24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/370


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1630 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0096/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tal-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 141 620 456, li jirrappreżenta żieda ta' 4,33 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,42 %, li tirrappreżenta żieda ta' 3,31 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 86,61 %, li tindika tnaqqis ta' 0,31 % meta mqabbla mal-2018;

2.

Jinnota li l-Aġenzija akkumulat dewmien fil-pagamenti f'20 % tal-każijiet fl-2019; jinnota li l-livell ta' pagamenti tard kien saħansitra ogħla fis-snin preċedenti, iżda jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tagħmel il-pagamenti fit-termini preskritti biex tevita riskju għar-reputazzjoni; jilqa' pożittivament il-miżuri ta' mitigazzjoni li ħadet l-Aġenzija f'dan ir-rigward, li rriżulta li fl-2019, tħallas l-ammont globali ta' imgħax immaterjali ta' EUR 1 624,53;

3.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2019 l-Aġenzija ta' spiss naqset milli tagħmel pagamenti fi żmien it-termini preskritti, u b'hekk esponiet lill-Aġenzija għal riskji għar-reputazzjoni; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Aġenzija, fl-2019, l-Aġenzija kienet qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni ta' nuqqas ta' persunal li affettwat l-amministrazzjoni finanzjarja iżda li l-Aġenzija hija konxja tal-profil tar-riskju fir-rigward tad-dewmien fil-pagamenti u tissorvelja bir-reqqa l-ammonti ta' pagamenti fuq bażi ta' kull xahar u ħadet azzjonijiet ta' mitigazzjoni biex taderixxi mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, il-valur globali tal-fatturi mħallsa tard kien jammonta għal madwar EUR 6,6 miljun fl-2019, li jirrappreżenta 4,6 % tal-pagamenti li saru;

4.

Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija rċeviet baġit finali ta' EUR 138,3 miljun u żieda ta' 15-il aġent temporanju; jenfasizza, madankollu, li l-abbozz ta' baġit stmat adottat mill-bord ta' amministrazzjoni tal-Aġenzija talab allokazzjoni totali ta' EUR 143,3 miljun u żieda netta fil-karigi ta' 43 aġent temporanju; jissottolinja li minħabba n-nuqqas baġitarju u ta' persunal, l-Aġenzija kellha tagħti inqas prijorità lil għadd ta' objettivi u azzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jsaħħu d-djalogu tagħhom mal-Aġenzija fir-rigward tal-indirizzar tan-nuqqasijiet baġitarji u tal-persunal;

Prestazzjoni

5.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud tal-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħar-rata tal-eżitu tal-baġit, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-objettivi tal-programm ta' ħidma u l-grad ta' sodisfazzjon għal dak li jikkonċerna l-immaġni tal-Aġenzija;

6.

Ifakkar lill-Aġenzija biex tirrieżamina u taġġorna regolarment is-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha biex tiżgura li tikkontribwixxi b'mod effiċjenti, u biex tiżgura l-għarfien espert tagħha, fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tanalizza l-eżiti bir-reqqa u tużahom biex ittejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività tagħha;

7.

Jinnota li l-Aġenzija implimentat 79 % tal-objettivi tal-programm ta' ħidma u 75 % tal-azzjonijiet li jinsabu fil-programm ta' ħidma tal-2019;

8.

Jinnota b'apprezzament li fl-2019 l-Aġenzija kompliet twettaq attivitajiet konġunti u servizzi kondiviżi ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, inkluża l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, u li l-Aġenzija ngħaqdet ma' 21 proċedura ta' akkwist interistituzzjonali;

9.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà);

10.

Jinnota li, skont il-valutazzjoni tal-bord ta' amministrazzjoni, għadd ta' proġetti u attivitajiet importanti ngħataw inqas prijorità u ma seħħewx minħabba l-fatt li l-baġit u t-tabella tal-persunal allokati lill-Aġenzija għall-2019 kienu ferm inqas mill-istimi inizjali u kienet meħtieġa reviżjoni fil-fond tal-programm ta' ħidma annwali;

11.

Jilqa' l-fatt li, f'kollaborazzjoni mal-eu-LISA, l-Aġenzija rnexxielha tintegra t-tfittxijiet fis-SIS II fl-interfaċċja tal-utenti tal-USE u li sar aktar progress lejn l-istabbiliment tal-aċċess għall-VIS; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-istabbiliment ta' uffiċċju SIRENE fi ħdan l-Aġenzija ma seħħx fl-2019; iħeġġeġ lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tavvanza fl-allinjament u l-koordinazzjoni tar-riżorsi interni tagħha mal-iżviluppi tal-inizjattivi ta' interoperabbiltà tal-Unjoni;

12.

Jissottolinja r-rwol importanti tal-Aġenzija fl-appoġġ tal-investigazzjonijiet kriminali tal-Istati Membri u fil-forniment ta' analiżi operazzjonali; jenfasizza wkoll l-estensjoni tal-kompiti tiegħu u r-rwol dejjem jikber tiegħu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità u forom gravi u organizzati oħra ta' kriminalità fl-Unjoni kollha;

13.

Jenfasizza li l-għadd ta' operazzjonijiet li l-Aġenzija appoġġjat żdied minn 1 748 fl-2018 għal 1 921 fl-2019 (li jirrappreżenta żieda ta' 9,89 %) u li l-laqgħat operattivi ffinanzjati mill-Aġenzija żdiedu minn 427 fl-2018 għal iktar minn 500 fl-2019 (li jirrappreżenta żieda ta' 17 %), fatt li jissottolinja ż-żieda fix-xogħol tal-Aġenzija; jissottolinja l-investigazzjonijiet speċjalizzati ħafna appoġġjati mill-Aġenzija f'dawn l-aħħar snin, maħsuba biex jiġġieldu kontra x-xbieki tal-kriminalità organizzata sofistikati ħafna, it-traffikar tad-droga, ir-rimi illeċitu tal-iskart u t-traffikar illeċitu fid-dark web;

Politika dwar il-persunal

14.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 92,89 % tat-tabella tal-persunal ġiet implimentata, u kienu nħatru 549 aġent temporanju minn total ta' 591 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 576 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, fl-2019 ħadmu għall-Aġenzija 196 aġent kuntrattwali u 66 espert nazzjonali sekondat;

15.

Jinnota li l-Aġenzija temmet l-2019 b'rata ta' postijiet battala ta' 3.6 %, li kienet ogħla mill-mira ta' 2 %; jirrikonoxxi li ġew stabbiliti miżuri ta' mitigazzjoni bħaż-żieda fil-pass tal-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet battala jew l-użu ta' listi ta' riżerva; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-Aġenzija rreġistrat ukoll rata ta' dawran tal-persunal ogħla milli mistenni ta' 11.7 %, meta mqabbla ma' 8.7 % fis-sena preċedenti; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, ir-rata ta' dawran kienet ir-riżultat ta' għadd kbir ta' riżenji u għadd ta' kuntratti li ntemmu fl-2019 u li l-Aġenzija mmonitorjat mill-qrib is-sitwazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tindirizza din il-kwistjoni fid-dawl tas-sitwazzjonijiet potenzjali ta' "revolving door";

16.

Jinsab ferm imħasseb bin-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrappuratat fl-2019 għall-maniġers superjuri (139 raġel u 28 mara) u fil-bord ta' amministrazzjoni (43 raġel u 10 nisa) u fil-persunal; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tikseb bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord ta' amministrazzjoni tal-Aġenzija;

17.

Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jinnota li ġew irrappurtati żewġ każijiet ta' allegat fastidju psikoloġiku u ta' mġiba mhux xierqa relatata u sussegwentement ġew investigati permezz ta' inkjesta amministrattiva formali fl-2019 u deċiżjoni dwar l-eżitu kellha tittieħed fl-2020; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-sejbiet tal-inkjesta;

18.

Jilqa' l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tal-għodda eżistenti għar-reklutaġġ elettroniku ġie estiż b'suċċess biex ikopri wkoll il-karigi ristretti; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija implimentat l-osservazzjoni tal-Qorti mill-2017 dwar il-pubblikazzjoni ta' avviżi ta' postijiet battala fuq is-sit web tal-EPSO;

19.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

Akkwist pubbliku

20.

Jinnota bi tħassib is-sejba tal-Qorti, li hija relatata wkoll mas-segwitu tas-sejbiet tas-sena ta' qabel, li l-Aġenzija tawlet b'mod irregolari ż-żmien ta' kuntratt qafas għall-forniment ta' servizzi ta' vvjaġġar professjonali billi ffirmat emendi fl-2018 u l-2019 wara li kien skada l-kuntratt, li wasslu biex l-emendi u l-pagamenti relatati jkunu irregolari; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li l-estensjoni fl-2019 kienet ir-riżultat ta' deċiżjoni kummerċjali konxja biex tinżamm il-kontinwità tal-operat u ma kinitx tikkostitwixxi dgħufija fil-kontroll ex ante u li, barra minn hekk, kellu jibda awditu intern fir-raba' kwart tal-2020 bil-għan li jinkisbu aċċertamenti addizzjonali dwar l-approċċ ta' ġestjoni tal-kuntratti tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet u konsegwentement issaħħaħ il-ġestjoni tal-kuntratti u l-kontrolli ex ante;

21.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-akkwist ta' għamara, aċċessorji u servizzi relatati, it-termini użati fid-dokumenti għas-sejħa għall-offerti ma kinux speċifiċi biżżejjed, u dan dgħajjef in-natura kompetittiva tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ma vverifikatx biżżejjed il-preċiżjoni tal-prezzijiet sottostanti u l-kalkolu tal-iskontijiet applikati għall-elementi mhux standard qabel ma ssottomettiet il-formola tal-ordni lill-kuntrattur; jistieden lill-Aġenzija tiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-proċeduri kollha tal-offerti; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, id-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti kienet tinkludi s-suġġett tal-akkwist u l-kriterji tal-esklużjoni, l-għażla u l-għoti applikabbli, u b'hekk ħolqot kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-kompetittività u jinnota li, fir-rigward tal-iskont mogħti mill-kuntrattur, il-kuntrattur kien offra skont ogħla mir-rata standard inkluża fil-kuntratt u b'hekk l-Aġenzija aġixxiet f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, skont id-dispożizzjonijiet fil-kuntratt; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet fis-sejħiet għall-offerti jkunu kompluti biex jippermettu kompetizzjoni leali u effettiva;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, etika u trasparenza

22.

Jinnota li l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, il-protezzjoni tal-informaturi u l-ġlieda kontra l-fastidju; jinnota li ġew irrappurtati żewġ każijiet ta' allegat fastidju psikoloġiku u ta' mġiba mhux xierqa relatata u sussegwentement ġew investigati permezz ta' inkjesta amministrattiva formali fl-2019 u deċiżjoni dwar l-eżitu kellha tittieħed fl-2020; jiddeplora l-fatt li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' xi wħud mill-membri tal-bord ta' amministrazzjoni tal-Aġenzija ma ġewx ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; itenni s-sejħa tiegħu lill-Aġenzija biex tippubblika malajr is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-bord ta' amministrazzjoni tal-Aġenzija u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

23.

Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jappella biex dawk il-kwistjonijiet jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta' standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni;

24.

Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali;

Kontrolli interni

25.

Jinnota, fid-dawl tal-kummenti u l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza relatati mal-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika fl-Aġenzija, li nħarġu tliet rakkomandazzjonijiet importanti, li tnejn minnhom ġew implimentati fl-2019, u rakkomandazzjoni waħda miftuħa dwar l-aġġornament tal-proċess ta' inkjesta amministrattiva u tal-proċedura dixxiplinarja kienet mistennija li tiġi implimentata sa tmiem l-2020;

26.

Jinnota li l-kapaċità ta' awditjar intern lestiet l-impenji tal-awditjar li ġejjin: analiżi operattiva, il-proċess ta' ġestjoni tal-għotjiet, il-validazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess tal-utenti mogħtija fl-ABAC, u awditu tal-ISO 17020:2012 tal-laboratorju forensiku tal-Aġenzija; jinnota li, filwaqt li l-kapaċità ta' awditjar intern ikkonkludiet li l-kontrolli interni huma implimentati u effettivi, matul l-2019 saru 41 rakkomandazzjoni ġdida b'rata ta' implimentazzjoni ta' 95 % ta' rakkomandazzjonijiet kritiċi u importanti ħafna li kienu mistennija jitlestew fl-2019;

27.

Jinnota li l-bord ta' amministrazzjoni adotta l-qafas ta' kontroll intern tal-Aġenzija f'Diċembru 2018 u li, matul l-2019, l-Aġenzija kkonkludiet li l-komponenti tal-qafas ta' kontroll intern huma preżenti u qed jiffunzjonaw, bil-ħtieġa ta' xi titjib żgħir;

Kummenti oħra

28.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini tal-proċeduri ta' ġestjoni u operazzjonijiet interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa kollha biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

29.

Jinnota li, bl-inċertezza kontinwa marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fl-ewwel kwart tal-2019 l-Aġenzija eżaminat l-opportunitajiet kollha possibbli biex iżżomm relazzjonijiet operazzjonali effettivi mar-Renju Unit bħala pajjiż terz;

30.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħha biex iżżid il-viżibbiltà pubblika tagħha;

31.

Jenfasizza l-fatt li jinħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni inizjali tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/2102 (2), inkluż id-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà jiġu involuti f'dan il-proċess;

32.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 184, 28.5.2019, p. 1

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.