European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2893

15.11.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2893

tat-12 ta’ Novembru 2024

li tapprova l-emendi tal-pjanijiet nazzjonali tal-Greċja għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009

(notifikata bid-dokument C(2024) 7905)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 109(8) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-preżentazzjoni tal-emendi tal-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni tal-Greċja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni għad-data rreġistrata f’konformità ma’ dak ir-Regolament, li permezz tiegħu l-Istati Membri jistgħu jagħmlu prijoritajiet għall-validazzjoni u l-kontroverifiki u s-segwitu sussegwenti dwar l-inkonsistenzi abbażi tal-ġestjoni tar-riskju. L-emendi ta’ dawk il-pjanijiet iridu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(2)

Fid-19 ta’ Lulju 2024, il-Greċja ppreżentat emendi tal-pjan nazzjonali eżistenti tagħha lill-Kummissjoni biex din tapprovahom, li kienu ġew approvati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2277 (2). Dawk l-emendi jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikoli 143 sa 145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3). Għalhekk, jenħtieġ li jiġu approvati.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ approvazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(4)

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tal-pjannazzjonali fir-rigward tat-tħaddim effettiv tiegħu. Jekk is-sejbiet tal-verifiki, tal-ispezzjonijiet u tal-awditi mwettqa mill-Kummissjoni fiil-qafas tat-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 juru li l-pjan ma għandux il-kapaċità li jiżgura li d-data rrappurtata lill-Kummissjoni fil-konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tkun kompluta, preċiża u rrappurtata fl-iskadenzi applikabbli, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru biex jemenda l-pjan tiegħu kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi tal-pjan nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ validazzjoni ppreżentati fid-19 ta’ Lulju 2024 mill-Greċja f’konformità mal-Artikolu 109(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma approvati.

Artikolu 2

Jekk, abbażi tas-sejbiet tal-verifiki, tal-ispezzjonijiet u tal-awditi mwettqa fil-qafas tat-Titolu X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta’ validazzjoni approvat f’konformità mal-Artikolu 1 ma jiżgurax l-implimentazzjoni effettiva mill-Istat Membru tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, tista’ titlob biex il-pjan jiġi emendat wara li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru għandu jemenda l-pjan ta’ validazzjoni tiegħu f’konformità ma’ din it-talba.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2277 tat-2 ta’ Diċembru 2015 dwar l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ validazzjoni skont l-Artikolu 109(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 53).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2893/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)