IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2025
COM(2025) 50 final
2025/0028(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tat-talbiet għall-estensjoni ta’ eżenzjonijiet speċifiċi u tal-proposti għall-emendar tal-Anness A ta’ dik il-Konvenzjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP, Conference of the Parties) għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet biex jiġi emendat l-Anness A billi jiżdiedu l-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż (paraffini klorurati b’katina medja (MCCP, medium-chain chlorinated paraffins)), il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati.
L-MCCP jintużaw bħala ritardanti tal-fjammi u plastifikanti fil-plastik u bħala addittivi fil-fluwidi għax-xogħol tal-metall. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ppubblikat l-opinjonijiet tal-kumitati xjentifiċi tagħha dwar dossier ta’ restrizzjoni ppreżentat skont ir-Regolament REACH. Iż-żewġ kumitati appoġġaw projbizzjoni iżda kellhom fehmiet diverġenti dwar jekk jagħtux eżenzjoni bi żmien limitat għall-użu fil-fluwidi għax-xogħol tal-metall. Din l-eżenzjoni għall-fluwidi għax-xogħol tal-metall tinsab fir-rakkomandazzjoni li l-Kumitat ta’ Rieżami tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPRC, Persistent Organic Pollutants Review Committee) għadda lill-COP. Jidher li l-UE teħtieġ eżenzjonijiet addizzjonali u estensjoni tad-dati tal-iskadenza għal xi użi f’applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali (kisi, lubrikanti, u munizzjon u l-imballaġġ tiegħu).
Il-klorpirifos jintuża ħafna madwar id-dinja bħala insettiċida fl-agrikoltura u bħala bijoċida għall-kontroll tal-pesti mhux agrikoli. Fl-Unjoni Ewropea, l-użu tiegħu bħala sustanza attiva fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u fil-prodotti bijoċidali huwa pprojbit.
L-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati fl-UE jokkorru prinċipalment bħala prodotti sekondarji inevitabbli waqt il-manifattura tas-sustanzi perfluworurati u polifluworurati (PFAS, per- and polyfluorinated substances). Barra mill-UE, jintużaw, jew setgħu ntużaw, f’firxa ta’ applikazzjonijiet, fosthom: użi industrijali; oġġetti elettroniċi, u apparat mediku u tal-laboratorju; immaġnijiet fotografiċi; linka; materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel; żebgħa, kisi u verniċ (fosthom dawk applikati fuq il-materjali tal-bini u tal-kostruzzjoni); fowms tat-tifi tan-nar; tessuti u lbies; prodotti tal-kura personali; aġenti tat-tindif u tal-ħasil; xamgħat tal-iskijar; u fl-industrija awtomobilistika. Is-sustanzi kimiċi diġà huma ristretti fl-UE skont ir-Regolament REACH b’għadd ta’ eżenzjonijiet li huma fost l-eżenzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-POPRC jew li jistgħu jiġu koperti billi jiġi stabbilit livell ta’ kontaminant f’ammonti traċċa mhux intenzjonat fl-UE.
Barra minn hekk, din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma b’rabta mal-proposta biex tiġi emendata l-entrata dwar l-UV-328 fl-Anness A tal-Konvenzjoni, ippreżentata mill-Etjopja, billi tiżdied eżenzjoni speċifika għall-avjazzjoni.
Barra minn hekk, din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex jiġu estiżi l-eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA, perfluorooctanoic acid), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS, perfluorooctane sulfonic acid), tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil fil-fowm tat-tifi tan-nar għat-trażżin tal-fwar tal-fjuwils likwidi u n-nirien tal-fjuwils likwidi (nirien tal-Klassi B) fis-sistemi installati, inkluż kemm is-sistemi mobbli kif ukoll dawk fissi, abbażi tat-talbiet imressqa mir-Repubblika tal-Korea.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma
Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni) għandha l-għan li tħares saħħet il-bniedem u l-ambjent mill-materjal organiku persistenti li jniġġes (POPs, persistent organic pollutants). Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim. Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas, ibbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni, biex jiġu eliminati l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-POPs, biex dawn jiġu mmaniġġjati, mormija u eliminati b’mod sikur jew biex jonqos ir-rilaxx ta’ ċerti POPs prodotti b’mod mhux intenzjonat.
2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet
Kif stabbilit skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet hi l-korp tat-tmexxija tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. Dan il-korp normalment jiltaqa’ kull sentejn biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Jagħmel ukoll rieżami tas-sustanzi kimiċi ppreżentati mill-Kumitat ta’ Rieżami tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPRC) għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
F’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet ippreżentaw proposti lis-Segretarjat biex jiġu elenkati l-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż, il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati fl-Anness A tal-Konvenzjoni, li l-POPRC irrieżamina skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-POPRC irrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet li jelenka fl-Anness A, b’eżenzjonijiet speċifiċi, il-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż, il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati. Il-proċedura għall-adozzjoni tal-emendi tal-Annessi hija rregolata mill-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni, kull parti għandha vot wieħed. Madankollu, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħalma hi l-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti li jkun daqs l-għadd ta’ Stati Membri tagħhom li jkunu partijiet għall-Konvenzjoni.
2.3.L-atti previsti tal-Konferenza tal-Partijiet
Fit-12-il laqgħa ordinarja, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet biex fl-Anness A (eliminazzjoni), l-Anness B (restrizzjoni) u/jew l-Anness C (produzzjoni mhux intenzjonata) tal-Konvenzjoni jiġu elenkati l-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż, il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati.
L-iskop tad-deċiżjonijiet huwa l-elenkar fl-Annessi A, B u/jew C, li jkollu l-effett li s-sustanzi kimiċi jsiru soġġetti għal miżuri mmirati biex jeliminaw jew jillimitaw il-produzzjoni u l-użu tagħhom, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tar-rilaxxi tal-POPs prodotti b’mod mhux intenzjonat.
Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra proposta ppreżentata mill-Etjopja biex jiġi emendat l-Anness A tal-Konvenzjoni billi tiżdied eżenzjoni speċifika għal ċerti użi tal-UV-328 fl-inġenji tal-ajru ċivili u militari, inkluż fl-ispare parts rilevanti. Il-UV-328 kien ġie elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma bid-Deċiżjoni SC-11/11 mingħajr dawn l-eżenzjonijiet speċifiċi, peress li l-ħtieġa għal dawn l-eżenzjonijiet speċifiċi ma kinitx magħrufa dak iż-żmien. Dan l-aħħar, il-ħtieġa għal dawn l-eżenzjonijiet ġiet identifikata mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija u kkomunikata lil xi Partijiet.
L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni, li jipprevedi li: “Il-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Annessi A, B jew C għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri bħall-proposta, l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ annessi addizzjonali għal din il-Konvenzjoni, ħlief li emenda tal-Anness A, B jew C ma għandhiex tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti li tkun għamlet dikjarazzjoni fir-rigward tal-emenda għal dawk l-annessi f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Artikolu 25, f’liema każ kwalunkwe emenda bħal din għandha tidħol fis-seħħ għal tali Parti fid-90 jum wara d-data tad-depożitu mad-depożitarju tal-istrument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni tagħha fir-rigward tat-tali emenda.”
Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet se tikkunsidra t-talbiet imressqa mir-Repubblika tal-Korea biex testendi l-eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS), tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil fil-fowm tat-tifi tan-nar għat-trażżin tal-fwar tal-fjuwils likwidi u n-nirien tal-fjuwils likwidi (nirien tal-Klassi B) fis-sistemi installati, inkluż kemm is-sistemi mobbli kif ukoll dawk fissi. Il-Konferenza tal-Partijiet se tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar estensjoni tad-data tal-iskadenza ta’ dawn l-eżenzjonijiet speċifiċi għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin f’konformità mal-Artikolu 4(7) tal-Konvenzjoni.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes għandha tkun li jiġi appoġġat l-elenkar fl-Anness A tal-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż (MCCP, medium-chain chlorinated paraffins)), tal-klorpirifos u tal-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tal-POPRC, ħlief fir-rigward tal-MCCP, peress li jidher li l-Unjoni teħtieġ eżenzjonijiet speċifiċi addizzjonali għall-użu f’ċerti applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali (kisi, lubrikanti, u munizzjoni u l-imballaġġ tiegħu), u teħtieġ ukoll estensjoni tad-dati tal-iskadenza għal ċerti użi fl-applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali. Dawn il-ħtiġijiet ġew ikkomunikati mill-partijiet ikkonċernati tas-settur tad-difiża u tas-settur ajruspazjali u huma bbażati fuq informazzjoni dwar l-użu attwali tal-MCCP.
F’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet ressqu proposta lis-Segretarjat biex l-MCCP, il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati jiġu elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni, li l-POPRC irrieżamina skont l-Artikolu 8(3) u (4). Il-POPRC eżamina l-proposti billi applika l-kriterji tal-iskrinjar f’konformità mal-Anness D tal-Konvenzjoni u kkonkluda li l-kriterji huma ssodisfati. Wara li evalwa l-profili tar-riskju għall-MCCP, il-klorpirifos u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, l-imlieħ tagħhom u l-komposti relatati, u wara li ddeċieda li dawk is-sustanzi x’aktarx, minħabba t-trasport ambjentali tagħhom fuq distanza twila, iwasslu għal effetti negattivi sinifikanti fuq saħħet il-bniedem u/jew fuq l-ambjent b’tali mod li tkun iġġustifikata azzjoni globali, il-POPRC irrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet biex tikkunsidra l-elenkar tal-MCCP, tal-klorpirifos u tal-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi.
Sabiex jitħarsu saħħet il-bniedem u l-ambjent minn aktar rilaxxi ta’ MCCP, klorpirifos u aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati, jeħtieġ jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk is-sustanzi kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni. Il-proposta tikkumplimenta r-Regolament (UE) 2019/1021, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fl-Unjoni, u hija koerenti miegħu. Hija konformi għalkollox mal-objettiv li saħħet il-bniedem u l-ambjent jitħarsu mill-POPs.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fir-rigward tal-proposta ppreżentata mill-Etjopja biex jiġi emendat l-Anness A għall-Konvenzjoni billi tiżdied eżenzjoni speċifika għal ċerti użi tal-UV-328 f’inġenji tal-ajru ċivili u militari, inkluż fl-ispare parts rilevanti, għandha tkun li tiġi appoġġata ż-żieda ta’ dawk l-eżenzjonijiet speċifiċi, peress li l-identifikazzjoni ta’ alternattivi teħtieġ xi żmien u t-tul tal-ħajja tal-partijiet li fihom jintuża l-UV-328 huwa pjuttost twil f’dawn l-applikazzjonijiet, skont id-disponibbiltà tal-informazzjoni speċifika li tiġġustifika l-ħtieġa għal dawn l-eżenzjonijiet. Jekk jingħataw, dawn l-eżenzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu qosra kemm jista’ jkun biex jiżguraw li l-UV-328 f’dawn l-applikazzjonijiet jiġi eliminat gradwalment kemm jista’ jkun malajr.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fir-rigward tat-talba mressqa mir-Repubblika tal-Korea biex tiġi estiża d-data tal-iskadenza ta’ ċerti eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku, tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil għandha tkun li jiġu appoġġati t-talbiet, peress li r-Repubblika tal-Korea teħtieġ aktar żmien biex telimina gradwalment u għalkollox l-użi rispettivi, fosthom billi tidentifika xi alternattivi.
Fir-rigward tal-klorpirifos, il-proposta hija koerenti mal-approċċ ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fir-rigward tas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT, persistent, bioaccumulative and toxic), peress li t-tnejn jipprevedu kriterji li, fil-prinċipju, ma jippermettux l-introduzzjoni fis-suq u l-użu ta’ sustanzi attivi li huma PBT. Fir-rigward tal-MCCP u l-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati, sabiex tkun żgurata l-koerenza, id-Dokument ta’ Fehim Komuni jeżamina r-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, ir-Regolament (UE) 2019/1021, u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tar-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.”
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Konferenza tal-Partijiet hi korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.
L-atti li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u se jkollhom jiġu implimentati fir-Regolament (UE) 2019/1021.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-ambjent.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0028 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tat-talbiet għall-estensjoni ta’ eżenzjonijiet speċifiċi u tal-proposti għall-emendar tal-Anness A ta’ dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-“Konvenzjoni”) kienet ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE u daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004.
(2)Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tista’ telenka s-sustanzi kimiċi fl-Annessi A, B u/jew C tal-Konvenzjoni kif ukoll tispeċifika l-miżuri tal-kontroll relatati ma’ dawn is-sustanzi kimiċi.
(3)Fit-12-il laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni mistennija tadotta deċiżjonijiet biex telenka aktar sustanzi kimiċi fl-Anness A tal-Konvenzjoni.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi d-deċiżjonijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)Sabiex saħħet il-bniedem u l-ambjent jitħarsu minn aktar rilaxxi ta’ paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż, ta’ klorpirifos u ta’ aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati, jeħtieġ jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk is-sustanzi kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni.
(6)Peress li l-Kumitat ta’ Rieżami tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPs, Persistent Organic Pollutants) identifika l-ħtieġa ta’ ċerti eżenzjonijiet speċifiċi għal kull waħda mit-tliet sustanzi kimiċi biex jingħata daqsxejn taż-żmien għat-tneħħija gradwali tal-użu tagħhom, fosthom billi jiġu identifikati xi alternattivi, jenħtieġ li jingħataw ċerti eżenzjonijiet speċifiċi bi żmien limitat, li wħud minnhom huma meħtieġa mill-Unjoni.
(7)Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet speċifiċi għall-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż rakkomandati mill-Kumitat ta’ Rieżami tal-POPs ma jkoprix l-użi kollha li huma meħtieġa mill-Unjoni qabel ma titlesta t-tranżizzjoni lejn alternattivi oħra, u għalhekk l-Unjoni jenħtieġ li titlob iż-żieda ta’ eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu f’ċerti applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali (kisi, lubrikanti, u munizzjon u l-imballaġġ tiegħu) u, fejn meħtieġ, estensjoni fid-dati tal-iskadenza biex f’dawn is-setturi ferm regolati jiġu identifikati xi alternattivi li jissostitwixxu s-sustanzi msemmija.
(8)Sabiex ikun hemm żmien raġonevoli biex jiġu identifikati xi alternattivi u biex jintużaw ċerti spare parts fis-settur tal-avjazzjoni, jeħtieġ ikun permess l-użu kontinwu tal-UV-328 fl-inġenji tal-ajru ċivili u militari inkluż fl-ispare parts rilevanti, u b’hekk tiġi appoġġata l-proposta tal-Etjopja biex fl-Anness A tal-Konvenzjoni tiżdied l-eżenzjoni speċifika rispettiva mal-entrata dwar l-UV-328.
(9)Sabiex ir-Repubblika tal-Korea tingħata aktar żmien biex tidentifika xi alternattivi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku, tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil fil-fowm tat-tifi tan-nar għat-trażżin tal-fwar tal-fjuwils likwidi u n-nirien tal-fjuwils likwidi (nirien tal-Klassi B) fis-sistemi installati, inkluż kemm is-sistemi mobbli kif ukoll dawk fissi, jixraq li tiġi aċċettata t-talba mressqa mir-Repubblika tal-Korea biex tiġi estiża d-data tal-iskadenza ta’ dawn l-eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS), tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u kwalunkwe Konferenza sussegwenti tal-Partijiet meta l-elenkar tas-sustanzi kimiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ikunu fl-aġenda għandha tkun kif ġej, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPRC, Persistent Organic Pollutants Review Committee):
(a)li jiġi appoġġat l-elenkar tal-paraffini klorurati b’tulijiet tal-katina tal-karbonju fil-medda C14–17 u b’livelli ta’ klorinazzjoni ta’ 45 fil-mija jew aktar ta’ kloru skont il-piż fl-Anness A, bl-eżenzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-POPRC, iżda bil-possibbiltà li jintalbu eżenzjonijiet speċifiċi addizzjonali għall-użu f’ċerti applikazzjonijiet tad-difiża u ajruspazjali (kisi, lubrikanti, u munizzjon u l-imballaġġ tiegħu) u estensjoni tad-dati tal-iskadenza għal xi eżenzjonijiet għall-applikazzjonijiet ajruspazjali u tad-difiża sal-2041, u għall-ispare parts sal-2046;
(b)li jiġi appoġġat l-elenkar tal-klorpirifos fl-Anness A, bl-eżenzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-POPRC;
(c)li jiġi appoġġat l-elenkar tal-aċidi perfluworokarbossiliċi b’katina twila, tal-imlieħ tagħhom u tal-komposti relatati fl-Anness A, bl-eżenzjonijiet speċifiċi rakkomandati mill-POPRC.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u kwalunkwe Konferenza sussegwenti tal-Partijiet meta l-proposta tal-Etjopja tkun fl-aġenda għandha tkun li tiġi appoġġata l-proposta ppreżentata mill-Etjopja biex jiġi emendat l-Anness A tal-Konvenzjoni billi tiżdied eżenzjoni speċifika għal ċerti użi tal-UV-328 fl-inġenji tal-ajru ċivili u militari, inkluż fl-ispare parts rilevanti.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u fi kwalunkwe Konferenza tal-Partijiet sussegwenti meta t-talba tar-Repubblika tal-Korea tkun fl-aġenda għandha tkun li tiġi aċċettata t-talba mressqa mir-Repubblika tal-Korea biex tiġi estiża d-data tal-iskadenza tal-eżenzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati miegħu, u tal-aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS), tal-imlieħ tiegħu u tal-fluworur tal-perfluworoottansulfonil fil-fowm tat-tifi tan-nar għat-trażżin tal-fwar tal-fjuwils likwidi u n-nirien tal-fjuwils likwidi (nirien tal-Klassi B) fis-sistemi installati, inkluż kemm is-sistemi mobbli kif ukoll dawk fissi.
Artikolu 4
Fid-dawl tal-iżviluppi fit-12-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni u kwalunkwe Konferenza sussegwenti tal-Partijiet meta dan il-punt ikun fl-aġenda, ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jilħqu qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,