|
1.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/541
tal-24 ta' Marzu 2015
li tirrevoka d-Deċiżjoni 2011/492/UE dwar il-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“AKP”), min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”), kif emendat (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ġew konklużi u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
Dawk il-miżuri xierqa ġew estiżi sad-19 ta' Lulju 2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/387/UE (5) u sussegwentement sad-19 ta' Lulju 2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE (6). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/467/UE (7) estendiet il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE b'sena, sad-19 ta' Lulju 2015, iżda ssospendiet l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa. |
|
(3) |
Fit-13 ta' April u fit-18 ta' Mejju 2014, fil-Guinea-Bissau kien hemm elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali paċifiċi, liberi u kredibbli u ritorn għall-ordni kostituzzjonali fil-pajjiż. |
|
(4) |
Ġie stabbilit gvern inklużiv li kien impenjat li jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-iżvilupp u l-istabbiltà fil-pajjiż, u sar progress inkoraġġanti lejn l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Artikolu 96 stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE. |
|
(5) |
Il-Guinea-Bissau għadha fraġli u l-awtoritajiet eletti demokratikament jeħtieġu l-appoġġ ta' msieħba internazzjonali sabiex jimplimentaw il-programm ta' riforma u l-aġenda tal-iżvilupp tal-pajjiż. |
|
(6) |
Sabiex l-Unjoni tagħti appoġġ, flimkien ma' msieħba internazzjonali oħrajn, lill-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu stabbilizzati u kkonsolidati l-istituzzjonijiet demokratiċi u biex jiġi promoss l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Guinea-Bissau, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE għandha tiġi rrevokata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE hija rrevokata.
Artikolu 2
L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Marzu 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3
(2) Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-grupp ta' stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376, kif emendat bil-Ftehim intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, li jemenda l-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 48).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE tat-18 ta' Lulju 2011 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (ĠU L 203, 6.8.2011, p. 2).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/387/UE tas-16 ta' Lulju 2012 li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa fid-Deċiżjoni 2011/492/UE (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE tal-15 ta' Lulju 2013 li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa fid-Deċiżjoni 2011/492/UE (ĠU L 194, 17.7.2013, p. 6).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/467/UE tal-14 ta' Lulju 2014 li ttawwal il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha (ĠU L 212, 18.7.2014, p. 12).
ANNESS
Ittra mill-Unjoni lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau
L-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau,
L-Eċċellenza Tiegħu l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau,
Sinjuri,
L-Unjoni Ewropea (UE) tinsab inkoraġġita ħafna bil-kisbiet tal-Guinea-Bissau matul is-sena li għaddiet. Bl-elezzjonijiet ġenerali paċifiċi u kredibbli li saru f'April u f'Mejju 2014, il-pajjiż qaleb il-folja u stabilixxa awtoritajiet eletti b'mod demokratiku, fosthom gvern inklużiv li nemmnu li huwa impenjat li jibni mill-ġdid il-pajjiż, li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu u li jimxi fit-triq li twassal għal stabbiltà soċjopolitika u għal żvilupp ekonomiku.
Fid-dawl tar-ristabbiliment tal-ordni kostituzzjonali u tal-progress li sar lejn l-impenji tal-Guinea-Bissau skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, kif ukoll tal-impenji li ttieħdu min-naħa tagħkom biex issegwu l-implimentazzjoni tagħhom permezz tat-twettiq tar-riformi meħtieġa u billi tieħdu l-azzjoni xierqa, bi pjaċir ngħarrfukom li l-miżuri li mill-2011 illimitaw l-ambitu tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Guinea-Bissau ġew revokati. Għalhekk qed nerġgħu nibdew b'mod sħiħ il-kooperazzjoni tagħna mal-pajjiż tagħkom.
Billi l-Guinea-Bissau għadha qed tiffaċċja bosta sfidi politiċi u soċjoekonomiċi, nixtiequ nħeġġukom tibqgħu magħqudin u tkomplu bl-isforzi tagħkom biex issaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, twettqu riforma ġenwina tas-settur tas-sigurtà, issaħħu l-istat tad-dritt, tiġġieldu kontra l-korruzzjoni, l-impunità u t-traffikar tad-droga, u tippromwovu l-iżvilupp sostenibbli. L-UE tibqa' viċin tagħkom u tappoġġja l-isforzi kollha li jsiru f'din id-direzzjoni.
Tabilħaqq, it-tneħħija tal-miżuri xierqa skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou tippermettilna li ngħinukom fl-organizzazzjoni tar-Round Table dwar il-Guinea-Bissau fil-25 ta' Marzu 2015 fi Brussell u li nikkontribwixxu b'mod sħiħ għas-suċċess tagħha.
Barra minn hekk, ser inkomplu bil-fażi ta' konsultazzjoni u tħejjija tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp flimkien mal-gvern tagħkom bil-ħsieb li niffirmaw mill-aktar fis possibbli l-Programm Nazzjonali Indikattiv li se jappoġġjakom fl-implimentazzjoni tal-programm ta' riforma ambizzjuż tagħkom.
Fl-aħħarnett, nistennew b'ħerqa mhux biss l-involviment mill-ġdid u sħiħ mal-Guinea-Bissau permezz tal-iżvilupp, iżda wkoll it-tisħiħ tad-djalogu politiku tagħna skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou.
Dejjem tagħkom,
Għall-Kunsill
F. MOGHERINI
Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Għall-Kummissjoni
N. MIMICA
Kummissarju