2010D0459 — MT — 24.08.2010 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Settembru 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 61/07 (ex NN 71/07) – Greece Olympic Airways Services/Olympic Airlines

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 5073)

(Il-verżjoni Griega biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

►C1  (2010/459/KE) ◄

(ĠU L 222, 24.8.2010, p.62)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 231, 1.9.2010, p. 7  (459/2010)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Settembru 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 61/07 (ex NN 71/07) – Greece Olympic Airways Services/Olympic Airlines

(notifikata bid-dokument numru C(2008) 5073)

(Il-verżjoni Griega biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

►C1  (2010/459/KE) ◄



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62 (1) (a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikoli msemmija fuq ( 1 ), u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 (2) tat-Trattat fir-rigward ta’ numru ta’ flussi u trasferimenti finanzjarji li taw lok għal kwistjonijiet ta’ tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat b’konnessjoni mal-finanzjament u l-operazzjonijiet ta’ Olympic Airways Services SA u Olympic Airlines SA.

(2)

Fl-14 ta’ Jannar 2008, il-Greċja talbet biex tingħata estensjoni tad-data tal-għeluq għar-risposta tagħha, liema talba ġiet aċċettata mill-Kummissjoni. Il-Greċja bagħtet il-kummenti tagħha fit-13 ta’ Frar 2008.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar is-suġġett mingħand il-partijiet interessati. Hija bagħtet il-kummenti lill-Greċja permezz ta’ ittra elettronika tad-9 ta’ April 2008. Waqt li l-Greċja ngħatat l-opportunità li twieġeb għal dawn il-kummenti, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-Greċja permezz ta’ ittra elettronika ddatata t-13 ta’ Mejju 2008.

DESKRIZZJONI TAL-FATTI Il-partijiet Olympic Airways Services SA

(5)

Olympic Airways Services SA huwa l-isem kurrenti tal-kumpanija li qabel kienet magħrufa bħala Olympic Airways SA ( 3 ). Din il-kumpanija hija primarjament involuta fil-provvediment ta’ ground-handling u servizzi ta’ inġinerija/manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru fil-Greċja u ma topera ebda inġenju tal-ajru. Hija kollha kemm hi proprjetà tal-Istat.

Olympic Airlines SA

(6)

Olympic Airlines SA bdiet topera f’Diċembru 2003 u ġiet stabbilita mid-diviżjonijiet tat-titjir ta’ Olympic Airways. Hija topera servizzi skedati bl-ajru fil-Greċja fuq rotot intra-UE u inter-kontinentali. Hija kollha kemm hi proprjetà tal-Istat ( 4 ).

Miżuri taħt investigazzjoni

(7)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ investigat l-erba’ oqsma li ġejjin:

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services SA permezz ta’ tolleranza ta’ djun. Ir-Repubblika Ellenika setgħet tat għajnuna illegali u inkumpatibbli mill-Istat lil din il-kumpanija permezz tat-tolleranza kontinwa tagħha lejn l-Olympic Airways fir-rigward tat-taxxa tagħha u tad-djun tas-sigurtà soċjali sa minn Jannar 2005 ( 5 ).

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services SA permezz ta’ għotjiet mill-bord tal-arbitraġġ. Ir-Repubblika Ellenika setgħet tat għajnuna illegali u inkumpatibbli mill-Istat lil Olympic Airways Services b’konnessjoni mal-ħlasijiet magħmula fir-rigward ta’ għadd ta’ deċiżjonijiet mill-bord tal-arbitraġġ. Dawn id-deċiżjonijiet jirriżultaw minn numru ta’ azzjonijiet għad-danni meħuda minn din il-kumpanija kontra l-Istat.

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airlines SA. Ir-Repubblika Ellenika setgħet tat għajnuna illegali u inkumpatibbli mill-Istat permezz ta’ ħlasijiet ta’ kera tal-ajruplani u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-djun tagħha (inkluż it-taxxa u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali) kontra din il-kumpanija midjuna tal-Istat sa minn Ġunju 2005 ( 6 ).

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services SA u lil Olympic Airlines permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri: li jfisser li ma tista’ tittieħed ebda azzjoni legali jew miżura ta’ infurzar individwali jew kollettiva (inklużi miżuri u mandati kawtelatorji) fil-Greċja jew barra minnha, kontra waħda mill-kumpaniji minn kwalunkwe kreditur privat. Din il-protezzjoni legali ma tingħata lil ebda entità oħra fil-Greċja u hija speċifika għal dawn il-kumpaniji. Kwalunkwe kumpanija oħra fil-Greċja li tfittex li tingħata din il-protezzjoni tal-kredituri trid tkun spiċċat falluta.

(8)

L-għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services permezz tal-għotjiet mill-bord tal-arbitraġġ tirrikjedi eżaminazzjoni aktar dettaljata. Għalhekk, din l-għajnuna hija eskluża mill-ambitu tad-deċiżjoni kurrenti u ser tiġi indirizzata f’deċiżjoni separata mogħtija aktar tard mill-Kummissjoni.

Djun tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services minn Diċembru 2004

(9)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-2005, il-Kummissjoni identifikat mudell ta’ mġiba li bih l-Istat ma ġabarx it-tassazzjoni u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali tiegħu mingħand Olympic Airways meta dawn kienu dovuti, dawn id-djun imbagħad jiġu “ċċertifikati” kontra l-kumpanija, iżda ma ssir ebda eżekuzzjoni ta’ dan id-dejn mill-Istat. Maż-żmien, il-kumpanija tkun tista’ tagħmel ħlasijiet parzjali bin-nifs ( 7 ). Fid-Deċiżjoni tal-2005, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dewmien jew in-nuqqas ta’ ħlas tat-tassazzjoni u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali minn Olympic Airways ipprovda benefiċċju ta’ likwidità lil din il-kumpanija għad-detriment tal-Istat.

(10)

Fid-Deċiżjoni tal-2005 (l-Artikolu 3 tagħha) il-Kummissjoni obbligat lill-Greċja biex “tissospendi immedjatament il-ħlasijiet ulterjuri kollha lil Olympic Airways u Olympic Airlines”. F’diversi okkażjonijiet ( 8 ) il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi biex jipprovdu informazzjoni fuq kif huma kienu implimentaw dan l-aspett tad-deċiżjoni u biex jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni b’informazzjoni rigward it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn din il-kumpanija lill-Istat. Minkejja dawn it-talbiet speċifiċi ripetuti, l-awtoritajiet Griegi naqsu milli jipprovdu informazzjoni adegwata f’dan ir-rigward.

(11)

Bogħod milli jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni b’informazzjoni u konferma li dawn il-kumpaniji qegħdin iħallsu d-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali tagħhom b’mod sħiħ u fil-ħin, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni u lill-Qrati Ewropej hija tali li tissuġġerixxi li ż-żewġ kumpaniji Olympic Airways Services u Olympic Airlines ma jistgħux u fil-fatt mhumiex qegħdin iħallsu d-djun dejjem jiżdiedu tagħhom lill-awtoritajiet pubbliċi.

(12)

Permezz ta’ ittra ddatata t-30 ta’ Ottubru 2006 ( 9 ) l-awtoritajiet Griegi pprovdew lis-servizzi tal-Kummissjoni b’ittra ddatata t-13 ta’ Ġunju 2006 minn “assessur indipendenti” bl-isem ta’ “Finanzi Progressivi” dwar is-suġġett tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Olympic Airways. L-espert ibbaża l-analiżi tiegħu fuq il-Karta tal-Bilanċ tal-2004 (mhux ipprovduta lill-Kummissjoni) u fuq il-Likwidità tal-2006. L-espert ikkonkluda li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, is-sitwazzjoni finanzjarja negattiva tal-kumpanija kienet relatata direttament mal-obbligi tagħha lill-Istat u mal-amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-kwistjonijiet pendenti ta’ għajnuna mill-Istat. L-ittra “Finanzi Progressivi” qalet ukoll li fuq il-bażi tal-Likwidità tal-2006, il-kumpanija ma titqiesx li hija affidabbli biex tingħata kreditu u ma kellha ebda possibbiltà ta’ kuntrattar u servizz ta’ self biex tħallas lura l-għajnuna mogħtija mill-Istat, identifikata fid-Deċiżjoni tal-2005.

(13)

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Kawża T-423/05 R, Olympic Airways kienet mitluba mill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza biex tipprovdi lill-Qorti b’informazzjoni dwar il-kapaċità tagħha li tħallas lura l-għajnuna mill-Istat identifikata mill-Kummissjoni u dwar il-livell tad-dejn tagħha.

(14)

Permezz ta’ ittra ddatata s-27 ta’ Novembru 2006, il-kumpanija pprovdiet lill-Qorti b’rapport mill-espert indipendenti PriceWaterhouseCoopers dwar il-possibbiltà ta’ ħlas lura bin-nifs tal-għajnuna u evalwazzjoni tal-għajnuna li kienet tħallset lura wara d-Deċiżjonijiet negattivi tal-Kummissjoni tal-2002 u l-2005.

(15)

L-espert ta’ Olympic Airways (PwC) ikkalkula l-ammonti li jridu jiġu rkuprati bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-2005 għal EUR 411 miljun, li huwa qal li jistgħu jitħallsu lura f’pagamenti bin-nifs maqsuma fuq 48 xahar u li, wara li kkunsidra d-djun dovuti lill-amministrazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, jistgħu jiġu estiżi għal 96 pagament bin-nifs biss wara modifikazzjoni leġiżlattiva. Madankollu, l-espert irrikonoxxa li “l-analiżi tal-likwidità ta’ Olympic Airways kif ġiet ipprovduta lilna mill-kumpanija (u li, minħabba n-nuqqas ta’ ħin ma jistgħux ikunu soġġetti għal kontroll dettaljat tal-eżattezza u l-kompletezza tagħhom) twassal għall-konklużjoni li l-eventwalità ta’ ħlas lura, totali jew parzjali, tal-ammonti dovuti mhijiex possibbli”.

(16)

Fil-ftuħ tagħha tal-proċedura investigattiva, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-obbligu li tissospendi l-ħlasijiet ulterjuri kollha ta’ għajnuna lil Olympic Airways imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-2005 ma kienx rispettat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li Olympic Airways mhijiex qiegħda tħallas it-taxxa u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali tagħha b’mod sħiħ u fil-ħin u li saħansitra ma tistax tħallas id-djun eżistenti tagħha, kif ukoll li din l-imġiba hija possibbli biss minħabba t-tolleranza min-naħa tal-Istat.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines sa mill-2005

(17)

Fir-rigward ta’ Olympic Airlines, fid-Deċiżjoni tagħha tal-2005, il-Kummissjoni identifikat bħala għajnuna mill-Istat mogħtija lil Olympic Airlines l-“Aċċettazzjoni minn Olympic Airways u mill-Greċja ta’ ħlasijiet ta’ kera minn Olympic Airlines għas-sollokazzjoni ta’ ajruplani li huma aktar baxxi mill-ammonti mħallsa għal kirjiet prinċipali …”

(18)

Ir-Repubblika Ellenika ( 10 ) ma kkontestatx il-fatt li l-Istat u l-kumpanija Olympic Airways kienu ssollokaw l-ajruplan inkwistjoni lil Olympic Airlines b’rati aktar baxxi minn dawk tal-kirjiet oriġinali, madankollu hija kkontestat l-evalwazzjoni li din kienet tammonta għal għajnuna mill-Istat. L-argument tar-Repubblika Ellenika kien li meta Olympic Airlines ħallset il-prezz tas-suq għal dawn is-sollokazzjonijiet hija ma kienet ħadet ebda vantaġġ.

(19)

Kif issemma’ qabel, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-2005 talab lill-Greċja biex tissospendi immedjatament il-ħlasijiet kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Minkejja n-noti ta’ tfakkir ripetuti tal-Kummissjoni ( 11 ) tal-obbligu li “tissospendi immedjatament il-ħlasijiet ulterjuri kollha ta’ għajnuna lil Olympic Airways u Olympic Airlines” u t-talbiet biex il-Kummissjoni tiġi pprovduta b’informazzjoni li turi li Olympic Airlines bħalissa qiegħda tħallas jew li ħallset il-ħlasijiet ta’ kera prinċipali fir-rigward tal-ajruplani mikrija identifikati fid-Deċiżjoni tal-2005, l-awtoritajiet Griegi naqsu milli jagħmlu dan.

(20)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Olympic Airlines, il-Kummissjoni talbet lill-Greċja biex tipprovdilha informazzjoni rigward is-sitwazzjoni finanzjarja kurrenti ta’ Olympic Airlines u kif qiegħda topera bħalissa din il-kumpanija. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi qabel il-ftuħ tal-proċedura ma tat ebda assigurazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tifhem kif din il-kumpanija qiegħda tiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha ta’ kuljum u kif qiegħda tindirizza t-telf illi għandha. Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-kumpanija hijiex qiegħda tħallas it-taxxi u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali tagħha lill-Istat b’mod sħiħ u fil-ħin, jew jekk hijiex qiegħda tibbenifika mit-tolleranza tal-Istat f’dan ir-rigward.

(21)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li għalkemm Olympic Airlines bdiet topera f’Diċembru 2003 bi ftit jew ebda dejn, ( 12 ) fl-2004 hija kienet diġà sofriet telf operattiv ta’ EUR 94,5 miljun fuq qligħ ta’ EUR 616,7 miljun u telf nett ta’ EUR 87,1 miljun għas-sena ta’ qabel it-tassazzjoni. Fl-2005 Olympic Airlines irreġistrat telf nett ta’ EUR 123,7 miljun ( 13 ) fuq id-dħul ta’ EUR 643 miljun għas-sena 2005 ( 14 ). Kien irrapportat b’mod wiesa’ mill-mezzi tal-midja ( 15 ) li t-telf tal-kumpanija għall-2006 ser ikun aktar minn EUR 120 miljun. Fuq din il-bażi, billi bdiet toffri s-servizzi tagħha f’Diċembru 2003, il-kumpanija Olympic Airlines irreġistrat telf totali ta’ aktar minn EUR 330 miljun matul l-ewwel tliet snin tal-operat tagħha.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airways Services SA u lil Olympic Airlines SA permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri

(22)

L-Artikolu 22 tal-Liġi Nru 3404/05 ( 16 ) jistabbilixxi li “sa u inkluż it-28 ta’ Frar 2006 ma tista’ tittieħed ebda azzjoni legali jew miżura ta’ infurzar individwali jew kollettiva (inklużi miżuri u mandati kawtelatorji), fil-Greċja jew barra minnha, kontra Olympic Airlines S.A., Olympic Airways – Services S.A., Olympic Aviation S.A., l-assi tagħhom jew kwalunkwe parti mill-assi tagħhom li tkun meħtieġa jew utli għal dawn l-assi; kwalunkwe azzjoni legali bħal din għaddejja bħalissa u l-konsegwenzi ta’ kwalunkwe miżuri bħal dawn għandhom jiġu sospiżi għall-perjodu ta’ żmien imsemmi fuq. L-Istat Grieg huwa eżentat minn dawn ir-restrizzjonijiet.” Il-validità ta’ din id-dispożizzjoni ġiet estiża tliet darbiet, l-ewwel sal-31 ta’ Ottubru 2006 ( 17 ), imbagħad sal-31 ta’ Ottubru 2007 ( 18 ) u finalment sal-31 ta’ Ottubru 2008.

(23)

Din id-dispożizzjoni pprojbixxiet b’mod effettiv l-infurzar tas-sentenzi, fil-Greċja jew barra minnha, kontra kwalunkwe kumpanija fi ħdan l-Olympic Group. L-effett ta’ din il-liġi huwa li tipproteġi unilateralment lil dawn il-kumpaniji mill-obbligi tagħhom kif deċiżi minn qorti, it-twaqqif tal-proċeduri maħsuba biex jinfurzaw dawn l-obbligi, u l-imblokkar tal-possibbiltà tat-teħid ta’ miżuri kawtelatorji.

(24)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li għalhekk din id-dispożizzjoni tagħti trattament preferenzjali lil Olympic Airways u lill-kumpaniji l-oħrajn fi ħdan il-grupp, li tagħtiha tip ta’ protezzjoni legali mhux mogħtija lil kumpaniji tal-ajru domestiċi jew barranin oħrajn jew saħansitra lil kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor. Kwalunkwe kumpanija oħra fil-Greċja li titlob biex tingħata tali protezzjoni tal-kredituri trid tkun spiċċat falluta.

Valutazzjoni inizjali mill-Kummissjoni Eżistenza tal-għajnuna Djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services sa minn Diċembru 2004

(25)

Fil-ftuħ tal-proċedura investigattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tolleranza murija mill-Istat fir-rigward tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services li kienu ilhom jakkumulaw minn Jannar 2005 ikkostitwiet b’mod ċar għoti ta’ riżorsi mill-Istat immirat lejn impriża waħda li hija f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn u għalhekk, bħala tali kkostitwiet għajnuna mill-Istat.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines sa mill-2005

(26)

Fil-ftuħ tal-proċedura investigattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlasijiet imraħħsa suspettati fuq il-kiri tal-ajruplani u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-djun tal-Istat (inklużi t-taxxa u r-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali) favur Olympic Airlines sa minn Mejju 2005 jinvolvu riżorsi tal-Istat immirati għal impriżi speċifiċi f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn u għalhekk, bħala tali kkostitwiet għajnuna mill-Istat.

Għajnuna mill-Istat permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri

(27)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-protezzjoni speċjali tal-kredituri mogħtija liż-żewġ kumpaniji hija simili għall-protezzjoni ta’ falliment. F’dan ir-rigward hija ġurisprudenza stabbilita ( 19 ) li f’sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jkun stabbilixxa sistema li tidderoga mir-regoli tal-liġi ordinarja dwar l-insolvenza favur impriża, sistema bħal din għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat fejn huwa stabbilit li l-impriża ngħatat il-permess biex tkompli tinnegozja f’ċirkostanzi li fihom ma kinitx titħalla tagħmel dan li kieku ġew applikati r-regoli tal-liġi ordinarja dwar l-insolvenza, jew jekk gawdiet minn vantaġġi oħrajn mill-Istat.

Kumpatibbiltà tal-għajnuna

(28)

Meta fetħet l-investigazzjoni fir-rigward tal-finanzjament pubbliku maħsub li ngħata lil Olympic Airways Services permezz tat-tolleranza tad-djun (inkluż it-taxxa u s-sigurtà soċjali) u l-protezzjoni speċjali tal-kredituri, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar jekk kwalunkwe minn dawn il-miżuri jistgħux jiġu ddikjarati jew le bħala kumpatibbli mas-suq komuni, minħabba li ebda waħda mill-eżenzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ma kienet tidher li tapplika.

(29)

Bl-istess mod, fir-rigward tal-finanzjament pubbliku maħsub li ngħata lil Olympic Airlines permezz tat-tolleranza tad-djun (inkluż it-taxxa u s-sigurtà soċjali), il-ħlasijiet imnaqqsa għall-kiri tal-ajruplani u l-protezzjoni speċjali tal-kredituri, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar jekk kwalunkwe minn dawn il-miżuri jistgħux jiġu ddikjarati jew le bħala kumpatibbli mas-suq komuni, minħabba li ebda waħda mill-eżenzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ma kienet tidher li tapplika.

KUMMENTI MILL-GREĊJA

(30)

Ir-Repubblika Ellenika bdiet l-osservazzjonijiet tagħha billi għamlet enfasi fuq l-importanza li tikkjarifika l-perjodu ta’ żmien li qiegħed jiġi eżaminat fl-investigazzjoni kurrenti. Il-ftuħ tal-proċedura huwa stabbilit fir-rigward ta’ Olympic Airways biex ikopri minn Diċembru 2004 u fir-rigward ta’ Olympic Airlines minn Mejju 2005. Ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra dan u tirrimarka li pereżempju, is-somma ta’ EUR 12 267 250 (kapital u imgħax) imsemmija fit-tielet linja tat-tabella fil-paragrafu 138 tad-Deċiżjoni tal-2005, hija relatata ma’ dejn ta’ Olympic Airways - Services S.A. tad-9 ta’ Marzu 2005 li kien dejn dovut lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Griegi, il-punt tat-tluq għall-investigazzjoni kurrenti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(2) KE irid ikun id-data li fiha ngħatat id-Deċiżjoni tal-2005 (14 ta’ Settembru 2005).

(31)

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika qalet li hija kienet diġà rkuprat l-għajnuna li tkopri l-perjodu msemmi mid-Deċiżjoni tal-2005. Permezz ta’ ittra ddatata l-21 ta’ Novembru 2007, ir-Repubblika Ellenika għarrfet lill-Kummissjoni li hija kienet implimentat id-Deċiżjoni tal-2005 b’mod sħiħ.

Djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services sa minn Diċembru 2004

(32)

Fir-rigward ta’ din l-intestatura ta’ għajnuna, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-kumpanija għandha formola li turi li ħallset it-taxxa u s-sigurtà soċjali dovuti. Dan ifisser li fil-preżent l-Istat Grieg ma għandu ebda pretensjoni kontra l-kumpanija li l-kumpanija hija obbligata li tħallas immedjatament. Il-kumpanija mhijiex obbligata li tħallas immedjatament kwalunkwe djun li jibqgħu mhux imħallsa lill-awtoritajiet tat-taxxa, minħabba l-fatt li hija rnexxielha tikseb rimedji ġudizzjarji u kisbet sentenzi mill-qrati nazzjonali kompetenti. Ma saret ebda talba għad-djun dovuti mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili relatati ma’ Olympic Airways Services. Ċerti djun aktar antiki ta’ Olympic Airways Services lill-Fond tal-IKA (Sigurtà Soċjali) qegħdin jitħallsu permezz ta’ pagamenti bin-nifs kull xahar, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli tal-Liġi 3518/2006. Konsegwentement, il-Greċja ssostni li ma hemm ebda “tolleranza fit-tul” mill-Istat Grieg fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ ħlas tad-djun.

(33)

Ir-Repubblika Ellenika rrikonoxxiet li d-dewmien tal-kumpanija biex tippubblika l-karti tal-bilanċ mhuwiex konformi mal-obbligi tagħha skont il-liġi nazzjonali. Madankollu, hija għarrfet lill-Kummissjoni li hija diġà ħadet miżuri xierqa biex tassigura li din il-kwistjoni tiġi indirizzata. Il-Bord tad-Diretturi ta’ Olympic Airways Services diġà ħa deċiżjoni li jaħtar ditta ta’ awdituri biex taġġorna r-rendikonti finanzjarji tagħha. Il-kumpanija diġà fasslet abbozz tal-karti tal-bilanċ għas-snin 2004 sa 2006. Il-kumpanija stabbilixxiet impressjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha għall-2007 fi Stima tal-Karti tal-Bilanċ.

(34)

L-abbozzi tal-karti tal-bilanċ għall-perjodi 2004-2006 juru li l-kumpanija kellha d-dejn b’ekwità ta’ […] ( 20 ) miljun fl-aħħar tal-2006 u kellha djun ta’ taxxi, dazji u sigurtà soċjali ta’ EUR 1 098 miljun. Madankollu, fl-aħħar tal-perjodu 2007, il-kumpanija tejbet l-ekwità tagħha b’mod sinjifikanti, tant li issa tinsab fl-ammont ta’ […]*miljun. Id-djun tat-taxxa, tad-dazji u tas-sigurtà soċjali tagħha issa jinsabu fl-ammont ta’ […]*miljun.

(35)

Skont l-informazzjoni pprovduta (ibbażata fuq l-estimi pprovduti mill-kumpanija), it-tqassim tad-djun lill-Istat u l-fornituri tas-sigurtà soċjali fil-31.12.2007 kien kif ġej:



f’miljuni ta’ EUR

 

Djun ta’ Olympic Airways Services

Ammonti

Totali

Djun ta’ sigurtà soċjali

Bilanċ ta’ djun antiki lill-fond tal-IKA mħallsa b’pagamenti bin-nifs kull xahar

[…]*

 

Djun ta’ sigurtà soċjali

Djun mhux dovuti ta’ Olympic Airways Services għax-xahar ta’ Diċembru u l-bonus tal-Milied (iridu jitħallsu sal-aħħar ta’ Frar 2008)

[…]*

 

Djun ta’ sigurtà soċjali

 
 

[…]*

Taxxi – dazji

Djun iċċertifikati lill-Uffiċċju tat-Taxxa FABE sospiżi minħabba rimedji ġudizzjarji ta’ suċċess (minn verifiki tat-taxxa sa 30.4.2007)

[…]*

 
 

Estimi ta’ taxxi u multi ta’ Olympic Airways Services minn Mejju sa Diċembru 2007

[…]*

 

Taxxi – dazji

 
 

[…]*

Total sħiħ

 
 

[…]*

(36)

Safejn huma kkonċernati d-djun tas-sigurtà soċjali, Olympic Airways Services ħallset id-djun kollha tagħha lill-Fond tal-IKA u għamlet arranġamenti għall-ħlas lura ta’ djun antiki għall-perjodu sa u li jinkludi d-data tal-31.10.2006 skont il-Liġi 3518/2006. Għal skopijiet ta’ kontabilità, il-kumpanija qiegħda tidher fl-evalwazzjonijiet tar-rendikont finanzjarju tal-2007 bħala li għandha debitu fil-konfront għall-fornituri tas-sigurtà soċjali li l-ammont totali tiegħu huwa l-ammont tal-faċilità tal-ħlas lura tad-dejn fil-31.12.2007 flimkien mal-kontribuzzjonijiet għax-xahar ta’ Diċembru u l-bonus tal-Milied 2007.

(37)

Ir-Repubblika Ellenika rrimarkat fir-rigward tal-faċilità tal-ħlas lura għad-djun antiki ta’ Olympic Airways Services lill-Fond tal-IKA u l-ħlas lura permezz ta’ pagamenti bin-nifs fix-xahar li skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, kif ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħlas lura tad-djun lill-Istat irid isir skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali. Dan huwa f’konformità mad-dritt Komunitarju fejn il-qafas legali speċifiku ma jintroduċi ebda diskriminazzjoni bejn id-debituri. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tikkwota wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju ( 21 ) fejn il-Kummissjoni tgħid li l-miżuri ta’ tassazzjoni li japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha li joperaw fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru huma, prima facie, miżuri ġenerali.

(38)

F’dan il-każ, il-proċeduri biex jinġabru d-djun antiki tal-Fond IKA li huma inklużi fil-liġi nazzjonali għandhom jiġu applikati mingħajr ebda diskriminazzjoni għad-debituri kollha, inkluża Olympic Airways Services, b’konformità mal-qafas leġiżlattiv ġenerali li jirregola l-ħlas tad-djun lill-Istat. Konsegwentement, fil-fehma tal-Greċja ma hemm l-ebda speċifiċità u għalhekk l-ebda ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

(39)

Fir-rigward tad-djun tat-taxxa tagħha, Olympic Airways Services ħallset id-djun ċertifikati kollha lill-uffiċċju tat-taxxa (l-Uffiċċji tat-Taxxa FABE u FAEE) apparti minn dawk id-djun li għalihom hija rnexxielha tikseb rimedji ġudizzjarji quddiem il-qrati Griegi. Konsegwentement, l-uniċi djun pendenti tagħha huma dawk li mhumiex dovuti u pagabbli skont il-liġi nazzjonali.

(40)

Fl-istima tal-karta tal-bilanċ għall-2007, il-kumpanija hija murija bħala li għandha responsabbiltà ta’ taxxi u dazji li tkopri l-ammonti kollha fl-imsemmija tabella li huma relatati mas-sena 2007. Kollox ma’ kollox, dawk l-ammonti (flimkien ma’ multi u ħlasijiet addizzjonali) jammontaw għal EUR […]* miljun. Madankollu, ir-Repubblika Ellenika tiddikjara li l-kumpanija mhijiex obbligata li tħallas lill-Istat Grieg kwalunkwe mid-djun imsemmija qabel fil-preżent, peress li l-kumpanija rnexxielha tikseb rimedji ġudizzjarji fuq dawn il-kwistjonijiet.

(41)

Barra minn hekk, l-estimi tal-karta tal-bilanċ għall-2007 jinkludu stima mill-kumpanija dwar id-djun probabbli ta’ EUR […]* miljun.

(42)

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Kummissjoni biex tagħmel distinzjoni bejn (a) dawk id-djun li huma ppreżentati għal għanijiet ta’ kontabilità fil-kotba tal-kumpanija u (b) dawk id-djun li huma pagabbli fil-preżent lill-Istat Grieg b’konformità mad-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli tal-liġi nazzjonali. L-eżaminazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjonijiet li qegħdin jiġu riveduti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura tista’ tiffoka biss fuq dan tal-aħħar.

(43)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, ir-Repubblika Ellenika hija tal-fehma li ma hemm ebda kwistjoni ta’ trasferiment ta’ riżorsi statali f’dan il-każ fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE, u wisq inqas xi kwistjoni ta’ trattament favorevoli ta’ Olympic Airways Services.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines mill-2005 'il quddiem

(44)

Fir-rigward tas-sollokazzjoni ta’ ajruplani lil Olympic Airlines minn Olympic Airways Services u l-Istat Grieg, l-awtoritajiet Griegi jiddikjaraw li Olympic Airlines kellha l-abbiltà finanzjarja li tikkonkludi kirjiet operattivi direttament mal-parteċipanti fis-suq u li Olympic Airlines qatt ma kienet iffavorita bil-konklużjoni ta’ kirjiet operattivi, peress li dawn il-kirjiet kienu konklużi bir-rati tas-suq kurrenti u għalhekk ma kien hemm ebda għajnuna mill-Istat moħbija.

(45)

Barra minn hekk, fl-għażla ta’ Olympic Airlines, Olympic Airways Services aġixxiet kif kien jaġixxi kwalunkwe investitur privat fl-istess pożizzjoni, peress li hija mhux biss irnexxielha tnaqqas it-telf tagħha ta’ kull xahar bl-aħjar mod possibbli, iżda wkoll assigurat li t-telf ikun limitat biż-żmien, fid-dawl tal-intenzjoni ddikjarata ta’ Olympic Airlines li terġa’ tinnegozja u tieħu f’idejha l-kirjiet prinċipali.

(46)

Ir-Repubblika Ellenika xtaqet tirrimarka wkoll li l-ħlasijiet tal-kera li saru minn Olympic Airlines għas-sollokazzjonijiet operattivi mgħandhomx jiġu mqabbla mal-ħlasijiet tal-kera għal kirjiet finanzjarji, li fil-fehma tagħha l-Kummissjoni żbaljat meta qabblithom ma’ xulxin. Dawn huma fil-fatt tipi differenti ta’ kirjiet.

(47)

Fir-rigward tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airlines, ir-Repubblika Ellenika tiddikjara li ma kien hemm ebda tolleranza fuq in-nuqqas ta’ ħlas, tant li Olympic Airlines ħallset id-djun kollha tagħha tas-sigurtà soċjali. Fir-rigward tad-djun tagħha tat-taxxa, id-dewmien fil-ħlas ta’ parti biss mid-djun fiskali tagħha lill-Istat Grieg għal perjodu limitat sa mid-Deċiżjoni tal-2005 ma jikkostitwixxi ebda “tolleranza fit-tul” min-naħa tal-Istat Grieg. Fi kwalunkwe każ, l-Istat Grieg jiddikjara li huwa diġà ħa l-miżuri kollha meħtieġa skont il-liġi nazzjonali biex jiċċertifika u mbagħad jiġbor il-parti l-kbira tal-arretrati tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-kumpanija diġà ssottomettiet talba għal ħlas lura tad-djun fiskali ċċertifikati tagħha fi 48 pagament skont ir-regoli ġeneralment applikabbli tal-liġi nazzjonali.

Sollokazzjoni ta’ ajruplani

(48)

Is-sollokazzjoni tal-ajruplan bi prezz aktar baxx minn dak tal-ħlasijiet tal-kera fil-kirjiet prinċipali ma jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat għaliex ma kien hemm ebda trattament favorevoli għal Olympic Airlines, u dik il-kumpanija lanqas ma kisbet xi benefiċċju li ma setgħetx tikseb xorta waħda fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq. L-awtoritajiet Griegi isostnu li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-ħlasijiet tal-kera fid-dawl tat-test tal-investitur privat u adottat metodoloġija difettuża billi ħadet f’kunsiderazzjoni d-differenza bejn il-kera prinċipali u s-sollokazzjoni tal-ajruplan minflok ma eżaminat jekk is-sollokazzjoni kinitx ġiet konkluża bir-rati tas-suq.

Kirjiet finanzjarji u kirjiet operattivi

(49)

Ir-Repubblika Ellenika tqis li l-Kummissjoni kienet għal kollox żbaljata meta ma għamlet ebda distinzjoni bejn il-kirjiet finanzjarji u l-kirjiet operattivi.

(50)

L-ewwelnett, ir-Repubblika Ellenika rrimarkat li mill-ajruplani kollha mikrija lil Olympic Airlines, erba’ ajruplani tat-tip A340-300 kienu sollokati lil dik il-kumpanija minn Olympic Airways Services, li kellha dawk l-ajruplani fuq il-bażi tal-kirjiet finanzjarji. Minn Diċembru 2004 l-Istat Grieg issostitwixxa lill-kumpanija Olympic Airways Services fl-imsemmija kirjiet finanzjarji minn Diċembru 2004 'il quddiem (għall-ewwel par) u minn April 2005 'il quddiem (għat-tieni par). Minn dak iż-żmien sa issa dawk l-ajruplani kienu sollokati lil Olympic Airlines mill-Istat Grieg.

(51)

Il-Greċja tispjega li kera finanzjarja hija kera li taħtha r-riskji u l-benefiċċji li joħorġu mill-pussess tal-assi jiġu ttrasferiti b’mod effettiv (it-Titolu jista’ jew ma jistax eventwalment jiġi ttrasferit). Fir-realtà hija ugwali għal xiri suġġett għall-kundizzjoni tal-ħlas tal-prezz f’pagamenti bin-nifs. Kirja operattiva hija kwalunkwe kirja li mhijiex kirja finanzjarja. Konsegwentement, il-ħlas tal-kera taħt kirja finanzjarja jikkorrespondi għall-ammont tal-ħlas bin-nifs biex jitħallas lura l-valur tal-ajruplan, biex b’hekk fl-aħħarnett, il-kerrej finanzjarju jkun is-sid tal-ajruplan fi tmiem il-kirja. Il-ħlas tal-kera kull xahar mill-Istat Grieg lil dawk li jikru l-ajruplani ser jieqaf fl-2011, peress li sa dak iż-żmien l-ajruplan isir il-proprjetà sħiħa tiegħu.

(52)

Id-deċiżjoni tal-Istat Grieg li jissolloka l-ajruplani bi prezzijiet irħas mill-pagamenti tal-kera finanzjarja mħallsa taħt il-kera prinċipali mhijiex għotja ta’ għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines peress li (a) hija ġġustifikata min-natura differenti taż-żewġ tipi ta’ kuntratti u (b) il-pagamenti tal-kera mħallsa fil-kuntest tas-sollokazzjonijiet operattivi jirriflettu r-rati tas-suq għal kirjiet ta’ ajruplani simili fiż-żmien kritiku meta jiġu konklużi l-kuntratti.

(53)

Konsegwentement, huwa evidenti minnu nnifsu li l-pagament tal-kera taħt kirja finanzjarja huwa ogħla mill-pagament tal-kera taħt kirja operattiva sempliċi, minħabba li tali pagament jinkludi wkoll ħlas lura gradwali tal-valur tal-ajruplan. Għall-kuntrarju, Olympic Airlines ħallset lill-Istat Grieg pagament tal-kera biss għat-tħaddim tal-ajruplan mingħajr ebda aspettattiva skont il-kuntratt tal-ksib tal-pussess fil-ġejjieni.

(54)

Fir-rigward tal-kirjiet operattivi għall-ajruplani mħaddma minn Olympic Airlines, ir-Repubblika Ellenika għarrfet lill-Kummissjoni li dawn is-sollokazzjonijiet kollha għall-ajruplani bejn Olympic Airways Services u Olympic Airlines skadew kollha minbarra waħda (għal ajruplan tat-tip A300-600). F’għadd ta’ każijiet, il-kuntratti ġew innegozjati mill-ġdid u mġedda (f’dati varji bejn l-2005 u l-2007) bejn Olympic Airlines u dawk li kienu jikru fil-bidu, mingħajr l-intermedjazzjoni ta’ Olympic Airways Services fuq il-bażi tar-rati attwali tas-suq.

(55)

B’mod aktar speċifiku, fil-każ ta’ erba’ kirjiet għal ajruplani tat-tip DHC 8-102, erba’ kirjiet għal ajruplani tat-tip B-737-400, kirja waħda għal ajruplan tat-tip B-737-300 u tliet kirjiet għal ajruplani tat-tip B-717-200, fejn il-kerrejja kienet il-kumpanija Olympic Airways Services, il-pożizzjoni tal-kerrejja fil-kera operattiva prinċipali issa hija Olympic Airlines.

(56)

Fl-opinjoni tal-Greċja, id-deċiżjoni ta’ Olympic Airways Services li tiġġenera d-dħul mill-ajruplani u tnaqqas it-telf tagħha billi tissollokahom lil Olympic Airlines kienet ġustifikata għal kollox f’termini kummerċjali u skont it-test tal-investitur privat. Barra minn hekk, permezz tal-iffirmar ta’ dawn is-sollokazzjonijiet, Olympic Airways Services irrilaxxat lilha nnifisha mill-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-protezzjoni tal-ajruplani, waqt li bbenifikat minn servizzi ta’ ground handling u manutenzjoni li pprovdiet lil Olympic Airlines għal dawk l-ajruplani.

Djun u s-sitwazzjoni finanzjarja attwali ta’ Olympic Airlines

(57)

Matul il-perjodu 2004-2007 Olympic Airlines irrapportat dħul sa madwar 16,5 % u rnexxielha tillimita ż-żidiet fl-ispejjeż tagħha (eskluż tal-fjuwil) għal 9,7 %.

(58)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2190/1920 il-kumpanija hija obbligata tlesti t-tħejjija tar-rendikonti finanzjarji tagħha għall-2007 sal-aħħar ta’ April 2008. Il-Greċja pprovdiet it-tabella li ġejja biex tispjega s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Olympic Airlines.



DĦUL – SPEJJEŻ

2007 Estimi

2006

2005

2004

DĦUL TOTALI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

 

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

FJUWIL TAL-AJRUPLANI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

SPEJJEŻ PROPORZJONALI OĦRAJN

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

SPEJJEŻ PROPORZJONALI TOTALI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

RIŻULTATI QABEL L-ISPEJJEŻ FISSI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

 

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

ĦLASIJIET GĦALL-KIRI TAL-AJRUPLANI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

SPEJJEŻ OĦRAJN

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

TOTALI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

EBITDA

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

 

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

DEPREZZAMENT TOTALI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

RIŻULTATI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

SPEJJEŻ FINANZJARJI OĦRAJN

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

SPEJJEŻ TOTALI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

QLIGĦ QABEL IT-TAXXI U ENTRATI STRAORDINARJI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

RIŻULTATI STRAORDINARJI

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

EBT

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

(59)

Kif stabbilit fit-tabella, id-dħul totali ta’ Olympic Airlines fl-2004 kien ta’ […]*miljun, waqt li l-ispejjeż totali kienu […]*qabel it-taxxa, bir-riżultat li l-kumpanija rrapportat telf ta’ EUR 87,1 miljun. Is-sitwazzjoni tal-kumpanija kompliet tmur għall-agħar matul is-snin ta’ wara. Fl-2007 it-telf tagħha kien jammonta għal […]*miljun.

(60)

Skont l-awtoritajiet Griegi, din il-bidla fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Olympic Airlines hija fil-biċċa l-kbira konsegwenza tan-nuqqas ta’ abbiltà legali tagħha li żżid is-sehem tal-kapital ( 22 ) impost mill-azzjonist uniku (l-Istat Grieg) u mill-kumplikazzjonijiet maħluqa mid-deċiżjonijiet preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat fl-isforz li jiġu inklużi fondi privati fil-kumpanija.

(61)

Il-kumpanija rrimarkat li nuqqas fit-tul ta’ kapital wassalha biex iżżid l-ispejjeż b’mod sinjifikanti, partikolarment fir-rigward ta’ kirjiet ta’ ajruplani fejn il-kirjiet għal perjodu qasir, minflok dawk fit-tul, kienu ta’ kontribut kbir għar-riżultati negattivi tagħha. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ kapital, kien hemm dewmien sinjifikanti fl-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet għall-proċess tal-produzzjoni fil-kumpanija li jirriżulta f’dewmien għall-implimentazzjoni ta’, pereżempju, il-qtugħ tal-biljetti b’mod elettroniku.

(62)

Minkejja dawn il-fatti, l-awtoritajiet Griegi jiddikjaraw li l-kumpanija ħallset regolarment id-djun tagħha lill-iskemi tas-sigurtà soċjali u ma għandha ebda dejn dovut lill-iskema tas-sigurtà soċjali prinċipali, il-Fond IKA.

(63)

Fil-preżent, il-kumpanija pposponiet il-ħlasijiet tad-dejn tagħha lil ċertu numru ta’ kredituri. B’mod aktar speċifiku, id-djun totali tagħha (sal-31.12.2007) dovuti lil Olympic Airways Services (u s-sussidjarja tagħha Olympic Aviation) kienu […]*, lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni kienu […]*miljun u lil Olympic Catering kienu […]*miljun.

(64)

Fil-preżent hemm ukoll xi dewmien fil-ħlas ta’ ċerti djun li l-kumpanija trid tgħaddi lill-awtoritajiet tat-taxxa u lis-CAA. Skont id-dejta disponibbli għar-Repubblika Ellenika, fis-7 ta’ Frar 2008, id-djun fiskali ċċertifikati ta’ Olympic Airways Services kienu jinsabu fl-ammont ta’ […]* miljun għall-perjodu sal-31.12.2007. Minn dak l-ammont, […]*miljun biss saru dovuti u pagabbli fil-preżent.

(65)

Il-kumpanija pposponiet il-ħlasijiet tal-kera għal ajruplani lill-Istat Grieg fis-somma totali ta’ […]*miljun. Il-kumpanija naqset ukoll milli tħallas lill-Istat Grieg is-somma ta’ […]* miljun għaż-żamma ta’ riżervi ta’ ajruplani.

(66)

Ir-Repubblika Ellenika tirrimarka li l-kwistjoni ta’ tolleranza fit-tul tan-nuqqas ta’ ħlas tad-djun ta’ Olympic Airlines lill-Istat Grieg titqajjem għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni tal-2005. Hija tirrimarka li d-Deċiżjoni tal-2005 sabet li wara l-investigazzjoni mill-esperti tal-Komunità, il-kumpanija esegwiet l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward għall-perjodu li kien eżaminat (jiġifieri sa Mejju 2005).

(67)

Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li anki jekk fil-preżent ikun hemm ċerti djun mhux imħallsa ta’ Olympic Airlines lill-Istat, kwalunkwe dewmien fil-ħlas tagħhom ikun relatat biss ma’ perjodu ta’ żmien iqsar. Fl-opinjoni tal-Istat, dan waħdu mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita allegazzjoni ta’ tolleranza fit-tul mill-Istat Grieg fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati fil-ġurisprudenza tal-Komunità f’dan ir-rigward.

(68)

Skont il-ġurisprudenza, “fejn korp pubbliku responsabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jittollera l-ħlas tard ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, l-imġiba tagħha mingħajr dubju tagħti lill-impriża vantaġġ kummerċjali sinjifikanti billi tnaqqas, għal dik l-impriża, il-piż assoċjat mal-applikazzjoni normali tas-sistema tas-sigurtà soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 23 ).

(69)

Madankollu, sabiex dak il-vantaġġ ekonomiku jiġi ttrattat bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE, jeħtieġ ukoll li jintwera li l-impriża ma tkunx kisbet dak il-vantaġġ taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, fi kliem ieħor wieħed jeħtieġ li jeżamina jekk l-organizzazzjoni li tkun irċeviet il-kontribuzzjonijiet aġixxietx bl-istess mod kif kien jaġixxi kreditur privat taħt l-istess ċirkostanzi.

(70)

Fil-fehma tal-Greċja, mhuwiex faċli li tapplika dan il-kriterju fil-prattika peress li ma hemm ebda standard ta’ kondotta għal kreditur privat. B’mod aktar speċifiku, skont il-prospetti finanzjarji tad-debituri u l-vijabbiltà tagħhom, kreditur jista’ jiddeċiedi li ma jsir xejn jew jutilizza l-mezzi legali kollha li jkollu disponibbli biex jiġbor id-djun dovuti. Għalhekk, il-Greċja ssostni li wieħed għandu jeżamina jekk l-awtorità pubblika ħaditx il-passi legali disponibbli kollha biex tiġbor id-dejn u jekk hija għamlitx dan mingħajr dewmien ( 24 ).

(71)

Fil-każ Magefesa ( 25 ) il-qorti ddeċidiet li n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali għal ħafna snin (aktar minn 8 snin) kien jindika li l-awtoritajiet ma kinux qegħdin jużaw il-mezzi legali kollha biex jassiguraw li d-djun jitħallsu.

(72)

Bl-istess mod, fil-kawża Lenzing ( 26 ), il-QPI qieset li a) it-tolleranza tan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal perjodu ta’ mill-inqas 6 snin li ppermettiet lid-djun jakkumulaw, b) it-tolleranza tan-nuqqas ta’ konformità mal-arranġament tal-ħlas lura tad-dejn li ġie konkluż u c) il-konklużjoni ta’ arranġament ġdid ta’ ħlas lura tad-dejn anki jekk l-awtoritajiet kienu f’pożizzjoni li jitolbu l-ħlas lura immedjat tal-ammont totali tal-klejms minħabba l-ksur tat-termini tal-arranġament oriġinali – possibbilment permezz ta’ infurzar obbligatorju, ma kinux jissodisfaw it-test tal-kreditur privat u konsegwentement kienu ekwivalenti għal għajnuna mill-Istat.

(73)

Fl-aħħarnett, fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni ( 27 ) il-QĠE ddeċidiet li l-awtoritajiet Spanjoli, minkejja li kellhom bżonn tliet snin biex jilħqu arranġamenti ta’ ristrutturar tad-dejn mal-impriżi u minkejja wkoll li kkanċellaw żewġ terzi tad-djun u ffirmaw ftehimiet ta’ ristrutturar tad-djun b’tul ta’ 10 snin b’perjodu fuq ir-riħ ta’ sentejn, aġixxew skont it-testijiet tal-kredituri privati u għamlu użu mill-mezzi legali kollha biex jiġbru d-djun.

(74)

Fid-dawl ta’ dan, ir-Repubblika Ellenika tqis li ma kien hemm ebda tolleranza mtawla min-naħa tagħha fir-rigward tal-ġbir tad-djun dovuti mingħand Olympic Airlines.

Għajnuna mill-Istat permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri

(75)

Fir-reazzjoni tagħha r-Repubblika Ellenika ssostni li d-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni ma jwasslux għat-tneħħija tad-drittijiet tal-kredituri ta’ Olympic Airways u Olympic Airlines f’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar tat-talbiet tagħhom skont il-liġi nazzjonali, iżda sempliċiment għal sospensjoni tagħhom, li l-ġurisprudenza nazzjonali sabet li kienet kumpatibbli mal-liġi nazzjonali (u b’mod partikolari mal-Kostituzzjoni). Huma jkomplu jinnotaw li l-Istat (inklużi l-aġenziji kollha tal-Istat li jistgħu jipprovdu vantaġġi permezz tar-riżorsi tal-Istat) huwa espressivament eskluż mill-ambitu ta’ din il-protezzjoni tal-kredituri. Konsegwentement, fil-fehma tagħhom, ma jista’ jkun hemm ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE. Ikun hemm għajnuna mill-Istat biss jekk l-Istat Grieg ikun iggarantixxa l-ħlas tad-djun ta’ Olympic Airways Services u/jew ta’ Olympic Airlines lill-kredituri jew jekk ikun għamel ħlasijiet f’isem dawk il-kumpaniji lill-fornituri u/jew lill-kredituri.

(76)

Ir-Repubblika Ellenika ma taqbilx li din id-dispożizzjoni speċifika hija relatata speċifikament ma’ Olympic Airways Services u Olympic Airlines. Madankollu, l-ispeċifiċità ta’ dawk id-dispożizzjonijiet weħidha mhijiex biżżejjed biex tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 87 KE billi l-Artikolu 22 tal-Liġi 3404/2005 ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku.

(77)

Fl-opinjoni tal-Greċja, sabiex ikun hemm għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87 KE, huwa vitali li r-riżorsi tal-Istat fil-fatt jiġu ttrasferiti ( 28 ). Il-protezzjoni tal-kredituri mogħtija mis-17 ta’ Ottubru 2005 sat-28 ta’ Frar 2006 u mbagħad wara estensjoni tad-data tal-għeluq sal-31 ta’ Ottubru 2006 u mbagħad sal-31 ta’ Ottubru 2007 u finalment sal-31 ta’ Ottubru 2008 għal Olympic Airways Services u Olympic Airlines hija relatata biss mad-djun dovuti lill-kredituri privati.

(78)

Ir-raġuni għall-esklużjoni tal-Istat Grieg mill-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni kienet preċiżament sabiex tiġi assigurata l-konformità mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat, kif jgħid ir-rapport ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja l-liġi.

(79)

Ir-Repubblika Ellenika tixtieq tenfasizza li l-uniku każ fejn ikun hemm kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri għal kredituri privati jkun il-każ fejn l-Istat Grieg ikun iggarantixxa l-ħlas tad-djun ta’ Olympic Airways Services u Olympic Airlines lill-kredituri tagħhom jew fejn ikun għamel ħlasijiet f’isem il-kumpaniji lill-fornituri u/jew il-kredituri tagħhom.

KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI Olympic Airlines SA

(80)

Il-kummenti ta’ Olympic Airlines kienu konformi b’mod sħiħ mar-reazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika tal-11 ta’ Frar 2008.

(81)

Fir-rigward tas-sollokazzjoni ta’ ajruplani mill-Istat Grieg u Olympic Airways, Olympic Airlines hija tal-opinjoni li kemm Olympic Airways kif ukoll l-Istat Grieg aġixxew b’mod assolutament konformi mat-test tal-investituri privati u Olympic Airlines ma gawdiet minn ebda trattament favorevoli. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ħlasijiet tal-kera mħallsa minn Olympic Airlines lil Olympic Airways u lill-Istat Grieg huma f’termini ġenerali konformi mar-rati attwali tas-suq.

(82)

Olympic Airlines irreferiet ukoll għad-distinzjoni li għandha ssir bejn il-każ ta’ kirja finanzjarja u kirja operattiva.

Kirjiet finanzjarji

(83)

L-għażla magħmula mill-Istat Grieg li jissolloka l-ajruplani bi prezzijiet inqas mill-prezzijiet tal-kera finanzjarja mħallsa fil-kera prinċipali ma kinitx neċessarjament għotja ta’ għajnuna illegali lil Olympic Airlines. L-ewwelnett, id-differenza fil-livell tal-ħlasijiet tal-kera tiġi ġġustifikata min-natura differenti taż-żewġ tipi ta’ kirjiet, u t-tieni mill-fatt li l-ħlasijiet tal-kera mħallsa fil-kuntest tal-kirjiet operattivi jirriflettu r-rati tas-suq għall-kiri ta’ ajruplani simili fil-punt kritiku fil-ħin meta ġew konklużi l-kirjiet.

(84)

F’termini sempliċi, il-kerrej finanzjarju jikseb id-dritt li jistenna li jikseb il-pussess tal-ajruplan fi tmiem il-kirja finanzjarja, liema dritt ma jseħħx fil-każ ta’ kirja operattiva. Konsegwentement, il-ħlas tal-kera taħt kirja finanzjarja jikkorrespondi għall-ammont tal-pagament biex jitħallas lura l-valur tal-ajruplan sabiex fl-aħħar tal-kirja, il-kerrej finanzjarju jsir is-sid tal-ajruplan. Fil-każ speċifiku, il-ħlas tal-kera fix-xahar li jsir mill-Istat Grieg lis-sidien tal-ajruplan mikri jieqaf fl-2011, peress li sa dak iż-żmien l-ajruplan isir il-proprjetà sħiħa tiegħu.

Kirjiet Operattivi

(85)

Olympic Airlines irrimarkat li s-sollokazzjonijiet operattivi kollha għal ajruplani minn Olympic Airways issa skadew.

(86)

Il-kirjiet operattivi konklużi bejn Olympic Airways u Olympic Airlines għal dak iż-żmien kif kienu fis-seħħ (sakemm din tal-aħħar ħadet is-sehem tagħha fil-kirjiet prinċipali) kienu ġew konklużi bir-rati attwali tas-suq, kif ġie ddikjarat hawn fuq. Konsegwentement, ma kien hemm ebda għajnuna mill-Istat moħbija. Olympic Airlines tenniet li hija ma kienet irċeviet ebda trattament favorevoli taħt l-imsemmija sollokazzjonijiet operattivi, peress li l-ħlas tal-kera li ntlaħaq qbil dwaru fiż-żmien meta dawn ġew konklużi (11.12.2003) kien jirrifletti r-rata tas-suq, kif jista’ jidher mir-rapport tal-Ekonomija fl-Avjazzjoni msemmi qabel. Wara dan, Olympic Airlines ikkonkludiet kirjiet direttament mas-sidien oriġinali tal-ajruplani mikrija (f’xi każijiet fl-2005 u f’oħrajn fl-2007) bir-rati attwali tas-suq.

(87)

Barra minn hekk, l-unika kirja operattiva li kienet ġiet konkluża bejn Olympic Airways u Olympic Airlines fl-2003 u li baqgħet fis-seħħ sa ftit jiem ilu, u li kienet relatata ma’ ajruplan tat-tip A 300-600, kienet – bħall-kuntratti l-oħrajn kollha – ġiet konkluża bir-rati attwali tas-suq. Dan il-kuntratt issa skada.

(88)

Id-deċiżjoni ta’ Olympic Airways li tissolloka l-imsemmi ajruplan lil Olympic Airlines kienet meħtieġa f’dawn iċ-ċirkostanzi u kienet f’konformità mal-imġiba ta’ kwalunkwe investitur privat fl-istess pożizzjoni. Jekk din id-deċiżjoni għadha ma tteħditx, Olympic Airways tiġi mitluba tħallas ammonti kbar ħafna ta’ kumpens lil sid l-ajruplan mikri, li ma tkunx tista’ tibqa’ tagħmel użu minnu minħabba t-tneħħija tas-servizzi ta’ trasportatur bl-ajru mill-għanijiet kummerċjali tagħha f’Diċembru 2003.

(89)

Ta’ min jinnota li skont il-kuntratt tal-kera konkluż mas-sidien inizjali tal-ajruplani, il-ħlas tal-pagamenti tal-kera kompla jkun obbligatorju, irrispettivament minn jekk l-ajruplani kinux qegħdin jintużaw għal titjiriet minn Olympic Airways. Meta wieħed iqis dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjoni ta’ Olympic Airways li tiġġenera dħul mill-ajruplani u li tnaqqas it-telf tagħha billi tissollokahom lil Olympic Airlines kienet iġġustifikata b’mod sħiħ f’termini kummerċjali u skont it-test tal-kredituri privati. Barra minn hekk, permezz tal-konklużjoni ta’ dawn is-sollokazzjonijiet Olympic Airways irrilaxxat lilha nnifisha mill-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-protezzjoni tal-ajruplani. Hija bbenifikat ukoll mill-provvediment ta’ servizzi ta’ ground handling u manutenzjoni lil Olympic Airlines għal dawn l-ajruplani.

(90)

Fir-rigward tad-djun u s-sitwazzjoni finanzjarja attwali ta’ Olympic Airlines, il-kumpanija kkonfermat l-informazzjoni pprovduta diġà mir-Repubblika Ellenika.

(91)

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines permezz tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri, il-kumpanija hija tal-fehma li l-Artikolu 22 tal-Liġi 3404/2005 ma jagħti ebda benefiċċju finanzjarju lil Olympic Airlines.

(92)

Bħala konklużjoni, Olympic Airlines tqis li wara li tikkunsidra dawn il-kummenti, il-Kummissjoni suppost li ma jibqgħalha ebda dubji dwar il-kwistjonijiet li qegħdin jiġu eżaminati.

Olympic Airways Services SA

(93)

Il-kummenti rċevuti minn Olympic Airways Services kienu jirreferu primarjament għall-proċeduri u l-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ. Dawn huma esklużi mill-ambitu tad-deċiżjoni preżenti ( 29 ). Billi kienu jittrattaw kwistjonijiet oħrajn koperti mid-deċiżjoni preżenti, huma kienu kompletament konformi mal-kummenti rċevuti minn Olympic Airlines u mar-reazzjoni pprovduta mir-Repubblika Ellenika tal-11 ta’ Frar 2008.

Aegean Airlines

(94)

Aegean Airlines, li hija kompetitur ta’ Olympic Airlines, fil-kummenti tagħha fissret li xtaqet b’mod partikolari li tindirizza l-kwistjoni tal-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ. Aegean Airlines irrimarkat ukoll li b’35 miljun passiġġier fis-suq tal-avjazzjoni Grieg u b’attività ta’ aktar minn 150 linja tal-ajru, Olympic Airlines tkopri 17 % tas-suq, iżda bħala tali mhijiex parti “essenzjali” mis-suq. Dawk il-fatturi li Aegean Airlines tħoss li huma meħtieġa fis-suq tal-avjazzjoni fil-Greċja huma l-ġustizzja fir-regolazzjoni, it-trattament indaqs u li ma jkun hemm ebda sussidji, spejjeż jew drittijiet għal parteċipant partikolari wieħed fis-suq.

HATTA

(95)

L-Assoċjazzjoni Ellenika tal-Aġenziji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu (Hellenic Association of Travel and Tourism Agencies - HATTA) tirrappreżenta aktar minn 1 500 aġenzija tal-ivvjaġġar u operaturi tat-turs fil-Greċja u tesprimi tħassib kbir dwar il-futur ta’ Olympic Airlines u l-impatt li jista’ jkollha fuq l-industrija tat-turiżmu fil-Greċja.

(96)

HATTA tesprimi l-opinjoni li Olympic Airlines għandha ssir kumpanija bi proprjetà u amministrazzjoni privata li topera fuq livell ugwali ma’ trasportaturi domestiċi u Komunitarji oħrajn. HATTA tixtieq ukoll tagħmel enfasi fuq il-kobor tal-impatt tal-falliment potenzjali ta’ Olympic Airlines fuq l-ekonomija Griega; fil-fehma tagħhom, dan jagħmel il-każ kwistjoni politika aktar milli proċedura legali.

(97)

Billi t-turiżmu jirrappreżenta 18 % tal-PGD Grieg; kieku Olympic Airlines kellha tispiċċa fix-xejn, huma jsostnu li ma jibqax biżżejjed interess kummerċjali biex jimtela l-vojt kollu tat-titjiriet li jispiċċaw jintilfu. Dak li jinsab fil-periklu mhuwiex biss il-futur ta’ kumpanija tal-Istat, iżda l-futur u l-istabbiltà ta’ settur li l-ekonomija Griega hija dipendenti ħafna fuqu.

Ryanair

(98)

Ryanair tgħid li bħalissa ma qiegħda topera ebda rotta lejn u mill-Greċja, għalkemm hija ttir lejn destinazzjonijiet inqas popolari għal dawk li jivvjaġġaw mill-punent tal-Ewropa, bħal ngħidu aħna Riga fil-Latvja, Kaunas fil-Litwanja u Constanta fir-Rumanija. Huma jsostnu li n-nuqqas ta’ preżenza tagħhom fis-suq Grieg huwa minħabba l-manutenzjoni artifiċjali ta’ Olympic Airlines u Olympic Airways Services permezz tal-għajnuna mill-Istat. F’każ li din l-għajnuna mill-Istat ma tibqax tingħata, Ryanair issib ruħha f’pożizzjoni aħjar biex issir, bil-flotta tal-ajruplani għad-dispożizzjoni tagħha, kompetitriċi ta’ Olympic Airlines fuq numru ta’ rotot domestiċi u internazzjonali lejn u mill-Greċja. Bħala riżultat, Ryanair tgħid li hija mhijiex biss parti kkonċernata, iżda l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali mill-għajnuna tal-Istat favur Olympic Airlines/Olympic Airways Services.

(99)

Fil-fehma ta’ Ryanair, l-investigazzjoni tal-Artikolu 88(2) KE suppost li bdiet qabel u għandha tiġi konkluża mingħajr dewmien, ferm qabel il-perjodu ta’ 18-il xahar. Ryanair tirreferi għall-għadd numeruż ta’ azzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat meħuda mill-Kummissjoni b’rabta ma’ Olympic Airways sa mill-1994. Ryanair tiddikjara li filwaqt li b’mod superfiċjali, dawn id-diversi azzjonijiet u investigazzjonijiet jikkonċernaw forom distinti u każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, il-miżuri ta’ għajnuna kollha huma interrelatati. Huma evidenza ta’ sforz sistematiku, u sa issa ta’ suċċess, mill-awtoritajiet Griegi biex idewmu l-proċess kollu billi b’mod kostanti jippakkjaw mill-ġdid għajnuna preċedenti u ġdida f’forom ġodda — u mbagħad jikkontestaw, permezz ta’ kwalunkwe mezz disponibbli, li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat. Ir-rabtiet mill-qrib bejn il-forom differenti tal-għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta’ diversi mezzi matul bosta snin huma wkoll evidenti min-narrattiva tal-Kummissjoni.

(100)

Fl-opinjoni ta’ Ryanair, jekk il-passat jagħti xi indikazzjoni, l-informazzjoni finanzjarja dettaljata mitluba mill-Kummissjoni ser tkun inkompleta u/jew imdewma; eventwalment, il-Kummissjoni ser tadotta deċiżjoni negattiva li tordna l-irkupru, li l-awtoritajiet Griegi sejrin jappellaw għaliha u jinjorawha, u sa meta jasal iż-żmien li l-Qrati tal-Komunità jikkonfermaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u jsibu li l-Greċja kisret l-obbligi tagħha, l-għajnuna kollha mill-Istat involuta jew parti minnha tiġi ttrasformata f’forom ġodda ta’ appoġġ illegali lil Olympic Airlines jew Olympic Airways Services.

(101)

Ryanair tgħid li l-Kummissjoni għandha l-poter u d-dmir li tħaffef il-proċess b’mod sinjifikanti. Fil-fehma tagħha, ikun ta’ għajb kbir li kieku l-investigazzjoni formali mibdija mill-Kummissjoni kellha teżawrixxi jew saħansitra taqbeż il-perjodu ta’ 18-il xahar stabbilit mill-Artikolu 7(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE ( 30 ) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Proċedurali”). Approċċ formalistiku bħal dan jippremja biss it-tattiċi ta’ dewmien tal-awtoritajiet Griegi u jipprovdi preċedent biex jiġi segwit minn oħrajn. L-informazzjoni pprovduta fuq l-ammont ta’ għajnuna mhijiex kompluta għaliex id-dejta prinċipali deskritta bħala “kunfidenzjali” mill-awtoritajiet Griegi ma ġietx żvelata kif suppost.

(102)

Fil-fehma ta’ Ryanair ma hemm ebda ġustifikazzjoni għat-trattament ta’ ċerta informazzjoni li tikkonċerna l-ammonti ta’ għajnuna u kif din ġiet ikkalkolata bħala kunfidenzjali. L-iżvelar tagħha ma jagħti ebda vantaġġ kompetittiv lill-kompetituri jew lill-partijiet terzi, iżda għandha tgħinhom iwieġbu għall-istedina tal-Kummissjoni b’aktar argumenti konkreti, jipprovdu dejta komparattiva u jesponu n-nuqqasijiet fl-istrateġiji ta’ Olympic Airlines/Olympic Airways Services li jistgħu jaħarbu mill-eżaminazzjoni tal-Kummissjoni.

(103)

Fir-rigward tat-tolleranza tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali minn Diċembru 2004, Ryanair tirrimarka li l-figuri indikattivi għat-telf ta’ Olympic Airways Services jagħmlu enfasi fuq is-serjetà tal-każ.

(104)

Fir-rigward tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri, Ryanair tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkjarifika b’mod speċifiku d-drittijiet ta’ kumpens li l-partijiet privati ser jiksbu minn dan il-ksur tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

KUMMENTI MILL-GREĊJA DWAR IL-KUMMENTI ta’ PARTIJIET TERZI

(105)

Ir-Repubblika Ellenika ddikjarat li taqbel bis-sħiħ mal-osservazzjonijiet ppreżentati minn Olympic Airways Services, Olympic Airlines u HATTA. Madankollu, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ta’ Aegean Airlines u Ryanair, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-kummenti magħmula u skont ir-Repubblika Ellenika, l-osservazzjonijiet ta’ Aegean Airlines u ta’ Ryanair sostanzjalment ma jżidu ebda informazzjoni ġdida jew kritika u/jew dokumentazzjoni mal-investigazzjoni.

(106)

Fir-rigward tal-kummenti ta’ Aegean Airlines, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li Aegean Airlines kienet partikolarment ta’ suċċess fis-suq Grieg matul l-aħħar għaxar snin u li fl-aħħar mill-aħħar dan is-suċċess jaħdem favur il-konsumatur finali – il-passiġġier – biex b’hekk jagħti prova tal-benefiċċji tal-kompetizzjoni. L-eżistenza tal-kompetizzjoni fl-ivvjaġġar bl-ajru tikkostitwixxi l-pożizzjoni u l-għan prinċipali tal-gvern Grieg.

(107)

L-awtoritajiet Griegi jenfasizzaw li dak li jaraw bħala kontradizzjoni fl-osservazzjonijiet ta’ Aegean Airlines hija li l-kumpanija tippreżenta lill-kompetitriċi prinċipali tagħha - Olympic Airlines - bħala, fuq naħa waħda, li għandha attività sinjifikanti, iżda min-naħa l-oħra, li hija sostitwibbli. Fil-fehma tar-Repubblika Ellenika, din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li Olympic Airways għandha perċentwal żgħir tat-trasferiment totali ta’ passiġġieri lejn jew mill-ajruporti Griegi, u għalhekk l-awtoritajiet Griegi jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

(108)

L-għan prinċipali tal-gvern Grieg jikkostitwixxi l-assigurazzjoni ta’ servizz tal-ivvjaġġar bl-ajru mingħajr xkiel lejn il-gżejjer Griegi u żoni remoti, bl-użu ta’ dispożizzjonijiet speċjali għall-provvediment ta’ servizz pubbliku (PSOs) fejn meħtieġ. Huma jirrimarkaw li sallum, Aegean ma pparteċipat f’ebda offerta tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili għall-PSOs.

(109)

L-awtoritajiet Griegi jikkontestaw ir-referenzi minn Aegean Airlines għall-“Olympic Airways Group”, li fil-fehma tal-Istat mhijiex preċiża peress li Olympic Airways Services la tipparteċipa fis-sehem tal-kapital jew fil-ġestjoni ta’ Olympic Airlines, la tikkontrolla d-deċiżjonijiet tal-Laqgħa Ġenerali ta’ din tal-aħħar, u lanqas għandha l-awtorità li taħtar membri fuq il-Bord tad-Diretturi tagħha. B’mod partikolari, iż-żewġ kumpaniji ma jikkostitwixxux unità finanzjarja komuni waħda, peress li kumpanija waħda ma tinfluwenzax il-politika finanzjarja tal-kumpanija l-oħra, u lanqas ma hemm interess komuni bejniethom; għall-kuntrarju, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jitwettqu strettament fuq termini tas-suq.

(110)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Olympic Airways, ir-Repubblika Ellenika tosserva li Aegean Airlines ma ppreżentat ebda informazzjoni li turi bil-provi li l-operat ta’ kuljum ta’ Olympic Airways jiġi assigurat permezz tal-għajnuna mill-Istat.

(111)

Fil-fehma tar-Repubblika Ellenika, Ryanair ma tistax titqies bħala “parti interessata” f’dan il-każ. Dan minħabba li Ryanair ma tagħmilx titjiriet lejn u/jew mill-Greċja, għalhekk ma jistax jiġi sostnut li hija tiġi affettwata b’xi mod mill-allegat għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines u Olympic Airways.

(112)

Fil-fehma tal-Greċja, l-allegazzjonijiet ta’ Ryanair li hija ma tagħmilx titjiriet lejn u/jew mill-Greċja minħabba l-għoti fit-tul ta’ vantaġġ kompetittiv lil Olympic Airways u Olympic Airlines mill-gvern Grieg mhumiex issostanzjati bil-fatti. L-awtoritajiet Griegi jirrimarkaw li linji tal-ajru low-cost oħrajn huma attivi fis-suq Grieg, fosthom “Easy Jet”, “Aer Lingus”, “Air Berlin”, “Sky Europe”, “Germanwings” u “Virgin Express”. Kemm “Easy Jet” ( 31 ) kif ukoll “Germanwings” ( 32 ) jagħmlu titjiriet ta’ kuljum lejn u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni, waqt li huma wkoll konnessi ma’ ajruporti ewlenin oħrajn fil-Greċja. B’mod simili, “Air Berlin” tagħmel titjiriet lejn ammont totali ta’ ħmistax-il ajruport tal-pajjiż ( 33 ), b’titjiriet ta’ kuljum (aktar minn waħda) lejn u mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ateni.

(113)

It-tieni, ma jeżisti ebda ostakolu għal Ryanair biex tidħol fis-suq Grieg minħabba l-allegati vantaġġi favur Olympic Airlines, peress li ż-żewġ kumpaniji jipprovdu s-servizzi tagħhom fuq il-bażi ta’ żewġ mudelli kummerċjali kompletament differenti. Kif inhuwa evidenti mid-dħul fis-suq Grieg tal-linji tal-ajru low-cost imsemmija fuq, l-attività ta’ Olympic Airline u Aegean mgħandhiex timpedixxi jew tinfluwenza d-dħul ta’ Ryanair, u lanqas ma hemm xi kwistjoni ta’ numru ristrett ta’ postijiet fl-ajruporti Griegi.

(114)

Għalhekk, l-awtoritajiet Griegi jsibuha stramba li Ryanair issostni li mhijiex kapaċi twettaq titjiriet fis-suq Grieg minħabba l-allegata distorsjoni tal-kompetizzjoni, hekk kif it-trasportaturi bl-ajru kollha msemmija fuq, li ħafna minnhom huma iżgħar fid-daqs u għandhom aktar spejjeż minn Ryanair, irnexxielhom jagħmlu dan b’suċċess.

(115)

Ir-Repubblika Ellenika tiġbor il-fehmiet prinċipali tal-kumpaniji msemmija fuq kif ġej:

Rigward id-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services

(116)

Mill-11 ta’ Frar 2008, diġà beda jidher titjib fir-reġistri aġġornati tat-tassazzjoni u l-assigurazzjoni ta’ Olympic Airways Services. Fir-rigward tad-djun aktar antiki ta’ Olympic Airway dovuti lill-Istitut tas-Sigurtà Soċjali, sar aġġustament sabiex jitħallsu dawn id-djun f’pagamenti bin-nifs fix-xahar, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi Nru 3518/2006, applikabbli għall-persuni fiżiċi u l-kumpaniji Griegi ( 34 ).

(117)

Konsegwentement, fil-fehma tal-Greċja, ma jista’ jkun hemm ebda “tolleranza” u saħansitra inqas u inqas “tolleranza perpetwa” f’isem il-Gvern Grieg f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ ħlas tad-djun ta’ Olympic Airways.

Rigward l-allegata għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines Għajnuna mill-Istat permezz ta’ sollokazzjonijiet ta’ ajruplani

(118)

Il-Greċja taqbel mad-dikjarazzjoni magħmula minn Olympic Airlines li hija kellha l-potenzjal finanzjarju li tikkonkludi kuntratti ta’ kirjiet operattivi direttament mas-suq. Dan ġie pprovat li huwa minnu hekk kif immedjatament wara l-iskadenza ta’ kull kuntratt ta’ kera operattiva, uħud mis-sidien inizjali tal-ajruplani mikrija fil-kuntratti prinċipali ġew ikkuntrattati direttament lil Olympic Airlines bir-rati attwali tas-suq, mingħajr l-intermedjazzjoni ta’ Olympic Airways.

(119)

Min-naħa tagħha, meta għażlet lil Olympic Airlines, Olympic Airways aġixxiet bl-istess mod kif kien jaġixxi kwalunkwe investitur privat ieħor fl-istess pożizzjoni. Minn naħa waħda, hija rnexxielha tnaqqas id-danni kull xahar bl-aħjar mod possibbli u min-naħa l-oħra, assigurat li d-danni inkwistjoni jiġu ristretti fiż-żmien minħabba l-intenzjoni ddikjarata ta’ Olympic Airlines li tinnegozja mill-ġdid u ddaħħal lilha nnifisha fil-kuntratti tal-kera prinċipali.

(120)

Olympic Airlines ma kinux iffavoriti lanqas fil-każ tas-sollokazzjoni ta’ erba’ kirjiet finanzjarji tal-Airbus A340-300 lill-Gvern Grieg, billi dawn il-kuntratti ġew imfassla fuq il-prezz tas-suq. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, għandu jissemma li l-ħlasijiet tal-kera mħallsa minn Olympic Airlines għall-ftehimiet ta’ kirjiet operattivi jistgħu jiġu kkomparati biss mal-ħlasijiet tal-kirjiet operattivi rispettivi fis-suq matul l-istess perjodu, u mhux mal-ħlasijiet tal-kirjiet finanzjarji, kif kienet għamlet bi żball il-Kummissjoni.

Għajnuna tal-Istat permezz tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airlines

(121)

Ir-Repubblika Ellenika tosserva li ma hemm ebda “tolleranza perpetwa” fir-rigward tal-ħlasijiet li jridu jsiru minn din il-kumpanija.

Rigward il-protezzjoni speċjali kontra l-kredituri

(122)

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3404/05 jimplikaw sospensjoni aktar milli eliminazzjoni tad-drittijiet tal-kredituri ta’ Olympic Airways u ta’ Olympic Airlines fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom. Dan huwa kumpatibbli mal-leġiżlazzjoni Griega.

(123)

Il-protezzjoni tal-kreditu li ġiet ipprovduta lil Olympic Airlines u lil Olympic Airways tikkonċerna biss djun li huma dovuti lil persuni privati u mhux djun li jappartjenu lill-Istat, jiġifieri l-Gvern Grieg. Konsegwentement, ma jista’ jkun hemm ebda għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

RIŻULTATI TAL-ISTUDJU ESPERT MITLUBA MILL-KUMMISSJONI

(124)

Qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tidħol f’evalwazzjoni tal-punti mqajma fil-ftuħ tal-proċedura u tal-informazzjoni pprovduta mill-Greċja u l-partijiet terzi, kien meħtieġ li hija teżamina s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika attwali ta’ Olympic Airways Services u ta’ Olympic Airlines.

(125)

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat is-servizzi ta’ esperti indipendenti (Moore Stephens) biex iwettaq studju tal-finanzjament u l-operazzjonijiet taż-żewġ kumpaniji sabiex jiddetermina x’sar mid-deċiżjoni tal-2005 tal-Kummissjoni 'l hawn.

(126)

Moore Stephens (minn hawn 'il quddiem “l-esperti”) wettqu l-istudju tagħhom f’Ateni bejn l-1 u l-15 ta’ Lulju 2008. Fit-twettiq ta’ dan l-istudju, huma kienu mgħejuna mill-awtoritajiet Griegi, Olympic Airways Services u Olympic Airlines, kif ukoll mill-konsulenti tagħhom.

Rigward id-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services

(127)

Fir-rigward tat-tolleranza tat-taxxi (inklużi multi u ħlasijiet addizzjonali) Moore Stephens iddeterminaw (fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-responsabbiltajiet totali mill-awtoritajiet tat-taxxa pprovduta fis-17 ta’ Ġunju 2008) li s-somma dovuta minn Olympic Airways Services hija ta’ EUR […]* miljun. Il-bilanċ kif kien fil-31 ta’ Mejju 2008 jirrappreżenta l-bilanċ kumulattiv f’dik id-data li, għajr fejn jiġi nnotat mod ieħor, tinkludi ammonti li jirriżultaw qabel il-31 ta’ Diċembru 2004. Dan id-debitu ntlaħaq wara t-tpaċija ta’ EUR […]* miljun fuq il-bażi tal-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ, jiġifieri (EUR […]* miljun – EUR […]* miljun). Id-debitu jinkludi:

— Taxxa fuq id-dħul pendenti, VAT, taxxa tal-boll u taxxi fuq l-imgħax ( 35 ), dazju tal-passiġġieri għall-iżvilupp tal-ajruporti (Spatosimo)

— Drittijiet ta’ pparkjar u mmaniġġjar fl-ajruporti għajr l-AIA

— Ħlas lura tas-self tal-ABN mill-Istat Grieg f’isem il-kumpanija Olympic Airways Services

(128)

Moore Stephens jinnotaw li dan l-ammont kien suġġett għal appell fil-qorti minn Olympic Airways Services. Il-qorti tat deċiżjoni li tissospendi d-dejn sakemm tittieħed deċiżjoni finali. Is-sospensjoni hija fl-applikazzjoni tal-qafas legali ġenerali fuq talbiet għal miżuri provviżorji, li jista’ jiġi invokat minn kwalunkwe individwu jew impriża f’litigazzjoni mal-Istat Grieg. L-ammont paċut kontra l-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ kien jirrappreżenta dik il-parti tal-bilanċ totali li ma kinitx suġġetta għal kontestazzjoni minn Olympic Airways Services.

(129)

Il-ħlasijiet addizzjonali inklużi fl-ammont ta’ EUR […]* miljun jikkonċernaw il-perjodu sa Ġunju 2008.

(130)

It-taxxi fuq l-imgħax attwali (primarjament taxxa fuq id-dħul tal-impjegati) għall-perjodu minn Mejju 2007 sa Mejju 2008 jammontaw għal madwar EUR […]*miljun, waqt li t-taxxi fuq l-imgħax attwali (taxxa fuq id-dħul tal-impjegati) rigward persunal issekondat lil Olympic Aviation għall-perjodu minn Diċembru 2006 sa Mejju 2008) huma ta’ madwar EUR […]*miljun.

(131)

Fir-rigward tat-tolleranza tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li jammontaw għal madwar EUR […]* miljun għall-perjodu sa Ottubru 2006, din tippermetti l-ħlas ta’ EUR […]* miljun mill-Istat Grieg f’Settembru 2007 minn fondi rċevuti wara l-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ. L-ammont ta’ EUR […]* miljun (inklużi multi u ħlasijiet addizzjonali) huwa dak li jifdal (f’Lulju 2008) li jrid jitħallas minn Olympic Airways Services f’pagamenti bin-nifs fil-ġejjieni skont il-qafas ġenerali tal-Liġi 3518/2006. L-Amministrazzjoni tas-Sigurtà Soċjali (IKA) aċċettat depożitu ta’ EUR […]* miljun mingħand Olympic Airways Services.

(132)

[…]*.

(133)

[…]*.

(134)

Ġew innotati wkoll djun addizzjonali tas-sigurtà soċjali għall-perjodu minn Novembru 2006 sa Mejju 2008 ta’ […]* għal Olympic Airways Services u ta’ EUR […]*miljun għal persuni ssekondati lil Olympic Aviation.

(135)

Minkejja dak kollu li ntqal fuq, il-Kummissjoni tinnota li Olympic Airways Services kisbet konferma mill-IKA li d-debiti tagħha kienu għadhom ma tħallsux. Is-sejbiet ta’ Moore Stephens jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:



f’miljuni ta’ EUR

 

Bilanċ

Stima tad-debiti totali mill-awtoritajiet tat-taxxa pprovduti fis-17 ta’ Ġunju 2008 (sospiżi)

[…]*

Taxxa minn ras il-għajn bejn Mejju 2007 u Mejju 2008 (primarjament taxxa fuq id-dħul tal-impjegati)

[…]*

Taxxa minn ras il-għajn attwali għall-perjodu bejn Diċembru 2006 u Mejju 2008 (Olympic Aviation)

[…]*

Dejn tas-sigurtà soċjali sa Ottubru 2006

[…]*

Djun tas-sigurtà soċjali għall-perjodu bejn Novembru 2006 u Mejju 2008

[…]*

Djun tas-sigurtà soċjali għall-perjodu bejn Novembru 2006 u Mejju 2008 (Olympic Aviation)

[…]*

Djun ta’ Olympic Airways Services dovuti lill-Istat minn Ġunju 2008

(esklużi djun sospiżi)

[…]*

Djun totali ta’ Olympic Airways Services dovuti lill-Istat minn Ġunju 2008

[…]*

(136)

Moore Stephens jikkonkludu li minħabba li Olympic Airways Services straħet fuq madwar […]* aġġudikazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ sabiex tkun tista’ tissodisfa r-responsabbiltajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali tagħha (pagament ta’ EUR […]* miljun lill-awtoritajiet tat-taxxa u EUR […]* miljun lill-IKA), li kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li t-tolleranza kontinwa tal-Istat lejn Olympic Airways Services sa mill-2005 ikkostitwixxiet għajnuna mill-Istat, Olympic Airways Services ma tkunx tista’ tħallas lura din l-għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-pożizzjoni finanzjarja u r-riżultati operattivi attwali tagħha.

Rigward l-allegata għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines Għajnuna mill-Istat permezz ta’ sollokazzjonijiet ta’ ajruplani

(137)

Moore Stephens innotaw li kien hemm ammont ta’ EUR […]*miljun li suppost kienu tħallsu diġà lill-Istat Grieg fir-rigward ta’ kirjiet ta’ ajruplani. Moore Stephens innotaw ukoll li l-ammont inkwistjoni kif kien fil-31 ta’ Mejju 2005 kien ta’ EUR […]* li jfisser li matul il-perjodu kopert mid-deċiżjoni preżenti, il-kumpanija Olympic Airlines kellha dejn ta’ EUR […]* miljun dovut lill-Istat għal kirjiet ta’ ajruplani. L-ammont pagabbli huwa bejn wieħed u ieħor ta’ EUR […]*miljun fix-xahar għall-[…]* u EUR […]*miljun fix-xahar għar-riservi ta’ manutenzjoni. Madwar EUR […]* miljun tħallsu matul il-perjodu ta’ 36 xahar, li jirrappreżentaw pagamenti ta’ madwar 6 xhur. Fis-snin 2007 u 2008 ma tħallas xejn.

Għajnuna mill-Istat permezz ta’ djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airlines

(138)

L-ammont li għad irid jitħallas għad-dazju tal-passiġġieri għall-iżvilupp tal-ajruport (Spatosimo), kif ivvalutat mill-awtoritajiet tat-taxxa, huwa ta’ EUR […]* miljun. It-total pagabbli mill-31 ta’ Mejju 2008 kien ta’ EUR […]* miljun. Minn dan l-ammont totali, EUR […]* miljun iridu jitħallsu f’pagamenti bin-nifs kull xahar sas-sena 2012 u ma tqisux bħala li misshom diġà tħallsu. Mill-bilanċ li jifdal ta’ EUR […]* miljun, EUR […]*miljun huma s-suġġett ta’ appell fil-qorti minn Olympic Airlines. Il-qorti tat deċiżjoni li tissospendi din il-parti tad-dejn sakemm tittieħed deċiżjoni finali.

(139)

Moore Stephens identifikaw ammont ta’ EUR […]* li suppost diġà tħallsu lil Olympic Airways Services u Olympic Aviation għal servizzi rċevuti għal diversi kuntratti għal ground handling u servizzi ta’ manutenzjoni.

(140)

Ġiet identifikata wkoll somma addizzjonali ta’ EUR […]* miljun għal tariffi għall-inżul u għall-ipparkjar pagabbli lill-Awtorità Ellenika tal-Avjazzjoni Ċivili



f’miljuni ta’ EUR

 
 

Bilanċ

Ammont li suppost tħallas għal kirjiet ta’ ajruplani

[…]*

[…]*

Ħlasijiet tal-kera dovuti

[…]*

[…]*

Riżerva ta’ manutenzjoni dovuta

[…]*

[…]*

Ħlas tal-imgħax tal-kera u r-riżerva ta’ manutenzjoni

[…]*

[…]*

Differenza bejn il-kirjiet prinċipali u s-sollokazzjonijiet

[…]*

[…]*

Spatosimo (Dazju tal-passiġġieri għall-iżvilupp tal-ajruport – total dovut ta’ EUR 98 miljun, li EUR 59,9 miljun minnhom huma suġġetti għal sospensjoni ġudizzjarja)

[…]*

[…]*

Ammont li suppost tħallas lil entitajiet oħrajn

[…]*

[…]*

Olympic Airways Services

[…]*

[…]*

Olympic Aviation

[…]*

[…]*

Tariffi għall-inżul u l-ipparkjar (differenti minn AIA)

[…]*

[…]*

Djun ta’ Olympic Airlines lill-Istat minn Ġunju 2008

(esklużi djun sospiżi)

[…]*

[…]*

Stima totali tad-djun ta’ Olympic Airlines lill-Istat minn Ġunju 2008

[…]*

[…]*

Rigward il-protezzjoni speċjali kontra l-kredituri

(141)

Moore Stephens ikkonfermaw li l-protezzjoni speċjali tal-kredituri ġiet estiża sal-31 ta’ Ottubru 2008 permezz tal-Art. 21 tal-Liġi 3607/2007.

EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA Bażi legali għall-evalwazzjoni tal-għajnuna

(142)

Permezz tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma tkun xi tkun, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq komuni.”

(143)

Il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat japplika għal kwalunkwe vantaġġ mogħti direttament jew indirettament, iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat, mogħtija mill-Istat innifsu jew minn kwalunkwe korp intermedjarju li jaġixxi permezz tal-poteri mogħtija lilu.

(144)

Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 87(1) tal-KE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri nnotifikati jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE, jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin. Jiġifieri, l-appoġġ finanzjarju:

— jingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat,

— jiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti,

— joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, u

— jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(145)

Id-deċiżjoni preżenti hija relatata biss mal-għajnuna mogħtija mill-perjodu meħud f’kunsiderazzjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-2005.

Eżistenza tal-għajnuna

(146)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi mill-qrib u fil-fond tal-kummenti rċevuti matul il-ftuħ tal-proċedura, kif ukoll tal-osservazzjonijiet tal-Greċja u tal-istudju espert imwettaq fir-rigward tal-kontijiet u l-operazzjonijiet ta’ Olympic Airways Services u Olympic Airlines. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li twettaq l-evalwazzjoni tagħha fuq l-eżistenza tal-għajnuna taħt tliet intestaturi ewlenin li huma;

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services permezz tat-tolleranza tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali tagħha minn Diċembru 2004 ( 36 ).

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airlines permezz ta’ ħlasijiet għall-kiri tal-ajruplani u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-djun tagħha (inklużi responsabbiltajiet tat-taxxa u s-sigurtà soċjali) minn Mejju 2005 ( 37 ).

— Għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services u lil Olympic Airlines permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airways Services permezz tat-tolleranza tad-djun

(147)

Kif intwera mill-espert tal-Kummissjoni, mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2005, Olympic Airways Services iddeferiet il-ħlasijiet tal-ammonti dovuti lill-Istat u r-responsabbiltajiet tat-taxxa u s-sigurtà soċjali tagħha lill-Istat żdiedu.

(148)

Is-sitwazzjoni diffiċli u deterjoranti ta’ Olympic Airways Services f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa u s-sigurtà soċjali ġiet deskritta qabel. Ir-responsabbiltà tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services, kif ikkunsidrata fid-Deċiżjoni tal-2005, kienet diġà kbira, fl-ammont ta’ EUR 627 miljun, maqsuma f’madwar EUR 431 miljun ta’ taxxa mhux imħallsa u EUR 196 miljun oħra ta’ kontribuzzjonijiet IKA mhux imħallsa.

(149)

Fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali tagħha u minkejja ħlas ta’ tpaċija ta’ EUR […]* miljun li sar wara l-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ, l-istima tar-responsabbiltà tat-taxxa totali dovuta f’Ġunju 2008 u hekk kif stabbilit fit-tabella wara l-paragrafu 135 fuq, issa hija stmata li tlaħħaq l-ammont ta’ EUR […]* miljun. Dan id-differiment tal-ħlas tat-taxxa ta’ mill-inqas EUR […]* miljun huwa attribwibbli lill-Istat.

(150)

Olympic Airways Services sostniet li s-somma ta’ EUR […]* miljun fir-rigward tad-djun tat-taxxa hija sospiża, fis-sens li l-kumpanija hija “konformi fil-ħlas tat-taxxa”, dan jinjora l-fatt li filwaqt li parti mid-dejn fiskali tagħha lill-Istat setgħet kienet differita, dan id-differiment ma jikkontestax is-somma inkwistjoni. Waqt li qorti fil-Greċja tista’ taġġusta din iċ-ċifra 'l isfel, hija l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ordni tal-kobor tas-somma dovuta minn Olympic Airways Services lill-Istat fil-kuntest tat-taxxi ma tinbidilx b’mod sostanzjali. Minkejja din l-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li s-somma li Olympic Airways Services għandha tagħti lill-Istat fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali tagħha tammonta għal EUR […]*miljun.

(151)

Fir-rigward tar-responsabbiltajiet fiskali dejjem jiżdiedu ta’ Olympic Airways Services, huwa l-Istat innifsu, permezz tal-amministrazzjoni tat-taxxa, li jittollera d-differiment kostanti u n-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi u ħlasijiet varji minn Olympic Airways Services.

(152)

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali s-sitwazzjoni hija simili. Id-djun tas-sigurtà soċjali identifikati fid-deċiżjoni tal-2005 bħala li jammontaw għal […]* issa telgħu għal EUR 552 miljun kif stabbilit fit-tabella wara l-premessa 135 fuq, minkejja l-ħlas li sar fis-27 ta’ Settembru 2007 ta’ somma ta’ darba ta’ EUR […]* miljun mill-aġġudikazzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

(153)

Fir-rigward ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-korp inkarigat bil-kompitu tal-ġbir tagħhom (IKA) huwa korp pubbliku stabbilit mil-Liġi Griega ( 38 ), li sar responsabbli, taħt superviżjoni mill-Istat għall-ġestjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali u l-ġbir tal-kontribuzzjoni obbligatorja tas-sigurtà soċjali. Dan il-korp għandu d-dritt ( 39 ) iżda mhux l-obbligu li jidħol fi ftehimiet ta’ saldu għal ħlasijiet tardivi tad-djun. Ir-responsabbiltà dejjem tiżdied tas-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services lill-Istat hija għalhekk attribwibbli b’mod ċar lill-Istat.

(154)

Kemm it-taxxa kif ukoll il-fondi tas-sigurtà soċjali huma riżorsi tal-Istat u għalhekk, it-tolleranza tagħhom tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

(155)

Din it-tolleranza tagħti vantaġġ lil Olympic Airways Services. It-tolleranza min-naħa tal-Istat tiddifferixxi l-ħlas ta’ tariffi li l-impriża normalment ikollha tħallas fil-ħin, billi tipprovdi lill-benefiċjarju b’sors ta’ kapital operattiv. Olympic Airways Services qiegħda tagħmel it-telf u hija kronikament midjuna, għalhekk differiment bħal dan ma jistax jitqies bħala imġiba normali jew tas-soltu ta’ kreditur tal-ekonomija tas-suq; hija sistematika u minħabba l-qagħda finanzjarja ħażina ta’ Olympic Airways Services, kif intwera mill-espert tal-Kummissjoni, ma hemm ebda prospett realistiku li Olympic Airways services tista’ qatt tkun f’pożizzjoni li tħallas lura dawn l-ammonti lill-Istat fi kwalunkwe stadju fil-ġejjieni. It-tolleranza taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi s-swieq konċernati huma liberalizzati għal kollox.

(156)

Għalhekk il-Kummissjoni għandha tikkonkludi li t-tolleranza tal-Istat f’dak li għandu x’jaqsam mar-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu u mhux imħallsa tat-taxxa u s-sigurtà soċjali ta’ Olympic Airways Services tammonta għal għajnuna mill-Istat lil Olympic Airways Services fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Minħabba li din l-għajnuna qatt ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, hija għalhekk titqies bħala illegali.

Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines permezz ta’ tolleranza tad-djun

(157)

Kif ġie konkluż mill-espert tal-Kummissjoni, mill-perjodu meħud f’kunsiderazzjoni permezz tad-deċiżjoni tal-2005, Olympic Airlines tilfet il-flus u akkumulat aktar djun dovuti lill-Istat.

(158)

Fir-rigward tal-kirjiet għall-ajruplani tat-tip 4 A340, matul il-perjodu kopert mill-investigazzjoni attwali, id-djun ta’ Olympic Airlines lill-Istat laħqu total ta’ EUR […]* miljun, bil-bilanċ tal-ammont mill-31 ta’ Mejju 2005 kien ta’ EUR […]*. Dan ifisser li matul il-perjodu kopert mid-deċiżjoni preżenti, il-kumpanija Olympic Airlines akkumulat dejn ta’ EUR 101,5 miljun dovut lill-Istat għal kirjiet ta’ ajruplani mhux imħallsa.

(159)

Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dan l-ammont ma jirriflettix għal kollox l-ammonti li Olympic Airlines kellha tħallas lill-Istat fir-rigward ta’ dawn il-kirjiet tal-ajruplani. Kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-2005, wara li ħa f’idejh il-kirjiet prinċipali mingħand Olympic Airways, l-Istat ħallas prezz ta’ bejn EUR […]* u EUR […]* kull xahar fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-ajruplani. Madankollu, kif intwera mill-espert tal-Kummissjoni, Olympic Airlines ħallset bejn USD […]* u USD […]*. Meta jaċċetta ammont hekk inqas, l-Istat ikun qiegħed “jaċċetta” li jitlef bejn EUR […]* u EUR […]*fix-xahar fuq kull ajruplan – biex ikollu jagħmel tajjeb għal ammont addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat ta’ mill-inqas EUR 36 miljun u sa EUR 50,4 miljun.

(160)

Fir-rigward tad-dazju tal-passiġġieri għall-iżvilupp tal-ajruport (Spatosimo) is-somma li issa hija dovuta mill-kumpanija lill-Istat hija ta’ EUR […]* miljun. Olympic Airlines sostniet li t-total ta’ dan l-ammont mhuwiex dovut peress li madwar EUR […]* miljun ta’ dan l-ammont ġie sospiż minn imħallef sakemm tittieħed deċiżjoni fil-qorti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li tali sospensjoni ma tneħħix id-dejn iżda tissospendi biss il-ħlas tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li s-somma li Olympic Airlines għandha tħallas fir-rigward tat-taxxa Spatosimo mhux imħallsa minn Mejju 2008 hija bejn EUR 38 miljun u EUR 98 miljun.

(161)

Somma ta’ EUR 86,3 miljun hija dovuta minn Olympic Airlines lil żewġ entitajiet relatati li huma Olympic Airways Services u Olympic Aviation. Mill-31 ta’ Mejju 2005 l-ammont dovut minn Olympic Airlines lil dawn il-kumpaniji kien ta’ EUR 2,6 miljun, liema somma kompliet tikber matul it-tliet snin ta’ wara, li jfisser li fil-perjodu taħt investigazzjoni mid-deċiżjoni preżenti, id-djun dovuti komplew jiżdiedu b’EUR 83,7 miljun. Somma addizzjonali ta’ EUR 4,5 miljun hija dovuta għat-tariffi tal-inżul u tal-ipparkjar fl-ajruporti, għajr l-AIA, u hija pagabbli lill-Awtorità Ellenika tal-Avjazzjoni Ċivili, iżda Olympic Airlines sostniet li dan l-ammont mhuwiex dovut, minħabba li l-ħlas tiegħu kien ġie sospiż minn imħallef sakemm tittieħed deċiżjoni fil-qorti. Għal darba oħra, il-Kummissjoni tinnota li tali sospensjoni ma tneħħix id-dejn iżda tissospendi biss il-ħlas tiegħu.

(162)

It-tolleranza kollha deskritta fuq, li tammonta għal EUR 326 miljun kif stipulat fit-tabella ta’ wara l-premessa 140 fuq, tinvolvi riżorsi tal-Istat peress li hija relatata ma’ djun dovuti lill-Istat, korpi statali (l-Awtorità Ellenika tal-Avjazzjoni Ċivili) jew impriżi tal-Istat (Olympic Airways Services u Olympic Aviation).

(163)

Fir-rigward tal-imputabbiltà lill-Istat tat-tolleranza murija minn Olympic Airways Services u Olympic Aviation fil-konfront ta’ Olympic Airlines, il-Kummissjoni tinnota li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn impriża pubblika tista’ tkun ġejja minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kuntest li fih ikunu ttieħdu l-miżuri.

(164)

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li l-Istat kellu 100 % tal-ishma tat-tliet kumpaniji kollha. Barra minn hekk, in-nies fl-amministrazzjoni u l-bordijiet kollha ta’ dawn il-kumpaniji kienu maħtura mill-Istat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jiġi konkluż li l-kumpaniji kienu l-ħin kollu taħt il-kontroll tal-Istat. Il-Greċja setgħet, direttament u indirettament (bħala l-akbar kreditur ta’ Olympic Airways Services u anki ta’ Olympic Airlines) teżerċita influwenza dominanti fuq l-impriżi kollha. Finalment, din it-tolleranza hija konkomitanti għat-tolleranza tal-Istat innifsu u tal-korpi pubbliċi. Bħala tali, id-deċiżjonijiet ta’ Olympic Airways Services u ta’ Olympic Aviation li jestendu l-kreditu lil Olympic Airlines u jippermettu l-akkumulazzjoni ta’ djun li jammontaw għal EUR 86,3 miljun ma kinux l-atti tal-impriżi indipendenti u għalhekk huma attribwibbli lill-Istat.

(165)

Din it-tolleranza tinvolvi wkoll vantaġġ lil Olympic Airlines billi teħlisha mid-debiti illi kieku kien ikollha ġġorr.

(166)

Is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ Olympic Airlines diġà ġiet stabbilita fid-dettall. Fl-2004 il-kumpanija rrapportat telf ta’ EUR 87,1 miljun, u f’kull sena li ġiet wara hija kompliet titlef aktar flus, tant li fl-2007 it-telf tagħha kien ta’ EUR […]* miljun. In-negozju ta’ Olympic Airlines huwa ċikliku ħafna, kif muri mil-likwidità negattiva fix-xhur ta’ Ottubru sa Marzu li jiġi kkumpensat permezz ta’ likwidità pożittiva fix-xhur ta’ April sa Settembru. Dan iċ-ċiklu jirrepeti ruħu b’telf akbar kull sena. L-influssi netti fix-xhur tas-sajf qatt ma jikkumpensaw b’mod sħiħ għall-ħruġ nett fix-xhur tax-xitwa hekk li, b’mod ġenerali, il-kumpanija tkompli titlef aktar u aktar flus. Hija tista’ tibqa’ teżisti biss grazzi għall-ġenerożità tal-Istat. Xejn mhu ċar jekk il-kumpanija, hekk kif inhi strutturata bħalissa, qattx jista’ jkollha likwidità pożittiva. Għaldaqstant, huwa ovvju li din it-tolleranza ma tistax tirrifletti l-imġiba normali ta’ kreditur tal-ekonomija tas-suq, hija sistematika u minħabba s-sitwazzjoni diffiċli ta’ Olympic Airlines, il-possibbiltà li dawn id-djun xi darba jitħallsu hija żgħira ħafna.

(167)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-miżuri involuti jaffettwaw il-kummerċ bejn l-istati u joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni f’dan is-suq minħabba li jinvolvu trasportatur bl-ajru tal-Komunità. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tolleranza kontinwa min-naħa tal-Istat, il-korpi Statali u l-impriżi tal-Istat fir-rigward tat-taxxa u r-responsabbiltajiet operattivi l-oħrajn ta’ Olympic Airlines tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Olympic Airlines għall-għanijiet tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Billi din l-għajnuna qatt ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, għandha titqies bħala illegali.

Għajnuna mill-Istat permezz ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri

(168)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża ( 40 ). Jidher li ngħata vantaġġ konsiderevoli lil Olympic Airways Services u lil Olympic Airlines permezz tal-protezzjoni speċjali u unika tal-kredituri mogħtija mill-Istat permezz tal-liġi li għaddiet b’mod speċifiku, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe sentenza kontra din il-kumpanija minn kwalunkwe kreditur privat hija posposta.

(169)

Fil-każ preżenti, il-protezzjoni speċjali tal-kredituri ġiet estiża biss għal Olympic Airways services u Olympic Airlines; għalhekk hija miżura selettiva u speċifika fi ħdan it-tifsira tal-Art. 87 (1).

(170)

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna huwa usa’ minn dak ta’ sussidju peress li jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji nnifishom, iżda wkoll miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu ta’ natura simili u jkollhom l-istess effett ( 41 ).

(171)

L-espressjoni “għajnuna”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, timplika neċessarjament vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi mill-Istat jew tikkostitwixxi piż addizzjonali għall-Istat jew għall-korpi nnominati jew stabbiliti mill-Istat għal dak il-għan ( 42 ).

(172)

B’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti fil-kawża Ecotrade ( 43 ) dwar l-Artikolu 4ċ tat-Trattat tal-KEFA, diversi karatteristiċi tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri jagħmluha possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

(173)

L-ewwelnett, jidher li l-protezzjoni speċjali tal-kredituri tapplika biss għal Olympic Airways Services u Olympic Airlines, li t-tnejn huma entitajiet tal-Istat, li għandhom iħallsu djun partikolarment kbar lil ċerti klassijiet ta’ kredituri, primarjament pubbliċi. Fil-fatt, kif intwera diġà fid-deċiżjoni preżenti, Olympic Airlines għandha tħallas madwar EUR 86,3 miljun lil Olympic Airways Services għal servizzi mhux imħallsa.

(174)

Huwa wkoll inkontestabbli li l-protezzjoni speċjali tal-kredituri tpoġġi lil Olympic Airways Services u Olympic Airlines f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn kumpaniji oħrajn, minħabba li tagħtihom l-opportunità li jkomplu jagħmlu kummerċ f’ċirkostanzi fejn dan ma kienx jitħalla jsir li kieku kienu applikati r-regoli ordinarji dwar l-insolvenza, peress li taħt dawk ir-regoli, il-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri hija l-fattur determinanti. Il-fatt li dawn iż-żewġ kumpaniji jistgħu jkomplu l-attività tagħhom jinvolvi piż addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi minħabba li l-korpi tal-Istat huma fost il-kredituri prinċipali tal-impriżi f’diffikultajiet, b’mod speċjali peress li, min-natura tagħha stess, dik l-impriża għandha tħallas djun ta’ valur konsiderevoli. Tabilħaqq, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ta’ Olympics u l-protezzjoni speċjali tal-kredituri, fil-probabbiltà kollha, il-kumpaniji privati ma jkunux iridu jagħmlu negozju ma’ Olympic Airlines jew Olympic Airways Services fuq termini kummerċjali normali billi ma jkun hemm ebda possibbiltà realistika li dawn jirkupraw is-somom dovuti. Barra minn hekk, minħabba d-djun kbar lil kredituri pubbliċi (ara l-premessa 139), il-kumpaniji tal-Istat jispiċċaw jitilfu r-riżorsi bħala riżultat tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri u meta wieħed jikkunsidra li l-appoġġ kontinwu tal-Istat lil Olympic Airlines u Olympic Airways Services jista’ jkun dovut biss għal kunsiderazzjonijiet tal-politika industrijali nazzjonali minflok dak ta’ kreditur tas-suq li jfittex il-ħlas lura tas-somom dovuti, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li r-riżorsi tal-Istat huma involuti u li l-miżura hija attribwibbli lill-Istat.

(175)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-applikazzjoni għal impriża ta’ sistema ta’ protezzjoni speċjali tal-kredituri tat-tip eżistenti fil-każ preżenti li tidderoga “mir-regoli tal-liġi ordinarja dwar l-insolvenza”, għandha titqies bħala li tagħti lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat, fejn huwa stabbilit li l-impriża

— ingħatat il-permess biex tkompli tinnegozja f’ċirkostanzi li fihom ma kienx ikollha l-permess li tagħmel dan li kieku ġew applikati r-regoli tal-liġi ordinarja dwar l-insolvenza, jew

— fil-fatt gawdiet mir-rinunzja tad-djun pubbliċi, kollha jew parti minnhom, li ma setgħux jintalbu minn impriża falluta oħra skont l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi ordinarja relatata mal-insolvenza ( 44 ).

(176)

Fil-każ preżenti, fir-rigward tal-protezzjoni speċjali u unika tal-kredituri mogħtija lil Olympic Airways Services u lil Olympic Airlines, il-Kummissjoni tinnota li ntlaħqet konformità maż-żewġ kriterji msemmija fuq. Il-kumpaniji inkwistjoni ngħataw il-permess biex ikomplu joperaw f’ċirkostanzi li fihom ma kienx ikun permess li jagħmlu dan li kieku ġew applikati r-regoli tal-liġi ordinarja relatati mal-falliment. Barra minn hekk, matul din id-deċiżjoni kien jidher li l-kumpaniji inkwistjoni gawdew bosta vantaġġi mill-Istat li ma setgħux jintalbu minn impriża falluta oħra bl-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi ordinarja dwar l-insolvenza.

(177)

Il-miżuri kkonċernati jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li jikkonċernaw lil dawk il-kumpaniji li joperaw f’suq liberalizzat. Għalhekk, huma joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni f’dan is-suq peress li huma ffokati fuq impriżi speċifiċi li jikkompetu ma’ operaturi Komunitarji oħrajn.

(178)

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, wara li kkunsidrat il-protezzjoni speċjali tal-kredituri pprovduta lil Olympic Airways Services u Olympic Airlines, il-Kummissjoni tikkonkludi li din tammonta għal għajnuna mill-Istat. Billi din l-għajnuna qatt ma ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, għandha titqies bħala illegali.

Kumpatibbiltà tal-Għajnuna Il-kumpatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil Olympic Airlines permezz ta’ ħlasijiet għall-kiri ta’ ajruplani, it-tolleranza tad-djun u l-protezzjoni speċjali tal-kredituri

(179)

Wara li waslet għall-konklużjoni li Olympic Airlines kienet ilha tirċievi għajnuna mill-Istat mill-2005, il-Kummissjoni trid teżamina l-miżuri li ttieħdu favur din il-kumpanija fid-dawl tal-Artikolu 87 (2) u (3) tat-Trattat, li jipprovdi għal eżenzjonijiet għar-regola ġenerali tal-inkumpatibbiltà stabbilita fl-Artikolu 87(1).

(180)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat ma jistgħux jiġu applikati fil-każ preżenti minħabba li l-miżura ta’ għajnuna mhijiex ta’ natura soċjali u ma tingħatax lil konsumaturi individwali, u lanqas ma tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji, waqt li ma tingħatax lill-ekonomiji ta’ ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni tagħha.

(181)

Eżenzjonijiet ulterjuri għall-projbizzjoni ġenerali fuq l-għajnuna mill-Istat huma stabbiliti fl-Artikolu 87(3). L-eżenzjonijiet fl-Artikoli 87(3)(b) u 87(3)(d) ma japplikawx f’dan il-każ għaliex l-għajnuna ma tippromwovix it-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jew ir-rimedju għal tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, u lanqas ma tippromwovi l-kultura u l-preżervazzjoni tal-patrimonju.

(182)

L-Artikolu 87(3)(a) u (c) tat-Trattat fih deroga fir-rigward tal-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn hemm nuqqas ta’ żvilupp serju. Il-Greċja hija reġjun li jaqa’ kompletament fl-ambitu tal-Artikolu 87(3)(a). Madankollu, l-għajnuna ma tilħaqx il-kriterji tal-“Linji Gwida applikabbli dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali” ( 45 ).

(183)

Fir-rigward tad-deroga stabbilita mill-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat fir-rigward ta’ għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li tmur kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni ser ikollha teżamina jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għas-sitwazzjoni attwali. Fit-twettiq ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha tqis il-linji gwida applikabbli relatati mas-settur tal-avjazzjoni ( 46 ).

(184)

F’dan il-kuntest, huwa ovvju li fil-każ preżenti ma ntlaħqet ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Huwa ovvju wkoll li l-għajnuna mhijiex maħsuba biex tikkumpensa għall-obbligi tal-PSO fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE u għalhekk mhijiex kumpatibbli mas-suq komuni.

Kumpatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lil Olympic Airways Services permezz tat-tolleranza tad-djun u l-protezzjoni speċjali tal-kredituri

(185)

Wara li kkonkludiet li Olympic Airways Services irċeviet ukoll għajnuna illegali mill-Istat, il-Kummissjoni għandha teżamina l-miżura fid-dawl tal-Artikolu 87 (2) u (3) tat-Trattat, li jipprovdi eżenzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ inkumpatibbiltà stabbilita fl-Artikolu 87(1).

(186)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 87(2) tat-Trattat ma jistgħux jiġu applikati fil-każ preżenti minħabba li l-miżura ta’ għajnuna mhijiex ta’ natura soċjali u ma tingħatax lil konsumaturi individwali, u lanqas ma tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji, waqt li ma tingħatax lill-ekonomija ta’ ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni tagħha.

(187)

Eżenzjonijiet ulterjuri għall-projbizzjoni ġenerali fuq l-għajnuna mill-Istat huma stabbiliti fl-Artikolu 87(3). L-eżenzjonijiet fl-Artikoli 87(3)(b) u 87(3)(d) ma japplikawx f’dan il-każ għaliex l-għajnuna ma tippromwovix it-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni jew ir-rimedju ta’ tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, u lanqas ma tippromwovi l-kultura u l-preżervazzjoni tal-patrimonju.

(188)

L-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE fih deroga fir-rigward tal-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell tal-għajxien huwa baxx b’mod anormali jew fejn hemm nuqqas ta’ żvilupp serju. Madankollu, l-għajnuna ma tilħaqx il-kriterji tal-“Linji Gwida applikabbli dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali”.

(189)

Fir-rigward tad-deroga stabbilita mill-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat fir-rigward ta’ għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa ċertu punt li tmur kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni ser ikollha teżamina jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għas-sitwazzjoni attwali. Fit-twettiq ta’ dan l-eżaminazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis il-linji gwida applikabbli relatati mas-settur tal-avjazzjoni ( 47 ).

(190)

F’dan il-kuntest, huwa ovvju li fil-każ preżenti ma ntlaħqet ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida. Huwa ovvju wkoll li l-għajnuna mhijiex maħsuba biex tikkumpensa għall-obbligi tal-PSO fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE u għalhekk mhijiex kumpatibbli mas-suq komuni.

(191)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Greċja tat għajnuna mill-Istat inkumpatibbli lil Olympic Airways Services permezz tat-tolleranza tagħha tal-ħlas tardiv u n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa u s-sigurtà soċjali u permezz tal-protezzjoni speċjali tal-kredituri mogħtija lil din il-kumpanija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  It-tolleranza kontinwa tal-Istat Grieg fil-konfront ta’ Olympic Airways Services fir-rigward tad-djun tat-taxxa u s-sigurtà soċjali tagħha dovuti lill-Istat, li mill-inqas huma stmati għal madwar EUR 590,4 miljun, tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat lil Olympic Airways Services li hija inkumpatibbli mat-Trattat.

2.  It-tolleranza kontinwa tal-Istat Grieg fil-konfront ta’ Olympic Airlines fir-rigward tal-kirjiet tal-ajruplani stmati fl-ammont ta’ EUR 137,2 miljun, id-djun dovuti lil Olympic Airways Services u Olympic Aviation stmati li jammontaw għal EUR 86,3 miljun, id-djun dovuti lill-Awtorità Ellenika tal-Avjazzjoni Ċivili ta’ EUR 4,5 miljun u t-taxxa Spatosimo ta’ mill-inqas EUR 38,1 miljun, tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat lil Olympic Airlines li hija inkumpatibbli mat-Trattat.

3.  Il-protezzjoni speċjali tal-kredituri mogħtija permezz tal-leġiżlazzjoni Griega lil Olympic Airways Services u Olympic Airlines tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat liż-żewġ kumpaniji li hija inkumpatibbli mat-Trattat.

Artikolu 2

1.  Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.  Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom ikunu bl-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.  L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 ( 48 ) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 271/2008 ( 49 ).

4.  Il-Greċja għandha tikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.  L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.  Il-Greċja għandha tassigura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.  Fi żmien erba’ xhur wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a) l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet tal-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b) deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li ttieħdu diġà u li huma ppjanati biex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(ċ) dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.  Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tibgħat immedjatament, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda diġà u li huma ppjanati biex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax tal-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Il-Greċja għandha tissospendi immedjatament il-ħlasijiet ulterjuri kollha ta’ għajnuna lil Olympic Airways Services u Olympic Airlines.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.



( 1 ) ĠU C 50, 23.2.2008, p. 13.

( 2 ) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

( 3 ) L-isem ta’ Olympic Airways SA inbidel formalment għal Olympic Airways - Services SA. Emenda tal-Artikoli tal-Assoċjazzjoni ta’ Olympic Airways SA ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern Grieg nru 1485/19.2.2004, SA, tad-19 ta’ Frar 2004. L-emenda kienet tikkonċerna d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1, li fuq il-bażi tagħha l-kumpanija ngħatat l-isem ġdid “Olympic Airways – Services SA” u t-tul ta’ żmien tal-operat tagħha ġie stabbilit għal 46 sena, jiġifieri inkluż sal-31/12/2049. L-emenda kienet tikkonċerna wkoll id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2. L-għan prinċipali tal-kumpanija huwa s-servizz tal-ground handling, l-operazzjonijiet ta’ eżaminazzjoni tal-magni u tal-inġenji tal-ajru fil-workshops, ir-rappreżentanza u l-aġenzija tal-operaturi tal-linji tal-ajru eċċ. Minn hawn 'il quddiem, f’din id-deċiżjoni, it-terminu “Olympic Airways” jintuża biex ifisser kemm “Olympic Airways SA” sa Frar 2004 u “Olympic Airways - Services SA” minn hemm 'il quddiem.

( 4 ) Fl-14 ta’ Settembru 2005 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva finali (Deċiżjoni 2005/2706/KE – li għadha ma ġietx ippubblikata) dwar l-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil Olympic Airways u Olympic Airlines.

( 5 ) Id-Deċiżjoni tal-2005 ħadet f’kunsiderazzjoni biss l-għajnuna mogħtija lil Olympic Airways sa u inkluż ix-xahar ta’ Diċembru 2004.

( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-2005 ħadet f’kunsiderazzjoni biss l-għajnuna mogħtija lil Olympic Airways sa u inkluż ix-xahar ta’ Mejju 2005.

( 7 ) Pereżempju fl-2003-2004 Olympic Airways għamlet pagamenti ta’ EUR 7,7 miljun relatati ma’ Ftehim ta’ Saldu għas-snin qabel l-2003.

( 8 ) Ittri tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Awwissu 2006 (ref D (2006) 217009) u tas-16 ta’ Lulju 2007 (ref D (2007) 313288).

( 9 ) Ref.: 3082.07/004/A/9749.

( 10 ) Ittra tas-16 ta’ Novembru 2006.

( 11 ) Ittri tal-25 ta’ Awwissu 2006 (ref. D (2006) 217009) u tas-16 ta’ Lulju 2007 TREN (ref. D (2007) 313288).

( 12 ) Id-dejn fit-tul kollu tħalla għal Olympic Airways u t-taxxi, is-sigurtà soċjali u dmirijiet oħrajn dovuti lill-Istat Grieg b’responsabbiltajiet ta’ xahar wieħed biss kienu trasferiti lil Olympic Airlines.

( 13 ) Sors: Reuters, 20 ta’ Diċembru 2006.

( 14 ) Ma jidhirx li l-kumpanija ppubblikat il-kontijiet ivverifikati tagħha minn Diċembru 2003.

( 15 ) Sors: Kathimerini, 21 ta’ Settembru 2007.

( 16 ) “Regolazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-università u l-oqsma teknoloġiċi fi ħdan l-edukazzjoni ogħla u dispożizzjonijiet oħrajn” (Il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A 260).

( 17 ) Artikolu 28 tal-Liġi Nru 3446/2006 (Il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A 49, 10.3.2006).

( 18 ) Artikolu 35(B) tal-Liġi Nru 3492/2006 (Il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A 210, 5.10.2006).

( 19 ) C-295/97, Industrie Aeronautiche e Meccaniche Rinaldo Piaggio SpA vs International Factors Italia SpA (Ifitalia).

( 20 ) Tagħrif kopert mis-sigriet professjonali.

( 21 ) ĠU C 384, 10.12.1998 p. 3.

( 22 ) B’kuntrast mal-kompetitriċi ewlienija tagħha fis-suq domestiku, Aegean Airlines, li żiedet is-sehem tal-kapital tagħha ripetutament.

( 23 ) C-256/97, DM Transport [1999] Ġabra I-3913, punt 19.

( 24 ) C-480/98, Spanja vs Il-Kummissjoni (Magefesa) [2000] Ġabra I-8717, u C-276/02, Spanja vs Il-Kummissjoni [2004] 1-8091.

( 25 ) Ara n-nota 23 f’qiegħ il-paġna.

( 26 ) Τ-36/99 Lenzing AG vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-3597, punti 131, 136, 138 u 146.

( 27 ) Kawża C-276/02, Spanja vs Il-Kummissjoni.

( 28 ) Kawża C-248/84, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni [1987] Ġabra 4013, punt 17.

( 29 ) Ara l-premessa 8 fuq

( 30 ) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

( 31 ) EasyJet hija konnessa ma’ Ateni, Kerkira, Mikonos, Rodi, Heraklion u Tessalonika (ara http://www.easyjet.com).

( 32 ) Germanwings hija konnessa ma’ Ateni, Kerkira, Kavala, Mikonos, Rodi, Heraklion u Tessalonika (ara http://www.aia.gr).

( 33 ) Air Berlin hija konnessa ma’ Ateni, Kerkira, Kavala, Mikonos, Rodi, Heraklion, Tessalonika, Volos, Preveza, Zakintos, Santorini, Kos, Samos, Karpatos, Lesvos (ara http//www.aia.gr).

( 34 ) Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3518/2006 kienu inklużi fit-tweġiba tar-Repubblika Ellenika tal-11 ta’ Frar 2008, paragrafu 75.

( 35 ) Tinkludi taxxa fuq l-imgħax differenti minn dik li għandha titħallas għall-perjodi stabbiliti fit-tabella hawn taħt.

( 36 ) Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

( 37 ) Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

( 38 ) Liġi 1846/1951, artikolu 11.

( 39 ) Liġi 2676/1999.

( 40 ) Ara, inter alia, is-sentenzi fil-Kawża 30/59 De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs High Authority [1961] Ġabra 1, il-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España [1994] Ġabra I-877, punt 13; il-Kawża C-241/94 Franza vs Il-Kummissjoni [1996] Ġabra I-4551, punt 34; u l-Kawża C-256/97 DM Transport [1999] Ġabra I-3913, punt 19).

( 41 ) Kawża C-387/92 Banco Exterior de Espana vs Ayuntamiento de Valencia [1994] Ġabra I-877, punt 13; Kawża C-200/97, Ecotrade Srl against Altiforni e Ferriere di Servola SpA, [1998] Ġabra I-07907, punt 34).

( 42 ) Il-Kawżi magħquda C-52/97 sa C-54/97 Viscido u Oħrajn vs Ente Poste Italiane [1998] Ġabra I-2629, punt 13.

( 43 ) Kawża C-200/97, ara n-nota 40 f’qiegħ il-paġna.

( 44 ) Kawża C-295/97 Rinaldo Piaggio (punt 43).

( 45 ) Għall-perjodu 2000-2006, ĠU C 74, 10.3.1998 p. 9, għall-perjodu 2007-2013, ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

( 46 ) “Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuniet statali fis-settur tal-avjazzjoni” (ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5) u “Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għal linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali” (ĠU C 312, 9.12.2005 p. 1).

( 47 ) Ara n-nota 45 f’qiegħ il-paġna.

( 48 ) ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

( 49 ) ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.