SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 205 – Responsabbiltà in solidum – Insolvenza tad-debitur prinċipali – Żamma tal-obbligu li titħallas il-VAT – Responsabbiltà in solidum ta’ terz wara t-tħassir tad-debitur prinċipali mir-reġistru tal-kummerċ – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑121/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2024, fil-proċedura
“Vaniz” EOOD
vs
Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn I. Ziemele, Presidenta tal-Awla, A. Kumin u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Vaniz” EOOD, minn H. Kostadinov, аdvоkаt, |
|
– |
għal Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo, par M. B. M. Nikolov, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn S. Ruseva u T. Tsingileva, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn P. Pérez Zapico, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. M. Herold u M. Ilkova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Vaniz” EOOD, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru, u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u Prattiki fil-Qasam tat-Tassazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali”, responsabbli għall-belt ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà in solidum ta’ Vaniz għall-finijiet tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 44 tad-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li persuna oħra għajr dik soġġetta li tħallas il-VAT għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha.” |
|
4 |
L-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 205 tal-imsemmija direttiva: “Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u l-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi persuna li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.” |
|
6 |
L-Artikolu 207 tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-persuni li, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikoli 199 u 204, jitqiesu li huma responsabbli għall-ħlas tal-VAT minflok persuna taxxabbli li mhix stabbilita fit-territorju rispettiv tagħhom jikkonformaw ma’ l-obbligi tal-ħlas imniżżla f’din it-Taqsima. L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw illi dawk il-persuni li, skond l-Artikolu 205, huma meqjusa bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT jikkonformaw ma’ l-obbligi tal-ħlas.” |
Id-dritt Bulgaru
Id-DOPK
|
7 |
Skont l-Artikolu 21(1) tad-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks (il-Kodiċi Proċedurali fil-Qasam tat-Taxxa u tas-Sigurtà Soċjali) (DV Nru 105, tad‑29 ta’ Diċembru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem id-“DOPK”): “Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 16, 18 u 19, ir-responsabbiltà ta’ terzi għandha tiġi stabbilita permezz ta’ avviż ta’ rettifika tat-taxxa.” |
|
8 |
L-Artikolu 112 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-proċedura ta’ kontroll fiskali tinbeda permezz tal-ħruġ ta’ ordni ta’ verifika fiskali.” |
|
9 |
L-Artikolu 168 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi: “L-estinzjoni tal-kreditu pubbliku sseħħ: […] 6. wara d-distribuzzjoni tar-rikavati mir-realizzazzjoni tal-assi ta’ persuna ġuridika ddikjarata insolventi, sakemm terzi oħra ma jkunux responsabbli għall-kreditu pubbliku; 7. fil-każ ta’ tħassir ta’ persuna ġuridika wara l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, sakemm terzi oħra ma jkunux responsabbli għall-kreditu pubbliku; […]” |
Iz-ZDDS
|
10 |
L-Artikolu 177 taz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63 tal‑4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”), huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-persuna rreġistrata, destinatarja ta’ kunsinna jew ta’ provvista ta’ servizzi taxxabbli, hija responsabbli għat-taxxa dovuta u mhux imħallsa minn persuna oħra rreġistrata, sa fejn hija tkun eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input li jkollha rabta diretta jew indiretta mat-taxxa dovuta u mhux imħallsa. “(2) Ir-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 1 tiġi stabbilita jekk il-persuna rreġistrata kienet taf jew kellha tkun taf li t-taxxa ma kinitx ser titħallas u jekk l-awtorità ta’ kontroll ipproduċiet il-prova ta’ dan skont l-Artikoli 117 sa 120 tad-[DOPK]. “(3) Għall-finijiet tal-paragrafu 2, għandu jitqies li l-persuna kien imissha tkun taf li l-imsemmija taxxa ma kinitx ser titħallas meta l-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv: 1. it-taxxa dovuta, fis-sens tal-paragrafu 1, ma tkunx effettivament tħallset bħala output għal perijodu ta’ tassazzjoni minn xi wieħed mill-fornituri fl-istadji preċedenti, fir-rigward ta’ tranżazzjoni taxxabbli li tkun tikkonċerna l-istess merkanzija jew l-istess servizz, f’forma identika, mibdula jew ittrasformata; 2. it-tranżazzjoni taxxabbli tkun fittizzja, tkun maħsuba sabiex tiġi evitata l-liġi jew inkella l-prezz tagħha jkun kunsiderevolment differenti mill-prezz tas-suq. (4) Ir-responsabbiltà stabbilita skont il-paragrafu 1 ma hijiex marbuta mal-kisba ta’ vantaġġ speċifiku minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa dovuta. (5) Fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, il-fornitur fi stadju preċedenti għall-persuna taxxabbli li mingħandha tkun dovuta t-taxxa mhux imħallsa għandu jkun ukoll responsabbli. (6) Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ir-responsabbiltà għandha tiġi stabbilita fil-konfront tal-persuna taxxabbli li tkun direttament id-destinatarja tal-kunsinna jew tas-servizz li fir-rigward tagħhom it-taxxa dovuta ma tkunx tħallset, u, meta l-irkupru ma jkunx possibbli, ir-responsabbiltà tista’ tiġi stabbilita fil-konfront ta’ kull destinatarju dixxendenti fil-katina ta’ provvisti. (7) Il-paragrafu 6 għandu japplika mutatis mutandis għall-fornituri axxendenti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Matul ix-xhur ta’ Lulju, ta’ Awwissu u ta’ Settembru 2017, Vaniz, li n-negozju tagħha huwa t-trasport bit-triq ta’ merkanzija, xtrat trakkijiet u kriet vetturi tat-trasport mingħand il-fornitur “Stars International” EOOD, li ħareġ 35 fattura għal dawn it-tranżazzjonijiet differenti. Din l-aħħar kumpannija inkludiet dawn it-tranżazzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha, filwaqt li Vaniz, bħala destinatarja tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, eżerċitat id-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT. Madankollu, il-VAT iddikjarata minn Stars International ma tħallsitx lit-Teżor Pubbliku, kif ikkonstatat l-awtorità tat-taxxa waqt kontroll fiskali. |
|
12 |
Barra minn hekk, fid‑19 ta’ Lulju 2019, infetħet proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Stars International. Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Awwissu 2020, din il-proċedura ngħalqet u ġie ordnat it-tħassir ta’ Stars International mir-reġistru tal-kummerċ. |
|
13 |
Fis‑17 ta’ Jannar 2022, l-awtorità tat-taxxa fetħet proċedura ta’ kontroll fiskali fir-rigward ta’ Vaniz intiża li tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ħlas tal-VAT iddikjarata minn Stars International fir-rigward tal‑35 fattura msemmija iktar ’il fuq, iżda mhux imħallsa lit-Teżor Pubbliku minn din l-aħħar kumpannija. Matul din il-proċedura, din l-awtorità qieset li Vaniz kienet taf jew kellha tkun taf bil-fatt li din il-VAT ma kinitx ser titħallas. |
|
14 |
Peress li Vaniz kienet responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmija VAT, l-awtorità tat-taxxa ħarġet fil-konfront tagħha avviż ta’ rettifika tat-taxxa li kien jirrigwarda ammont ta’ BGN 217 277.82 (lev Bulgaru) (madwar EUR 111092), miżjud b’interessi moratorji ta’ BGN 114 365.21 (madwar EUR 58474). |
|
15 |
Vaniz ikkontestat dan l-avviż ta’ taxxa quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li Stars International, debitriċi prinċipali tad-dejn tal-VAT inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tħassret mir-reġistru tal-kummerċ u ma baqgħetx teżisti bħala persuna ġuridika b’effett mill‑4 ta’ Awwissu 2020, jiġifieri qabel il-ftuħ, fis‑17 ta’ Jannar 2022, tal-proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita responsabbiltà in solidum għall-ħlas ta’ dan id-dejn, u li, wara x-xoljiment ta’ persuna ġuridika, l-obbligi ta’ din tal-aħħar ġew estinti, b’tali mod li ma tistax iktar tinbeda proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum ta’ terz fir-rigward ta’ dawn l-obbligi. |
|
16 |
Kuntrastament, l-awtorità tat-taxxa tqis li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dejn tal-VAT ma jiġix estint mal-mewt jew max-xoljiment tad-debitur meta jkunu jeżistu terzi responsabbli in solidum għal dan id-dejn. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI (C‑4/20, EU:C:2021:397), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont ir-responsabbiltà in solidum prevista fl-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu jimponu, fuq il-persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa mhux imħallsa mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, l-elementi kollha relatati ma’ din it-taxxa, meta jiġi stabbilit li, filwaqt li teżerċita hija stess id-dritt tagħha għal tnaqqis, din il-persuna kienet taf jew kellha tkun taf li din il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ser tħallas l-imsemmija taxxa. |
|
18 |
Madankollu, din il-qorti tqis li għandhom jiġu ddeterminati l-limiti ratione temporis tar-responsabbiltà in solidum u, b’mod partikolari, li jiġi ppreċiżat sa liema mument huwa possibbli li tiġi imputata tali responsabbiltà. Skont l-imsemmija qorti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-fatt li dak li huwa inkwistjoni ma huwiex dejn fiskali tal-persuna taxxabbli, iżda responsabbiltà għal djun ta’ ħaddieħor u li l-persuna li fir-rigward tagħha jintalab il-ħlas ta’ dawn id-djun tiskopri li hija għandha tassumi tali responsabbiltà f’mument meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT ma jkollhiex iktar eżistenza ġuridika. Din hija r-raġuni għaliex l-imsemmija qorti tistaqsi jekk l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ Vaniz mill-awtorità tat-taxxa tosservax il-previżjonijiet tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
20 |
Skont l-awtorità tat-taxxa, id-domandi preliminari huma inammissibbli. |
|
21 |
Minn naħa, hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, il-proċedura ta’ kontroll fiskali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum ta’ Vaniz skont l-Artikolu 177 taz-ZDDS għad-djun tal-VAT ta’ Stars International kienet diġà nbdiet fid-data tax-xoljiment ta’ din l-aħħar kumpannija. Konsegwentement, l-ewwel domanda ma tikkorrispondix għas-sitwazzjoni fattwali tal-kawża prinċipali u għalhekk hija purament ipotetika. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, ma teżistix leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni li tippermetti li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger,104/77, EU:C:1978:69, punt 4, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Schrems (Komunikazzjoni tad-data lill-pubbliku ġenerali),C‑446/21, EU:C:2024:834, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti li fuqhom hija bbażata, kif esposti mill-qorti tar-rinviju, li l-eżattezza tagħhom għandha tiġi vverifikata minnha. |
|
25 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tad-domandi magħmula u ma tikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà. |
|
26 |
Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-awtorità tat-taxxa għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq il-mertu
|
27 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tista’ tinżamm responsabbli wara li l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa tkun waqfet teżisti bħala persuna ġuridika, meta jiġi stabbilit li din il-persuna, filwaqt li teżerċita hija stess id-dritt tagħha għal tnaqqis, kienet taf jew kellha tkun taf li din il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ser tħallas it-taxxa. |
|
28 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti, bħala prinċipju, lill-Istati Membri jadottaw, bl-għan ta’ ġbir effettiv tal-VAT, miżuri li permezz tagħhom persuna għajr dik li normalment tkun responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa skont l-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmija taxxa (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 29). |
|
29 |
Madankollu, peress li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT la jispeċifika l-persuni li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bħala debituri in solidum u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom tali indikazzjoni tista’ ssir, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum prevista f’dan l-artikolu (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 31). |
|
30 |
Fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jinkludu, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-persuna responsabbli in solidum, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għandha tħallas, minbarra l-ammont ta’ VAT mhux imħallsa mill-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, l-interessi moratorji dovuti minn din il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq dan l-ammont, meta jiġi stabbilit li, filwaqt li eżerċitat hija stess id-dritt tagħha għal tnaqqis, din il-persuna kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija persuna responsabbli għall-ħlas ma kinitx ser tħallas l-imsemmija taxxa (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 45 u d-dispożittiv). Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali leġiżlazzjoni kienet ukoll tidher konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 43). |
|
32 |
Sabiex jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-VAT jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tiegħu, il-kuntest tiegħu u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Finanzamt X (Allokazzjoni u trasferiment ta’ oġġett mingħajr ħlas), C‑207/23, EU:C:2024:352, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Mill-kliem tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li dan jistabbilixxi obbligu in solidum li titħallas il-VAT fuq persuna għajr il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa. Min-natura stess tar-responsabbiltà in solidum jirriżulta li kull debitur huwa responsabbli għall-ammont totali tad-dejn u li l-kreditur jibqa’, fil-prinċipju, liberu li jitlob il-ħlas ta’ dan id-dejn mingħand debitur wieħed jew iktar tal-għażla tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Aebtri,C‑224/16, EU:C:2017:880, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed mid-debituri in solidum ma jibqax jeżisti ma jneħħix l-obbligu impost fuq il-kodebituri in solidum tiegħu. |
|
34 |
Konsegwentement, il-fatt li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT ma tibqax teżisti bħala persuna ġuridika ma jaffettwax, fih innifsu, il-possibbiltà li jkollha l-awtorità tat-taxxa, bħala kreditur tal-obbligu, li timponi r-responsabbiltà tat-terz in solidum għall-ħlas tad-dejn tal-VAT. |
|
35 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT u mill-għan tiegħu. Fil-fatt, mill-Artikoli 193 sa 205 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Artikolu 205 tagħha jagħmel parti minn numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi li jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont diversi sitwazzjonijiet, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom preċiżament l-għan li jiżguraw lit-Teżor pubbliku ġbir effikaċi tal-VAT mingħand il-persuna l-iktar adegwata fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 28). Il-fatt li jiġi previst l-istabbiliment tar-responsabbiltà in solidum ta’ terz għall-ħlas tal-VAT, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun insolventi jew ma tibqax teżisti u, għaldaqstant, ma tkunx jew ma tibqax tkun f’pożizzjoni li tħallasha, huwa konformi ma’ dan l-għan. |
|
36 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, konformement ma’ dan il-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li l-għan tad-dritt intern jintlaħaq b’mod effettiv, jippreġudikaw mill-inqas possibbli l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Għalhekk, għalkemm huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jkunu intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet tat-Teżor pubbliku bl-iktar mod effettiv possibbli, huma madankollu ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fir-rigward tan-neċessità li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ terz wara li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT ma tkunx għadha teżisti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ abbuż fil-qasam tal-VAT bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-Teżor Pubbliku għandu jkollu l-possibbiltà li jirkupra, għal finijiet ta’ effettività, it-taxxa dovuta u l-elementi kollha relatati magħha mingħand kull waħda mill-partijiet kontraenti li jkunu pparteċipaw f’dan l-abbuż (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 44). Din il-possibbiltà hija iktar u iktar neċessarja meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun saret insolventi jew ma tkunx għadha teżisti bħala persuna ġuridika. |
|
38 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmija possibbiltà teċċedix dak li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ terzi prevista fl-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-awtorità tat-taxxa tkun tista’ timponi r-responsabbiltà fuq terzi li jkunu pparteċipaw f’abbuż fil-qasam tal-VAT biss meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun teżisti, tali limitazzjoni tikkomprometti l-possibbiltà li tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà. Fil-fatt, f’tali każ, meta l-awtorità tat-taxxa tikkonstata li hija ma tistax iktar tikseb il-ħlas tal-VAT mingħand il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, peress li din ma baqgħetx teżisti bħala persuna ġuridika, hija ma tistax iktar tressaq proċeduri kontra dawn it-terzi. Barra minn hekk, persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa in mala fide tista’ torganizza l-likwidazzjoni tagħha, b’mod partikolari sabiex tipprekludi l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà ta’ terzi li jkunu kkontribwixxew għall-abbuż li wassal għad-dejn tal-VAT. Konsegwentement, il-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ terz għall-ħlas tal-VAT wara li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun waqfet milli teżisti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
39 |
Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, l-ewwel nett, li, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli tad-dritt tal-Istati Membri jiġu fformulati b’mod inekwivoku li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod ċar u preċiż u lill-qrati nazzjonali jiżguraw l-osservanza tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 177(1) taz-ZDDS, persuna rreġistrata destinatarja ta’ kunsinna taxxabbli għandha tkun responsabbli għat-taxxa dovuta u mhux imħallsa minn persuna oħra meta hija tkun eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input marbuta direttament jew indirettament mal-VAT dovuta u mhux imħallsa. L-Artikolu 177(2) taz-ZDDS jippreċiża li r-responsabbiltà skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 177 tiġi implimentata meta l-persuna rreġistrata kienet taf jew kellha tkun taf li din il-VAT ma kinitx ser titħallas u meta dan ġie pprovat mill-awtorità ta’ kontroll. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-punt 7 tal-Artikolu 168 tad-DOPK jipprevedi espressament li, “fil-każ ta’ tħassir ta’ persuna ġuridika wara l-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ”, l-awtorità tat-taxxa għandha, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li timponi r-responsabbiltà ta’ terz għall-ħlas tad-dejn tat-taxxa. |
|
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-benefiċjarju ta’ kunsinna ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi jkun jaf li, jekk, fil-mument tat-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni, huwa kien jaf jew kellu jkun jaf li t-taxxa ma kinitx ser titħallas u, jekk eżerċita d-dritt tiegħu għal tnaqqis, huwa jista’ jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din it-taxxa u li l-fatt li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija taxxa ma tibqax teżisti bħala persuna ġuridika ma jeżentahiex mir-responsabbiltà tagħha. |
|
42 |
Peress li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, din il-possibbiltà hija prevista b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din tidher li hija konformi mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza. |
|
43 |
Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, it-tieni nett, li s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, b’kunsiderazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi tagħha fir-rigward tal-awtorità tat-taxxa jew tal-awtorità doganali, ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss,C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini ta’ preskrizzjoni jissodisfaw, b’mod ġenerali, din il-funzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw ir-regoli u t-termini ta’ preskrizzjoni ta’ kreditu fiskali fir-rigward tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény-Toll,C‑615/21, EU:C:2023:573, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw tali kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi l-iffissar ta’ termini raġonevoli li jipproteġu kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-awtorità kkonċernata (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Napfény-Toll,C‑615/21, EU:C:2023:573, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
F’dan il-każ, peress li, minn naħa, in-natura raġonevoli tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-krediti pubbliċi previst mid-dritt nazzjonali ma hijiex ikkontestata u peress li, min-naħa l-oħra, l-awtorità tat-taxxa kkomunikat f’dan it-terminu lill-persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn tal-VAT l-intenzjoni tagħha li teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni fiskali tagħha, ir-rekwiżit tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li skontu s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna responsabbli ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit, ma jidhirx li ġie miksur, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tista’ tiġi imposta r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT, fis-sens tal-Artikolu 205, wara li l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa tkun waqfet milli teżisti bħala persuna ġuridika, meta jiġi stabbilit li din il-persuna responsabbli in solidum, filwaqt li teżerċita hija stess id-dritt tagħha għal tnaqqis, kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ser tħallas l-imsemmija taxxa. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tista’ tiġi imposta r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, fis-sens tal-Artikolu 205, wara li l-persuna responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa tkun waqfet milli teżisti bħala persuna ġuridika, meta jiġi stabbilit li din il-persuna responsabbli in solidum, filwaqt li teżerċita hija stess id-dritt tagħha għal tnaqqis, kienet taf jew kellha tkun taf li l-imsemmija persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ma kinitx ser tħallas l-imsemmija taxxa. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.