ riżultat huwa billi tħares lejn il-provi u tistabbilixxi fuq din il-bażi jekk teżistix jew le diskriminazzjoni kontra tfal Rom fl-iskejjel. Dan iwassalni għall-mistoqsija sussegwenti li tikkonċerna t-tip ta’ provi li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jintwera li obbligu ta’ riżultat ma jkunx ġie ssodisfatt.

C.      Il-prova li obbligu ta’ riżultat ma jkunx ġie ssodisfatt

72.      Sabiex jiġi pprovat li obbligu ta’ riżultat li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra tfal Rom fl-iskejjel ma ġiex issodisfatt, il-Kummissjoni għandha tressaq provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li juru li tfal Rom huma żvantaġġati fis-sistema tal-iskejjel Slovakka. Jekk il-Kummissjoni turi b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni, ir-Repubblika Slovakka għandha tipproduċi provi li jikkontradixxu l-provi tal-Kummissjoni u juru li ma hemm l-ebda trattament differenzjali li jpoġġi fi żvantaġġ lit-tfal Rom. Fin-nuqqas ta’ dan, hija għandha toffri ġustifikazzjoni għal dan it-trattament diskriminatorju.

73.      Fil-fehma tiegħi, ħafna mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja miż-żewġ partijiet f’din il-kawża ma humiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk, kif sostnut fiż-żewġ motivi tal-Kummissjoni, kinitx teżisti diskriminazzjoni fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata.

74.      Il-Kummissjoni kkjarifikat fis-seduta li fil-fehma tagħha r-Repubblika Slovakka wettqet ksur tal-obbligi tagħha minħabba prattiki diskriminatorji, li kkontribwixxew b’mod attiv għad-diskriminazzjoni, u minħabba nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri xierqa sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni soċjetali stabbilita.

75.      Fil-fehma tiegħi, filwaqt li huwa ċertament importanti li jiġu identifikati l-kawżi tad-diskriminazzjoni stabbilita, fi proċeduri ta’ ksur fejn jiġi sostnut li obbligu ta’ riżultat ma ġiex issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat liema azzjonijiet speċifiċi ta’ organi tal-Istat ikkontribwixxew għall-allegata diskriminazzjoni jew liema azzjonijiet naqsu milli jġibuha fi tmiemha. L-Istat huwa fil-fatt liberu li jagħżel il-mezz li bih jelimina d-diskriminazzjoni. Jekk dawn il-mezzi humiex xierqa u effettivi huwa biss rilevanti, għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn juri jekk ir-riżultat mixtieq kienx inkiseb jew le (32).

76.      Fil-qosor, l-argumenti u l-provi ta’ sostenn kollha skambjati mill-partijiet dwar jekk id-diversi miżuri li adottat ir-Repubblika Slovakka humiex xierqa u suffiċjenti sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma fiż-żewġ motivi humiex suffiċjenti huma importanti ħafna fil-kuntest tal-politika ta’ nondiskriminazzjoni u l-isforzi ta’ dan l-Istat Membru u tal-Kummissjoni sabiex iġibu l-ugwaljanza. Madankollu, dawn l-argumenti ma humiex rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk eżistiex il-ksur fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha.

77.      Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dak kollu li huwa rilevanti huwa jekk il-provi tal-Kummissjoni jipprovawx li d-diskriminazzjoni eżistiet fiż-żmien rilevanti u jekk ir-Repubblika Slovakka pprovatx li l-miżuri li hija implimentat kellhom suċċess fl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni sa dak iż-żmien.

D.      Il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti l-okkorrenzi ta’ ksur allegati f’din il-kawża?

1.      L-ewwel motiv: numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali jew fi klassijiet speċjali

78.      Il-Kummissjoni targumenta li, mhux biss fil-11 ta’ Diċembru 2019, li kienet id-data ta’ skadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda wkoll wara, data uffiċjali żvelat li kien hemm numru sproporzjonatament għoli ta’ tfal Rom li tqiegħdu fi skejjel speċjali jew fi klassijiet speċjali fir-Repubblika Slovakka. Bejn wieħed u ieħor, kien hemm tliet darbiet iktar tfal Rom li attendew għal dawn il-programmi speċjali, meta mqabbla ma’ tfal oħrajn (33).

79.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha mhux biss fuq diversi rapporti ta’ korpi tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs, iżda wkoll fuq rapporti maħruġa minn awtoritajiet Slovakki. Anki jekk dawn ir-rapporti jużaw metodoloġiji differenti u jinkludu riżultati xi ftit differenti, huma kollha juru numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali. Fil-fehma tiegħi, din il-prova hija prima facie prova suffiċjenti sabiex tqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-Istat Membru, li għandu juri l-ineżattezza jew in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ tali prova.

80.      Ir-Repubblika Slovakka ma tikkontestax, strettament, din il-pretensjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda targumenta minflok li nkiseb titjib permezz ta’ diversi miżuri li hija introduċiet u li n-numri għalhekk qegħdin jinżlu (34). Madankollu, dan l-Istat Membru jispjega li ma jistax juri dan it-tnaqqis f’numri fuq il-bażi tal-istess data u metodoloġija użati fir-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni għaliex huwa ma għandux din id-data jew din il-metodoloġija (35).

81.      Madankollu, kif il-Kummissjoni b’mod korrett tirrimarka, minkejja li l-metodoloġija hija differenti, jekk sar xi tnaqqis sinjifikattiv fil-proporzjon tat-tfal Rom fi skejjel speċjali, ir-rapporti differenti kienu jirreġistraw din it-tendenza pożittiva, għalkemm abbażi ta’ metodoloġiji differenti.

82.      Fi kwalunkwe każ, statistiċi ppreparati minn awtoritajiet differenti fir-Repubblika Slovakka ma jurux xi bidla sinjifikattiva, iżda jikkonfermaw l-eżistenza ta’ sproporzjon sinjifikattiv f’Diċembru 2019, fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata.

83.      Dokument bikri li ħareġ fl-2011 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri l-Pjan Strateġiku Nazzjonali, kien irrikonoxxa kwistjonijiet eżistenti ta’ diskriminazzjoni wara dijanjożi żbaljata ta’ tfal (36). Fil-fatt, skont dan id-dokument, filwaqt li perċentwal żgħir biss ta’ kwalunkwe popolazzjoni partikolari (bejn 1 u 3 %) ikollhom ġeneralment diżabbiltà intellettwali, tfal Rom kienu jirrappreżentaw bejn 16 % u 17 % tat-tfal preżenti fi skejjel speċjali u klassijiet speċjali fir-Repubblika Slovakka. Bl-istess mod, 60 % tat-tfal fi klassijiet speċjali u 80 % tat-tfal fi skejjel speċjali kienu ta’ oriġini Rom, filwaqt li l-popolazzjoni Rom irrappreżentat biss madwar 8 % tal-popolazzjoni globali.

84.      Fl-2020, l-Atlas of Roma Communities, miġbur mid-Deputat Ministru tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka responsabbli għal komunitajiet Rom,  indika figuri paragunabbli. Skont dan id-dokument (37), 17 % ta’ tfal bl-etajiet minn 6 sa 15 minn Komunitajiet Emarġinati Rom (iktar ’il quddiem il-“KER”) tqiegħdu f’ambjenti tal-edukazzjoni speċjali. Għal tfal Rom li jgħixu fi djar integrati, ir-rata kienet ftit inqas, 14 %. Kif dan id-dokument juri, dawn ir-rati kienu ogħla b’mod sinjifikattiv minn fost il-popolazzjoni ġenerali – fl‑2019, 5.7 % biss mit-total tat-tfal ta’ età tal-iskola fir-Repubblika Slovakka kienu rreġistrati fi programmi tal-edukazzjoni speċjali.

85.      B’mod ġenerali, wieħed jista’ jikkontesta l-eżattezza ta’ waħda mis-settijiet ta’ figuri kontra oħra u/jew l-effettività tal-metodoloġija użata fi studju meta mqabbla ma’ oħra (38). Madankollu, xorta waħda ntwera li l-isproporzjon, li jindika differenzi bejn il-figuri li jirrapportaw l-esperjenza ta’ tfal Rom u dawk għall-esperjenza ta’ tfal li ma humiex Rom, huwa wisq sinjifikattiv sabiex jiġi injorat (39).

86.      Ma huwiex ikkontestat li t-tqegħid skorrett ta’ tfal fi klassijiet u skejjel speċjali huwa indikazzjoni ta’ diskriminazzjoni. L-iskejjel speċjali għandhom kurrikulu mnaqqas, li jfisser li l-opportunitajiet tat-tfal li jkomplu edukazzjoni ulterjuri huma limitati, li konsegwentement inaqqas il-prospetti tagħhom għall-inklużjoni ugwali fis-soċjetà bħala adulti.

87.      Tfal Rom jitqiegħdu għalhekk fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ tfal oħrajn, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

88.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa possibbli li diskriminazzjoni indiretta tiġi ġġustifikata jekk ir-regola jew il-prattika inkwistjoni jkollha skop leġittimu li jinkiseb b’mod proporzjonat. Dan il-kunċett ta’ skop leġittimu li jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni etnika għandu, madankollu, jiġi interpretat b’mod strett (40).

89.      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tissottometti li l-isproporzjon eżistenti fiċ-ċifri jista’ jiġi spjegat permezz tal-fatt li numru għoli ta’ tfal Rom li jgħixu f’KER jiġu minn ambjenti soċjoekonomiċi tant żvantaġġati li ma jkunux ippreparati daqs tfal oħrajn meta jiġu biex jagħmlu t-testijiet ta’ dħul fi skola primarja. Dan l-Istat Membru jispjega b’mod ulterjuri li huwa introduċa miżuri, bħall-edukazzjoni obbligatorja ta’ qabel il-primarja u l-assistenti tal-ġenituri, li huma intiżi sabiex jeliminaw din id-diskrepanza.

90.      Minn naħa, iċ-ċirkustanza li proporzjon għoli ta’ tfal Rom jgħixu f’ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati fil-KER ma tistax tingħata bħala ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni kontra tagħhom fl-iskejjel. Tali inugwaljanza stabbilita, anki jekk tista’ tispjega r-rappreżentanza sproporzjonata f’kuntesti ta’ skola speċjali, ma tistax tintuża bħala ġustifikazzjoni għal sitwazzjoni ulterjuri oħra ta’ impatt ħażin. Min-naħa l-oħra, il-miżuri li ġew adottati sabiex jirrimedjaw l-isproporzjon eżistenti jistgħu jiġu invokati bħala argument biss meta dawn il-miżuri jkunu kisbu r-riżultat intiż.

91.      Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li eżistiet differenza fit-trattament ibbażata fuq in-numru sproporzjonat ta’ tfal Rom li tqiegħdu fi skejjel jew klassijiet speċjali fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata. B’kuntrast, ir-Repubblika Slovakka ma kkonfutatx il-provi prodotti mill-Kummissjoni u lanqas ma pprovdiet għan leġittimu għal din id-diskriminazzjoni.

92.      Għalhekk jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li l-ewwel motiv tal-Kummissjoni huwa fondat.

2.      Fuq it-tieni motiv: segregazzjoni de facto

93.      It-tieni talba tal-Kummissjoni tikkonċerna s-segregazzjoni ta’ tfal Rom fil-qafas ta’ skejjel ordinarji.

94.      Ksur tal-obbligu li tiġi eliminata s-segregazzjoni, bħala ksur tal-obbligu ta’ riżultat, jista’ jiġi pprovat permezz ta’ data affidabbli li turi li din is-segregazzjoni teżisti fil-prattika.

95.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, mhux biss fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata iżda wkoll wara (41), kien hemm segregazzjoni mifruxa ta’ tfal Rom minn tfal oħrajn li ma humiex Rom fi skejjel Slovakki. Din is-segregazzjoni ħadet diversi forom – bħal skejjel, klassijiet jew canteens separati. Il-Kummissjoni ssostni din l-asserzjoni permezz ta’ data ta’ statistiċi u provi oħrajn.

96.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni invokat għal darba oħra diversi dokumenti maħruġa minn awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali u NGOs.

97.      F’dan ir-rigward, sa miż-żmien bikri tal-2012, qabel il-bidu tal-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Slovakka kienet irrikonoxxiet l-eżistenza tas-segregazzjoni etnika li taffettwa tfal Rom (42).

98.      Waqt il-proċedura prekontenzjuża, kien hemm diversi rapporti uffiċjali oħrajn ippreżentati li rrikonoxxew l-eżistenza ta’ segregazzjoni etnika li taffettwa tfal Rom. F’rapport minn Štátna školská inšpekcia (l-Ispettorat tal-Iskola Akkademika) għas-snin 2017/2018, ġie rrikonoxxut li “f’erbat’ iskejjel, l-organizzazzjoni tat-tagħlim uriet sinjali ta’ segregazzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ klassijiet separati għal tfal mill-KER u wkoll permezz tas-separazzjoni spazjali ta’ kmamar tal-ħwejjeġ u tisjir separat” [traduzzjoni libera] (43).

99.      Anki wara l-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Slovakki rrikonoxxew kontinwament l-eżistenza tas-segregazzjoni. F’Ġunju 2020, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, ir-Riċerka u l-Isport tar-Repubblika Slovakka rrikonoxxa li s-segregazzjoni ta’ tfal Rom fl-iskejjel kienet kwistjoni li ilha tippersisti (44). L-“Istrateġija għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni, u l-Parteċipazzjoni tar-Rom sal-2030”, adottata mill-awtoritajiet Slovakki f’April 2021, baqgħet tirrikonoxxi li l-istrateġija preċedenti ma kinitx qiegħda tilħaq l-għanijiet tagħha (45).

100. B’mod simili, fis-snin reċenti, il-qrati Slovakki, b’mod partikolari n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema Slovakka), iddeċidiet ripetutament li, f’diversi skejjel, studenti Rom kienu ssuġġettati għall-prattika tas-segregazzjoni de facto (46). Anki jekk tali sentenzi ma jistgħux, waħedhom, jintużaw bħala prova ta’ segregazzjoni ġġeneralizzata, iżda pjuttost ta’ sitwazzjonijiet individwali ta’ diskriminazzjoni, huma madankollu prova rilevanti flimkien ma’ data oħra li ġiet ippreżentata.

101. Finalment, fl-2023, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza, għar-Riċerka u għall-Isport tar-Repubblika Slovakka adotta gwida dwar it-tneħħija tas-segregazzjoni (47), li ġiet aġġornata fl-2024 (48). Fiż-żmien tal-kitba ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sit internet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni tar-Repubblika Slovakka għandu sezzjoni ddedikata għat-tneħħija tas-segregazzjoni, fejn huwa ddikjarat li “għall-Ministeru għall-Edukazzjoni, għar-Riċerka, għall-Iżvilupp u għaż-Żgħażagħ tar-Repubblika Slovakka (MŠVVaM SR), it-tneħħija tas-segregazzjoni ma hijiex biss prijorità strateġika iżda wkoll prerekwiżit għall-ħolqien ta’ sistema tal-edukazzjoni iktar ekwa u inklużiva fis-Slovakkja. L-iskop huwa li t-tfal kollha jiġu integrati globalment fis-sistema tal-edukazzjoni u kull tifel jirċievi edukazzjoni skont il-bżonnijiet edukattivi individwali tiegħu u jiġi integrat b’mod sħiħ fis-soċjetà” [traduzzjoni libera] (49).

102. Dan juri d-dedikazzjoni tar-Repubblika Slovakka sabiex issolvi l-problema u tagħmilha ċara li l-kwistjoni f’din il-kawża ma tirrigwardax iċ-ċaħda tal-valuri tal-Unjoni inklużi fl-Artikolu 2 TUE (50).

103. Madankollu, jekk il-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru li s-segregazzjoni ta’ tfal Rom eżistiet fl-iskadenza tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li seħħ ksur (51).

104. Id-dokumenti kollha ppreżentati mill-Kummissjoni jindikaw l-eżistenza ta’ segregazzjoni de facto, u r-Repubblika Slovakka ma kkonfutatx din il-prova.

105. Mistoqsija ulterjuri li għandha ssir hija dwar jekk is-segregazzjoni tammontax neċessarjament għal trattament ħażin bl-effett li jwassal għal diskriminazzjoni.

106. Fil-fehma tiegħi, is-segregazzjoni minnha nnifisha tikkostitwixxi diskriminazzjoni.

107. Għalkemm jista’ jkun il-każ li l-kurrikuli segwiti minn tfal Rom fi skejjel u klassijiet separati ma humiex ta’ inqas kwalità mill-kurrikuli offruti fi klassijiet imħallta (52), is-separazzjoni soċjali u kulturali ta’ grupp etniku partikolari ssaħħaħ l-istigma preeżistenti f’soċjetà. Konsegwentement hija tnaqqas il-possibbiltajiet li dawn it-tfal isibu posthom fis-soċjetà Slovakka, u ma tqegħidhomx f’pożizzjoni ugwali mat-tfal tamparhom li ma humiex Rom. Is-segregazzjoni hija ugwalment ħażina għat-tfal li ma humiex Rom għaliex dawn jiġu mċaħħda milli jkunu esposti għal kultura li hija differenti minn dik tagħhom, u dan jostakola t-tkabbir edukattiv u soċjetali tagħhom.

108. Din hija r-raġuni għalfejn, fil-fehma tiegħi, is-segregazzjoni minnha nnifisha tikkostitwixxi diskriminazzjoni u ma tista’ qatt tkun iġġustifikata.

109. Madankollu, ir-Repubblika Slovakka tqis li hija ma tistax tinżamm responsabbli għas-segregazzjoni li ma hijiex fil-kontroll tagħha.

110. Pereżempju, hija indikat li ta’ spiss huma l-ġenituri ta’ tfal li ma humiex Rom li jopponu għall-inklużjoni ta’ tfal Rom fil-klassijiet, jew li jmexxu lit-tfal tagħhom għal skejjel oħrajn minħabba li jkun hemm tfal Rom fil-klassi tal-iskola oriġinarjament magħżula. Dan il-fenomenu, magħruf bħala “white flight” (titjira bajda) (53), ġie diskuss fis-seduta bħala skuża li r-Repubblika Slovakka seta’ kellha.

111. Dan il-fatt ma jistax jiġi aċċettat bħala ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni (54). Obbligi pożittivi imposti fuq Stati Membri permezz tad-Direttiva 2000/43 jeħtieġu li dawn jadottaw u jinfurzaw miżuri li jipprevjenu s-segregazzjoni fi skejjel li tirriżulta mill-preġudizzju stabbilit f’soċjetà fir-rigward ta’ grupp etniku partikolari (55).

112. L-istess japplika għas-sitwazzjoni opposta, li fiha l-ġenituri ta’ tfal Rom jagħtu l-kunsens tagħhom għas-segregazzjoni. Kif il-Qorti EDB qieset f’Salay vs Is-Slovakkja, il-kunsens parentali ma għandux jikser id-dritt ta’ tifel għal aċċess ugwali għall-edukazzjoni jew jirrendi leġittimi azzjonijiet li jirriżultaw fi trattament inugwali ta’ tfal fis-sistema tal-edukazzjoni (56).

113. Ir-Repubblika Slovakka sostniet ukoll li xi komunitajiet Rom, ħafna drabi l-KER, huma sseparati b’mod territorjali mill-bqija tal-popolazzjoni, li tispjega għalfejn l-iskejjel f’dawn iż-żoni huma skejjel Rom biss.

114. Filwaqt li nista’ nifhem li dan il-fatt huwa ostakolu serju għall-eliminazzjoni ta’ skejjel Rom biss, madankollu jiena tal-opinjoni li tali segregazzjoni ta’ tfal fi skejjel ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ segregazzjoni li taffettwa persuni Rom b’mod ġenerali fir-Repubblika Slovakka (57).

115. Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni fil-konkret, huwa minnu li, kif tikkontendi r-Repubblika Slovakka, li jiġu solvuti kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni stabbilita jieħu ż-żmien. Madankollu, id-diffikultajiet sabiex is-segregazzjoni tiġi eliminata u ż-żmien neċessarju sabiex isir dan ma jistgħux jintużaw bħala difiża f’azzjonijiet għal ksur fejn qiegħda tiġi allegata l-eżistenza tad-diskriminazzjoni.

116. Wieħed ma jistax jinjora l-fatt ta’ niket li kull sena li fiha s-segregazzjoni tkun għadha preżenti, kull grupp ta’ tfal Rom affettwat minn dan it-trattament ħażin jitlef opportunità għall-futur ta’ tali tfal. Dan huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi rrimedjat.

117. Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li teżisti prattika mifruxa b’mod wiesa’ ta’ segregazzjoni li taffettwa tfal Rom fi klassijiet separati fi skejjel ordinarji jew fi skejjel separati. B’kuntrast, ir-Repubblika Slovakka ma kkonfutatx dawn il-konstatazzjonijiet, u lanqas ma tista’ tali segregazzjoni tiġi ġġustifikata.

118. Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata t-tieni motiv tal-Kummissjoni huwa fondat.

IV.    Spejjeż

119. Il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Slovakka għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal- Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti telliefa għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu mitluba mill-parti rebbieħa fin-noti tagħha. Peress li r-Repubblika Slovakka tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

V.      Konklużjoni

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      Tiddikjara li:

–        billi tqiegħed numru sproporzjonat ta’ tfal Rom fi skejjel speċjali, jew fi klassijiet speċjali għal tfal b’diżabbiltajiet intellettwali jew diżabbiltajiet oħrajn, fejn l-edukazzjoni ssegwi kurrikulu ssemplifikat; u

–        billi tissegrega t-tfal Rom fi klassijiet separati fi skejjel ordinarji jew fi skejjel separati,

ir-Repubblika Slovakka naqset, b’mod sistematiku u persistenti, milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) u l-Artikolu 3(1)(g) tagħha;

(2)      Tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 20, Vol 1, p. 23).


3      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit  (C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑545/10, EU:C:2013:509, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Ara, fir-rigward tal-ewwel motiv, punt 48 tar-rikors tal-Kummissjoni, u fir-rigward tat-tieni motiv, punti 82 u 83 tiegħu. Fl-annessi tar-rikors u tal-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat numru kbir ta’ dokumenti li fuqhom hija tibbaża ruħha fir-rikors.


5      Madankollu, ir-Repubblika Slovakka esprimiet diffikultajiet sabiex tikkonfuta l-istatistika ppreżentata mill-Kummissjoni, minħabba li ħafna mir-rapporti li huma invokati mill-Kummissjoni huma esterni u jużaw metodoloġija differenti, li jfisser li r-Repubblika Slovakka ma tistax tissostanzja titjib fl-istatistika billi tuża l-istess metodoloġija.


6      Ara, f’dan ir-rigward, punt 74 tar-risposta. Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat ukoll numru kbir ta’ dokumenti li jixhdu l-isforzi tagħha sabiex timplimenta miżuri u programmi adegwati.


7      Ara, ir-replika tal-Kummissjoni, punt 53


8      Ara, ir-replika tal-Kummissjoni, punt 35.


9      Fid-dritt internazzjonali, obbligu ta’ riżultat jeżisti “fejn l-Istati għandhom jiksbu sitwazzjoni fattwali speċifika li l-preskrizzjoni tagħha tista’ tkun kemm projbittiva kif ukoll awtoritattiva” [traduzzjoni libera]. Ara, Wolfrum, R. “Obligation of result versus obligation of conduct - Some thoughts about the implementation of international obligations”, fi: Arsanjani, M.H. et al. (edituri), Looking to the Future. Essays on International Law in Honor of W. Michael Reisman, Martinus Nijhoff Publishers, Leiden/Boston, 2011, p. 366, fil-paġna 369. Ara wkoll Nový, Z., “The dichotomy of obligations of conduct and result in international investment law”, Cofola International, 2022, p. 170, fil-paġna 172.


10      Id-dikotomija komuni użata fid-dritt internazzjonali hija li ssir distinzjoni bejn obbligi ta’ aġir u obbligi ta’ riżultat. Madankollu, Wolfrum iqis li hemm ukoll tipi oħrajn ta’ obbligi li l-Istati jassumu skont id-dritt internazzjonali. Wieħed minn dawn it-tipi ta’ obbligi hu dak li huwa jsejjaħ “obbligu ċċentrat fuq l-għan” [traduzzjoni libera]. Dan l-obbligu huwa differenti mill-obbligu ta’ riżultat għaliex l-Istati “jintrabtu li jibdew proċess evoluzzjonarju li jwassal għal direzzjoni partikolari” [traduzzjoni libera], iżda mingħajr ma jimponu riżultat konkret minn qabel (Wolfrum, op. cit., p. 366 u 367). Jiena m’iniex tal-fehma li l-obbligu taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43 għandu jkun interpretat fis-sens li huwa iċċentrat fuq l-għan, minħabba li hemm riżultat ċar li għandu jinkiseb – l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta.


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni (247/87, EU:C:1989:58) u d-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2024, Fass vs Il-Ġermanja u Il-Kummissjoni (C‑187/24 P, EU:C:2024:872, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Hemm sitwazzjonijiet oħrajn ta’ diskriminazzjoni stabbilita li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma ssegwix preżentement. Pereżempju, wieħed jista’ jargumenta li d-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur paragunabbli tinsab kważi fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Ara, f’dan ir-rigward, https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Gender_pay_gap_statistics. Madankollu, l-ebda proċeduri ta’ ksur ma nbdew mill-Kummissjoni.


13      Bdiet ukoll proċeduri ta’ ksur kontra l-Ungerija (INFR(2015)2206) u r-Repubblika Ċeka (INFR(2014)2174). Madankollu, il-Kummissjoni ma ddeċidietx, jew għadha ma ddeċidietx, li tressaq dawn il-kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


14      Ara, ex multis, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valuri limitu – PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja  (Id-Direttiva li tiġġieled il-ħlas tard) (C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ladarba l-Kummissjoni tallega li nkisret dispożizzjoni legali partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk dan kienx il-każ, fid-dritt u fil-fatt, irrispettivament mir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 56).


15      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni dwar jekk tibdiex proċeduri ta’ ksur, u ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti ġudizzju dwar jekk din id-diskrezzjoni kinitx eżerċitata b’mod għaqli. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑236/99, EU:C:2000:374, punt 28).


16      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, kif huwa l-każ fil-proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha wkoll setgħa diskrezzjonali sabiex tibda proċedura skont l-Artikolu 260 TFUE, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex setgħa tistħarreġ ir-raġunijiet tagħha. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Kontra l-ħasil ta’ flus) (C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      L-edukazzjoni taqa’ taħt il-portata tad-Direttiva 2000/43 fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1)(g) tagħha, li huwa għalfejn il-Kummissjoni qiegħda ssostni li hemm ksur tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva flimkien mal-Artikolu 3(1)(g) tagħha.


18      Ara l-punt 33 tar-risposta tar-Repubblika Slovakka.


19      Ara l-Artikolu 288 TFUE.


20      Għal sitwazzjonijiet li jinvolvu diskriminazzjoni individwali, id-Direttiva teħtieġ li jsiru disponibbli rimedji effettivi lil individwi li jsofru minn diskriminazzjoni. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2000/43.


21      Dan huwa, fil-fehma tiegħi, sostnut mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/43. Billi jippermetti azzjoni pożittiva “bil-ħsieb li tiġi żgurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika”, il-leġiżlatura tal-Unjoni pprovdiet għodda preċiżament sabiex tirrispondi għall-inugwaljanzi stabbiliti.


22      Ara, pereżempju, Fredman, S., “The Reason Why: Unravelling Indirect Discrimination”, Industrial Law Journal, 2016, p. 231 sa 243.


23      347 U.S. 483 (1954) (“Brown v. Board of Education”). F’din il-kawża, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ddikjarat li liġijiet adottati mill-Istati tal-Istati Uniti li jistabbilixxu segregazzjoni tar-razza kienu antikostituzzjonali. Dik il-qorti qieset li l-faċilitajiet edukattivi separati kienu inugwali b’mod inerenti, u għalhekk il-liġijiet li kienu jimponuhom kisru l-Klawżola tal-Protezzjoni Ugwali tal-Erbatax-il Emenda tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti (fil-paġna 459).


24      B’kuntrast mas-sitwazzjoni fl-Istati Uniti fi żmien il-kawża Brown v. Board of Education, ir-Repubblika Slovakka ma għandhiex leġiżlazzjoni li tipprattika s-segregazzjoni u taqbel li s-segregazzjoni għandha tiġi eliminata. L-azzjoni tal-Kummissjoni ma timmirax għal-leġiżlazzjoni Slovakka, iżda hija pjuttost ikkonċernata mas-sitwazzjoni de facto.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 41); tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 40); u tal-15 ta’ Novembru 2018, Maniero (C‑457/17, EU:C:2018:912, punt 35).


26      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Maniero (C‑457/17, EU:C:2018:912, punt 36).


27      Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397).


28      Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480).


29      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tal-31 ta’ Mejju 2022, X et vs L-Albanija (CE:ECHR:2022:0531JUD007354817, punti 84 sa 87); tat-13 ta’ Diċembru 2022, Elmazova et vs Il-Maċedonja ta’ Fuq (CE:ECHR:2022:1213JUD001181120, punt 74); u tat-30 ta’ Marzu 2023, Szolcsán vs L-Ungerija (CE:ECHR:2023:0330JUD002440816, punt 69). Għal ħarsa ġenerali tal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li twassal għar-rikonoxximent tal-obbligu tat-tneħħija tas-segregazzjoni, ara Vrancken, M., “Segregation in education and a duty of desegregation under the ECHR”, European Human Rights Law Review, 2024, p. 112 sa 126.


30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “[g]ħalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward, minn naħa, tal-kontenut tat-tagħlim u tal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva kif ukoll tad-diversità kulturali u lingwistika tagħhom […], xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni”. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Punt 34 tar-risposta (it-traduzzjoni tiegħi għall-Ingliż mill-Franċiż). Hija kompliet billi ddikjarat li “sabiex dan il-prinċipju jiġi osservat b’mod effettiv, huwa neċessarju li jiġi żgurat li kull tifel (jew tifla), tkun liema tkun l-oriġini tiegħu, ikollu l-istess opportunità li jirċievi edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tgħinu kemm jista’ jkun sabiex jiżviluppa l-potenzjal naturali tiegħu”.]


32      Din il-konklużjoni hija wkoll skont il-pożizzjoni tal-Qorti EDB fil-kawżi reċenti li jikkonċernaw id-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni. Pereżempju, fis-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Lavida et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2013:0530JUD000797310) u tat-30 ta’ Marzu 2023, Szolcsán vs L-Ungerija (CE:ECHR:2023:0330JUD002440816), il-Qorti EDB lanqas biss ipprovat tistabbilixxi liema miżura tal-Istat kienet il-kawża tas-segregazzjoni. Il-fatt tal-eżistenza tas-segregazzjoni kien prova prima facie suffiċjenti ta’ diskriminazzjoni.


33      B’mod addizzjonali, skont il-Kummissjoni, għalkemm riformi fil-proċeduri dijanjostiċi ġew introdotti, huma kellhom impatt żgħir u l-figuri baqgħu fil-parti l-kbira tagħhom l-istess.


34      Dawn id-dikjarazzjonijiet, madankollu, kollha jikkonċernaw il-perijodu wara t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata.


35      Ara, il-kontroreplika tar-Repubblika Slovakka, punt 6.


36      Ara, l-Uffiċċju tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka, l-Uffiċċju tal-Plenipotenzjarju tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka għall-Komunitajiet Rom Com, Strategy of the Slovak Republic for integration of Roma up to 2020, 2012, p. 15, disponibbli fuq: https://www.employment.gov.sk/files/legislativa/dokumenty-zoznamy-pod/strategyoftheslovakrepublicforintegrationof-romaupto2020.pdf


37      Úrad splnomocnenca vlády SR pre rómske komunity (l-Uffiċċju tal-Plenipotenzjarju tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka għall-Komunitajiet Rom), Príjmy a životné podmienky v marginalizovaných rómskych komunitách: Vybrané ukazovatele zo zisťovania EU SILC_MRK 2020 (Dħul u kundizzjonijiet tal-għajxien f’komunitajiet emarġinati Rom - indikaturi magħżula mill-istħarriġ tal-Unjoni SILC_MRK 2020); disponibbli fuq: https://www.romovia.vlada.gov.sk/site/assets/files/1561/analyticka_sprava_eu_silc_mrk_2020_elektronicka_final.pdf p. 34 (Anness A. 32 tar-rikors, p. 1878).


38      Waħda mill-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżattezza tal-istatistiċi kienet id-diskrepanza bejn in-numru ta’ Rom li jgħixu fis-Slovakkja bbażat fuq stħarriġ tal-popolazzjoni u n-numru tagħhom użat minn rapporti differenti. Filwaqt li jidher li n-numri fl-istħarriġ tal-popolazzjoni huma fil-fatt ineżatti, korpi differenti waslu għal konstatazzjonijiet paragunabbli dwar in-numru ta’ persuni Rom fis-Slovakkja li huwa madwar nofs miljun (għal kummentarju fuq dan is-suġġett, b’riferimenti, ara Kumitat Konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni ta’ Minoritajiet Nazzjonali, Fifth Opinion on the Slovak Republic, 2022, nota ta’ qiegħ il-paġna 26: disponibbli fuq: https://rm.coe.int/5th-op-slovak-republic-en/1680a6e4ee.


39      Ara wkoll, b’mod simili, il-Qorti EDB, sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, D.H. et vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2007:1113JUD005732500, punt 191).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 112). Għal raġunament simili dwar l-ambitu ta’ ġustifikazzjoni, ara l-Qorti EDB, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sampanis et vs Il-Greċja (Sampanis II), (CE:ECHR:2012:1211JUD005960809, punt 91).


41      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li, minkejja xi bidliet leġiżlattivi mill-2015, għad hemm insuffiċjenza ta’ miżuri effettivi u l-istatistiċi ma juru l-ebda titjib effettiv. Pereżempju, rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (disponibbli fuq: https://fra.europa.eu/en/publication/2022/roma-survey-findings) jinvoka data mill-2021 li turi li 65 % ta’ tfal Rom bl-etajiet bejn 6 sa 15 attendew skejjel fejn ħafna studenti, jekk mhux kollha, kienu ta’ oriġini Rom. Barra minn dan, għalkemm l-awtoritajiet u l-qrati Slovakki rrikonoxxew il-persistenza ta’ din il-kwistjoni, il-liġijiet nazzjonali ma jirrikjedux azzjoni konkreta kontra din is-segregazzjoni.


42      Ara, diġà, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, op. cit., p. 4.


43      Štátna školská inšpekcia, Správa o stave a úrovni výchovy a vzdelávania v školách a školských zariadeniach v Slovenskej republike v školskom roku 2017/2018, Anness A.44 tar-rikors, p. 32.


44      Filipová M., Ministeru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, ir-Riċerka u l-Isport tar-Repubblika Slovakka, “Naším cieľom je odstrániť segregáciu rómskych detí” (“l-iskop tagħna huwa li tiġi eliminata s-segregazzjoni ta’ nies Rom” [traduzzjoni libera]), Stqarrija għall-istampa, 17 ta’ Ġunju 2020, disponibbli fuq: https://www.minedu.sk/m-filipova-nasim-cielom-je-odstranit-segregaciu-romskych-deti/


45      Úrad splnomocnenca vlády SR pre rómske komunity (l-Uffiċċju tal-Gvern Plenipotenzjarju għall-Komunitajiet Rom), Stratégia rovnosti, inklúzie a participácie Rómov do roku 2030, 2021, disponibbli fuq: https://www.romovia.vlada.gov.sk/strategie/strategia-pre-rovnost-inkluziu-a-participaciu-romov-do-roku-2030/


46      Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2022, ref. 5Cdo/102/2020 (Anness A. 52 tar-rikors); tat-28 ta’ Marzu 2023, ref. 4Cdo/112/2021 (Anness A. 53 tar-rikors) u tat-12 ta’ Lulju 2023, ref. 5Cdo/220/2022 (Anness A. 54 tar-rikors).


47      Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu SR, Metodická príručka desegregácie vo výchove a vzdelávaní, 2023. disponibbli fuq: https://www.minedu.sk/data/att/71e/30599.332e7e.pdf.


48      Ministerstvo školstva, výskumu, vývoja a mládeže SR, Manuál a monitoring uplatňovania štandardov dodržiavania zákazu segregácie vo výchove a vzdelávaní, 2024, disponibbli fuq: https://www.minedu.sk/data/att/629/31682.beb17a.pdf.


49      Disponibbli fuq: https://www.minedu.sk/desegregacia/ (ikkonsultata l-aħħar fid‑9.6.2025).


50      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Valuri tal-Unjoni Ewropea) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punti 237 et seq.).


51      Il-miżuri meħuda sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni jista’ jkollhom influwenza fuq id-deċiżjoni dwar is-sanzjonijiet, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 260 TFUE.


52      Il-provi disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja juru, madankollu, li, għall-parti ewlenija, il-kurrikulu fi klassijiet u fi skejjel segregati jkun fil-fatt ta’ kwalità iktar dgħajfa. Ara, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea: Rapport tal-pajjiż dwar in-nondiskriminazzjoni – Traspożizzjoni u Implimentazzjoni fuq livell nazzjonali tad-Direttivi tal-Kunsill 2000/43 u 2000/78 – is-Slovakkja 2023, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023; disponibbli fuq: https://data.europa.eu/doi/10.2838/45886, Anness A. 51 tar-rikors, p. 49.


53      Dan il-kunċett jirreferi għall-fenomenu fejn familji “bojod” jew ipprivileġġati jċaqilqu lit-tfal tagħhom minn skejjel pubbliċi, b’mod partikolari dawk b’diversità razzjali li tkun qiegħda tiżdied, għal skejjel privati jew skejjel f’żoni li fil-parti l-kbira tagħhom ikunu bojod. Dan iseħħ ħafna drabi bħala rispons għal tnaqqis ipperċepit fil-kwalità tal-iskola, li jista’ jkun influwenzat minn fatturi bħal politiki ta’ integrazzjoni jew bidliet demografiċi.


54      Il-Qorti EDB ma aċċettatx “titjira bajda” bħala ġustifikazzjoni għall-Istat kontra allegazzjonijiet ta’ segregazzjoni. Fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2022, Elmazova et vs il-Maċedonja ta’ Fuq, (CE:ECHR:2022:1213JUD001181120, punti 72 sa 79), il-Qorti EDB irrikonoxxiet li Stat ma jistax ikun l-unika kawża ta’ segregazzjoni, speċifikament f’każijiet ta’ rifjut tal-ġenituri ta’ studenti li ma humiex Rom li jirreġistraw it-tfal tagħhom minħabba preżenza kbira ta’ studenti Rom. Din l-istess qorti, madankollu, ikkonstatat li kien hemm ksur tar-regoli ta’ nondiskriminazzjoni, anki jekk ma kien hemm l-ebda intenzjoni tal-Istat, minħabba li s-segregazzjoni apparenti f’dak il-każ ma kinitx iġġustifikata oġġettivament u raġonevolment. Ara, ukoll, sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Lavida et vs Il-Greċja (CE:ECHR:2013:0530JUD000797310, punt 72).


55      Ara, b’mod simili, il-Qorti EDB, sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2022, Elmazova et vs Il-Maċedonja ta’ Fuq (CE:ECHR:2022:1213JUD001181120, punti 77 u 78), li fihom il-Qorti EDB ikkonstatat li “titjira bajda” ssir possibbli permezz tal-mod li bih il-qafas regolatorju huwa strutturat fir-rigward tar-regoli kemm ta’ ammissjoni u kif ukoll ta’ trasferiment, li ppermettew lill-ġenituri pprivileġġati jagħmlu tali għażliet.


56      Il-Qorti EDB, sentenza tas-27 ta’ Frar 2025, Salay vs Is-Slovakkja (CE:ECHR:2025:0227JUD002935922, punt 112).


57      Ara, b’mod simili, il-Qorti EDB, sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2022, Elmazova et vs Il-Maċedonja ta’ Fuq (CE:ECHR:2022:1213JUD001181120, punt 73), u tat‑30 ta’ Marzu 2023, Szolcsán vs L-Ungerija (CE:ECHR:2023:0330JUD002440816, punti 54, 55 u 57).