Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku u dwar il-ħżin sikur tiegħu /* KUMM/2008/0044 finali - COD 2006/0020 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 29.1.2008 KUMM(2008) 44 finali 2006/0206(COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku u dwar il-ħżin sikur tiegħu 1 Il-Kuntest Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2006)636 finali – 2006/0206COD): | Is-26 ta' Ottubru 2006 | Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | Il-25 ta' April 2007 | Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | L-20 ta’ Ġunju 2007 | Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni (b'unanimità) | L-20 ta’Diċembru 2007 | 2 L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI L-għan tal-proposta huwa li jiġu implimentati l-azzjonijiet 5 (it-twaqqif gradwali ta' l-esportazzjoni tal-merkurju) u 9 (il-ħżin tal-merkurju żejjed mill-industrija tal-klor-alkali) ta' l-Istrateġija dwar il-Merkurju, COM(2005)20 tat-28 ta' Jannar 2005. Hija parti waħda tal-pakkett usa' ta' azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fl-Istrateġija. Il-Proposta tal-Kummissjoni fiha żewġ miżuri speċifiċi li jirrigwardaw il-merkurju. - il-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku u - l-introduzzjoni ta' obbligu tal-ħżin għall-merkurju metalliku minn tliet sorsi industrijali (l-industrija tal-klor-alkali, il-produzzjoni tal-metall mhux ferruż, it-tindif tal-gass naturali), li tkopri l-possibbiltajiet tal-ħżin temporanju kif ukoll tar-rimi aħħari. Mekkaniżmu għall-iskambju ta' l-informazzjoni u l-obbligi ta' rappurtar jikkomplementaw dawn id-dispożizzjonijiet. L-iskambju ta' l-informazzjoni għandu jiżgura li ħtiġijiet potenzjali li qed joħorġu issa għal passi leġiżlattivi ulterjuri jkunu jistgħu jiġu identifikati meta jkun il-waqt. 3 KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI 3.1 Kummenti ġenerali Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju 8 mill-40 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. Żewġ emendi issa ġew inkorporati, jew verbatim inkella fl-ispirtu, fil-pożizzjoni komuni. Il-Kummissjoni aċċettat l-emendi li jintroduċu dispożizzjoni fuq il-penalitajiet, l-emendi marbuta ma' espansjoni ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni u emendi li jġibu tibdil żgħir fil-formulazzjoni tal-premessi. Il-Kummissjoni ma aċċettatx l-emendi li biddlu l-bażi ġuridika tal-Proposta, wessgħu l-ambitu tagħha, biddlu d-data għad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta' l-esportazzjoni, illimitaw il-ħżin tal-merkurju metalliku għall-ħżin temporanju biss, fittxew l-għoti ta' trattament preferenzjali għas-sit ta' Almadén u introduċew miżuri ta' appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-NGOs. Il-Kunsill qabel li għandu jinkorpora, bi kliem kemmxejn differenti, l-emendi Parlamentari li jintroduċu dispożizzjoni dwar il-penalitajiet. Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni ma tibdilx l-approċċ jew l-għanijiet tal-Proposta u għaldaqstant tista' tappoġġaha hekk kif inhi. 3.2 Kummenti dettaljati 3.2.1 Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni L-emendi 17 u 34 ġew inkorporati, b'formulazzjoni kemmxejn differenti. Iżidu Artikolu dwar il-penalitajiet u premessa korrispondenti mal-Proposta oriġinali. 3.2.2 Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni L-ebda emenda li ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni ma ġiet inkorporata fil-pożizzjoni komuni. 3.2.3 Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni Il-parti l-kbira ta' l-emendi parlamentari ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati. L-emendi 1, 7, 8, 9, 10, 16, 20, 22, 33 u 50 ġew irrifjutati peress li jimplikaw twessigħ konsiderevoli fl-ambitu tar-Regolament (projbizzjoni ta' l-esportazzjoni għall-komposti tal-merkurju u projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti li fihom il-merkurju). Il-valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni dwar il-proposta inizjali ma ppermettietx li tiġi ġġustifikata l-ħtieġa jew l-opportunità għal estensjoni bħal din. L-emendi 2 u 19 ġew irrifjutati peress li jibdlu l-bażi ġuridika tal-Proposta. L-emendi 6, 24 u 36 ġew irrifjutati peress li jimplikaw trattament preferenzjali għal sit uniku tal-ħżin (Almadén) u miżuri ta' kumpens għal minjieri magħluqa. L-għażla tas-siti individwali tal-ħżin għandha titħalla f'idejn l-operaturi ekonomiċi. Ir-Regolament mhuwiex strument finanzjarju, u miżuri ta' appoġġ, jekk u fejn ikunu meħtieġa għandhom jiġu ttrattati f'kuntest differenti. L-emenda 11 ġiet irrifjutata peress li referenza għal Deċiżjoni PARCOM dwar it-twaqqif gradwali tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-merkurju fl-industrija tal-klor-alkali hija irrelevanti għall-kontenut tar-Regolament. L-emendi 12, 15, 25, 26, 28 u 47 ġew irrifjutati peress li jimplikaw restrizzjoni għall-ħżin temporanju biss, u jeskludu l-possibilità tar-rimi aħħari. Il-Kummissjoni tqis li r-rimi aħħari tal-merkurju metalliku huwa kompletament fattibbli, bil-kundizzjoni li jkun hemm regoli stretti ta' sikurezza. L-emendi 16 u 35 ġew irrifjutati peress li ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-informazzjoni pubblika u t-titjib ta' l-għarfien. Ir-riskju assoċjat mal-merkurju huwa ppubliċizzat ferm u l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-azzjonijiet Komunitarji hija faċilment disponibbli fuq l-internet. L-emendi 18, 38 u 39 ġew irrifjutati peress li għajnuna teknika u finanzjarja għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u/jew NGOs attivi fil-qasam tal-merkurju tmur ferm lil hinn mill-ambitu tar-Regolament. Ir-Regolament mhuwiex strument finanzjarju. L-emendi 13, 30 u 32 ġew irrifjutati peress li jintroduċu rekwiżiti ta' rappurtar kumplessi ħafna, ta' piż u sproporzjonati mal-ħtiġijiet ta' informazjoni reali. L-emenda 37 ġiet irrifjutata peress li d-data proposta hija kmieni wisq. L-emenda 41 ġiet irrifjutata għalhiex mhix neċessarja, peress li l-permessi IPPC diġà jkopru l-kwistjoni. 3.2.4 Emendi Parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni L-Emendi 3, 4, 5, 14, 23 u 31 huma parzjalment aċċettati jew aċċettati fil-prinċipju mill-Kummissjoni, iżda mhumiex inkorporati. Fil-biċċa l-kbira jirrigwardaw tibdiliet żgħar fil-premessi. 3.2.5 Tibdiliet addizzjonali li għamel il-Kunsill lill-Proposta Fl-Artikolu 3, ġiet introdotta possibbiltà ġdida għall-ħżin temporanju jew permanenti tal-merkurju metalliku f'formazzjonijiet tal-blat iebes taħt l-art fil-fond. Fl-Artikolu 4, ddaħħal paragrafu 3 ġdid, li jistipula l-iżvilupp ta' kriterji tekniċi bil-komitoloġija għall-ħżin tal-merkurju metalliku, qabel id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni. Fl-Artikolu 5, ġew introdotti rekwiżiti speċjali tar-rappurtar għall-importaturi, l-esportaturi u l-operaturi tal-ħżin. L-Artikolu 7 reġa' ġie fformulat u issa fih l-obbligi ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-obbligi riveduti u estiżi għar-rappurtar għall-Kummissjoni u wkoll klawsola ta' reviżjoni. Fl-Artikolu 8, żdiedet referenza speċifika għar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fuq il-livell ta' l-Istati Membri. 4- KONKLUŻJONI It-tibdiliet introdotti mill-Kunsill huma aċċettabbli għall-Kummissjoni peress li huma limitati għall-issikkar tal-kundizzjonijiet ta' sikurezza għall-ħżin tal-merkurju u għal żieda fir-rekwiżiti ta' rappurtar. Ma jwessgħux l-ambitu tal-Proposta. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-Pożizjoni Komuni.