KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fl‑10 ta’ Lulju 2025 ( 1 )

Kawża C‑769/23

Mara soc. coop. arl

vs

Ministero della Difesa,

Gruppo Samir Global Service Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il‑Kunsill tal-Istat, l-Italja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Awtorità kontraenti — Ministeru għad-Difiża Taljan — Kuntratt għal servizzi — Trasport ta’ tagħmir inkluż, b’mod partikolari, tagħmir militari — Direttiva 2009/81/KE — Artikolu 3 — Direttiva 2014/24/UE — Artikolu 16 — Kuntratti mħallta li jinvolvu aspetti tad-difiża u tas-sigurtà — Determinazzjoni tad-direttiva applikabbli — Servizzi standardizzati — Servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema — Kriterji għall-għoti tal-kuntratt — Projbizzjoni skont id-dritt nazzjonali tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tikkonċerna sejħa għal offerti miftuħa mill-Ministero della Difesa (il-Ministeru għad-Difiża, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ xogħol marbuta, inter alia, mat-tagħbija, mal-ħatt u mat-trasport ta’ materjali ( 2 ). Jidher li l-munizzjonijiet u l-isplussivi huma inklużi f’dawn il-materjali ( 3 ). Is-servizzi inkwistjoni jirrikjedu ħafna ħaddiema ( 4 ) u għandhom “karatteristiċi standardizzati” ( 5 ). Il-kuntratt inkwistjoni ngħata abbażi tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx. Madankollu, id-dritt Taljan jipprevedi li l-kuntratti ta’ servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema għandhom jingħataw abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iddeterminata abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità ( 6 ). Min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ servizzi li għandhom “karatteristiċi standardizzati” ( 7 ) jistgħu jingħataw abbażi tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx, ħlief meta dawn ikunu jirrikjedu ħafna ħaddiema ( 8 ).

2.

Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24/UE ( 9 ) jipprekludux il-projbizzjoni, prevista mid-dritt nazzjonali, li wieħed jirrikorri għall-kriterju tal-prezz l-iktar baxx meta s-servizzi inkwistjoni jkunu jirrikjedu ħafna ħaddiema u huma wkoll standardizzati. Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-awtorità kontraenti għandhiex ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-kriterju ta’ għoti, peress li, b’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevedu li s-salarji tal-persuni impjegati taħt il-kuntratt jitħallsu skont il-ftehim kollettiv settorjali nazzjonali applikabbli u li kull skont fil-prezz offrut jista’ jkun ibbażat biss fuq il-benefiċċju potenzjali tal-offerent li ġie ffissat għal 5 % tal-valur tal-kuntratt indikat fl-avviż tal-kuntratt ( 10 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Direttiva 2009/81

3.

L-Artikolu 1, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

[…]

6.

‘Tagħmir militari’ tfisser tagħmir speċifikament iddisinjat jew adattat għal skopijiet militari, maħsub biex jintuża bħala arma, munizzjon jew materjal tal-gwerra;

[…]”

4.

L-Artikolu 2, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Suġġett għall-Artikoli 30, 45, 46, 55 u 296 tat-Trattat, din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti mogħtija fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà li għandhom bħala għan:

(a)

il-forniment ta’ apparat militari, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti, komponent u/jew muntaġġ tagħhom;

(b)

il-forniment ta’ apparat sensittiv, kif ukoll ta’ kwalunkwe parti, komponent u/jew muntaġġ tagħhom;

(ċ)

xogħlijiet, provvista u servizzi direttament relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punti (a) u (b) għall-elementi kollha jew parti minnhom taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

xogħlijiet u servizzi speċifikament għal skopijiet militari, jew xogħlijiet sensittivi u servizzi sensittivi.”

5.

L-Artikolu 3, intitolat “Kuntratti mħallta”, jipprevedi:

“1.   Kuntratt li għandu bħala l-għan tiegħu xogħlijiet, provvista jew servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE jew tad-Direttiva 2004/18/KE għandhom jingħataw bi qbil ma’ din id-Direttiva, sakemm l-għoti ta’ kuntratt singolu ikun ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi.

[…]”

6.

L-Artikolu 47, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratti”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali relatati mar-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti tal-kuntratti fuq:

(a)

meta l-għoti jsir lill-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża fil-fehma tal-awtorità/entità kontraenti, diversi kriterji marbuta mas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat: pereżempju, il-kwalità, il-prezz, il-valur tekniku, il-karatteristiċi funzjonali, il-karatteristiċi ambjentali, l-ispiża tal-użu, l-ispejjeż matul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-effettività f’sens ta’ nefqa, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, id-data tal-kunsinna u l-perjodu ta’ żmien għall-kunsinna jew l-eżekuzzjoni, l-interoperabbiltà u l-karatteristici operazzjonali; jew

(b)

il-kriterju tal-prezz l-aktar baxx biss.

[…]”

2. Direttiva 2014/24

7.

L-Artikolu 2(1)(9) jipprevedi li “‘kuntratti pubbliċi ta’ servizzi’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt 8 l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”.

8.

L-Artikolu 15, intitolat “Difiża u sigurtà”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti li ġejjin:

(a)

kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE

[…]”

9.

L-Artikolu 16, intitolat “Akkwist imħallat li jinvolvi aspetti ta’ difiża jew sigurtà”, jipprevedi:

“1.   Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li għandhom bħala suġġett akkwist kopert minn din id-Direttiva kif ukoll akkwist kopert mill-Artikolu 346 TFUE jew mid-Direttiva 2009/81/KE dan l-Artikolu għandu japplika.

2.   Fejn partijiet differenti ta’ kuntratt pubbliku partikolari huma oġġettivament separabbli, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku.

[…]

Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw biex jiddeterminaw ir-reġim legali applikabbli:

[…]

(b)

fejn parti minn kuntratt partikolari hija koperta mill-Artikolu 2009/81/KE, il-kuntratt jista’ jingħata f’konformità ma’ dik id-Direttiva dment li l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun ġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Dan il-punt għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-limiti u l-esklużjonijiet previsti minn dik id-Direttiva.

Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku m’għandhiex, madankollu, tittieħed bl-iskop li teskludi kuntratti mill-applikazzjoni jew ta’ din id-Direttiva jew tad-Direttiva 2009/81/KE.

[…]

4.   Fejn partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari mhumiex oġġettivament separabbli, il-kuntratt jista’ jingħata mingħajr l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fejn jinkludi l-elementi li għalihom japplika l-Artikolu 346 TFUE; inkella jista’ jingħata f’konformità mad-Direttiva 2009/81/KE.”

10.

L-Artikolu 18, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.”

11.

L-Artikolu 67, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”, jipprevedi:

“1.   Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.

2.   Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont l-Artikolu 68, u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:

(a)

il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibilità, id-disinjar għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u l-kummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu,

(b)

l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew

(c)

is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, il-kondizzjonijiet ta’ twassil bħad-data ta’ twassil, il-proċess ta’ twassil u l-perijodu ta’ twassil jew il-perijodu ta’ tlestija.

L-element ta’ spiża jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ prezz fissa jew spiża fissa li abbażi tagħhom l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji ta’ kwalità biss.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jużaw il-prezz biss jew l-ispiża biss bħala l-kriterju uniku għall-għoti jew jillimitaw l-użu tagħhom għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti jew ċerti tipi ta’ kuntratti.

[…]

4.   Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti […]”

12.

L-Artikolu 70, intitolat “Kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti”, jipprevedi:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ kuntratt, dment li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 67(3) u indikati fis-sejħa għall-kompetizzjoni jew fid-dokumenti ta’ akkwist. Dawk il-kondizzjonijiet jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, relatati mal-innovazzjoni, ambjentali, soċjali jew relatati mal-impjieg.”

B.   Id-dritt Taljan

13.

L-Artikolu 50(1) tal-Kodiċi K.P. ( 11 ) jipprevedi:

“għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u kuntratti ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi differenti minn dawk ta’ natura intellettwali, b’mod partikolari dawk relatati ma’ kuntratti li jirrikjedu ħafna ħaddiema, is-sejħiet għal offerti, l-avviżi tal-kuntratti u l-istediniet jinkludu, fl-osservanza tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea, klawżoli soċjali speċifiċi intiżi sabiex jippromwovu l-istabbiltà professjonali tal-persunal impjegat, li jipprevedu l-applikazzjoni mill-offerent rebbieħ tal-ftehimiet kollettivi settorjali msemmija fl-Artikolu 51 tad-decreto legislativo n. 81 [id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81], tal‑15 ta’ Ġunju 2015. Is-servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema huma dawk fejn il-kost lavorattiv huwa mill-inqas 50 % tal-ammont totali tal-kuntratt.”

14.

L-Artikolu 95(3) tal-Kodiċi K.P. jipprevedi li:

“Għandhom jingħataw esklużivament abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iddeterminata abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità:

a)

il-kuntratti dwar is-servizzi soċjali u s-servizzi tal-isptar, ta’ kura u ta’ catering fl-iskejjel, kif ukoll is-servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, kif iddefiniti fl-Artikolu 50(1) […],

[…]”

15.

L-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. jipprevedi li:

“Il-kriterju tal-prezz l-iktar baxx jista’ jiġi aċċettat:

[…]

(b)

fil-każ ta’ servizzi u provvisti li għandhom karatteristiċi standardizzati jew li l-kondizzjonijiet tagħhom huma definiti mis-suq, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema kif imsemmi fil-punt 3(a)”.

III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.

Fl‑14 ta’ Lulju 2022, il-Ministeru nieda proċedura miftuħa fi ħdan l-Unjoni ( 12 ) għall-akkwist ta’ servizzi ta’ ħaddiema li jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-trasport ta’ merkanzija għas-sena 2023 ( 13 ). Il-kuntratt, li jista’ jiġġedded għal tliet snin, kien maqsum f’disa’ lottijiet. Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-lott Nru 6 ( 14 ). Peress li l-kuntratt relatat ma’ dan il-lott kien jikkonċerna servizzi standardizzati, il-kriterju ta’ għoti adottat kien dak tal-prezz l-iktar baxx skont l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. Mara s.c.r.l. (iktar ’il quddiem “Mara”), Gruppo SAMIR Global Service s.r.l. (iktar ’il quddiem “Samir”) u offerent ieħor ipproponew tnaqqis ta’ 100 % għall-kuntratt tal-lott Nru 6 ( 15 ). Il-kuntratt ingħata lil Mara permezz ta’ tlugħ bix-xorti.

17.

Samir ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) ( 16 ). Fil‑11 ta’ April 2023 ( 17 ), din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ Samir u annullat l-avviż ta’ kuntratt għal-lott inkwistjoni. Hija qieset li skont l-Artikolu 95(3)(a) tal-Kodiċi K.P., il-kuntratt kellu jingħata abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità. Peress li s-servizzi inkwistjoni jirrikjedu ħafna ħaddiema, l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P., li jirreferi għall-użu tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx għal servizzi standardizzati, ma huwiex applikabbli.

18.

Mara appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju u Samir ippreżenta appell inċidentali. Fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju Mara sostniet, b’mod partikolari, li l-Artikolu 95(3)(a) tal-Kodiċi K.P. jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità għax imur lil hinn minn dak neċessarju għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/24. Il-kriterju tal-prezz l-iktar baxx jista’ jiġi aċċettat fil-każ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi standardizzati ħafna bħal dawk f’dan il-każ, peress li ma hemmx bżonn reali li jiġu akkwistati offerti tekniċi ddifferenzjati li “[jikkomplikaw] bla bżonn il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u jiksru l-prinċipju kostituzzjonali ta’ amministrazzjoni pubblika tajba.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] L-Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jippreċiża li s-salarji tal-ħaddiema impjegati kellhom jitħallsu skont il-ftehim kollettiv settorjali nazzjonali. Għaldaqstant, kwalunkwe skont fil-prezz jista’ jkun ibbażat biss fuq il-primjum imqiegħed fuq il-valur tal-kuntratt indikat fl-avviż tal-kuntratt. “Konsegwentement, l-għanijiet tal-Artikolu 50 tal-[Kodiċi K.P.], li huma intiżi essenzjalment sabiex jiżguraw livelli ta’ impjieg u sabiex jipproteġu lill-ħaddiema bl-applikazzjoni tal-[ftehimiet kollettivi nazzjonali dwar ix-xogħol], ma humiex affettwati.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 18 )

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li skont l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. il-kriterju tal-prezz l-iktar baxx jista’ jintuża għal servizzi standardizzati. Madankollu, il-kuntratti li jirrigwardaw servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema għandhom jingħataw esklużivament abbażi tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża ( 19 ), skont l-Artikolu 95(3)(a) tal-imsemmi kodiċi. Hija ġurisprudenza nazzjonali stabbilita li kuntratti għal servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema skont it-tifsira tal-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 95(3)(a) tal-Kodiċi K.P. huma, fi kwalunkwe każ, mogħtija abbażi tal-kriterju tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, anki fejn dawn huma servizzi standardizzati fis-sens tal-Artikolu 95(4)(b) ta’ dan il-kodiċi. Dan huwa konformi mal-għan imperattiv tad-dritt kostituzzjonali Taljan u tad-dritt tal-Unjoni, li huwa li jiġu protetti l-ħaddiema ( 20 ).

20.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal għall-annullament tas-sejħa għall-offerti peress li ma użatx “il-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.” Madankollu, peress li l-protezzjoni tal-ħaddiema, li hija normalment żgurata bl-użu ta’ dan il-kriterju, inkiseb sal-istess livell fir-regoli dwar it-tender permezz ta’ kriterju differenti, l-obbligu li jintuża l-kriterju ta’ għoti tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jidher manifestament eċċessiv, sproporzjonat u mhux iġġustifikat ( 21 ).

21.

B’hekk, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmija fl-Artikoli 49 u 56 (TFUE), kif ukoll il-prinċipju [tal-Unjoni] ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24/UE […] jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Taljana fl-Artikolu 95(3)(a), u 4(b) [tal-Kodiċi K.P.], kif ukoll fl-Artikolu 50(1) tal-istess [kodiċi], u bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipju tad-dritt stabbilit mill-Assemblea Plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 8 tal‑21 ta’ Mejju 2019, li tipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi li jikkonċernaw servizzi b’karatteristiċi standardizzati u li jirrikjedu, fl-istess waqt, ħafna ħaddiema, l-awtorità kontraenti hija pprojbita milli tipprovdi, bħala kriterju għall-għoti, dak tal-irħas prezz, anki meta r-regoli tal-għoti tal-kuntratt jipprevedu li t-tnaqqis għandu jsir biss fuq ir-remunerazzjoni jew il-profitt potenzjali tal-impriża, bla ħsara għall-ispejjeż tal-ħaddiema?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Mara, Samir, il-Gvern Franċiż u dak Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet bil-miktub ( 22 ) lill-partijiet fil-kawża u lill-partijiet ikkonċernati dwar, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81 u tad-Direttiva 2014/24. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbithom ukoll jindikaw liema direttiva tapplika għall-kuntratt inkwistjoni u jekk il-kriterju ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt ivarjax skont id-direttiva applikabbli. Mara, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet bil-miktub. Is-sottomissjonijiet orali tagħhom u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑30 ta’ April 2025.

V. Evalwazzjoni

Kummenti preliminari – Ir‑reġim legali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali

23.

Fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) irrefera għall-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll għad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, is-sejħa għall-offerti tnediet mill-Ministeru u tidher li tinkludi servizzi relatati mal-munizzjonijiet u l-isplussivi ( 23 ). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2009/81 ( 24 ) tapplikax għall-kuntratt sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt ( 25 ).

24.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni kkonċernata u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju ( 26 ). Kemm id-Direttiva 2009/81 kif ukoll id-Direttiva 2014/24 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Minn dan isegwi li, għalkemm waħda minn dawn id-direttivi tapplika għas-sejħa għal offerti għal-lott Nru 6, l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

25.

Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà possibbli tad-Direttiva 2009/81, Mara indikat li l-kuntratt inkwistjoni jirrigwarda essenzjalment operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt. Peress li l-kuntratt ma jirrigwardax tagħmir militari bħal munizzjonijiet u splussivi, dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81 kif iddeterminat mill-Artikolu 2 tagħha. Il-Gvern Taljan josserva li ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat liema direttiva hija applikabbli. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 47(c) tad-Direttiva 2009/81 jew l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 japplikawx għall-kuntratt inkwistjoni, iż-żewġ direttivi jawtorizzaw l-użu tal-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li d-deskrizzjoni tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti taħt il-Lott Nru 6 tista’ tkun “direttament relatata” ma’ “tagħmir militari” skont l-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2009/81 u li l-kuntratt inkwistjoni jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li jinvolvu d-difiża, irregolati mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81 u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24, mill-premessa 13 ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kontraenti fl-għażla tad-direttiva li għandha tiġi applikata.

26.

Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li l-valur tal-Lott Nru 6 jaqbeż il-limiti previsti kemm fl-Artikolu 8(a) tad-Direttiva 2009/81 ( 27 ) kif ukoll fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2014/24 ( 28 ).

27.

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/81, il-fatt li s-sejħa għal offerti għal-lott Nru 6 tnediet mill-Ministeru ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, fid-dawl tal-inklużjoni apparenti tal-munizzjonijiet u tal-isplussivi ( 29 ), u għalhekk tat-tagħmir militari fis-sens tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2009/81, fil-materjali li huma s-suġġett tal-kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-Lott Nru 6, għandu jiġi eżaminat l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

28.

Il-kuntratt inkwistjoni jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi iktar milli oġġetti jew tagħmir. Għalhekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2009/81, dwar il-provvista ta’ tagħmir militari, u l-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva dwar il-provvista ta’ tagħmir sensittiv ( 30 ) ma humiex applikabbli. L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2009/81 jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi “direttament relatati” ma’ tagħmir militari, filwaqt li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirreferi għal servizzi “għal skopijiet speċifikament militari” ( 31 ). Fid-dawl tan-natura kemxejn marġinali jew sekondarja tal-inklużjoni tal-munizzjonijiet u tal-isplussivi fil-materjali li huma s-suġġett tas-sejħa għal offerti għas-servizzi relatati mal-lott Nru 6, inqis li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2009/81 ma japplikax għal-lott Nru 6 ( 32 ). Madankollu, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2009/81 jista’ japplika peress li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tikkonċerna, inter alia, it-trasport ta’ tagħmir militari ( 33 ). Barra minn hekk, il-provvista ta’ dawn is-servizzi jista’ jippermetti kemm l-aċċess fiżiku għal tagħmir militari kif ukoll l-aċċess għal informazzjoni sensittiva ( 34 ) relatata miegħu ( 35 ).

29.

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24, inqis li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva u d-definizzjoni ta’ “kuntratti pubbliċi ta’ servizzi” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(9) tagħha, l-għoti tal-kuntratt għal-lott Nru 6 għandu, bħala prinċipju, isir b’osservanza tar-regoli previsti mill-imsemmija direttiva. L-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 huma dawk li huma msemmija b’mod eżawrjenti u espliċitu fiha ( 36 ).

30.

Jidher li l-kuntratt għal-lott Nru 6 għandu bħala suġġett servizzi li jaqgħu parzjalment taħt id-Direttiva 2009/81 u parzjalment taħt id-Direttiva 2014/24. Kemm id-Direttiva 2009/81 kif ukoll id-Direttiva 2014/24 jipprevedu “regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet” sabiex tiġi ddeterminata s-sistema legali applikabbli għall-kuntratti mħallta. Għalhekk, il-kuntratti mħallta li għandhom bħala suġġett servizzi li jaqgħu parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81 u, parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2014/24 ( 37 ), huma rregolati mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 ( 38 ).

31.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 jippreċiża li dawn il-kuntratti mħallta għandhom jingħataw skont id-Direttiva 2009/81 sa fejn l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi ( 39 ).

32.

Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 huma iktar kumplessi u jittrattaw diversi eventwalitajiet.

33.

Meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt ikunu oġġettivament separabbli, awtorità kontraenti tista’ tagħżel li tagħti kuntratti separati għall-partijiet separati jew li tagħti kuntratt uniku ( 40 ). Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża li d-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku ma għandhiex tittieħed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2009/81. Fil-każ li l-awtorità kontraenti tagħżel li tagħti kuntratt uniku, il-kuntratt jista’ jsir skont id-Direttiva 2009/81, bil-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi ( 41 ). Dan jimplika li l-awtorità kontraenti tista’ tagħżel li tagħti l-kuntratt skont id-Direttiva 2014/24 jekk l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi ( 42 ). Hija timplika wkoll li l-kuntratt għandu jingħata skont id-Direttiva 2014/24 jekk l-għoti ta’ kuntratt uniku ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi ( 43 ).

34.

L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi, b’mod partikolari, li, meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari jkunu oġġettivament mhux separabbli, il-kuntratt jista’ jingħata skont id-Direttiva 2009/81. Dan jimplika li l-awtorità kontraenti tista’ tagħżel li tagħti l-kuntratt skont id-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, din l-għażla ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet ( 44 ).

35.

Fir-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub, il-Gvern Taljan indika li, għalkemm il-partijiet tal-kuntratt dwar il-Lott Nru 6 kienu oġġettivament separabbli, ingħata kuntratt uniku. Skont dan il-gvern, peress li l-materjali differenti għandhom jiġu mmaniġġjati fl-istess ħin, dan “kien jeħtieġ” li l-lott Nru 6 jingħata lil offerent wieħed. Madankollu, waqt is-seduta, Mara u l-Kummissjoni sostnew li l-partijiet differenti tal-kuntratt inkwistjoni kienu oġġettivament mhux separabbli. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni ta’ fatt li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju.

36.

Sejħa għal offerti waħda biss tnediet għal-lott Nru 6.

37.

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-partijiet differenti tal-kuntratt għal-lott Nru 6 huma oġġettivament separabbli, għandu jiġi enfasizzat li ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-għoti ta’ kuntratt uniku għal dan il-lott ma kienx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi ( 45 ) jew li d-deċiżjoni li jingħata kuntratt uniku ġiet adottata sabiex dan il-lott jiġi eskluż mill-applikazzjoni jew tad-Direttiva 2009/81, jew tad-Direttiva 2014/24 ( 46 ). Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24, il-Ministeru seta’ jagħżel li jagħti l-kuntratt għal-lott Nru 6 skont din id-direttiva jew skont id-Direttiva 2009/81 ( 47 ). Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-partijiet differenti tal-kuntratt għal-lott Nru 6 oġġettivament huma oġġettivament mhux separabbli, il-kuntratt jista’ jingħata skont id-Direttiva 2014/24 jew id-Direttiva 2009/81 ( 48 ).

38.

Minn dan isegwi li, skont kemm l-Artikolu 16(2) kif ukoll l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24, il-kuntratt inkwistjoni jista’, bħala prinċipju, jingħata skont din id-direttiva.

39.

Għalhekk teżisti kontradizzjoni apparenti bejn, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81, li tuża l-kelma “għandhom” u, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24, li jużaw il-kelma “jistgħu”. Din il-kontradizzjoni hija iktar u iktar “ta’ dispjaċir” peress li d-Direttiva 2014/24 tipprevedi speċifikament l-interazzjoni tagħha mad-Direttiva 2009/81 preċedenti. Madankollu, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 la ġie emendat u lanqas imħassar permezz tad-Direttiva 2014/24 jew permezz ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għalhekk, interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ( 49 ) hija insuffiċjenti sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni dwar liema direttiva hija applikabbli. Dan huwa iktar u iktar mhux xieraq peress li kemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 kif ukoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 ġew ikkonċepiti preċiżament għal dan l-iskop.

40.

Minkejja dan il-kunflitt evidenti, inqis li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu rrikonċiljati fid-dawl tal-premessa 13 tad-Direttiva 2014/24 li tipprevedi li “Għandu jkun iċċarat li l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jinżammu milli jagħżlu li japplikaw [id-Direttiva 2014/24] li [lil] ċerti kuntratti mħallta minflok japplikaw id-Direttiva [2009/81].” L-intenzjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni fl-adozzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 kienet li jiġu ssupplimentati u rrilassati r-regoli iktar riġidi dwar il-kunflitt ta’ liġijiet li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 u li l-awtoritajiet kontraenti jitħallew jagħżlu ( 50 ) liema direttiva għandhom japplikaw ( 51 ).

41.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li dan l-approċċ huwa kompletament konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2009/81, li huwa li jinħoloq suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża ( 52 ) u li jiġi żgurat ftuħ effettiv tal-akkwist fis-settur tad-difiża għall-kompetizzjoni ( 53 ) filwaqt li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Istati Membri ( 54 ) fir-rigward tan-natura sensittiva ( 55 ) ta’, b’mod partikolari, is-servizzi f’dan is-settur fejn neċessarju. L-awtoritajiet kontraenti huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu każ b’każ jekk kuntratt speċifiku jiġġustifikax effettivament l-applikazzjoni tar-regoli sui generis tad-Direttiva 2009/81 jew tar-regoli iktar ġenerali, flessibbli u favorevoli għall-kompetizzjoni tad-Direttiva 2014/24. F’ċerti każijiet, meta l-elementi ta’ difiża ta’ kuntratt ikunu marġinali jew insinjifikattivi, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk ( 56 ), jista’ jkun fl-interess tal-awtorità kontraenti li tagħżel li tapplika r-regoli tad-Direttiva 2014/24.

42.

Għalhekk inqis li l-Ministeru kien, bħala prinċipju, liberu li jagħżel ( 57 ) ir-regoli li għandhom jiġu applikati u jidher li fil-fatt ( 58 ) applika r-regoli tad-Direttiva 2014/24. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-użu tal-proċedura miftuħa prevista fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24 ( 59 ), peress li d-Direttiva 2009/81 ma tinkludix tali proċedura jew proċedura ekwivalenti għaliha ( 60 ).

Kriterju ta’ għoti tal‑kuntratt inkwistjoni – it‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24

43.

Il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2009/81 jew tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 skont id-direttiva applikabbli ( 61 ). Fid-dawl tar-rimarki preliminari tiegħi dwar ir-regoli tal-Unjoni applikabbli, ser neżamina d-domanda tal-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-Direttiva 2014/24 ( 62 ), b’mod partikolari tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tagħha u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

44.

L-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti pubbliċi abbażi tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dan il-kunċett f’termini estremament wesgħin. Huwa jippreċiża li l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti hija ddeterminata abbażi tal-prezz jew tal-ispiża u tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità. L-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità għandu jiġi evalwat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali ( 63 ) u/jew soċjali ( 64 ) relatati mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni ( 65 ). Il-lista ta’ kriterji li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 fir-rigward tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità ma hijiex eżawrjenti ( 66 ). Fis-sentenza Concordia Bus Finland ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-kriterji ta’ għoti użati mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ( 68 ) ma humiex neċessarjament ta’ natura purament ekonomika, peress li fatturi oħra jistgħu jinfluwenzaw il-valur ta’ offerta mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti.

45.

L-inklużjoni ta’ kriterji addizzjonali minbarra l-prezz jew l-ispiża mill-awtoritajiet kontraenti hija fakultattiva skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 ( 69 ). Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li japplikaw kriterji addizzjonali fl-għoti ta’ kuntratt, il-kriterji magħżula għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fit-trattament, sabiex jiġi żgurat tqabbil oġġettiv tal-vantaġġi relattivi tal-offerti u b’hekk tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx setgħa ta’ evalwazzjoni illimitata fl-għażla ta’ kriterji addizzjonali ( 70 ).

46.

Min-naħa l-oħra, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi, f’termini inekwivoċi u inkundizzjonati, li kull Stat Membru jista’ jipprojbixxi lill-awtoritajiet kontraenti kollha tiegħu milli jużaw “il-prezz biss jew l-ispiża biss bħala l-kriterju uniku għall-għoti” ( 71 ). Il-fakultà li tiġi adottata tali projbizzjoni tapplika indipendentement mill-ispeċifiċitajiet jew mis-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 ma huwa s-suġġett ta’ ebda eċċezzjoni jew deroga u għalhekk jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-fakultà li huwa jipprevedi. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeżerċitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom billi jillimitaw l-użu tal-prezz jew tal-ispiża għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti jew għal ċerti tipi ta’ kuntratti ( 72 ). Dan jimplika li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-użu tal-prezz jew tal-ispiża bħala l-uniċi kriterji għall-għoti minn ċerti awtoritajiet kontraenti jew għal ċerti tipi ta’ kuntratti.

47.

Minkejja s-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandhom taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri, billi jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni, għandhom madankollu josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minnhom, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, li huma barra minn hekk riflessi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 ( 73 ).

48.

Il-leġiżlatur Taljan uża l-għażla idjaq tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 billi adotta l-Artikolu 95(3)(a) u l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. li jipprevedu, essenzjalment, li kuntratti li jirrikjedu ħafna ħaddiema – li fihom il-kostijiet lavorattivi huma mill-inqas ugwali għal 50 % tal-ammont totali tal-kuntratt – għandhom jingħataw abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità. Dan ir-rekwiżit japplika wkoll meta s-servizzi jkunu standardizzati. L-użu tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx huwa għalhekk ipprojbit f’każijiet bħal dawn. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li l-għan tal-Artikolu 95(3)(a) u tal-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. huwa li jiġu protetti l-ħaddiema ( 74 ).

49.

Il-kuntratt għal-lott Nru 6 jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95(3)(a) u tal-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. Madankollu, kuntrarjament għal dawn id-dispożizzjonijiet, il-lott Nru 6 ingħata abbażi tal-prezz l-iktar baxx iktar milli abbażi tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità ( 75 ).

50.

Mara tqis li, fil-każ ta’ servizzi standardizzati li jirrikjedu ħafna ħaddiema, il-projbizzjoni ġenerali u astratta fid-dritt Taljan li jintuża l-kriterju tal-prezz l-iktar baxx tikkostitwixxi miżura manifestament eċċessiva, sproporzjonata u mhux iġġustifikata, peress li l-aspetti kwalitattivi ta’ dawn is-servizzi huma irrilevanti. Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata sabiex jiġu salvagwardjati r-remunerazzjoni jew is-sigurtà tal-ħaddiema. F’dan il-każ, kull tnaqqis mogħti kien esklużivament ibbażat fuq il-benefiċċju potenzjali tal-offerent (iffissat għal 5 % tal-valur tal-lott), u b’hekk ġiet eskluża l-possibbiltà tal-erożjoni tal-kostijiet lavorattivi u/jew ta’ għoti ta’ skontijiet eċċessivi għad-detriment tal-ħaddiema. Ir-regoli tas-sejħa għal offerti kienu għalhekk kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll mal-għan ta’ protezzjoni tal-persunal stabbilit fil-premessa 98 ta’ din id-direttiva. Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa evidenti wkoll f’dan il-każ, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qorti nazzjonali kkonfermaw li Mara kienet issodisfat ir-rekwiżiti ta’ remunerazzjoni u ta’ sigurtà.

51.

Samir ( 76 ), il-Gvern Franċiż ( 77 ) u dak Taljan ( 78 ) u l-Kummissjoni ( 79 ) jqisu li l-projbizzjoni tal-Artikolu 95(3)(a) u tal-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. tal-użu tal-prezz l-iktar baxx huwa proporzjonat għax jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u jiżgura l-kwalità tas-servizzi pprovduti.

52.

Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 80 ), li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, bħal dawk intiżi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tagħha, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 81 ).

53.

Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 ma jippermettix li jiġi eskluż il-prezz jew l-ispiża mill-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt ( 82 ). Din id-dispożizzjoni tippermetti biss lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu tagħhom bħala l-uniċi kriterji għall-għoti. L-awtoritajiet kontraenti huma għalhekk liberi li jagħżlu minn firxa mhux eżawrjenti ta’ kriterji rilevanti, fosthom neċessarjament il-prezz u l-ispiża, għall-għoti ta’ kuntratt. F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni tal-Artikolu 95(3)(a) u l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni u hija mfassla apposta, skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tipproteġi l-ħaddiema ( 83 ). L-esklużjoni mil-leġiżlatur Taljan, b’mod astratt u ġenerali, tal-prezz l-iktar baxx bħala l-uniku kriterju ta’ għoti tal-kuntratti li jirrigwardaw servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema ma ċċaħħadx lill-awtoritajiet kontraenti mill-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni l-prezz jew l-ispiża ta’ tali kuntratti, iżda sempliċement timponilhom, barra minn hekk, li jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ tali kuntratti, u b’hekk tiggarantixxi li tintgħażel l-aħjar offerta ( 84 ).

54.

Fil-każ ta’ servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, inklużi servizzi standardizzati, ma jidhirx ( 85 ) li l-kriterji kollha minbarra l-prezz jew l-ispiża huma totalment superfluwi jew irrilevanti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt għal tali servizzi. Tali konklużjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-kwalità ta’ dawn is-servizzi bl-ebda mod ma tista’ tiġi ddifferenzjata u li d-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tagħhom jistgħu jiġu żgurati b’mod sħiħ fil-każijiet kollha mid-dritt nazzjonali u/jew mill-Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

55.

Ir-rilevanza ta’ kriterji addizzjonali minbarra l-prezz jew l-ispiża sabiex jiġi żgurat – in concreto f’sejħa għall-offerti speċifika u in abstracto għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi b’mod ġenerali – mhux biss il-livelli ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema ( 86 ), iżda wkoll is-saħħa ( 87 ) u s-sigurtà tagħhom hija evidenti għas-servizzi kollha li jirrikjedu ħafna xogħol, inklużi s-servizzi standardizzati, minkejja n-natura ripetittiva tagħhom ( 88 ). Pereżempju, ir-rilevanza ta’ kriterji tal-għoti addizzjonali minbarra tal-prezz l-iktar baxx sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema hija partikolarment akuta fil-każ tal-lott Nru 6, li jeħtieġ b’mod partikolari, l-immaniġġjar ta’ munizzjonijiet u splussivi. Barra minn hekk, kif tirrileva Samir, l-użu tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx iktar milli tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità jista’ jinkoraġġixxi l-użu ta’ ħaddiema bla sengħa għad-detriment mhux biss tal-kwalità tas-servizz ipprovdut, iżda wkoll tas-sigurtà. Tista’ wkoll tiskoraġġixxi l-investiment fit-taħriġ tal-persunal ( 89 ).

56.

Għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ma jidhrux li ġew imfassla speċifikament sabiex jipproteġu l-kwalità tas-servizzi pprovduti ( 90 ), ma jistax jiġi eskluż li l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq ta’ tali servizzi standardizzati jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ twettiq tal-kuntratti u, konsegwentement, il-valur ekonomiku tal-offerti ( 91 ). F’dan ir-rigward, il-premessa 93 tad-Direttiva 2014/24 tipprevedi li, “Fejn dispożizzjonijiet nazzjonali jiddeterminaw id-dħul ta’ ċerti servizzi jew jistabbilixxu prezzijiet fissi ta’ ċerti provvisti, għandu jiġi ċċarat li tibqa’ possibbli valutazzjoni għall-flus abbażi ta’ fatturi oħra lil hinn mill-prezz uniku jew id-dħul” ( 92 ).

57.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, Mara ( 93 ) invokat ukoll is-sentenza Tedeschi u Consorzio Stabile Istant Service ( 94 ), li kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li l-prezzijiet applikabbli għax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mogħtija b’subappalt jitnaqqsu b’massimu ta’ 20 % meta mqabbla mal-prezzijiet indikati fid-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt ( 95 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali limitazzjoni hija ta’ natura li tirrendi inqas attraenti l-possibbiltà li jintużaw subappaltaturi sabiex jeżegwixxu kuntratt, peress li tillimita kull vantaġġ kompetittiv f’termini ta’ spejjeż li l-ħaddiema f’subappalt għandhom għall-impriżi li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-possibbiltà. Tali effett dissważiv imur kontra l-għan, imfittex mid-direttivi rilevanti, li l-kuntratti pubbliċi jinfetħu għall-kompetizzjoni l-usa’ possibbli u, b’mod partikolari, li l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jaċċedu għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 20 %, b’mod partikolari, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni salarjali tal-ħaddiema subkuntrattati, peress li ma jħallix lok għal evalwazzjoni każ b’każ mill-awtorità kontraenti u japplika indipendentement minn kull teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni soċjali ggarantita mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-ftehimiet kollettivi applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati.

58.

Ir-raġunament segwit f’din il-kawża ma jistax jiġi traspost għal dan il-każ. Ir-rekwiżit fl-Artikolu 95(3)(a) u l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi K.P. li jintuża l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità għal servizzi standardizzati li jirrikjedu ħafna ħaddiema ma jeskludix awtomatikament lil kull offerent u fil-fatt jitlob analiżi individwali tal-offerti sottomessi abbażi ta’ kriterji li jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, il-prezz jew l-ispiża.

59.

Għalhekk jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li tittrasponi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan prinċipali tagħha ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u b’hekk tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

VI. Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regoli nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jużaw il-prezz l-iktar baxx bħala l-uniku kriterju ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema u huma wkoll standardizzati minkejja li l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jipprovdu li s-salarji tal-persuni impjegati fil-kuntest tal-kuntratt jitħallsu skont il-ftehim kollettiv settorjali nazzjonali rilevanti u li kull tnaqqis tal-prezz offrut jista’ jkun ibbażat biss fuq il-profitt potenzjali tal-offerent.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirreferi għas-servizzi ta’ “ħaddiema okkażjonali” li jikkonsistu f’“operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ħatt, ta’ assemblaġġ u ta’ żmantellar ta’ pakketti, ta’ stivar u ta’ ħatt ta’ materjali deħlin u ħerġin, ċaqliq ta’ materjali u kwalunkwe ħaġa oħra ddefinita bħala xogħol manwali ordinarju għall-bżonnijiet ta’ mħażen, ta’ fabbriki, ta’ entitajiet, ta’ bastimenti navali u/jew ta’ ajruporti militari u ta’ entitajiet militari”, paġna 33. Ara l-punt 8 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 3 ) Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Gvern Taljan iddikjara li s-servizzi inkwistjoni jikkonċernaw it-trasport ta’ tipi differenti ta’ merkanzija u li għalhekk kien meħtieġ operatur ekonomiku wieħed għal kull lott. Dan il-gvern ikkonferma wkoll li parti (iżda mhux il-parti l-kbira) tal-prodotti inkwistjoni hija “tagħmir militari” fis-sens tal-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76). Ara wkoll id-Decreto di aggiudicazione prot. N. 0021670 (id-Digriet ta’ għoti Prot. Nru 0021670), tas‑16 ta’ Novembru 2022, li permezz tagħha Mara ngħatat il-lott Nru 6 u li ssemmi, b’mod partikolari, inter alia,il-munizzjonijiet u l-isplussivi. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, Mara kkontestat il-fatt li l-kuntratt inkwistjoni jirrigwarda tagħmir militari. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

( 4 ) Skont l-Artikolu 50(1) tad-decreto legislativo n. 50 (Codice dei contratti pubblici) (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li jistabbilixxi Kodiċi għall-Kuntratti Pubbliċi) tat‑18 ta’ April 2016 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi K.P.”), dan jimplika li l-kostijiet lavorattivi huma mill-inqas nofs l-ammont totali tal-kuntratt. Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Il-qorti tar-rinviju indikat li d-dritt Taljan ma jiddefinixxix is-“servizzi […] b’‘karatteristiċi standardizzati’, iżda […] irid jirreferi […] għal prestazzjoni kkaratterizzata minn livell għoli ta’ repetittività u li ma tinkludix elementi personalizzabbli (pereżempju, ta’ portata teknoloġika jew innovattiva), li għalihom huwa diffiċli li jiġi previst li kontribuzzjoni tal-kompetitur tista’ taffettwa l-asġettattiva ta’ prestazzjoni uniformi; għaldaqstant, għal raġunijiet ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ ħeffa tal-proċedura, l-użu tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx huwa permess, mingħajr ma jkun partikolarment neċessarju li jintuża l-kriterju tal-aħjar kwalità teknika fil-kuntest tal-paragun tal-kompetizzjoni.”

( 6 ) Xi drabi dan il-kriterju jitqassar għal “MEAT”. Skont id-dritt Taljan applikabbli, dan il-kriterju jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-aspetti kwalitattivi, ambjentali u soċjali. Ara l-Artikolu 95(6) tal-Kodiċi K.P.

( 7 ) Ser nirreferi wkoll għal dawn is-servizzi f’dawn il-konklużjonijiet bħala “servizzi standardizzati”.

( 8 ) Ara l-Artikolu 95(4)(b) tal-Kodiċi. K.P. u l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 6, 9 u 10 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 11 ) Fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti.

( 12 ) Ibbażat fuq l-Artikolu 60 tal-Kodiċi K.P. fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti.

( 13 ) Avviż ta’ kuntratt 3144713.

( 14 ) CIG 9351659124 – Kodiċi NUTS ITH41, dwar l-“Aeronautica Militare area nord” (Forza tal-Ajru, Żona tat-Tramuntana), għal ammont ta’ EUR 532 786.89 (ammont totali stmat fis-sejħa għal offerti: EUR 5200565,31 mingħajr VAT u/jew taxxi u kontribuzzjonijiet legali oħra). Skont il-qorti tar-rinviju, “għall-finijiet tal-limitu massimu [tal-Unjoni], u għalhekk skont l-Artikolu 35 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tal‑2016, il-valur tal-lott, inklużi l-ammonti ta’ tiġdid possibbli, kien indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-forma ta’ total ta’ EUR 3 463 114.72, mingħajr VAT (u l-valur totali tal-kuntratt, dejjem għall-finijiet tal-limitu [tal-Unjoni], kien indikat bħala li huwa ta’ EUR 33 803 674.52, mingħajr VAT).”

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju indikat li “it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jippreċiża dan li ġej: “fid-dawl tal-fatt li l-perċentwal ta’ skont mitlub ser isir biss fuq il-primjum, il-l-kostijiet lavorattivi jibqgħu l-istess peress li s-salarji tal-ħaddiema impjegati jitħallsu abbażi tal-ftehim kollettiv settorjali. Konsegwentement, l-għanijiet tal-Artikolu 50 tal-[Kodiċi K.P.], li huma intiżi essenzjalment sabiex jiżguraw livell ta’ impjieg u sabiex jipproteġu lill-ħaddiema bl-applikazzjoni tal-[(ftehimiet kollettivi nazzjonali dwar ix-xogħol)], ma humiex affettwati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 16 ) Mara intervjeniet f’din il-proċedura.

( 17 ) Sentenza Nru 6259.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 1 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 19 ) Jidher, suġġett għal verifika mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li “l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża” tintuża minn din il-qorti fil-kawża prinċipali bħala li tirreferi għall-“aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità” fis-sens tal-Artikolu 95(3) tal-Kodiċi K.P. iktar milli s-sens iktar wiesa’ mogħti lill-kunċett ta’ “l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża” taħt l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24. Ara l-punti 44 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nru 8, tal‑21 ta’ Mejju 2019, tal-Adunanza Plenaria del Consiglio di Stato (is-Sessjoni Plenarja tal-Kunsill tal-Istat). Din il-ġurisprudenza ġiet segwita sussegwentement f’dik tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio).

( 21 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell inċidentali ta’ Samir huwa infondat u li huwa neċessarju li ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq l-appell ta’ Mara.

( 22 ) Abbażi tal-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 23 ) Kif indikat iktar ’il fuq, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub, il-Gvern Taljan ikkonferma li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni kienet tikkonċerna munizzjonijiet u splussivi u tagħmir mhux militari.

( 24 ) Skont Leskovec u Škof, id-Direttiva 2009/81 “tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tad-difiża u s-sigurtà, bl-għan li s-suq tad-difiża fl-Unjoni jsir iktar miftuħ u kompetittiv, filwaqt li tipproteġi l-interessi leġittimi tas-sigurtà tal-Istati Membri individwali. Permezz ta’ regoli speċifiċi tal-kuntratti pubbliċi, [id-Direttiva 2009/81] tippermetti l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u tipprevjeni li jiġu pperikolati l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri.” [traduzzjoni libera] Leskovec, B u Škof, R, “Use of security exemption as a way to procure crucial infrastructure projects”, Rechtspraxis der Industrie- und Infrastrukturprojekte, Vol. 1, Beck-Online, 2025, p. 59; disponibbli fuq https://beck-online.beck.de/Bcid/Y-300-Z-RINPRAX-B-2025-S-59-N-1

( 25 ) Ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-Artikolu 346 TFUE, li jikkonċerna l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, għandu xi effett fuq il-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-partijiet qablu li din id-dispożizzjoni ma kinitx rilevanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Għalhekk mhux ser nindirizza iktar din id-dispożizzjoni f’dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672, punt 32).

( 27 ) Kif emendata.

( 28 ) Kif emendata.

( 29 ) Għandu jiġi enfasizzat li l-isplussivi jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet militari kif ukoll ċivili. Il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/81 tippreċiża madankollu li, “[g]ħall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-tagħmir militari għandu jinftiehem b’mod partikolari bħala t-tipi ta’ prodotti inklużi fil-lista ta’ armi, munizzjonijiet u materjal tal-gwerra”.

( 30 ) Skont l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2009/81, “‘Tagħmir sensittiv’, ‘xogħlijiet sensittivi’ u ‘servizzi sensittivi’ tfisser tagħmir, xogħlijiet u servizzi għal skopijiet ta’ sigurtà, li jinvolvu, jeħtieġu u/jew fihom informazzjoni kklassifikata.”

( 31 ) Enfasi miżjuda minni.

( 32 ) Din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fl-ebda mument ma għamel riferiment għad-Direttiva 2009/81 u lanqas għall-preżenza ta’ munizzjonijiet jew splussivi fost il-materjali rilevanti.

( 33 ) Il-premessa 6 tad-Direttiva 2009/81 tirreferi għal “kuntratti li jirrigwardjaw is-servizzi tal-loġistika, it-trasportazzjoni u l-magazzinaġġ”. Ara wkoll il-Kategorija Nru 10 tal-Anness I ta’ din id-direttiva dwar is-“servizzi ta’ transport ta’ appoġġ u awżiljarji”.

( 34 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2009/81, li tinqara kif ġej: “It-tagħmir tad-difiża u s-sigurtà huwa vitali kemm għas-sigurtà u s-sovranità tal-Istati Membri kif ukoll għall-awtonomija tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, l-akkwisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi fis-settur tad-difiża u s-sigurtà huma ta’ sikwit ta’ natura sensittiva.” Barra minn hekk, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2009/81, “Din tirriżulta f’rekwiżiti speċifiċi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà tal-provvista u tas-sigurtà tal-informazzjoni. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw l-aktar l-akkwisti ta’ armi, ta’ munizzjon u ta’ materjal tal-gwerra għall-forzi armati (kif ukoll is-servizzi u x-xogħlijiet marbuta direttament magħhom) […]”

( 35 ) Bħan-natura, il-kwantità u l-post ta’ dan it-tagħmir. Din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

( 36 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/24 u s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑601/21, EU:C:2023:629, punti 69 u 70). Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1)(a) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li din tapplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jaqgħu (kompletament) fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81. Kif stqarret il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk il-kuntratt inkwistjoni kien jikkonċerna biss tagħmir militari, il-kuntratt kollu jaqa’ taħt id-Direttiva 2009/81 u l-awtorità kontraenti ma tistax tagħtih skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 37 ) Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/81 jirreferi għad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132 sa 262). Skont l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24, id-Direttiva 2004/18 tħassret b’effett mit‑18 ta’ April 2016. Ir-riferimenti għad-Direttiva 2004/18 jinftiehmu bħala riferimenti għad-Direttiva 2014/24.

( 38 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/24, meta parti minn kuntratt partikolari tkun koperta mid-Direttiva 2009/81, japplika l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24.

( 39 ) L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/81 jipprevedi li: “Id-deċiżjoni li jingħata kuntratt singolu ma tistax, madankollu, tittieħed biex teskludi kuntratti milli japplikaw din id-Direttiva, jew […] id-Direttiva [2014/24].” Skont il-premessa 24 tad-Direttiva 2009/81, “L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jsibu ruħhom obbligati li jagħtu kuntratt wieħed għal akkwisti koperti parzjalment minn din id-Direttiva, bil-bqija li taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva [2014/24]. Dan japplika meta l-akkwisti rilevanti ma jistgħux, għal raġunijiet oġġettivi, jiġu separati u mogħtija permezz ta’ kuntratti separati. F’każijiet bħal dawn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħtu kuntratt wieħed sakemm id-deċiżjoni tagħhom ma tkunx qed tittieħed biex jiġu esklużi kuntratti mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew tad-Direttiva [2014/24].”

( 40 ) Ara l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24. Għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2014/24 ma tistabbilixxix regoli vinkolanti dwar kif għandu jiġi ddeterminat jekk il-partijiet differenti ta’ kuntratt humiex separabbli jew le. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/24. Madankollu it-tieni subparagrafu tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi li “Id-determinazzjoni [ta’ jekk il-partijiet differenti humiex separabbli jew le] għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn l-intenzjonijiet espressi jew preżunti tal-awtorità kontraenti li jqisu d-diversi aspetti li jifformaw kuntratt imħallat bħala indiviżibbli ma għandhomx ikunu suffiċjenti, iżda għandhom ikunu sostnuti b’evidenza oġġettiva li tista’ tiġġustifikahom u tistabbilixxi l-ħtieġa li jsir kuntratt wieħed […] Għandu jkun iċċarat li l-ħtieġa li jiġi konkluż kuntratt uniku tista’ tkun minħabba raġunijiet ta’ kemm natura teknika kif ukoll ta’ natura ekonomika.” Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep (C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 54).

( 41 ) Il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24. Ara wkoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2014/24, li tirreferi għall-assenza ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

( 42 ) Ara, min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/24 li jipprevedi, b’mod partikolari, li, fil-każ ta’ kuntratti mħallta li għandhom bħala suġġett akkwist li jaqa’ taħt din id-direttiva kif ukoll akkwist mhux kopert minnha, jekk l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, id-Direttiva 2014/24 għandha tapplika għall-kuntratt (sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva).

( 43 ) Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, meta l-għoti ta’ kuntratt uniku ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi, id-Direttiva 2014/24 tipprevali fuq id-Direttiva 2009/81. Arrowsmith tqis li, “meta l-għoti ta’ kuntratt uniku ma jkunx iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi, [id-Direttiva 2014/24] ma tidhirx li tostakola l-għoti ta’ kuntratt uniku. Preżumibbilment [id-Direttiva 2014/24] tapplika għax [id-Direttiva 2009/81 tipprevali] biss meta l-għoti ta’ kuntratt uniku jkun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi.” [traduzzjoni libera] Arrowsmith, S., The Law of Public and Utilities Procurement – Regulation in the EU and UK, Vol. 2, Sweet & Maxwell, 2018, p. 220.

( 44 ) Ara, mill-banda l-oħra, l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2014/24, li jipprevedi li “Meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari huma oġġettivament mhux separabbli, ir-reġim legali applikabbli għandu jkun iddeterminat abbażi tas-suġġett ewlieni ta’ dak il-kuntratt.” Enfasi miżjuda minni. Fil-fehma tiegħi, analiżi tas-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/24 jew tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/81.

( 45 ) Ara l-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24.

( 46 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24.

( 47 ) Għandu jitfakkar li l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tagħżel id-direttiva li għandha tiġi applikata hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt uniku għal-lott Nru 6 kien iġġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi u li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt uniku ma ġietx adottata sabiex dan il-lott jiġi eskluż mill-applikazzjoni jew tad-Direttiva 2009/81, jew tad-Direttiva 2014/24.

( 48 ) Kif indikat iktar ’il fuq, l-għażla li għandha l-awtorità kontraenti ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni addizzjonali.

( 49 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa neċessarju, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha kif ukoll l-għanijiet li din issegwi (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/24, fejn applikabbli.

( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Veridos (C‑669/20, EU:C:2022:684, punt 31).

( 52 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2009/81. Il-bażijiet legali tad-Direttiva 2009/81 huma l-Artikolu 47(2) KE (dritt ta’ stabbiliment), l-Artikolu 55 KE (libertà li jiġu pprovduti servizzi) u l-Artikolu 95 KE (suq intern).

( 53 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2009/81. Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/81, il-kuntratti fil-qasam tad-difiża kienu jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18. B’hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/18 kien jipprevedi li hija tapplika għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża, bla ħsara għall-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 TFUE). Madankollu, il-Kummissjoni indikat fil-Green Paper tagħha – Il-kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża, COM/2004/608, li kien hemm użu kważi sistematiku tad-deroga fl-Artikolu 296 KE (li sar l-Artikolu 346 TFUE) fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fis-settur tad-difiża u li ċerti Stati Membri ħasbu li jistgħu japplikaw awtomatikament id-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li “il-qafas legali tal-Unjoni jista’ jiġi ssuplimentat bi strument legali speċifiku għall-kuntratti fil-qasam tad-difiża […] Id-direttiva ser tistabbilixxi sett speċjali ta’ regoli għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 296 KE, iżda li għalih l-użu tad-deroga ma huwiex iġġustifikat […]” Ara paġna 9. Skont Arrowsmith, “L-użu ħażin tal-eżenzjonijiet dejjem kien ta’ sfida sinjifikattiv għall-ikkompletar tas-suq tad-difiża miftuħ u integrat li l-Unjoni fittxet li tikseb u kien wieħed mill-preokkupazzjonijiet ewlenin li wasslu għall-adozzjoni ta’ direttiva separata dwar il-kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà.” [traduzzjoni libera] Arrowsmith, S., nota ta’ qiegħ il-paġna 43, op. cit. p. 152.

( 54 ) Ara l-premessa 4 tad-Direttiva 2009/81.

( 55 ) Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2009/81.

( 56 ) Dan jirriżulta b’mod pjuttost ċar mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li ma tirreferix għad-Direttiva 2009/81. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari nnifisha la tirreferi u lanqas talludi għal tagħmir militari bħal munizzjonijiet jew splussivi. Mara ddikjarat ukoll waqt is-seduta li hija tipprovdi servizzi ta’ trasport għall-Ministeru fil-frattemp u li t-tagħmir militari fil-fatt ma huwiex inkluż fil-merkanzija ttrasportata.

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, Heuninckx, B., “Mixed procurement involving defence or security”, f’Caranta, R., u Sanchez-Graells, A. (edituri), European Public Procurement, Edward Elgar, 2021, p. 174 sa 175.

( 58 ) Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

( 59 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara wkoll il-punt 3 tar-risposta tal-Gvern Taljan għall-mistoqsijiet bil-miktub.

( 61 ) Il-premessa 89 tad-Direttiva 2014/24 tipprevedi li “In-nozzjoni ta’ kriterji ta’ għoti hija ċentrali għal din id-Direttiva.”

( 62 ) Meta awtorità kontraenti tagħżel, skont l-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2014/24, li tagħti kuntratt konformement ma’ din id-direttiva, hija għandha tosserva b’mod sħiħ ir-regoli applikabbli li jinsabu fiha. Kif indikat il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta, l-awtorità kontraenti ma tistax “tagħżel” ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva oħra bħad-Direttiva 2009/81 anki jekk din l-awtorità kontraenti setgħet tagħżel mill-bidu li tagħti l-kuntratt skont din id-direttiva.

( 63 ) Meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, hija tista’, bħala prinċipju, tieħu inkunsiderazzjoni kriterji relatati mal-preżervazzjoni tal-ambjent. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 64) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Concordia Bus Finland”). Il-kawża kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322 sa 345). L-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ kriterji għall-għoti, jiġifieri l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament – li kienet tinkludi l-kwalità u l-valur tekniku – u l-prezz l-iktar baxx biss. Ir-riferiment, f’din il-kawża, għall-kriterju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament huwa ekwivalenti għal riferiment għall-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità fis-sens tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24. Ara, b’analoġija, il-premessa 89 tad-Direttiva 2014/24.

( 64 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, EU:C:1988:422, punti 28 sa 37), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li klawżola soċjali jew kundizzjoni ta’ impjieg ta’ persuni qiegħda għal żmien twil tista’, bħala prinċipju, tiġi imposta mill-awtoritajiet kontraenti. Ara wkoll is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑225/98, EU:C:2000:494, punt 50); tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426, punti 55 u 56), u tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punti 84 sa 88).

( 65 ) Ara wkoll, b’analoġija, l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 dwar il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratt.

( 66 ) Ara l-premessa 92 tad-Direttiva 2014/24.

( 67 ) Ara l-paragrafu 55.

( 68 ) Kif intqal iktar ’il fuq, dan huwa ekwivalenti għall-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità skont l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24.

( 69 ) L-ewwel paragrafu tal-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża li l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament “għandha dejjem tinkludi element ta’ prezz jew ta’ spiża”.

( 70 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, Montte (C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑17 ta’ Novembru 2022, Antea Polsk et (C‑54/21, EU:C:2022:888, punti 88 sa 91). Ara wkoll l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 67(4) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-premessa 90 ta’ din id-direttiva.

( 71 ) It-tieni paragrafu tal-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li, “Sabiex tiġi mħeġġa orjentazzjoni akbar lejn il-kwalità tal-akkwist pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jipprojbixxu jew jagħmlu restrizzjonijiet dwar l-użu tal-prezz biss jew il-kost biss biex tiġi vvalutata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża meta huma jqisu li dan ikun adatt.”

( 72 ) Dan jirrifletti l-massima Latina “qui potest plus, potest minus” jew “qui potest majus potest et minus”.

( 73 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), li kienet tikkonċerna d-dritt li l-kuntratti jiġu rriżervati skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/24 għal ċerti kategoriji ta’ offerenti. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim (C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45), li kienet tikkonċerna “Raġunijiet għall-esklużjoni” fis-sens tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24. Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24.

( 74 ) Ara l-punt 7 tat-talba għal deċiżjoni preliminari li fiha l-qorti tar-rinviju indikat li l-Adunanza Plenaria del Consiglio di Stato (is-Sessjoni Plenarja tal-Kunsill tal-Istat) “enfasizzat li r-raġuni wara l-impożizzjoni tal-kriterju tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, għall-għoti ta’ servizzi [li jirrikjedu ħafna ħaddiema], hija dik li jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema.” [traduzzjoni mhux uffċjali] Din hija kwistjoni ta’ dritt nazzjonali u l-għanijiet tad-dispożizzjonijijet nazzjonali inkwistjoni huma fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni li għandha tidddeċiedi fuqa l-qorti tar-rinviju.

( 75 ) Dan wassal għall-annullament tal-avviż ta’ kuntratt għal-lott Nru 6 fil‑11 ta’ April 2023 mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio). Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Samir isostni li l-offerent rebbieħ irċieva biss ammont ugwali għall-kostijiet lavorattivi. Dan wassal għall-għoti tal-kuntratt bix-xorti minflok abbażi ta’ kriterji oħra bħall-kwalità tas-servizz. Il-kriterju tal-prezz l-iktar baxx ikollu impatt negattiv kemm fuq il-kwalità tas-servizz kif ukoll fuq id-drittijiet tal-ħaddiema. Skont Samir, f’dan il-każ, il-ħaddiema tħallsu l-paga minima minflok il-paga ogħla prevista mill-ftehim kollettiv settorjali nazzjonali.

( 77 ) Il-Gvern Franċiż jissottometti li l-prezz jew l-ispiża huma, essenzjalment, kriterji minimi, li għandhom jiġu kkompletati bi kriterji oħra, jekk ikun il-każ. Hija tosserva wkoll li l-prezz jew l-ispiża ma humiex neċessarjament il-kriterji l-iktar importanti. Skont dan il-gvern, mill-premessi 2, 37, 41, 89 sa 94 u 98 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa, minn naħa, li tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku b’mod iktar profittabbli fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u, min-naħa l-oħra, li x-xerrejja jkunu jistgħu jużaw aħjar il-kuntratti pubbliċi sabiex isostnu għanijiet soċjali komuni, bħall-protezzjoni tal-ambjent, il-promozzjoni tal-impjieg u tal-inklużjoni soċjali, jew l-iżgurar tal-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-provvista ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja.

( 78 ) Skont il-Gvern Taljan, il-limitazzjoni li tinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tista’ tiffavorixxi l-evitar tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi ż-żgħar u tiffavorixxi l-preżentazzjoni ta’ offerti identiċi, kif turi l-kawża prinċipali, li wasslet għall-għoti tal-kuntratt lil Mara permezz ta’ tlugħ bix-xorti. Dan il-gvern josserva wkoll li fuq medda twila ta’ żmien, l-impriżi jistgħu bil-moħbi jippruvaw jirkupraw il-marġnijiet ta’ profitt tagħhom baxxi ħafna jew żero fuq ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema. Fil-każ ta’ servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, il-forza tax-xogħol tista’ tiġi protetta b’mod iktar effiċjenti u trasparenti billi tiġi limitata l-importanza tal-prezz u billi dan jiġi kkombinat ma’ evalwazzjoni tal-aspetti kwalitattivi tal-offerta.

( 79 ) Skont il-Kummissjoni, il-protezzjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema hija biss waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-kriterju tal-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-użu tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx jista’ jwassal għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew fil-kwalità tas-servizz.

( 80 ) Ma tqajmet l-ebda kwistjoni oħra, bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

( 81 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 42).

( 82 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-premessa 90 tad-Direttiva 2014/24.

( 83 ) Dan jikkostitwixxi għan leġittimu speċifikament irrikonoxxut mill-Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24 stess.

( 84 ) Ara, a contrario, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Sintesi (C‑247/02, EU:C:2004:593, punti 38 sa 42).

( 85 ) Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

( 86 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2015, RegioPost (C‑115/14, EU:C:2015:760, punti 77 u 79).

( 87 ) Ara l-premessa 99 tad-Direttiva 2014/24, li tirreferi għal kriterji intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa tal-persunal.

( 88 ) Caranta iqis li “kriterji li jagħtu wisq piż lill-prezz iwasslu naturalment għal kundizzjonijiet dipressanti tal-ħaddiema, u dan huwa partikolarment minnu għall-kuntratti fejn il-persunal huwa l-iktar spiża rilevanti. Sabiex jiġi miġġieled id-dumping soċjali, [l-Artikolu] 95(3) tal-Kodiċi [K.P.] jimplementa l-aħħar sentenza tal-[Artikolu] 67(2) billi jipprevedi li ma huwiex permess li jsir riferiment biss għall-prezz jew għall-ispiża fl-għoti tal-kuntratti li jirrigwardaw […] kull kuntratt li l-ispejjeż tal-persunal tiegħu jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-baġit globali tal-kuntratt”. [traduzzjoni libera] Caranta, R. “Towards socially responsible public procurement”, ERA Forum, Vol. 23, 2022, p. 158; disponibbli fuq https://doi.org/10.1007/s12027-022-00718-5.

( 89 ) Ara l-premessa 99 tad-Direttiva 2014/24, li tirreferi għal li “jitħarrġu fil-ħiliet”.

( 90 ) Kif indikat iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur Taljan.

( 91 ) Ara l-Artikolu 67(2)(b) u l-premessa 94 tad-Direttiva 2014/24. Għalkemm din il-premessa tirreferi għall-eżempju ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi intellettwali bħal servizzi ta’ konsulenza jew ta’ arkitettura, inqis li din ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi servizzi standardizzati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 67(2)(b) tad-Direttiva 2014/24.

( 92 ) Din il-premessa tipprevedi wkoll li “Minħabba l-bosta possibiltajiet ta’ vvalutar tal-kwalità mqabbla mal-prezz abbażi ta’ kriterji sostantivi, rikors ta’ prelevar ta’ lottijiet bħala l-uniku mezz ta’ għoti ta’ kuntratt għandu jiġi evitat.” Jidher li l-ħtieġa ta’ tlugħ bix-xorti tirriżulta minn kombinazzjoni tal-użu tal-prezz l-iktar baxx bħala l-uniku kriterju għall-għoti u mir-rekwiżit fl-Artikolu 17 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, li kull tnaqqis tal-prezz offrut huwa bbażat biss fuq il-profitt potenzjali tal-offerent li ġie ffissat għal 5 % tal-valur tal-kuntratt indikat fl-avviż tal-kuntratt. Peress li dawn ir-restrizzjonijiet riġidi ġew imposti mill-Ministeru stess, jidher improbabbli li l-offerenti jkunu obbligati jispjegaw lil din l-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24, l-offerti apparentement anormalment baxxi u l-konformità tagħhom mad-dritt soċjali u mad-dritt tax-xogħol skont l-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva. Kif jirrileva l-Gvern Franċiż, il-bidu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva ma huwiex awtomatiku. Minn naħa, hija timplika li operatur ekonomiku jippreżenta offerta li l-prezz tagħha huwa manifestament sottovalutat u li jista’ jikkomprometti t-twettiq tajjeb tal-kuntratt. Sussegwentement, hija tippreżumi li awtorità kontraenti jkollha suspetti. Fl-aħħar nett, huwa dan tal-aħħar li għandu jwettaq il-verifiki neċessarji, fil-limiti tal-kapaċità tiegħu.

( 93 ) Mara tqis li l-esklużjoni tal-kriterju tal-prezz l-iktar baxx mil-leġiżlatur Taljan ma tippermettix evalwazzjoni każ b’każ mill-awtorità kontraenti u tapplika indipendentement minn kull teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni soċjali ggarantita mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-ftehimiet kollettivi applikabbli għall-ħaddiema kkonċernati.

( 94 ) Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019 (C‑402/18, EU:C:2019:1023, punti 59 u 65).

( 95 ) Il-limitu ta’ 20 % kien imperattiv.