|
29.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 244/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1113
tal-20 ta’ Lulju 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-FSE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (il-Ftehim’), ġie ffirmat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fit-28 ta’ Lulju 2016. Dan ġie applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u l-Ghana, min-naħa l-oħra, mill-15 ta’ Diċembru 2016 (2). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 73(3) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (‘FSE’) huwa responsabbli għall-amministrazzjoni fl-oqsma koperti mill-Ftehim u t-twettiq tal-impenji kollha msemmija fil-Ftehim. Skont l-Artikolu 73(2) il-Kumitat tal-FSE jiddetermina l-organizzazzjoni u r-regoli ta’ funzjonament tiegħu. |
|
(3) |
Il-Kumitat tal-FSE għandu jadotta deċiżjoni fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu fl-2020. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-FSE, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Kumitat tal-FSE ser tistabbilixxi regoli legalment vinkolanti għall-funzjonament tal-Kumitat tal-FSE. |
|
(5) |
L-FSE jifformaw parti mir-relazzjoni ġenerali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi AKP, min-naħa l-oħra, kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (3), kif emendat l-aħħar (il-‘Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou’) u l-ftehim suċċessur tiegħu, ladarba jsir applikabbli. Skont l-Artikolu 34(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou, il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn il-partijiet għandha l-għan li trawwem l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija dinjija, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-għażliet politiċi u l-prijoritajiet għall-iżvilupp tagħhom, u b’hekk tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tagħhom u tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar fil-pajjiżi AKP. F’dan il-kuntest, l-FSE jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu strumenti ta’ żvilupp kif imsemmi fl-Artikolu 36(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou. Il-Ftehim għalhekk iqis il-livelli differenti ta’ żvilupp tal-partijiet, kif ukoll ir-restrizzjonijiet ekonomiċi u soċjali partikolari tal-Ghana u l-kapaċità tagħha li tadatta u taġġusta l-ekonomija tagħha għall-proċess ta’ liberalizzazzjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (UE) 2016/1850 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim li huwa ftehim imħallat u jinkludi titolu dwar is-sħubija għall-iżvilupp, kienet ibbażata kemm fuq il-bażi legali għall-kummerċ kif ukoll fuq il-bażi legali għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Jenħtieġ li dak jiġi rifless ukoll f’din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-FSE (4).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
J. KLOECKNER
(1) Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 287, 21.10.2016, p. 3).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1850 tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 287, 21.10.2016, p. 1).
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(4) Ara d-dokument ST 9240/20 fuq is-sit web http://register.consilium.europa.eu.