26.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1535

tal-24 ta’ Lulju 2023

li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u (UE) 2020/1213 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer campestre, l-Acer palmatum, l-Acer platanoides u l-Acer pseudoplatanus li joriġinaw mir-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(2)

Wara valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod proviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Wieħed mill-ġeneri elenkati huwa l-Acer L.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

(4)

Fit-3 ta’ Mejju 2022, ir-Renju Unit (5) ippreżenta talbiet lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil (“il-pjanti rilevanti”) li ġejjin:

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer campestre;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer palmatum;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer platanoides; u

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer pseudoplatanus.

Dawk it-talbiet kienu sostnuti mid-dossier tekniku rilevanti.

(5)

Fl-24 ta’ Mejju 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat erba’ opinjonijiet xjentifiċi fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti rilevanti li joriġinaw mir-Renju Unit (6), (7), (8), (9). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci, il-Coniella castaneicola, il-Cryphonectria parasitica, l-Entoleuca mammata, l-Eulecanium excrescens, il-Meloidogyne fallax, il-Meloidogyne mali, il-Phytophthora ramorum, is-Scirtothrips dorsalis u t-Takahashia japonica bħala l-pesti rilevanti għal kull waħda mill-ispeċijiet tal-pjanti rilevanti.

(6)

L-Awtorità evalwat il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossiers u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti. Ikkonkludiet li l-probabbiltà li l-pjanti rilevanti jkunu ħielsa minn dawk il-pesti hija għolja.

(7)

Abbażi ta’ dawk l-opinjonijiet, huwa kkunsidrat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

(8)

Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossiers tekniċi huma kkunsidrati suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fih.

(9)

Konsegwentement, jenħtieġ li l-pjanti rilevanti ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

(11)

Fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Bemisia tabaci, il-Cryphonectria parasitica u l-Entoleuca mammata huma elenkati bħala pest tal-kwarantina f’żona protetta, għal ċerti żoni protetti fit-territorju tal-Unjoni. Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Meloidogyne fallax, il-Phytophthora ramorum u s-Scirtothrips dorsalis huma elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni.

(12)

Il-Colletotrichum aenigma, l-Eulecanium excrescens u t-Takahashia japonica għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Jeħtieġ li ssir disponibbli valutazzjoni tar-riskji kompluta dwar dawk il-pesti, sabiex jiġi stabbilit jekk dawk il-pesti jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u jekk il-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit, għandhomx jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-miżuri rispettivi.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-Meloidogyne mali mhuwiex inkluż fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Analiżi tar-riskju tal-pesti għal dak il-pest ġiet ippubblikata mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) f’Settembru 2017 (10). Abbażi tad-diskussjonijiet mal-Istati Membri, ġie konkluż li ma jenħtieġx li jiġi rregolat bħala pest tal-kwarantina fl-Unjoni u lanqas bħala pest irregolat mhux tal-kwarantina fl-Unjoni, minħabba li għalkemm dak il-pest ilu preżenti f’ċerti Stati Membri għal żmien twil mingħajr miżuri ta’ kontroll uffiċjali, l-impatt tiegħu f’dawk l-Istati Membri huwa meqjus baxx. Għal dik ir-raġuni, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti għall-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(5)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer campestre plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8071, 291 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8071

(7)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer palmatum plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8075, 228 pp. https://doi. org/10.2903/j.efsa.2023.8075

(8)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer platanoides plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8073, 268 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8073

(9)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer psuedoplatanus plants from the UK. EFSA Journal 2023;21(7):8074, 271 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8074

(10)  EPPO (2017) Pest risk analysis for Meloidogyne mali. EPPO, Pariġi. Disponibbli fuq http://www.eppo.int/QUARANTINE/Pest_Risk_Analysis/PRA_intro.htm u https://gd.eppo.int/taxon/MELGMA.


ANNESS I

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata għall-“ Acer L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ Acer L., għajr:

—

pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqma jew imraħħma, tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg, u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer campestre, li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer palmatum, li joriġinaw mir-Renju Unit;

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm tal-Acer platanoides, li joriġinaw mir-Renju Unit; u

—

pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm tal-Acer pseudoplatanus, li joriġinaw mir-Renju Unit.”


ANNESS II

Fit-Tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, l-entrata li ġejja tiżdied qabel “ Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, bl-għeruq mikxufa, inattivi, ħielsa mill-weraq, imlaqqma jew imraħħma, pjanti li għandhom minn sena sa tliet snin għat-tħawwil”, li joriġinaw minn New Zealand:

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

Kodiċi NM

Pajjiżi terzi tal-oriġini

Miżuri

“—

Acer campestre, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn ħmistax-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm;

—

Acer palmatum, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm;

—

Acer platanoides, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm; u

—

Acer pseudoplatanus, pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn seba’ snin b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 88 mm.

ex 0602 90 41 ex 0602 90 45 ex 0602 90 46 ex 0602 90 48

Ir-Renju Unit

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill-Coniella castaneicola, mill-Eulecanium excrescens u mit-Takahashia japonica;

(ii)

waqt l-ispezzjonijiet uffiċjali li saru fiż-żminijiet ix-xierqa, mill-bidu tal-aħħar staġun tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Coniella castaneicola, mill-Eulecanium excrescens, u mit-Takahashia japonica;

(iii)

twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Coniella castaneicola; u

(iv)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Eulecanium excrescens u tat-Takahashia japonica, b’tali daqs tal-kampjun li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %, u spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Coniella castaneicola, inkluż il-kampjunar u l-ittestjar aleatorju tal-pjanti;

(b)

taħt l-intestatura ‘Dikjarazzjoni Addizzjonali’, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: ‘Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213’; u

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”