22.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1112/2014

tat-13 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi format komuni għall-iskambju tat-tagħrif dwar l-indikaturi ta' perikli kbar mill-operaturi u s-sidien tal-impjanti taż-żejt u tal-gass li jinsabu lil hinn mill-kosta u format komuni għall-pubblikazzjoni tat-tagħrif dwar l-indikaturi ta' perikli kbar mill-Istati Membri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 23(2) u 24(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-operaturi u s-sidien tal-impjanti taż-żejt u tal-gass li jinsabu lil hinn mill-kosta jagħtu lill-awtorità kompetenti mill-inqas id-dejta dwar l-indikaturi ta' perikli kbar kif speċifikat fl-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE. Dak it-tagħrif għandu jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu twissija bikrija tad-degradazzjoni potenzjali tal-ilqugħ tas-sigurtà li jkun kruċjali mil-lat ambjentali, u għandu jippermettilhom jieħdu miżuri ta' prevenzjoni, fosthom fid-dawl tal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (2).

(2)

It-tagħrif għandu juri wkoll l-effettività globali tal-miżuri u l-kontrolli implimentati mill-operaturi u s-sidien individwali, u mill-industrija b'mod ġenerali, sabiex jiġu evitati aċċidenti kbar u jitnaqqsu r-riskji għall-ambjent. Barra minn hekk, it-tagħrif u d-dejta mogħtija għandhom jiżguraw li l-prestazzjoni tal-operaturi u s-sidien individwali tkun tista' titqabbel fl-Istat Membru u li l-prestazzjoni tal-industrija b'mod ġenerali tkun tista' titqabbel fost l-Istati Membri.

(3)

In-nuqqas ta' format komuni għar-rappurtar tad-dejta fl-Istati Membri kollha jagħmilha diffiċli li wieħed jaqsam dejta komparabbli fost l-Istati Membri u jagħmel dan il-qsim wieħed mhux affidabbli. Format komuni għar-rappurtar tad-dejta mill-operaturi u s-sidien lill-Istat Membru għandu jipprovdi trasparenza rigward il-prestazzjoni ambjentali u dik marbuta mas-sikurezza tal-operaturi u s-sidien u għandu jipprovdi tagħrif komparabbli għall-Unjoni kollha dwar is-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u jiffaċilita t-tixrid tat-tagħlim li joħroġ mill-aċċidenti l-kbar u minn aċċidenti li jkunu ġew evitati bi ftit.

(4)

Biex jitkattru l-fiduċja tal-pubbliku fl-awtorità u l-integrità tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw b'mod regolari t-tagħrif imsemmi fil-punt 2 tal-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE skont l-Artikolu 24 ta' dik id-Direttiva. Format komuni u d-dettalji tat-tagħrif li l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandhom iħaffu t-tqabbil transfruntier tad-dejta,

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sikurezza tal-Operazzjonijiet taż-Żejt u tal-Gass lil hinn mill-Kosta,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jispeċifika formati komuni għall-affarijiet li ġejjin:

(a)

ir-rapporti mill-operaturi u s-sidien tal-impjanti taż-żejt u tal-gass li jinsabu lil hinn mill-kosta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/30/UE;

(b)

il-pubblikazzjoni tat-tagħrif mill-Istati Membri skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/30/UE.

Artikolu 2

Perjodu ta' referenza u d-dati tat-tressiq tar-rapporti

1.   L-operaturi u s-sidien tal-impjanti taż-żejt u tal-gass li jinsabu lil hinn mill-kosta għandhom jibagħtu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 1(a) fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jseħħ l-avveniment.

2.   Il-perjodu annwali tar-rappurtar għat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 1(b) għandu jkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru, u dan għandu jibda mis-sena kalendarja tal-2016. Il-format komuni għall-pubblikazzjoni għandu jintuża biex it-tagħrif meħtieġ skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/30/UE jiġi ppubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-awtorità kompetenti sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju tas-sena ta' wara l-perjodu tar-rappurtar.

3.   Il-formati stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness II għandhom jintużaw għar-rapporti u l-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(a) u (b) rispettivament.

Artikolu 3

Dettalji tat-tagħrif li għandu jinqasam

L-Anness I jistabbilixxi d-dettalji tat-tagħrif li għandu jinqasam skont il-punt 2 tal-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 178, 28.6.2013, p. 66.

(2)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).


ANNESS I

Format komuni għar-rappurtar tad-dejta dwar l-inċidenti u l-aċċidenti l-kbar tal-industrija taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta

Kif meħtieġ skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/30/UE

Kummenti ġenerali dwar id-dettalji tat-tagħrif li għandu jinqasam

a.

Id-dettalji dwar it-tagħrif li għandu jinqasam huma marbutin mal-punt 2 tal-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE dwar is-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta u b'mod partikulari mar-riskju ta' aċċident kbir kif iddefinit f'dik id-Direttiva.

b.

Il-punt 2 tal-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE fih indikaturi ewlenin primarji u sekondarji tal-prestazzjoni sabiex tingħata stampa ċara tas-sikurezza tal-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta fl-Istati Membri individwali u fl-Unjoni Ewropea, iżda xi wħud mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jservu ta' twissija bħall-fallimenti tal-elementi kritiċi ambjentali u tas-sikurezza u l-fatalitajiet.

c.

Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE (1), min iħaddem għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien, kull aċċident serju u/jew fatali li jseħħ fuq il-post tax-xogħol u kull sitwazzjoni ta' periklu serju. L-awtorità kompetenti għandha tuża din id-dejta sabiex tirrapporta t-tagħrif meħtieġ skont il-punt 2(g) u (h) tal-Anness IX tad-Direttiva 2013/30/UE.

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Image 9

Test ta 'immaġni

Image 10

Test ta 'immaġni

Image 11

Test ta 'immaġni

Image 12

Test ta 'immaġni

Image 13

Test ta 'immaġni

Image 14

Test ta 'immaġni

Image 15

Test ta 'immaġni

(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (il-ħdax-il Direttiva individwali fil-qofol tat-tifsir tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 9).


ANNESS II

Format komuni għall-pubblikazzjoni

Kif meħtieġ skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/30/UE

Image 16

Test ta 'immaġni

Image 17

Test ta 'immaġni

Image 18

Test ta 'immaġni

Image 19

Test ta 'immaġni

Image 20

Test ta 'immaġni

Image 21

Test ta 'immaġni

Image 22

Test ta 'immaġni