|
9.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 212/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 721/2012
tas-6 ta’ Awwissu 2012
li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom u li jkunu qed jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 44/2012 tas-17 ta’ Jannar 2012 li jiffissa għall-2012 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastiment tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (2), jiffissa l-ammont ta’ tonn li jista’ jsir sajd għalih fl-2012 mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (3), jeħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b’tul ta’ iktar minn 24 metru, u għall-bastimenti tal-qbid b’tul ta’ anqas minn 24 m, mill-inqas dwar il-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew lil gruppi ta’ bastimenti li jistadu b’irkaptu simili. |
|
(3) |
Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn il-Kummissjoni ssib li, abbażi tat-tagħrif li jingħata mill-Istati Membri u ta’ tagħrif rilevanti ieħor fil-pussess tagħha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta’ Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għaż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta rispettivi involuti f’dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi. |
|
(5) |
Mit-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jidher li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran allokati lill-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom intużaw għal kollox. |
|
(6) |
Fit-3 ta’ Mejju 2012, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien fuq l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tagħha li jistadu bil-konz attivi fis-sajd għat-tonn fl-2012, b’seħħ minn dak il-jum f’00:00. |
|
(7) |
Fit-2 ta’ Lulju 2012, Malta għarrfet lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet imponiet waqfien fuq l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tagħha li jistadu bil-konz attivi fis-sajd għat-tonn fl-2012, b’seħħ mill-1 ta’ Lulju f’00:00. |
|
(8) |
Mingħajr preġudizzju għall-azzjoni li ttieħdet mill-Greċja u minn Malta msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W u fil-Baħar Mediterran mit-3 ta’ Mejju 2012 f’00:00 għall-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew li huma rreġistrati fiha, u mill-1 ta’ Lulju 2012 f’00:00 għall-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Malta jew li huma rreġistrati fiha, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera tal-Greċja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mit-3 ta’ Mejju 2012 f’00:00, l-aktar tard.
Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.
Artikolu 2
Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45o W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti li jistadu bil-konz li jtajru l-bandiera ta’ Malta jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mill-1 ta’ Lulju 2012 f’00:00, l-aktar tard.
Minn dik id-data għandu jiġi pprojbit ukoll li stokk ta’ dan it-tip maqbud minn dawk il-bastimenti tas-sajd jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2012.
Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,
Antonio TAJANI
Viċi President
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.