European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2593

17.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2593

tal-10 ta’ Lulju 2023

dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022–2026)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (1) (il-“Ftehim”) ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE (2) u daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2014.

(2)

F’konformità mat-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2585 (3), il-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026) (il-“Protokoll”) ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lil Mauritius jikkollaboraw aktar mill-qrib biex jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ekonomija tal-oċeani, tal-akkwakultura, tal-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, tal-ippjanar spazjali marittimu, tal-enerġija marittima u tal-ambjent marittimu, tal-iżvilupp ta’ politika marittima u tal-ekonomija blu, filwaqt li jikkontribwixxi biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd ikunu diċenti.

(4)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

(5)

L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li jkun responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, skont il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti emendi għall-Protokoll. Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi proposti għall-Protokoll jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kunsill. L-emendi proposti jenħtieġ li jiġu approvatidment li Stati Membri li jikkostitwixxu minoranza li timblokka f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għalihom.

(6)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fl-24 ta’ Ottubru 2022,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll, biex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Protokoll.

Artikolu 3

Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU L 79, 18.3.2014, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2585 tat-8 ta’ Novembru 2022 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026) (ĠU L 338, 30.12.2022, p. 4).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  It-test tal-Protokoll huwa ppubblikat fil-ĠU L 338, 30.12.2022, p. 6.


ANNESS

PROĊEDURA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDI GĦALL-PROTOKOLL LI JRIDU JIĠU ADOTTATI MILL-KUMITAT KONĠUNT

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta xi emendi għall-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (il-“Protokoll”) f’konformità mal-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu 12(1), (2), (3) jew (4) tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-obbjettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tkun konsistenti mar-regoli rilevanti adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta minn Stati kostali;

(c)

tkun tqis l-informazzjoni statistika, bijoloġika u informazzjoni oħra rilevanti l-aktar riċenti li tkun intbagħtet lill-Kummissjoni.

2.

Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissottomettihom lill-Kunsill fil-ħin sew qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

3.

Il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-emendi proposti jikkonformawx mal-kriterji stipulati fil-punt 1.

4.

Dment li ma joġġezzjonawx għadd ta’ Stati Membri fil-Kunsill li jkunu ekwivalenti għal minoranza li timblokka f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

5.

Jekk, waqt laqgħat sussegwenti tal-Kumitat Konġunt, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, anki dak il-ħin stess, il-kwistjoni għandha tintbagħat lura lill-Kunsill f’konformità mal-proċedura stipulata fil-punti 2, 3 u 4, biex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis fatturi ġodda.

6.

Il-Kummissjoni hija mistiedna li, fiż-żmien xieraq, tieħu kull pass neċessarju bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn jixraq, billi tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tippreżenta kull proposta neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Rigward kwistjonijiet oħrajn li ma jikkonċernawx emendi għall-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu 12(1), (2), (3) jew (4) tiegħu, il-pożizzjoni li trid tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi ddeterminata f’konformità mat-Trattati u mal-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2593/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)