SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

25 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT – Provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas – Eżenzjonijiet – Klawżola ta’ standstill – Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu ċerti taxxi tranżitorjament – Artikolu 28(3)(a) u (4) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE u l-Artikolu 370 tas-Sitt Direttiva 2006/112/KE – Provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni – Il-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva 77/388 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112 – Emenda sussegwenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Assenza ta’ deroga espressa għall-eżenzjoni”

Fil-Kawża T‑221/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

TUI Belgium NV,

TUI Belgium Retail NV,

TUI Airlines Belgium NV,

TUIFLY Academy Brussels NV,

Tec4Jets NV,

Pats NV,

TUI Travel Belgium NV,

TUI Technology NV,

TUI Belgian Real Estate NV,

BTW-eenheid Travel4you

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),

komposta minn M. Sampol Pucurull, President, T. Pynnä, J. Laitenberger, M. Stancu (Relatriċi) u W. Valasidis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ April 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal TUI Belgium, TUI Belgium Retail, TUI Airlines Belgium, TUIFLY Academy Brussels, Tec4Jets, Pats, TUI Travel Belgium, TUI Technology, TUI Belgian Real Estate, BTW-eenheid Travel4You, minn J. Lejeune, avocate,

–

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) u (4) u tal-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll tal-Artikolu 370 u tal-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, disa’ kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, li flimkien jikkostitwixxu Travel4you, grupp ikkostitwit minn dawn id-disa’ kumpanniji u meqjus bħala persuna taxxabbli waħda għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), irrappreżentat minn TUI Belgium NV, u, min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), dwar rifjut tat-talba għal rimbors tal-VAT imressqa minn TUI Belgium u minn Travel4you u fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Is-Sitt Direttiva

3

L-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Skema speċjali għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar”, kien ifformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw it-taxxa fuq il-valur miżjud għall-operazzjonijiet ta’ l-aġenti ta’ l-ivjaġġar b’mod konformi mad-disposizzjonijet ta’ dan l-Artikolu, fejn l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar ikollhom x’jaqsmu mal-klijenti f’simhom u jużaw il-provvisti u s-servizzi ta’ persuni taxxabbli oħrajn fid-disposizzjonijiet ta’ l-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar. Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxi biss bħala intermedjarji u jieħdu kont tat-taxxa b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11 A(3)(ċ) […]

[…]

3.   Jekk it-transazzjonijet mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar lill-persuni taxxabbli oħrajn huma mwettqa mit-tali persuni barra l-Komunità, is-servizz ta’ l-aġent ta’ l-ivjaġġar għandu jkun trattat bħala attività eżenti intermedjarja taħt l-Artikolu 15 (14) […]

[…]”

4

L-Artikolu 28 tas-Sitt Direttiva, li jinsab taħt it-Titolu XVI, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”, kien jipprovdi dan li ġej:

“[…]

3.   Matul il-perjodu transizzjonali riferut fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

ikomplu soġġetti jintaxxaw it-transazzjonjiet eżenti taħt l-Artikolu 13 jew 15 stabbiliti fl-Anness E ma’ din id-Direttiva;

[…]

4.   Il-perjodu transizzjonali għandu għall-ewwel idum għal ħames snin mill‑1 ta’ Jannar 1978. Mill-iktar tard sitt xhur qabel l-aħħar ta’ dan il-perjodu, u sussegwentament kif neċessarju, il-Kunsill għandu jirrevedi s-sitwazzjoni fir-rigward tad-derogazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 fuq il-bażi tar-rapport mill-Kummissjoni u għandu b’mod unanimu jiddetermina fuq proposta mill-Kummissjoni, jekk kwalunkwe jew dawn id-derogazzjonijiet kollha għandhomx ikunu aboliti.

[…]”

5

It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 14 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva u riprodotti fl-Anness E tagħha jinkludu “[i]s-servizzi ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar msemmija fl-Artikolu 26, u dawk l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu fl-isem u akkont tal-vjaġġatur, għall-vjaġġi barra l-Komunità”.

Id-Direttiva dwar il-VAT

6

Skont l-Artikolu 153 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ servizzi minn intermedjarji, li jaġixxu f’isem jew għal persuna oħra, fejn huma jieħdu sehem fit-transazzjonijet imsemmija fil-Kapitoli 6, 7 u 8, jew ta’ transazzjonijet mwettqa barra mill–Komunità.

[…]”

7

Il-Kapitolu 3 tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Skema speċjali għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar”, inkluż taħt it-Titolu XII, intitolat “Skemi speċjali”, fih l-Artikoli 306 sa 310.

8

L-Artikolu 306(1) tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali tal-VAT, skond dan il-Kapitolu, għal transazzjonijiet imwettqa minn aġenti ta’ l-ivjaġġar li jkollhom x’jaqsmu ma’ konsumaturi f’isimhom u li jużaw provvisti ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fil-provvediment tal-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar.

Din l-iskema speċjali m’għandhiex tapplika għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu biss bħala intermedjarji u li għalihom japplika l-punt (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 79 għall-finijiet tal-kalkulazzjoni ta’ l-ammont tat-taxxa.”

9

L-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi dan li ġej:

“Jekk transazzjonijet fdati mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar lil persuni taxxabbli oħrajn huma mwettqa mit-tali persuni barra mill-Komunità, il-provvista ta’ servizzi mwettqa mill-aġent ta’ l-ivjaġġar għandha tkun trattat bħala attività intermedjarja eżenti skond l-Artikolu 153.

[…]”

10

L-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw it-transazzjonjiet elenkati fl-Anness X, Parti A, jistgħu jkomplu jintaxxaw dawk it-transazzjonijiet.”

11

L-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT, fil-Parti A tagħha, intitolata “Transazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jintaxxaw”, jipprovdi, fil-punt 4 tiegħu: “il-provvista tas-servizzi ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar, kif imsemmija fl-Artikolu 306, u dawk ta’ l-aġenti ta’ l–ivvjaġġar li jaġixxu fl-isem u għall-vjaġġatur, għal vjaġġi barra mill-Komunità.”

Id-dritt Belġjan

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-dritt Belġjan rilevanti huwa l-Wetboek van de belasting over de toegevoegde waarde (il-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”).

13

Bejn l‑1 ta’ Diċembru 1977 u l‑31 ta’ Diċembru 1999, l-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi tal-VAT kien jipprevedi dan li ġej:

“Meta aġenzija tal-ivvjaġġar tintervjeni fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel jew ta’ xorb ikkonsmati fuq il-post, ta’ divertiment, jew ta’ wieħed jew iktar minn dawn is-servizzi msemmija fl-Artikolu 18, hija għandha titqies li taġixxi f’isem u għan-nom tal-vjaġġatur, irrispettivament mill-modalitajiet ta’ intervent tagħha, ħlief sa fejn hija stess tipprovdi dawn is-servizzi direttament bil-mezzi tagħha stess jew sa fejn tkun qegħda taġixxi f’isem u għan-nom tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi.

Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, ‘aġenzija tal-ivvjaġġar’ tfisser kull persuna li l-attività tagħha tikkonsisti jew fl-organizzazzjoni u fil-bejgħ ta’ vjaġġi jew ta’ soġġorni kollox kompriż li jinkludu, b’mod partikolari, l-akkomodazzjoni, jew fil-bejgħ, bħala intermedjarju, ta’ tali vjaġġi jew soġġorni, biljetti tat-trasport, jew vawċers għall-akkomodazzjoni jew għall-ikel.”

14

Bejn l‑1 ta’ Jannar 1978 u l‑31 ta’ Diċembru 1999, l-Artikolu 41(2) tal-Kodiċi tal-VAT kien jipprovdi dan li ġej:

“Huma eżentati mit-taxxa l-provvisti ta’ servizzi minn sensara u aġenti li ma jaġixxux fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2), meta dawn is-sensara u aġenti jintervjenu f’kunsinni ta’ oġġetti jew ta’ provvisti ta’ servizzi li ma jitwettqux fil-pajjiż jew li huma eżentati skont l-Artikoli 39 sa 42.

Din l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għal provvisti minn aġenziji tal-ivvjaġġar involuti fil-provvista ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel jew xorb ikkonsmat fuq il-post, ta’ divertiment, jew ta’ wieħed jew iktar minn dawn is-servizzi msemmija fl-Artikolu 18, ħlief meta l-aġenzija tal-ivvjaġġar taġixxi f’isem u għan-nom tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi.”

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Kodiċi tal-VAT ġie emendat bil-koninklijk besluit (id-Digriet Irjali), tat‑28 ta’ Diċembru 1999 (Belgisch Staatsblad, 31 ta’ Diċembru 1999, p. 50507, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999”), applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2000. Skont dan id-digriet, il-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni ma baqgħux assimilati ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji. Madankollu, dawn it-tranżazzjonijiet baqgħu suġġetti għall-VAT.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

TUI Belgium tbiegħ vjaġġi ta’ vaganzi f’isimha stess li, għalihom, hija tagħmel użu mis-servizzi ta’ terzi, inklużi lukandi u kumpanniji tal-ajru.

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu diversi talbiet għal rimbors tal-VAT applikata għal provvisti ta’ servizzi pprovduti minn TUI Belgium u relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni. Huma sostnew quddiem l-awtorità tat-taxxa li dawn is-servizzi kienu eżentati mill-VAT wara l-emenda tal-Kodiċi tal-VAT permezz tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000, u għalhekk talbu r-rimbors tal-VAT li huma kienu ħallsu allegament, b’mod indebitu, għall-imsemmija provvisti għall-perijodu minn Novembru 2004 sa Diċembru 2014.

18

L-awtorità tat-taxxa rrifjutat dan ir-rimbors.

19

Wara dan ir-rifjut, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lir-rechtbank van eerste aanleg West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ West-Vlaanderen, Sezzjoni ta’ Brugge, il-Belġju), li, permezz tas-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Jannar 2020, ċaħdet ir-rikors billi qieset li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx dritt għar-rimbors tal-VAT għall-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni fir-rigward tal-perijodu msemmi iktar ’il fuq.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent, il-Belġju).

21

Permezz tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Marzu 2022, l-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) iddeċidiet, essenzjalment, li, mill‑1 ta’ Jannar 2000, il-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni kienu baqgħu suġġetti għall-VAT, b’deroga mill-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u mill-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT.

22

Il-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) irrilevat b’mod partikolari li, minn naħa, fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, l-Istat Belġjan uża l-klawżola ta’ “standstill”, prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, li kienet tippermetti lill-Istati Membri jkomplu jissuġġettaw għall-VAT it-tranżazzjonijiet li huma kienu diġà jintaxxaw fl‑1 ta’ Jannar 1978 sa fejn dawn kienu jinsabu fl-Anness E tas-Sitt Direttiva u fl-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT.

23

Min-naħa l-oħra, mill‑1 ta’ Jannar 2000, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999, il-Kodiċi tal-VAT ippreveda li l-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom jaġixxu f’isimhom stess, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 306(1) tad-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tal-Kodiċi tal-VAT, li kien jeskludi espressament lill-aġenziji tal-ivvjaġġar mill-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għas-sensara u għall-mandatarji f’dak li jirrigwarda l-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi barra mill-pajjiż, tħassar, għaliex kien superfluwu f’kuntest li fih il-preżunzjoni legali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi tal-VAT li dawn l-aġenziji kienu “meqjusa li jaġixxu f’isem u għan-nom tal-vjaġġatur” fil-kwalità ta’ mandatarju tiegħu, kienet ukoll tħassret. Billi pproċeda b’dan il-mod, il-leġiżlatur Belġjan kellu l-intenzjoni biss li jirrispondi għall-intimazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea wara lment fis-sens li l-leġiżlazzjoni Belġjana, minħabba l-imsemmija preżunzjoni legali, setgħet twassal għal taxxa doppja. Din l-iskema, fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2000, kienet konformi mal-klawżola ta’ “standstill”, prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li kienet tinvolvi ż-żamma ta’ ssuġġettar għall-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni li kien eżistenti qabel l‑1 ta’ Jannar 1978.

24

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-hof van beroep te Gent (il-Qorti tal-Appell ta’ Gent) quddiem il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu, essenzjalment, li, mill‑1 ta’ Jannar 2000, id-dritt Belġjan ma fihx iktar dispożizzjoni espressa li tidderoga mill-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, is-sempliċi definizzjoni ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar bħala li taġixxi f’isimha stess tikkorrispondi għad-definizzjoni li tinsab fis-Sitt Direttiva. Min-naħa l-oħra, minħabba t-tħassir tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tal-Kodiċi tal-VAT, dan tal-aħħar ma jipprevedix iktar deroga espressa għall-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni mill‑1 ta’ Jannar 2000. Issa, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni espressa, l-Istat Belġjan, mill‑1 ta’ Jannar 2000, ma setax iktar jissuġġetta dawn il-provvisti ta’ servizzi għall-VAT mingħajr ma jikser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 26(3) u tal-punt 14 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva kif ukoll tal-Artikolu 309 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 153 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet introdotti fil-Kodiċi tal-VAT permezz tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999, f’dak li jirrigwarda l-issuġġettar għall-VAT tal-imsemmija provvisti ta’ servizzi, huma bbażati fuq loġika differenti minn dik tal-leġiżlazzjoni preċedenti, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss b’mod impliċitu l-esklużjoni tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni mill-assimilazzjoni mat-tranżazzjonijiet imwettqa minn intermedjarju eżenti skont il-punt 14 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-VAT u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 153 tad-Direttiva dwar il-VAT.

25

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermetti li jiġi ddeterminat b’ċertezza la jekk, fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, hijiex meħtieġa dispożizzjoni legali espressa sabiex jitkomplew jiġu ssuġġettati għall-VAT il-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, skont l-Artikolu 28(3)(a) u (4) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, u lanqas jekk is-sistema l-ġdida introdotta fil-Kodiċi tal-VAT permezz tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999 hijiex “essenzjalment identika” għal-leġiżlazzjoni preċedentement fis-seħħ meta ma tipprevedix iktar deroga espressa għall-eżenzjoni mill-VAT għal dawn il-provvisti ta’ servizzi.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-applikazzjoni tal-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 28(3)(a) u (4) kif ukoll il-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva […], li saru l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva [dwar il-VAT], teżiġi dispożizzjoni legali espressa li tipprovdi deroga mill-eżenzjoni tal-VAT fir-rigward ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar għal servizzi ta’ vvjaġġar barra mill-Unjoni […], prevista fl-Artikolu 26(3) [tas-Sitt] Direttiva […], li sar l-Artikolu 309 tad-Direttiva [dwar il-VAT]?

“2)

L-Artikolu 28(3)(a) u (4) kif ukoll il-punt 15 tal-Anness E [tas-Sitt] Direttiva […], li saru l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva [dwar il-VAT], għandhom jiġu interpretati fis-sens li emenda ta’ leġiżlazzjoni eżistenti mwettqa wara d-dħul fis-seħħ [tas-Sitt] Direttiva […], li tħassar id-dispożizzjoni leġiżlattiva espressa li kienet tipprovdi li s-servizzi ta’ vvjaġġar barra mill-Unjoni Ewropea pprovduti minn aġenziji tal-ivvjaġġar huma taxxabbli, sabiex tissostitwixxiha b’dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta biss impliċitament li s-servizzi ta’ vvjaġġar barra mill-Unjoni Ewropea jibqgħu taxxabbli, għandha titqies bħala leġiżlazzjoni li ma hijiex essenzjalment identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti u li hija bbażata fuq loġika differenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li s-sistema derogatorja li huma jipprevedu teħtieġ dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi espressament id-deroga għall-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, prevista fl-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT, jekk it-tranżazzjonijiet li għalihom aġenzija tal-ivvjaġġar tirrikorri għal persuni taxxabbli oħra jitwettqu minn dawn tal-aħħar barra mill-Unjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ din l-aġenzija tiġi assimilata ma’ attività ta’ intermedjarju eżentata skont il-punt 14 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 153 tad-Direttiva dwar il-VAT.

29

Madankollu, l-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva introduċa sistema derogatorja li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, matul il-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 28(4) tal-istess direttiva, ikomplu jissuġġettaw għall-VAT it-tranżazzjonijiet li huma eżenti minnha skont l-Artikolu 15 ta’ din tal-aħħar u li l-lista tagħhom hija inkluża fl-Anness E tagħha, li fosthom hemm b’mod partikolari “[i]s-servizzi ta’ l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar msemmija fl-Artikolu 26, u dawk l-aġenti ta’ l-ivvjaġġar li jaġixxu fl-isem u akkont tal-vjaġġatur, għall-vjaġġi fil-Komunità”.

30

Barra minn hekk, l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, essenzjalment jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva billi jipprevedi li l-Istati Membri li, fl‑1 ta’ Jannar 1978, kienu jintaxxaw it-tranżazzjonijiet li l-lista tagħhom tinsab fil-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT, jistgħu jibqgħu jintaxxawhom. Il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X jiċċita l-provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar li jaġixxu fl-isem u għan-nom ta’ vjaġġaturi għal vjaġġi magħmula barra l-Unjoni.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Parti A, tal-Anness X tal-imsemmija direttiva, ma kienx jikser id-dritt tal-Unjoni meta jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jibqgħu jintaxxaw il-provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar marbuta mal-vjaġġi magħmula barra mill-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you, C‑599/12, EU:C:2014:144, punt 51).

32

Fir-rigward tal-modalitajiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija lilhom li jkomplu jintaxxaw il-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati mal-vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li la fil-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva, u lanqas f’dik tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, ma hemm xejn li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni eżiġa l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi espressament id-deroga mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT sabiex jitkomplew jiġu ssuġġettati għall-VAT tali provvisti.

33

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3) u (4) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-punt 14 tal-Artikolu 15 u mal-Anness E tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 153 u mal-Parti A tal-Anness X tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta l-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu tal-eżenzjoni tal-provvisti msemmija fl-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT lill-Istati Membri biss bil-kundizzjoni li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, jiġifieri dik li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi t-tassazzjoni ta’ dawn il-provvisti qabel l‑1 ta’ Jannar 1978.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva u mill-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu t-teknika leġiżlattiva li jidhrilhom l-iktar xierqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, PIGI,C‑550/11, EU:C:2012:614, punt 33).

35

Madankollu, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li t-teknika leġiżlattiva magħżula jkollha ċarezza u preċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li tapplika għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, T-2,C‑396/16, EU:C:2018:109, punti 50 sa 53).

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati mal-vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, li kienu suġġetti għall-VAT fil-Belġju mill‑1 ta’ Diċembru 1977, baqgħu suġġetti għall-VAT, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-VAT, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2000, li minnhom jirriżulta impliċitament li dawn il-provvisti jibqgħu suġġetti għall-VAT peress li ma jipprevedux eżenzjoni mill-VAT għal dawn l-istess provvisti.

37

Xejn ma jippermetti li jitqies li tali għażla ta’ teknika leġiżlattiva tmur kontra l-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, iż-żamma, wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva dwar l-VAT, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma kinitx tipprevedi, qabel l‑1 ta’ Jannar 1978, l-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti msemmija fl-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT u li minnha jirriżulta impliċitament li dawn il-provvisti huma suġġetti għall-VAT, għandha titqies bħala r-riżultat tal-eżerċizzju, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-possibbiltà ta’ deroga li ngħatatlu skont l-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 370 tad-Direttiva dwar il-VAT.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-sistema derogatorja li huma jipprevedu ma teħtieġx dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi espressament id-deroga għall-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, prevista fl-Artikolu 26(3) tas-Sitt Direttiva u fl-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li emenda leġiżlattiva mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, li tħassar dispożizzjoni leġiżlattiva espressa li tipprovdi li l-provvisti ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni ma kinux eżentati mill-VAT, sabiex tissostitwixxiha b’dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta biss impliċitament li tali provvisti jibqgħu taxxabbli, għandha titqies bħala leġiżlazzjoni li ma hijiex, essenzjalment, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti u li hija bbażata fuq loġika differenti.

40

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta kull miżura nazzjonali adottata wara data stabbilita ma hijiex, abbażi ta’ dan il-fatt waħdu, awtomatikament eskluża mis-sistema derogatorja stabbilita mill-att tal-Unjoni inkwistjoni. Fil-fatt, dispożizzjoni li hija, essenzjalment, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew li kulma tagħmel huwa li tnaqqas jew li tneħħi ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti tibbenefika mid-deroga. Għall-kuntrarju, leġiżlazzjoni li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u tistabbilixxi proċeduri ġodda ma tistax tiġi assimilata mal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data stabbilita mill-att Komunitarju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Puffer,C‑460/07, EU:C:2009:254, punti 85 sa 87, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, EV,C‑685/16, EU:C:2018:743, punt 75)

41

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, mill‑1 ta’ Jannar 1978, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tal-Kodiċi tal-VAT kien jistabbilixxi preżunzjoni legali li abbażi tagħha l-aġenzija tal-ivvjaġġar li kienet tintervjeni fil-provvisti ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel jew ta’ xorb ikkonsmat fuq il-post, ta’ divertiment, jew ta’ servizzi oħra, kienet meqjusa li taġixxi f’isem u għan-nom tal-vjaġġatur fil-kwalità ta’ mandatarju tiegħu, ħlief sa fejn din l-aġenzija tkun ipprovdiet hija stess is-servizzi direttament bil-mezzi tagħha stess jew sa fejn hija tkun aġixxiet f’isem u għan-nom tal-fornitur ta’ dawn is-servizzi. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tal-Kodiċi tal-VAT kien jipprevedi, minn naħa, l-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi ta’ sensara u mandatarji mwettqa barra mill-pajjiż u, min-naħa l-oħra, eċċezzjoni għal din l-eżenzjoni fir-rigward tal-aġenziji tal-ivvjaġġar li kienu jintervjenu fil-provvisti ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni, ta’ ikel jew ta’ xorb ikkonsmat fuq il-post, ta’ divertiment jew ta’ servizzi oħra, ħlief jekk huma jkunu jaġixxu f’isem u għan-nom tal-fornitur tas-servizzi.

42

Wara l-emenda leġiżlattiva li saret fl‑1 ta’ Jannar 2000, il-Kodiċi tal-VAT jipprevedi li l-aġenti tal-ivvjaġġar jaġixxu f’isimhom stess fir-rigward tal-vjaġġatur meta jorganizzaw u jbiegħu, f’isimhom stess, vjaġġi li huma jwettqu billi jużaw l-oġġetti u s-servizzi pprovduti minn oħrajn għal dan l-għan u mhux bħala mandatarju tal-vjaġġatur. Barra minn hekk, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tal-Kodiċi tal-VAT kien jikkonċerna biss lis-sensara u lill-mandatarji, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) ta’ dan il-kodiċi li kien jeskludi lill-aġenziji tal-ivvjaġġar mill-eżenzjoni mill-VAT minħabba l-preżunzjoni legali li l-provvisti ta’ servizzi tagħhom kienu assimilati ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji, tħassar.

43

Kif indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tħassir ta’ din il-preżunzjoni legali, mill‑1 ta’ Jannar 2000, ma kellhiex bħala konsegwenza li l-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni ma jibqgħux suġġetti għall-VAT peress li mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-VAT jirriżulta impliċitament li dawn il-provvisti baqgħu suġġetti għall-VAT peress li d-dispożizzjonijiet ma jipprevedux eżenzjoni mill-VAT għal dawn l-istess provvisti.

44

Dan il-fatt ma jippermettix li jitqies li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tat‑28 ta’ Diċembru 1999, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2000, is-sistema tal-issuġġettar għall-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni nbidlet jew li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ bejn l‑1 ta’ Diċembru 1977 u l‑31 ta’ Diċembru 1999.

45

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ TUI Belgium u tal-Kummissjoni, l-emendi tal-Kodiċi tal-VAT li saru mill‑1 ta’ Jannar 2000 kienu intiżi għat-tħassir tal-preżunzjoni legali li l-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar kienu assimilati ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji u l-introduzzjoni f’dan il-kodiċi ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “aġenzija tal-ivvjaġġar” kienet ibbażata fuq il-kunċett li jinsab fl-Artikolu 26(1) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 306(1) tad-Direttiva dwar il-VAT). L-għan ta’ dawn l-emendi kien li jiġi evitat ir-riskju ta’ taxxa doppja. F’dan il-kuntest, kif jindika l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-tħassir tal-eċċezzjoni għall-eżenzjoni mill-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni jirrifletti biss għażla ta’ teknika leġiżlattiva adottata mil-leġiżlatur Belġjan intiża sabiex tiġi evitata ż-żamma ta’ deroga li ma jkollhiex iktar skop, mingħajr ma dan la jkollu effett fuq l-issuġġettar għall-VAT tal-imsemmija provvisti u lanqas fuq il-loġika tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dawn la wasslu għal żieda fin-numru ta’ attivitajiet taxxabbli u lanqas għal bidla fin-natura tal-imsemmija attivitajiet.

46

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-emendi tal-Kodiċi tal-VAT li saru mill‑1 ta’ Jannar 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma kienx jikser l-Artikolu 309 tad-Direttiva dwar il-VAT meta ma jassimilax il-provvisti ta’ servizzi ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar ma’ attivitajiet ta’ intermedjarji eżentati meta dawn il-provvisti jirrigwardaw vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni u meta jissuġġetta l-imsemmija provvisti għall-VAT, peress li kien issuġġetta għall-VAT dawn il-provvisti fl‑1 ta’ Jannar 1978 (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you, C‑599/12, EU:C:2014:144, punt 43).

47

Għaldaqstant, leġiżlazzjonijiet qodma u ġodda bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li jiżguraw riżultati, essenzjalment, identiċi, jiġifieri l-issuġġettar għall-VAT tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, ma humiex ibbażati fuq loġika differenti u ma introduċewx proċeduri differenti, ħaġa li għandha tiġi kkonstatata mill-qorti tar-rinviju.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li emenda leġiżlattiva mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, li tħassar dispożizzjoni leġiżlattiva espressa li tipprovdi li l-provvisti ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni ma kinux eżentati mill-VAT, sabiex tissostitwixxiha b’dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta biss impliċitament li tali provvisti jibqgħu taxxabbli, ma għandhiex titqies bħala leġiżlazzjoni li ma hijiex, essenzjalment, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti u li hija bbażata fuq loġika differenti.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

għandhom jiġi interpretati fis-sens li:

is-sistema derogatorja li huma jipprevedu ma teħtieġx dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi espressament id-deroga għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-provvisti ta’ servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni, prevista fl-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 77/388 u fl-Artikolu 309 tad-Direttiva 2006/112.

 

2)

L-Artikolu 28(3)(a) u (4) u l-punt 15 tal-Anness E, tad-Direttiva 77/388, kif ukoll l-Artikolu 370 u l-punt 4 tal-Parti A tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112,

għandhom jiġi interpretati fis-sens li:

emenda leġiżlattiva mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 77/388, li tħassar dispożizzjoni leġiżlattiva espressa li tipprovdi li l-provvisti ta’ servizzi minn aġenziji tal-ivvjaġġar relatati ma’ vjaġġi mwettqa barra mill-Unjoni ma kinux eżentati mill-VAT, sabiex tissostitwixxiha b’dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta biss impliċitament li tali provvisti jibqgħu taxxabbli, ma għandhiex titqies bħala leġiżlazzjoni li ma hijiex, essenzjalment, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti u li hija bbażata fuq loġika differenti.

 

Sampol Pucurull

Pynnä

Laitenberger

Stancu

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Marzu 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.