24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/231


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1579 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) (qabel l-20 ta' Frar 2019: l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol) għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0090/2021),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta' EUR 15 739 000, li jfisser żieda ta' 2,03 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,84 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,74 % meta mqabbla mal-2018; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 76,33 %, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 8,52 % meta mqabbla ma' dik tal-2018;

2.

Jinnota, fir-rigward tas-sejbiet attwali u tas-sena preċedenti tal-Qorti, li l-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2019 għall-2020 kienu inqas minn dawk riportati mill-2018 għall-2019, iżda xorta f'livell għoli ta' EUR 3 386 293 jew 22 % tal-baġit tal-Aġenzija, u dan jindika sovrastima tal-ħtiġijiet baġitarji, li tmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; ifakkar li riporti għoljin ġew irrappurtati wkoll għas-snin finanzjarji 2016, 2017 u 2018 u jistieden lill-Aġenzija tanalizza r-raġunijiet sottostanti u ttejjeb l-ippjanar tal-baġit f'dan is-sens; jinnota r-risposta tal-Aġenzija li l-approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2020 huma relatati fil-biċċa l-kbira tagħhom ma' attivitajiet fuq skala kbira ppjanati li jdumu bejn tlieta u erba' snin u, fi grad inqas, attivitajiet oħrajn li huma ta' terminu twil;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħat-twassil tal-programm ta' ħidma, il-kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament u l-kapaċità ta' komunikazzjoni tal-intermedjarji permezz tan-networking;

4.

Ifakkar lill-Aġenzija biex tirrieżamina u taġġorna regolarment is-sistema ta' kejl tal-prestazzjoni u l-KPIs tagħha biex tiżgura l-kontribut effiċjenti u l-għarfien espert tagħha fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tanalizza l-eżiti tagħha bir-reqqa u tużahom biex ittejjeb l-ippjanar tal-istrateġija u tal-attivitajiet tagħha;

5.

Jilqa' l-fatt li fl-2019 l-Aġenzija bdiet evalwazzjoni ex post ta' tliet rieżamijiet finalizzati dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OSH), fir-rigward ta' mard relatat max-xogħol, il-kostijiet u l-benefiċċji tal-OSH u l-intrapriżi mikro u żgħar; jinnota li l-evalwazzjoni hija mistennija li tiġi ffinalizzata sat-tielet kwart tal-2020;

6.

Jinnota li fi tmiem l-2016, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni konġunta tal-Aġenzija u tat-tliet aġenziji l-oħra fil-qasam tal-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, jiġifieri ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF); f'April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-evalwazzjoni, b'konklużjoni ewlenija li l-metodi użati mill-Aġenzija kellhom suċċess fl-iżgurar li s-suġġetti li tiffoka fuqhom kienu rilevanti u li involviet lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, iżda li jista' jkun hemm xi titjib; jinnota li l-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija adotta pjan ta' azzjoni biex jiżgura li l-aspetti pożittivi jitkomplew u li jiġi implimentat titjib fejn meħtieġ;

7.

Jilqa' l-kollaborazzjoni tajba mas-Cedefop, il-Eurofound u l-ETF; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha, tiskambja l-informazzjoni b'mod effettiv, tikkondividi l-għarfien u tiskambja l-aħjar prattiki ma' aġenziji tal-Unjoni bl-għan li ttejjeb l-effiċjenza fir-rigward tar-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà;

8.

Jinnota li l-Aġenzija tikkollabora mill-qrib ma' aġenziji oħra dwar suġġetti ta' interess komuni fil-qasam operattiv u s-servizzi ta' akkwist konġunt, u għamlet sejħiet interistituzzjonali għal offerti ta' akkwist ma' aġenziji oħra; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija bdiet kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea sabiex timplimenta pjan ta' rkupru minn diżastri;

9.

Jilqa' l-attivitajiet tal-Aġenzija biex tiżviluppa, tiġbor u tipprovdi informazzjoni, analiżi u għodod affidabbli u rilevanti dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, inklużi miżuri preventivi, li jikkontribwixxu għall-politika tal-Unjoni li għandha l-għan li tippromwovi postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu u sikuri fl-Unjoni kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi umani u finanzjarji adegwati li jippermettu lill-Aġenzija tkompli timplimenta l-programm ta' ħidma tagħha b'rata ta' tlestija għolja ħafna tal-attivitajiet tagħha;

10.

Jinnota b'mod partikolari r-rwol li jista' jkollha l-Aġenzija fl-appoġġ tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar il-qafas il-ġdid tal-istrateġija tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva 2004/37/KE (2) u r-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja tal-Parlament dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos; jemmen li l-Aġenzija tista' tipprovdi informazzjoni u analiżi utli dwar l-impatt tat-telexogħol u soluzzjonijiet diġitali oħra kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-ħaddiema fir-rigward tal-OSH fil-kuntest tal-kondizzjonijiet tax-xogħol waqt il-pandemija;

11.

Jinnota r-rwol prominenti li l-Aġenzija ngħatat fl-implimentazzjoni tal-prinċipji minquxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jilqa' l-impenn qawwi tal-Aġenzija biex tiżgura li l-ħaddiema kollha jgawdu l-istess drittijiet tal-OSH irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija, mit-tip ta' kuntratt jew mir-relazzjoni ta' impjieg;

12.

Jinnota li l-evalwazzjoni trażversali tal-aġenziji tal-Unjoni fil-qafas tal-mandat tad-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni ssuġġeriet għadd ta' rakkomandazzjonijiet għal kull waħda mill-aġenziji, iżda li l-ebda waħda minnhom ma kienet teħtieġ bidliet leġiżlattivi jew il-fużjoni jew il-kolokazzjoni tal-aġenziji;

13.

Jinnota li fi Frar 2019 daħal fis-seħħ ir-regolament fundatur il-ġdid tal-Aġenzija u l-Bord tat-Tmexxija adotta għadd ta' deċiżjonijiet biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tar-regolament fundatur il-ġdid;

14.

Jinnota li l-Aġenzija ċċelebrat il-25 anniversarju tagħha fl-2019 u li l-azzjonijiet iddedikati għat-tfakkir u l-promozzjoni ta' dak l-istadju importanti twettqu matul is-sena;

15.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f'termini ta' operazzjonijiet u proċeduri ta' ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tibqa' tkun proattiva f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta' kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

Politika dwar il-persunal

16.

Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal ġiet implimentata 100 %, u kienu nħatru 40 aġent temporanju mit-total ta' 40 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 40 post tax-xogħol awtorizzat fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 23 aġent kuntrattwali ħadmu għall-Aġenzija fl-2019;

17.

Jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri (tlett irġiel u mara waħda) u fuq il-Bord tat-Tmexxija (48 raġel u 40 mara); jitlob lill-Aġenzija tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw membri għall-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija;

18.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija timmira li tfittex l-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà;

Akkwist

19.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija kienet xtrat servizzi relatati mat-tħejjija u l-implimentazzjoni tat-tielet Stħarriġ Ewropew ta' Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER-3) għall-valur ta' EUR 3 134 800, u b'hekk inqabeż il-limitu massimu kuntrattwali b'EUR 74 100 (2,4 %) mingħajr l-ebda emenda għall-kuntratt; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-konferma ta' parti żgħira mill-fondi biex ikopru pajjiżi addizzjonali fil-qafas tal-istrument għal qabel l-adeżjoni għall-istħarriġ waslet biss mingħand il-Kummissjoni wara li kien tlesta l-akkwist u d-deċiżjoni ta' aġġudikazzjoni kienet iffirmata, u ħafna iktar tard milli kien antiċipat;

20.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-ambitu ta' kuntratt għall-forniment ta' servizzi ta' taħriġ u ta' kkowċjar, l-Aġenzija ħallset lura l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fuq bażi ta' ammont per diem b'rata fissa, filwaqt li l-kuntratt jiddikjara li r-rimborżi jridu jkunu bbażati fuq ċifri reali murija fuq dokumenti ta' sostenn; jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li hija tirrikonoxxi l-punt rigward dokumenti ta' sostenn neqsin għal kostijiet tal-akkomodazzjoni minħabba xi inkonsistenzi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-istruzzjonijiet mill-awtorità kontraenti ewlenija;

21.

Jinnota li lejn l-aħħar tal-2018 u bi tkomplija fl-2019, l-Aġenzija introduċiet bla xkiel l-akkwist elettroniku fl-operazzjonijiet tagħha u li matul l-2019 ma wasal l-ebda lment minn offerenti li ma ntgħażlux u lanqas ma ġie ppreżentat l-ebda wieħed minnhom quddiem l-Ombudsman; jinnota li matul is-sena l-Aġenzija rrieżaminat u aġġornat il-linji gwida tagħha dwar l-akkwist, b'segwitu għall-implimentazzjoni tas-sistema elettronika tal-akkwist elettroniku għall-ġestjoni tal-offerti u tal-kuntratti;

22.

Jinnota li matul l-2019, l-Aġenzija żviluppat strateġija ta' konsolidament għall-funzjoni tagħha ta' finanzjament u akkwist u identifikat l-aqwa mudell operattiv għall-finanzi u l-akkwist għall-Aġenzija li se jiġi implimentat matul l-2020;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

23.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota bi tħassib li s-CVs tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija ma ġewx ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota wkoll li mhux id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija, li jindikaw id-data ta' aċċettazzjoni, ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-Bord tat-Tmexxija u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

Kontrolli interni

24.

Jinnota li l-Aġenzija qed tħejji pjan ta' azzjoni biex tindirizza oqsma potenzjali għal titjib indirizzat fir-rapport tal-awditjar tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni tal-2019 dwar "Ippjanar, Ibbaġitjar, Monitoraġġ tal-Attivitajiet u Rappurtar"; jinnota li f'dan ir-rigward l-IAS ħareġ erba' rakkomandazzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom mhija kritika jew importanti ħafna;

25.

Jinnota li l-qafas ta' kontroll intern ġie adottat mill-Bord tat-Tmexxija b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 u li huwa bbażat fuq il-qafas ta' kontroll intern tal-Kummissjoni; jinnota li fl-ewwel kwart tal-2020 saret valutazzjoni dwar il-qafas ta' kontroll intern għas-sena ta' rappurtar 2019 li turi l-preżenza u l-funzjonament adegwat tal-komponenti kollha ta' kontroll intern għal dik is-sena;

Oħrajn

26.

Jilqa' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' midja soċjali tal-Aġenzija, li jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar l-Aġenzija; jinnota li l-Aġenzija żviluppat għodod ġodda ta' viżwalizzazzjoni tad-data u aġġornat it-taqsima tal-pubblikazzjoni fuq l-internet biex tagħmel l-informazzjoni aktar attraenti u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli tippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tagħha biex iżżid il-viżibbiltà pubblika tagħha;

27.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kont

(1)   ĠU C 107, 31.3.2020, p. 205.

(2)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.