|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1859 |
30.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1859
tad-29 ta’ Lulju 2026
dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat tat-tawrina bħala addittiv tal-għalf għall-Canidae, għall-Felidae, għall-Mustelidae, għall-ħut bil-pinen karnivoru u għal speċijiet karnivori akkwatiċi oħra u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/722
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
It-tawrina kienet ġiet awtorizzata għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-Canidae, għall-Felidae, għall-Mustelidae u għall-ħut karnivoru bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/722 (2). |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat u tat-tawrina bħala addittiv tal-għalf għall-Canidae, għall-Felidae, għall-Mustelidae u għall-ħut karnivoru, u għall-awtorizzazzjoni ta’ użu ġdid fil-pollam u fl-ispeċijiet porċini, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili”. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Aktar tard, l-applikant irtira l-applikazzjoni għall-pollam u għall-ispeċijiet porċini. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2025 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-preparat tat-tawrina għadu sikur għall-Canidae, għall-Felidae, għall-Mustelidae, għall-ħut karnivoru, kif ukoll għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. L-Awtorità indikat li t-tawrina fil-livelli ta’ 0,05 %– 0,25 % fl-għalf komplet hija sikura għall-qtates b’marġni ta’ sikurezza bejn 4 u 20. Abbażi tas-sett tad-data limitat disponibbli mil-letteratura dwar il-ħut bil-pinen karnivoru, tqies li l-livelli ta’ bejn 2,0 % u 2,5 % huma sikuri. Għall-ispeċijiet l-oħra, l-Awtorità kkonkludiet li l-livelli sa 0,2 % ta’ tawrina fl-għalf komplet huma ttollerati, iżda ma setax jiġi pprovdut marġni ta’ sikurezza. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li t-tawrina hija irritant tal-ġilda u tal-għajnejn, u sensitizzatur respiratorju u tal-ġilda. Kwalunkwe esponiment għal dik is-sustanza jitqies bħala riskju. L-Awtorità ddikjarat li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali li jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. Għalhekk, hija kkonkludiet li ma hemmx bżonn tiġi vvalutata l-effikaċja tal-addittiv fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. L-Awtorità ma jidhrilhiex li hemm bżonn rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni. |
|
(5) |
Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 deherlu li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tat-tawrina bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), mhuwiex meħtieġ ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-preparat tat-tawrina jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Il-Kummissjoni jidhrilha li għall-Canidae, għall-Mustelidae, għall-ħut bil-pinen karnivoru u għal speċijiet karnivori akkwatiċi oħra, ħlief il-mammiferi, ma setax jiġi pprovdut marġni ta’ sikurezza, u għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit kontenut massimu għal dawk l-ispeċijiet. Minħabba li mhux possibbli li jsir kontroll effettiv biex tiġi żgurata l-konformità mal-kontenut massimu meta l-addittiv jintuża simultanjament fl-ilma u fl-għalf, jenħtieġ li l-użu fl-ilma jkun permess biss fil-Felidae. Fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, il-Kummissjoni jidhrilha li l-awtorizzazzjoni preċedenti kienet tkopri, taħt it-terminu ġeneriku “ħut,” l-ispeċijiet akkwatiċi kollha, ħlief il-mammiferi. Hemm studji dwar speċijiet differenti ta’ krustaċji u molluski li għalihom hija meħtieġa t-tawrina u ma hemm l-ebda riskju li t-tawrina tiġi awtorizzata għal dawk l-ispeċijiet (5). Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati l-effetti avversi fuq saħħet l-utenti tal-addittiv. Jenħtieġ li dawk il-miżuri protettivi jkunu mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra tas-sikurezza tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
(7) |
B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat tat-tawrina bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/722 jitħassar. |
|
(8) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/722 jipprevedi li t-tawrina titħalla tiġi introdotta fis-suq u tintuża bħala addittiv li jikkonsisti fi preparat, iżda l-kompożizzjoni ta’ tali preparat bi żball ma ġietx speċifikata fit-termini tal-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li tiġi prevista deskrizzjoni aktar akkurata tat-tawrina awtorizzata bħala preparat f’konċentrazzjonijiet ta’ 97 %, billi tiġi speċifikata l-kompożizzjoni tal-addittiv awtorizzat bħala preparat. Barra minn hekk, peress li l-kontenut massimu tal-addittiv huwa stabbilit għall-Canidae, għall-Mustelidae u għall-ħut bil-pinen karnivoru u għal speċijiet karnivori akkwatiċi oħra, ħlief il-mammiferi, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tiġdid tal-awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni tal-preparat speċifikat fl-Anness, tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi nutrittivi” u tal-grupp funzjonali “vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili”, hija mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Tħassir
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/722 jitħassar.
Artikolu 3
Miżuri tranżizzjonali
1. L-addittiv tal-għalf tawrina kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/722 u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv li huma maħsuba għall-Canidae, għall-Felidae, għall-Mustelidae u għall-ħut karnivoru, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Frar 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.
2. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Awwissu 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.
3. L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Awwissu 2028 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati jekk ikunu maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/722 tal-5 ta’ Mejju 2015 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tat-tawrina bħala addittiv fl-għalf għal Canidae, Felidae, Mustelidae u l-ħut karnivoru (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/722/oj).
(3) EFSA Journal. 2025;23:e9540. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9540.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ adittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).
(5) Effects of dietary taurine on growth, non-specific immunity, anti-oxidative properties and gut immunity in the Chinese mitten crab Eriocheir sinensis. Fish Shellfish Immunol. 2018 Nov:82:212-219. doi: 10.1016/j.fsi.2018.08.029. Epub it-18 ta’ Awwissu 2018;
Effect of taurine on growth and immune response of Pacific white shrimp (Litopenaeus vannamei) cultured at different temperatures. Aquaculture, Volume 594, 15 ta’ Jannar 2025, 741393. https://doi.org/10.1016/j.aquaculture.2024.741393;
It-tawrina tippromwovi l-irkupru rapidu tal-gandoffli (Ruditapes philippinarum) wara esponiment għall-arja permezz tal-perkors tal-glutatijon u billi timpedixxi l-apoptożi. Aquaculture Reports Volume 42, 15 ta’ Lulju 2025, 102845. https://doi.org/10.1016/j.aqrep.2025.102845.
ANNESS
|
Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv |
Isem l-addittiv |
Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku |
Speċi jew kategorija ta’ annimal |
Età massima |
Kontenut minimu |
Kontenut massimu |
Dispożizzjonijiet oħra |
Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni |
||||||||||
|
mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 % |
||||||||||||||||||
|
Kategorija tal-addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: vitamini, provitamini u sustanzi definiti tajjeb kimikament li jkollhom effett simili |
||||||||||||||||||
|
3a370 |
Tawrina |
Kompożizzjoni tal-addittiv Preparat tat-tawrina li fih minimu ta’ 97 % ta’ tawrina. Għamla solida Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva Tawrina C2H7NO3S Numru CAS: 107-35-7 Purità: minimu ta’ 98 % Tawrina, f’għamla solida, prodotta permezz ta’ sinteżi kimika Metodu analitiku (1) Għad-determinazzjoni tat-tawrina fl-addittiv tal-għalf: kromatografija bi skambju tal-joni b’derivatizzazzjoni postkolonna tan-ninidrina (Farmakopea Ewropea 2.2.56 Metodu 1). Għad-determinazzjoni tat-tawrina fil-premixxeli u fl-għalf kompost: kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS) jew kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja b’fażi inversa b’derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni bil-fluworexxenza (HPLC-FLD) (AOAC 999.12). Għad-determinazzjoni tat-tawrina fl-ilma tax-xorb: kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja bi skambju tal-joni akkoppjata ma’ detezzjoni bil-UV jew bil-fluworexxenza (HPLC-UV/FLD). |
Felidae |
- |
- |
- |
|
Id-19 ta’ Awwissu 2036 |
||||||||||
|
Canidae |
- |
- |
2 000 |
|||||||||||||||
|
Mustelidae |
- |
- |
2 000 |
|||||||||||||||
|
Ħut bil-pinen karnivoru Speċijiet akkwatiċi karnivori oħra, għajr il-mammiferi |
- |
- |
25 000 |
|||||||||||||||
|
(1) Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en?prefLang=mt. |
||||||||||||||||||
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1859/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)