Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Artikolu 3(3)(b) – Dritt tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati għall-preżenza tal-avukat tagħhom u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni tagħhom – Kunċetti ta’ ‘preżenza’ u ta’ ‘parteċipazzjoni effettiva’ – Artikolu 3(6)(b) – Deroga temporanja mid-dritt ta’ aċċess għal avukat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-interrogazzjoni tal-persuni ssuspettati u tal-persuni raġonevolment issuspettati li wettqu reat kriminali mingħajr l-avukat tagħhom fil-każ li dan l-avukat ma jidhirx f’terminu speċifiku – Traspożizzjoni inkorretta – Artikolu 9 – Rinunzja għall-preżenza jew għall-assistenza ta’ avukat – Informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dan id-dritt u l-konsegwenzi possibbli ta’ rinunzja tiegħu – Nuqqas ta’ traspożizzjoni”
Fil-Kawża C‑660/24,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑10 ta’ Ottubru 2024,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Kovács, P. Ondrůšek u M. Wasmeier, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
L-Ungerija, irrappreżentata minn Zs. Biró‑Tóth, M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata inizjalment minn T. Müller, A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, u sussegwentement minn T. Müller, J. Očková, A. Pagáčová u J. Vláčil, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President ta’ Awla, R. Frendo (Relatriċi), N. Jääskinen, M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2025,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha, minn naħa, mal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 Il-premessi 4, 6, 8, 23 sa 25, 28, 30 sa 32, 52 u 54 tad-Direttiva 2013/48 jiddikjaraw:
“(4) L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt sa fejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddependi ħafna minn għadd ta’ fatturi, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.
[...]
(6) Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali jista’ jopera b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja li fih mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li timplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati b’mod korrett. It-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)], mill-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”),] u mill-[Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 1976]. Jeħtieġ ukoll, permezz ta’ din id-Direttiva u permezz ta’ miżuri oħra, żvilupp ulterjuri fl-Unjoni [Ewropea] tal-istandards minimi stipulati fil-Karta u l-KEDB.
[...]
(8) Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li, bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka, u għall-promozzjoni ta’ kultura ta’ drittijiet fundamentali fl-Unjoni. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom ukoll ineħħu l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri. Regoli minimi komuni bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali, id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà.
[...]
(23) Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom. Tali komunikazzjoni tista’ sseħħ f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu ma’ dak l-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ tali komunikazzjoni, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Arranġamenti prattiċi bħal dawn ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv jew l-essenza tad-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.
(24) Fir-rigward ta’ ċerti reati minuri, din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jorganizzaw id-dritt tal-persuni suspettati jew akkużati li jkollhom aċċess għal avukat permezz tat-telefon. Madankollu, il-limitazzjoni tad-dritt b’dan il-mod għandu jkun ristrett għal każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata mhux ser tiġi interrogata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja.
(25) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, anke matul is-seduta tal-qorti. Tali parteċipazzjoni għandha tkun f’konformità ma kwalunkwe proċedura taħt liġi nazzjonali li tista’ tirregola l-parteċipazzjoni ta’ avukat matul l-interrogazzjoni tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, inkluż matul is-seduta tal-qorti, dment li tali proċedura ma tippreġudikax l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt ikkonċernat. Matul l-interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja tal-persuna suspettata jew akkużata jew fis-seduta tal-qorti, l-avukat jista’ fost l-oħrajn, f’konformità ma’ tali proċeduri, isaqsi mistoqsijiet, jitlob kjarifika u jagħmel stqarrijiet, li għandhom jiġu rreġistrati f’konformità mal-liġi nazzjonali.
[...]
(28) Fejn il-persuni suspettati jew akkużati jinċaħdu mil-libertà tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li tali persuni jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, inkluż billi jieħdu ħsieb li tingħata għajnuna minn avukat meta l-persuna konċernata ma jkollhiex wieħed, dment li ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt. Tali arranġamenti jistgħu jimplikaw, fost l-oħrajn, li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu arranġamenti għall-assistenza minn avukat fuq il-bażi ta’ lista ta’ avukati disponibbli li l-persuna suspettata jew akkużata tkun tista’ tagħżel minnhom. Tali arranġamenti jistgħu jinkludu dawk dwar l-għajnuna legali, jekk applikabbli.
[...]
(30) F’każijiet ta’ distanza ġeografika ’l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, bħal f’territorji extra-Ewropej jew fejn l-Istat Membru jwettaq jew jipparteċipa f’operazzjonijiet militari barra mit-territorju tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata li jkollha aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà. Matul deroga temporanja bħal din, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jinterrogaw lill-persuna konċernata jew iwettqu atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi previsti f’din id-Direttiva. Meta l-aċċess immedjat għas-servizzi ta’ avukat ma jkunx possibbli minħabba d-distanza ġeografika ’l bogħod tal-persuna suspettata jew akkużata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti għal komunikazzjoni permezz tat-telefon jew il-vidjokonferenzar sakemm dan ma jkunx impossibbli.
(31) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn ikun hemm ħtieġa, f’każijiet ta’ urġenza, li jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Matul deroga temporanja għal dik ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dment li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.
(32) L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fil-fażi ta’ qabel il-kawża fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun imperattiva sabiex jiġi evitat lil-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali, b’mod partikolari biex jiġu evitati l-qerda jew it-tibdil tal-evidenza essenzjali, jew biex tiġi evitata interferenza max-xhieda. Matul deroga temporanja għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinterrogaw lil persuni suspettati jew akkużati mingħajr ma jkun preżenti l-avukat, dment li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu ġew infurmati li għandhom id-dritt li jibqgħu siekta u li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt, u dmenti li tali interrogazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża, inkluż il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni. L-interrogazzjoni tista’ ssir biss għall-fini u sakemm din tkun meħtieġa biex tinkiseb informazzjoni li tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali. Kwalunkwe abbuż minn din id-deroga fil-prinċipju jippreġudika b’mod irreparabbli d-drittijiet tad-difiża.
[...]
(44) Il-persuni rikjesti għandu jkollhom id-dritt li jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Għandu jkun possibbli li tali komunikazzjoni ssir f’kull stadju, inkluż qabel kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt li jiltaqgħu mal-avukat. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti prattiċi rigward it-tul ta’ ħin, il-frekwenza u l-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-persuni rikjesti u l-avukat tagħhom, inkluż dwar l-użu ta’ vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-komunikazzjoni biex jippermettu li jsiru tali komunikazzjonijiet. Tali arranġamenti prattiċi ma għandhomx jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt tal-persuni rikjesti li jikkomunikaw mal-avukat tagħhom.
[...]
(52) Din id-Direttiva ssostni d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-Karta, inklużi [...] id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
[...]
(54) Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Tali livell ogħla ta’ protezzjoni ma għandux jikkostitwixxi ostakolu għar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi ġudizzjarji li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta’ protezzjoni qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [iktar ’il quddiem il-‘Qorti EDB’)].”
3 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv.
2. Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:
(a) qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;
(b) mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattivi jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 3;
(c) mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;
(d) fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
(a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li tiltaqa’ fil-privat u tikkomunika mal-avukat li jirrappreżentaha, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;
(b) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna suspettata jew akkużata jkollha d-dritt li l-avukat tagħha jkun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta hija tiġi interrogata. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li saret tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat;
[...]
4. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-informazzjoni ġenerali disponibbli biex jagħmluha faċli għall-persuni suspettati jew akkużati li jsibu avukat.
Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, sakemm ma jkunux irrinunzjaw dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 9.
5. Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ‘il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha.
6. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:
(a) fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;
(b) fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”
4 Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji”:
“1. Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(5) jew (6) [...]:
(a) għandha tkun proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju;
(b) għandha tkun strettament limitata biż-żmien;
(c) ma għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq it-tip ta’ reat allegat jew fuq il-gravità tiegħu; u
(d) ma għandhiex tippreġudika l-ekwità kumplessiva tal-proċedimenti.
2. Derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jistgħu jiġu awtorizzati biss b’deċiżjoni debitament motivata meħuda skont il-każ, jew minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li dik id-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Id-deċiżjoni debitament motivata għandha tiġi rreġistrata skont il-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat.
[...]”
5 L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Rinunzja”, jipprevedi:
“1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li teħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta’ kwalunkwe rinunzja ta’ dritt imsemmi fl-Artikoli 3 u 10:
(a) il-persuna suspettata jew akkużata tkun ingħatat, bil-miktub jew bil-fomm, informazzjoni ċara u suffiċjenti b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-kontenut tad-dritt konċernat u l-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja għalih; u
(b) ir-rinunzja tingħata volontarjament u b’mod inekwivoku.
2. Ir-rinunzja, li tista’ ssir bil-miktub jew bil-fomm, għandha tiġi rreġistrata, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom tkun ingħatat ir-rinunzja, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru konċernat.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti kriminali u li huma jiġu infurmati b’dik il-possibbiltà. Tali revoka għandu jkollha effett mill-mument li ssir.”
6 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Għajnuna legali”, huwa fformulat kif ġej:
“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-għajnuna legali, li għandha tapplika skont il-Karta u l-KEDB.”
Id-dritt Ungeriż
7 L-Artikolu 3(1) u (2) tal-a büntetőeljárásról szóló 2017. évi XC. törvény (il-Liġi Nru XC tal-2017, li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), tas‑26 ta’ Ġunju 2017 (Magyar Közlöny 2017/99., iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprovdi:
“(1) L-imputat għandu dritt għal protezzjoni effettiva fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali.
(2) L-imputat għandu d-dritt kemm li jiddefendi ruħu huwa stess kif ukoll li jirrikorri għal avukat għad-difiża tiegħu.”
8 L-Artikolu 39 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi:
“(1) L-imputat għandu d-drittijiet li ġejjin:
[...]
(b) li jingħata mill-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-awtorità investigattiva ż-żmien u l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jipprepara d-difiża tiegħu;
(c) li jirċievi mill-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-awtorità investigattiva informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu fi proċedimenti kriminali;
(d) li jinkariga lil avukat sabiex jiddefendi ruħu jew li jitlob il-ħatra tiegħu;
(e) li jikkonsulta lill-avukat tiegħu, mingħajr superviżjoni;
[...]
(2) L-imputat detenut għandu d-drittijiet li ġejjin:
[...]
(c) li jikkuntattja lill-avukat tiegħu – u lir-rappreżentant konsulari tal-Istat tiegħu fil-każ ta’ ċittadin barrani – personalment, bil-posta jew b’mezzi elettroniċi, mingħajr superviżjoni;
[...]
[...]
(4) Il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew l-awtorità investigattiva għandhom jinfurmaw lill-imputat bid-drittijiet tiegħu u javżawh bl-obbligi tiegħu sa mill-bidu tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċeduri kriminali. [...]
(5) Meta l-imputat jitqiegħed taħt detenzjoni, il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew l-awtorità investigattiva għandha tinformah ukoll bid-drittijiet tiegħu bil-miktub. L-informazzjoni għandha tkopri t-tul massimu possibbli tad-detenzjoni bis-saħħa tad-deċiżjoni rilevanti għaliha jew bis-saħħa tal-liġi, ir-regoli dwar l-estensjoni, iż-żamma u r-reviżjoni tad-detenzjoni, id-dritt ta’ appell kontra dawk id-deċiżjonijiet u d-dritt li titressaq talba intiża sabiex tintemm id-detenzjoni.
[...]”
9 Skont l-Artikolu 44(3) ta’ dan il-kodiċi:
“Il-parteċipazzjoni ta’ avukat tad-difiża fi proċeduri kriminali hija obbligatorja jekk:
(a) ir-reat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin jew iktar;
(b) l-imputat, jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, ikun is-suġġett ta’ miżura koerċittiva li tirrestrinġi l-libertà personali, ikun ġie arrestat f’kawża oħra, ikun suġġett għal miżura medika obbligatorja preventiva, ikun qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija, ikun internat, jew ikun tqiegħdet f’ċentru edukattiv issorveljat;
(c) l-imputat, jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, għandu diffikultà fis-smigħ, huwa trux-agħma jew agħma, għandu disturb li jaffettwa t-taħdit, huwa inkapaċi li tesprimi ruħha għal raġunijiet oħra, jew huwa limitat ħafna fil-komunikazzjoni tiegħu jew inkella, tkun liema tkun il-fakultà tiegħu ta’ ġudizzju, ibati minn problemi mentali;
(d) l-imputat, jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, ma jkunx jaf il-lingwa Ungeriża;
(e) l-imputat, jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, ma jkunx jista’ jiddefendi ruħu personalment għal raġunijiet oħra;
(f) il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew l-awtorità investigattiva jkunu ħatru avukat, jew fuq talba tal-imputat, jew tal-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali, jew minħabba li dan tqies neċessarju għal raġunijiet oħra;
(g) dan huwa meħtieġ b’mod speċifiku minn din il-liġi.”
10 L-Artikolu 74(1) tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:
“Il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata mill-proċedura kriminali bid-drittijiet u bl-obbligi tagħha qabel l-att proċedurali li jikkonċernaha – sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-liġi.”
11 L-Artikolu 274(3) tal-istess kodiċi jipprovdi:
“Id-detenzjoni mill-pulizija tista’ ddum sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar miżura koerċittiva li tirrestrinġi l-libertà personali, iżda mhux iktar minn 72 siegħa.”
12 Skont l-Artikolu 385(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali:
“Il-persuna mqiegħda taħt detenzjoni mill-pulizija għandha tiġi interrogata fi żmien 24 siegħa wara l-bidu tad-detenzjoni tagħha.”
13 L-Artikolu 387(3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“Jekk il-persuna ssuspettata jew persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tixtieq li tqabbad avukat, jew jekk l-awtorità investigattiva jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jaħtar avukat, l-awtorità investigattiva jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandhom jinformaw immedjatament lill-avukat u jipposponu l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata sakemm jasal l-avukat, iżda għal tal-inqas sagħtejn iktar tard. Fil-każ li, waqt dan il-perijodu,
(a) l-avukat ma jidhirx, jew
(b) il-persuna ssuspettata jew persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tagħti l-kunsens tagħha, wara li tikkonsulta mal-avukat tagħha, sabiex tibda l-interrogazzjoni,
l-awtorità investigattiva jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jibda l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata.”
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14 Fid‑19 ta’ Diċembru 2016, l-Ungerija informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku tagħha.
15 Wara li eżaminat il-miżuri nnotifikati, il-Kummissjoni qieset li dawn ma kinux jiżguraw konformità tad-dritt nazzjonali mal-Artikolu 3(6)(b) kif ukoll mal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2013/48. Għalhekk, fit‑12 ta’ Novembru 2021, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija, fejn stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.
16 Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Jannar 2022, l-Ungerija wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni billi indikat li hija qieset li kienet ittrasponiet b’mod korrett dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku tagħha.
17 Wara li analizzat it-tweġibiet mogħtija, il-Kummissjoni qieset li dawn ma kinux sodisfaċenti, iżda biss sa fejn dawn kienu jikkonċernaw l-Artikolu 3(6)(b) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48. Fl‑14 ta’ Lulju 2023, din l-istituzzjoni, għaldaqstant, bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija fejn stednitha tikkonforma ruħha mal-obbligi previsti fiha fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha.
18 Fit-tweġiba tagħha tat‑13 ta’ Settembru 2023 għall-opinjoni motivata, l-Ungerija, mill-ġdid, sostniet li hija kienet ittrasponiet b’mod korrett l-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku tagħha. Fir-rigward tal-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, dan l-Istat Membru indika li l-leġiżlazzjoni Ungeriża setgħet tiġi adattata sabiex tittieħed azzjoni fuq dan l-ilment.
19 Wara laqgħa li saret fil‑5 ta’ April 2024, l-Ungerija ħabbret li kienet ser tipprovdi informazzjoni supplimentari malajr kemm jista’ jkun dwar emendi possibbli fil-leġiżlazzjoni tagħha, mingħajr neċessarjament ma tikkomunika test preċiż.
20 Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba pprovduta mill-Ungerija, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑10 ta’ Ottubru 2024, li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
21 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Frar 2025, ir-Repubblika Ċeka ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Ungerija.
Fuq ir-rikors
22 Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta, fl-ordinament ġuridiku Ungeriż, tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, u, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha
L-argumenti tal-partijiet
23 Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija wettqet traspożizzjoni inkorretta, fl-ordinament ġuridiku tagħha, tal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, sa fejn l-Artikolu 387(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti, b’mod ġenerali, li l-persuni ssuspettati jew il-persuni raġonevolment issuspettati li wettqu reat kriminali jiġu interrogati mingħajr il-preżenza ta’ avukat jekk dan ma jidhirx għall-interrogazzjoni fi żmien, mill-inqas, sagħtejn wara li jkun ġie informat.
24 Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/48, li bis-saħħa tiegħu l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandhom jingħataw id-dritt ta’ aċċess għal avukat, u b’mod iktar partikolari mal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi li dawn il-persuni għandhom dritt għall-preżenza tal-avukat tagħhom u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni tagħhom. Fl-assenza ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni tal-persuni kkonċernati biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, espressament previsti fl-Artikolu 3(6) tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri meta jkun imperattiv li l-awtoritajiet li jwettqu l-investigazzjoni jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li jikkompromettu serjament proċeduri kriminali.
25 Il-Kummissjoni ssostni li d-dritt ta’ komunikazzjoni ma’ avukat qabel l-interrogazzjoni u d-dritt li wieħed jiġi interrogat fil-preżenza tiegħu, kif previst fl-Artikolu 3(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2013/48 huwa inkundizzjonat, peress li l-uniċi derogi minn dawn id-drittijiet huma espressament previsti fl-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, skont din l-istituzzjoni, l-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li avukat ikun preżenti waqt l-interrogazzjoni, sakemm ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva.
26 Il-Kummissjoni tqis li l-kelma “preżenti” li tinsab fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-preżenza fiżika tal-avukat. Ir-rekwiżit dwar il-“parteċipazzjoni effettiva” tal-avukat fl-interrogazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni jikkonferma din l-interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali mill-imsemmija dispożizzjoni ma jikkonċernax il-preżenza tal-avukat, iżda biss il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-interrogazzjoni jew tas-seduta, il-premessa 25 tad-Direttiva 2013/48 ma ssemmix il-komunikazzjoni mill-bogħod. Mill-premessa 24 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-assistenza ta’ avukat mill-bogħod, jiġifieri bit-telefon, tista’ tiġi organizzata biss b’mod eċċezzjonali, għal reati minuri. Madankollu, din il-possibbiltà hija kjarament limitata għall-proċeduri li fihom il-persuna akkużata ma tiġix interrogata minn awtorità tal-infurzar tal-liġi.
27 Il-Kummissjoni topponi wkoll l-argument tal-Ungerija li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 toħloq riskju ta’ abbuż u sitwazzjoni li fiha l-interrogazzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-ħin, liema sitwazzjoni ddewwem il-proċeduri kriminali u jista’ jkollha wkoll riperkussjonijiet fuq id-drittijiet l-oħra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata jew fuq dawk ta’ persuni oħra kkonċernati, bħall-vittmi. Skont il-Kummissjoni, is-sempliċi riskju ta’ abbuż ta’ dritt ma jistax jiġġustifika li d-dritt ta’ aċċess għal avukat ikun suġġett għal kundizzjoni ġenerali li tmur kontra l-formulazzjoni u l-għan tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48. Fil-fatt, sabiex jiġi rrimedjat dan ir-riskju ta’ abbuż, din l-istituzzjoni tqis li tista’ tkun prevista l-ħatra ex officio ta’ avukat sabiex jassisti lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati.
28 Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/48. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva jeżiġi biss li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal avukat jekk ikunu jixtiequ dan, mingħajr madankollu ma avukat ikollu dejjem ikun fiżikament preżenti waqt l-interrogazzjoni. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tixtieq tinvoka d-dritt tagħha li avukat ikun preżenti waqt l-interrogazzjoni tagħha, allura din l-interrogazzjoni ma tkunx tista’ sseħħ f’dan il-każ. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tal-imsemmija direttiva, u b’mod iktar partikolari mill-espressjoni “[f]ejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni”, jirriżulta li l-avukat ma huwiex dejjem mistenni li jipparteċipa fl-interrogazzjoni.
29 L-Ungerija tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 sostnuta mill-Kummissjoni tirrendi fil-prattika obbligatorja l-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni, sakemm il-persuna kkonċernata ma tirrinunzjax għal din il-preżenza. Issa, il-fatt li l-avukat ma jkunx effettivament preżenti waqt att proċedurali ma jistax jikkostitwixxi ostakolu ġenerali għat-twettiq tal-atti proċedurali mandatorji fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri. Id-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-Istati Membri li jkollu l-effett li jipprekludi t-twettiq ta’ kwalunkwe att proċedurali f’sitwazzjoni fejn l-assenza tal-avukat tkun dovuta għall-fatt li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tkun aġixxiet intenzjonalment u in mala fide. Konsegwentement, id-dritt għall-preżenza ta’ avukat ma jistax jikkostitwixxi dritt assolut u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma timponix rekwiżit assolut ta’ preżenza tal-avukat waqt l-interrogazzjoni.
30 L-Ungerija tqis li l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, bħala eċċezzjoni għall-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, ma jelenkax il-każijiet li fihom wieħed jista’ jidderoga mill-preżenza obbligatorja ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, iżda jelenka dawk il-każijiet li fihom ma hemmx lok li din il-persuna tiġi offruta l-possibbiltà li jkollha aċċess għal avukat. Għalhekk, meta l-imsemmija persuna tkun ingħatat il-possibbiltà li avukat ikun preżenti, iżda hija ma tkunx xtaqet tinvoka dan id-dritt, l-assenza tiegħu waqt l-interrogazzjoni, tkun xi tkun ir-raġuni, ma tikkostitwixxix deroga li għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma għandhiex titqies li tidderoga, skont din id-dispożizzjoni, mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva, ġaladarba din ma teżentax lill-awtoritajiet mill-obbligu li jiġi informat l-avukat, u ma tillimitax il-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li tinkariga lil avukat tal-għażla tagħha jew li titlob li jinħatrilha avukat fi kwalunkwe stadju tal-proċedura.
31 Skont l-Ungerija, huwa biss jekk l-avukat ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jipparteċipa effettivament fl-att proċedurali, iżda fejn, jew ma xtaqx jagħmel użu mid-dritt tiegħu li jkun preżenti, jew il-persuna kkonċernata ma tkunx qieset li l-parteċipazzjoni tal-avukat kienet neċessarja, li l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tista’ sseħħ. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża tippermetti eċċezzjonalment li l-persuna ssuspettata jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali tiġi interrogata fl-assenza ta’ avukat meta dan tal-aħħar ma jidhirx għall-interrogazzjoni fi żmien, mill-inqas, sagħtejn wara li jkun ġie informat. Barra minn hekk, l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma tagħtix lok għall-bidu tal-interrogazzjoni peress li l-persuna kkonċernata tista’ tirrifjuta li tagħmel dikjarazzjoni wara li tkun ġiet informata bid-drittijiet tagħha.
32 L-Ungerija żżid li l-leġiżlatur nazzjonali emenda l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali permezz ta’ liġi, adottata fis‑26 ta’ Novembru 2024 u ppubblikata fl‑4 ta’ Diċembru 2024, li introduċiet l-Artikolu 387/A f’dan il-kodiċi. Din id-dispożizzjoni l-ġdida hija intiża preċiżament sabiex tissodisfa l-aspettattivi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2013/48, sa fejn din għandha l-għan li ssaħħaħ il-garanziji madwar l-interrogazzjonijiet li jseħħu fl-assenza ta’ avukat, anki jekk, skont dan l-Istat Membru, tali garanziji diġà kienu previsti mil-leġiżlazzjoni Ungeriża qabel din l-emenda.
33 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 387/A l-ġdid tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali għadu ma huwiex konformi mad-Direttiva 2013/48 u ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Artikolu 387(3) ta’ dan il-kodiċi jawtorizza, lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(6)(b) ta’ din id-direttiva, l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali mingħajr il-preżenza ta’ avukat. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-Artikolu 387/A daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Diċembru 2024, jiġifieri kważi xahrejn wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, dan ma għandux jittieħed inkunsiderazzojni mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata biss skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat hekk kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.
34 Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, filwaqt li l-Kummissjoni tressaq l-argument, insostenn tar-rikors tagħha, li d-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt interrogazzjoni jista’ jiġi ristrett biss għal raġunijiet imperattivi, din il-premessa ma hijiex issostanzjata mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Frar 2010, Yoldaș vs It‑Turkija (CE:ECHR:2010:0223JUD002750304, punt 52), jirriżulta li dak li huwa determinanti fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB ma huwiex il-preżenza effettiva ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni, iżda l-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li teżerċita effettivament id-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat, li tagħżel liberament lil dan tal-aħħar li jista’ jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni, u li tkun debitament informata dwar dan id-dritt.
35 Skont dan l-Istat Membru, l-argument tal-Kummissjoni li dan ir-riskju ta’ abbuż jista’ jiġi rrimedjat billi jiġi żgurat li avukat disponibbli jinħatar ex officio sabiex jipprovdi assistenza legali jekk l-avukat magħżul mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata ma jkunx disponibbli jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu mġiegħla, fuq il-bażi tad-Direttiva 2013/48, jassenjaw lill-imsemmija persuna avukat maħtur ex officio.
36 Fir-risposta tagħha għal din in-nota ta’ intervent, il-Kummissjoni tirribatti li, b’mod partikolari, meta tiġi adita b’każ speċifiku, il-Qorti EDB tevalwa każ b’każ l-ekwità globali tal-proċedura nazzjonali. Issa, mhux l-istess jgħodd fil-każ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48. Peress li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi preċiżament il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, kull leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet tmur kontra dan l-Artikolu 3(6). B’hekk, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-imsemmija direttiva hija biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi stabbilit ksur tagħha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi evalwata, f’kull każ speċifiku, l-ekwità globali tal-proċedura mressqa fuq il-bażi ta’ dik il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/48 jistipula l-prinċipju fundamentali li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’terminu u skont modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u b’mod effettiv (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Dan il-prinċipju huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, li bis-saħħa tiegħu l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom ikollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel minn erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fil-punti (a) sa (c) tiegħu, l-elementi inklużi fid-dritt ta’ aċċess għal avukat (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev, C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 48).
39 Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkollhom id-dritt li l-avukat tagħhom ikun preżenti u jipparteċipa b’mod effettiv meta huma jiġu interrogati. Tali parteċipazzjoni għandha tkun konformi mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza nnifisha tad-drittijiet ikkonċernati.
40 Għalhekk, għalkemm jirriżulta, kif issostni ġustament l-Ungerija, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqrija fid-dawl tal-premessa 25 ta’ din id-direttiva, li l-“parteċipazzjoni effettiva” tal-avukat fl-interrogazzjoni sseħħ konformement mar-regoli proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, dan ir-riferiment espliċitu għad-drittijiet tal-Istati Membri jirrigwarda biss l-imsemmija “parteċipazzjoni effettiva” u mhux il-“preżenza”.
41 Minn dan jirriżulta, minn naħa, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 47 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, li r-riferiment għar-regoli proċedurali nazzjonali magħmul mill-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 jikkonċerna biss il-parteċipazzjoni effettiva tal-avukat fl-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. Dan ir-riferiment għalhekk ma huwiex intiż li jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw, lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3)(b) ta’ din id-direttiva, il-preżenza nnifisha tal-avukat f’din l-interrogazzjoni, kif tqis l-Ungerija, iżda huwa intiż biss li jipprevedi l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu.
42 Min-naħa l-oħra, peress li d-Direttiva 2013/48 ma fiha ebda definizzjoni tat-terminu “preżenza”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Knocknamona u Massey, C‑27/25 u C‑356/25, EU:C:2026:596, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fis-sens normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, it-terminu “preżenza” jindika l-fatt li persuna tkun, bħala prinċipju, fiżikament jew materjalment f’post partikolari f’mument preċiż, filwaqt li l-antonimu ta’ dan it-terminu huwa dak ta’ “assenza”.
44 Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jintuża l-imsemmi terminu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan jinsab b’mod partikolari fil-premessa 25 tad-Direttiva 2013/48, li tippreċiża li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jkollhom dritt għall-preżenza tal-avukat tagħhom u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu waqt l-interrogazzjoni tagħhom mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja, inkluż waqt is-seduti quddiem qorti.
45 Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 30 tagħha, jirriżulta li, fil-każ ta’ separazzjoni ġeografika tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mid-dritt li din il-persuna jkollha aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu wara ċ-ċaħda tal-libertà tagħha, u biss matul il-fażi ta’ qabel il-proċess kriminali, iżda, matul iż-żmien li ddum din id-deroga temporanja, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx, b’mod partikolari, jinterrogaw lill-imsemmija persuna. Minn dan jirriżulta li l-“aċċess għas-servizzi ta’ avukat”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3, jeħtieġ, il-preżenza, bħala prinċipju fiżika, tiegħu waqt l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata.
46 Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3)(a) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 23 u 44 tagħha jiddikjara, essenzjalment, li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandu jkollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat mal-avukat li jirrappreżentahom u li jikkomunikaw miegħu, fi kwalunkwe mument, inkluż qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi d-“dritt ta’ komunikazzjoni” ta’ dawn il-persuni mal-avukat tagħhom, li jista’ jiġi eżerċitat permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni, u d-“dritt tagħhom li jiltaqgħu” ma’ dan l-avukat, li jeżiġi, għall-kuntrarju, il-preżenza, bħala prinċipju fiżika, ta’ dan tal-aħħar. Dan japplika wkoll għall-preżenza tal-avukat matul l-interrogazzjoni, li fiha huwa għandu jkun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv.
47 Finalment, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, mill-premessi 4, 6 u 54 tagħha jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li jippreżupponi fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom. Minn dan jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tisħiħ ta’ din il-fiduċja reċiproka jeżiġi regoli ddettaljati fil-qasam tal-protezzjoni tal-garanziji u tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Karta kif ukoll mill-KEDB.
48 F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-persuni ssuspettati għandhom jibbenefikaw mill-preżenza fiżika tal-avukat tagħhom matul is-seduti inizjali mmexxija mill-pulizija u matul l-interrogazzjonijiet sussegwenti li jsiru matul il-proċedura ta’ qabel il-fażi tal-għoti tas-sentenza. Din il-preżenza għandha tippermetti lill-avukat jipprovdi lil din il-persuna assistenza mhux astratta, iżda effettiva u konkreta, u b’mod partikolari għandha tippermettilu jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna ssuspettata interrogata ma jiġux ippreġudikati (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 9 ta’ Novembru 2018, Beuze vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2018:1109JUD007140910, punt 134; Qorti EDB, 23 ta’ Mejju 2019, Doyle vs L‑Irlanda, CE:ECHR:2019:0523JUD005197917, punt 74; Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2019, Farrugia vs Malta, CE:ECHR:2019:0604JUD006304113, punt 97, u Qorti EDB, 18 ta’ Jannar 2022, Atristain Gorosabel vs Spanja, CE:ECHR:2022:0118JUD001550815, punt 49).
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “preżenza” ta’ avukat, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, ifisser li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom dritt għall-preżenza, bħala prinċipju fiżika, tal-avukat tagħhom waqt l-interrogazzjoni tagħhom.
50 B’dan premess, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, il-preżenza tal-avukat tista’ tiġi żgurata permezz ta’ mezzi oħra, b’mod partikolari diġitali, bil-kundizzjoni li dawn jiggarantixxu l-eżerċizzju sħiħ u effettiv tad-drittijiet tad-difiża.
51 Madankollu, id-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni jista’ jkun suġġett għal derogi temporanji. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess kriminali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ waħda miż-żewġ “raġunijiet konvinċenti” msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 3(6). L-ewwel raġuni hija marbuta mal-eżistenza ta’ “ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna”. It-tieni raġuni tista’ tqum “fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali sabiex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali”.
52 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tipprevedi li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jistgħu jibdew l-interrogazzjoni tal-persuna ssuspettata meta l-avukat magħżul jew maħtur ma jidhirx fi żmien, mill-inqas, sagħtejn wara li jkun ġie informat.
53 Minn dan isegwi li, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, din il-leġiżlazzjoni ma tiggarantixxix il-preżenza ta’ avukat u l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni.
54 Għad irid jiġi ddeterminat jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi analizzata bħala deroga temporanja mill-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48, li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(6) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija leġiżlazzjoni tidderoga, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni raġonevolment issuspettati li wettqu reat kriminali li jiġu interrogati fil-preżenza ta’ avukat minħabba li dan ma jkunx ippreżenta ruħu għall-interrogazzjoni fi żmien, mill-inqas, sagħtejn wara li jkun ġie informat, mingħajr ma tissuġġetta din id-deroga għall-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, u b’mod partikolari, għal waħda miż-żewġ raġunijiet imperattivi msemmija, rispettivament, fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 3.
55 Issa, mill-istruttura kif ukoll mill-għanijiet ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-derogi temporanji li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-dritt ta’ aċċess għal avukat huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(5) u (6) tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 42).
56 Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2013/48, l-Artikolu 3(3) u (6) ta’ din id-direttiva, bħala dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) sa (3) tagħha, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji”, ikopri biss, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, id-derogi previsti fl-Artikolu 3(5) jew (6) tagħha. Il-premessi 30 sa 32 tad-Direttiva 2013/48 jirreferu wkoll għal dawn id-derogi biss (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 43).
57 Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, mill-premessi 4 u 6 tagħha jirriżulta, minn naħa, li din hija intiża, b’mod partikolari, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali sabiex b’hekk jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li l-portata tagħhom tiddependi mill-qrib minn ċerti parametri, fosthom il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati jew tal-persuni akkużati. Min-naħa l-oħra, mill-premessi 8 u 52 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża wkoll sabiex tiggarantixxi livell komuni ta’ dritt għal smigħ xieraq lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.
58 Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu derogi oħra mid-dritt ta’ aċċess għal avukat li ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti minn dan l-Artikolu 3, tmur kontra dawn l-għanijiet kif ukoll kontra l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-kliem stess tal-imsemmi Artikolu 3 u ċċaħħad dan id-dritt mill-effett utli tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 45).
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, b’mod ġenerali, li l-persuni ssuspettati jew il-persuni raġonevolment issuspettati li wettqu reat kriminali jiġu interrogati fl-assenza ta’ avukat jekk dan ma jidhirx fi żmien, mill-inqas, sagħtejn wara li jkun ġie informat, ma taqax taħt ir-raġunijiet għal deroga temporanja minn dan id-dritt elenkati b’mod eżawrjenti mid-Direttiva 2013/48 u tikser, minħabba f’hekk, l-Artikolu 3(6)(b), ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, sa fejn din id-deroga mid-dritt għall-preżenza tal-avukat u għall-parteċipazzjoni effettiva tiegħu fl-interrogazzjoni ma hijiex suġġetta għall-konstatazzjoni li huwa imperattiv, għall-awtoritajiet ta’ investigazzjoni, li dawn jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li jikkompromettu serjament proċedura kriminali.
60 Ebda wieħed mill-argumenti tal-Ungerija ma jista’ jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.
61 Minn naħa, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija li l-limitazzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal avukat imsemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza hija ġġustifikata meta l-persuna ssuspettata jew il-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali titqiegħed taħt detenzjoni mill-pulizija, sa fejn, konformement mal-leġiżlazzjoni Ungeriża, f’dan il-każ, l-interrogazzjoni ta’ din il-persuna għandha ssir fi żmien 24 siegħa mill-bidu tad-detenzjoni mill-pulizija, li ma tistax teċċedi 72 siegħa. Skont dan l-Istat Membru, jeżisti, għaldaqstant, riskju ta’ ostakolu għall-proċedura kriminali li jiġġustifika li ssir l-interrogazzjoni meta l-avukat ma jintgħażilx jew meta ma jidhirx fit-terminu stabbilit.
62 Huwa minnu li, mill-premessa 28 tad-Direttiva 2013/48 jirriżulta li, meta persuni ssuspettati jew persuni akkużati jinċaħdu mil-libertà tagħhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li tali persuni jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal avukat, b’mod partikolari billi jieħdu ħsieb li tingħatalhom għajnuna minn avukat meta dawn ma jkollhomx, suġġett għall-kundizzjoni li ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt.
63 Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, diversi għażliet, li josservaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2013/48, huma disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat sabiex jindirizza r-riskju ta’ ostakolu għall-proċeduri kriminali li jirriżulta mill-assenza ta’ għażla ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata jew mill-fatt li l-avukat magħżul ma jkunx deher fit-terminu stabbilit. Qabel kollox, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, b’mod partikolari meta jkun imperattiv għall-awtoritajiet investigattivi li jaġixxu immedjatament sabiex jevitaw li jikkompromettu serjament il-proċeduri kriminali, dawn l-awtoritajiet jistgħu jipproċedu bl-interrogazzjoni fl-assenza ta’ avukat. Sussegwentement, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti u jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li xorta huwa neċessarju li ssir l-interrogazzjoni, huma jistgħu, sabiex jirrimedjaw l-assenza ta’ għażla ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata jew l-impossibbiltà għall-avukat magħżul li jkun preżenti għal din l-interrogazzjoni, jaħtru ex officio avukat disponibbli. Fl-aħħar nett, meta l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata tirrinunzja għad-dritt tagħha ta’ aċċess għal avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-interrogazzjoni tista’ sseħħ ukoll fl-assenza ta’ avukat.
64 L-eżistenza ta’ dawn l-għażliet differenti tindika li r-rispett tad-dritt ta’ aċċess għal avukat previst fl-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 2013/48 ma jimplikax inevitabbilment l-obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li jipprevedi l-ħatra ex officio ta’ avukat sabiex jassisti lill-persuna mqiegħda taħt detenzjoni, waqt l-interrogazzjoni tagħha.
65 Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li t-tkomplija tal-interrogazzjoni fl-assenza tal-avukat tista’ tkun iġġustifikata miċ-ċirkustanza li l-assenza ta’ ħatra ta’ avukat mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna raġonevolment issuspettata li wettqet reat kriminali jew il-fatt li dan tal-aħħar ma deherx fit-terminu stabbilit tista’ tikkostitwixxi miżura intiża sabiex ittawwal il-proċeduri min-naħa ta’ din il-persuna ssuspettata jew ta’ din il-persuna u tista’ tostakola l-proċeduri kriminali.
66 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-adozzjoni tal-Artikolu 387/A ġdid fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, peress li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata), C‑70/24, EU:C:2025:615, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
67 F’dan il-każ, permezz tal-opinjoni motivata tal‑14 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni stiednet lill-Ungerija tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha msemmija f’din l-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċeviha.
68 Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, l-Ungerija ma tistax tikkontesta b’mod utli nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha billi tinvoka emenda tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ppubblikat fl‑4 ta’ Diċembru 2024, jiġifieri wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.
69 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48
L-argumenti tal-partijiet
70 Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2013/48, peress li hija ma ttrasponietx l-Artikolu 9 tagħha fl-ordinament ġuridiku tagħha. Fil-fatt, id-dritt Ungeriż ma jipprevedix li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati bil-konsegwenzi possibbli ta’ rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, kif jipprevedi l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva, u/jew bil-possibbiltà li jirrevokaw id-deċiżjoni inizjali tagħhom, konformement mal-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva.
71 Skont din l-istituzzjoni, il-possibbiltà li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jitħallew mid-dritt Ungeriż ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandha l-istess konsegwenzi bħal rinunzja formali għal dan id-dritt, bil-konsegwenza li tali possibbiltà għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti relatati ma’ kull rinunzja, b’mod partikolari, għal dan id-dritt, previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, taħt piena li dawn ir-rekwiżiti jiġu evitati jew, mill-inqas, serjament kompromessi.
72 Fil-fatt, it-terminu “rinunzja” li jinsab f’dan l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm ir-rinunzja formali kif ukoll ir-rinunzja informali għall-imsemmi dritt.
73 Skont il-Kummissjoni, id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu ggarantiti b’mod konkret u effettiv u b’hekk jippermettu lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni informata dwar id-difiża tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura. Għal dan l-għan, is-sistema legali Ungeriża, li tirreferi, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, għal dritt inaljenabbli li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata hija libera li teżerċita jew le, għandha tipprevedi garanziji suffiċjenti favur dawn il-persuni meta jiddeċiedu li ma jeżerċitawx dan id-dritt, peress li tali deċiżjoni jkollha l-konsegwenza li ċċaħħadhom mill-protezzjoni effettiva ta’ avukat.
74 Fir-risposta tagħha, l-Ungerija ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedu informazzjoni kompleta lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħha. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati ma għandhomx, fil-verità, il-possibbiltà li jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, peress li dan id-dritt huwa dritt inaljenabbli fid-dritt Ungeriż. Għalhekk, meta r-rappreżentanza legali tkun obbligatorja, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru avukat sabiex jassistihom. Madankollu, meta r-rappreżentanza legali ma tkunx obbligatorja, il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkunu liberi li jiddeċiedu jekk jixtiqux jiġu assistiti minn avukat jew le jew li jitolbu l-ħatra ta’ avukat. Id-deċiżjoni li persuna ma tiġix assistita minn avukat għalhekk ma tikkostitwixxix rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, iżda tfisser sempliċement li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati ma jixtiqux jeżerċitaw dan id-dritt.
75 Konsegwentement, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 ma għandux għalfejn jiġi traspost fid-dritt Ungeriż, ġaladarba ma teżisti ebda sitwazzjoni li fiha l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jistgħu validament jirrinunzjaw għad-dritt ta’ aċċess għal avukat u li teżiġi li dawn jiġu informati dwar din il-possibbiltà.
76 Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali diġà kienu jippermettu lill-persuni ssuspettati jew lill-persuni akkużati jiġu informati bis-sħiħ dwar id-drittijiet tagħhom ta’ difiża, il-portata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lilhom ġiet iċċarata fl-Artikolu 387/A l-ġdid ta’ dan il-kodiċi. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn il-persuni għandhom jiġu informati bid-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jagħmlu dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari fl-assenza tal-avukat tagħhom, u li jitolbu l-preżenza ta’ avukat fi kwalunkwe mument. Għalhekk, jekk il-persuna kkonċernata tiddikjara li ma tkunx trid tagħmel dikjarazzjoni, dan l-Artikolu 387/A l-ġdid jipprevedi li l-interrogazzjoni tieqaf. B’kuntrast ma’ dan, jekk din il-persuna, mingħajr ma tkun assistita minn avukat, tagħmel dikjarazzjoni wara li tkun ġiet informata li hija kellha d-dritt toqgħod lura milli tagħmel dikjarazzjoni, din id-dispożizzjoni l-ġdida tispjega li hija tkun qiegħda tirrinunzja, billi tagħmel dan, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għall-preżenza ta’ avukat u, għaldaqstant, għad-dritt li ma tweġibx mistoqsijiet sakemm ma tkunx fil-preżenza ta’ avukat. L-Artikolu 387/A l-ġdid tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali għandu wkoll bħala għan li jsaħħaħ il-garanziji favur il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati waqt l-interrogazzjonijiet li jseħħu fl-assenza ta’ avukat, sabiex il-leġiżlazzjoni Ungeriża twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-Kummissjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
77 Preliminarjament, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija bbażat fuq l-adozzjoni tal-Artikolu 387/A l-ġdid tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.
78 Hija biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni.
79 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/48 jipprevedi żewġ kundizzjonijiet li għandhom jirregolaw rinunzja potenzjali, mill-persuna ssuspettata jew mill-persuna akkużata, għad-dritt tagħha ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat.
80 Għalhekk, bis-saħħa tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata għandha tkun irċeviet informazzjoni dwar il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal avukat u l-konsegwenzi possibbli ta’ rinunzja għal dan id-dritt, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din l-informazzjoni, li tista’ tiġi pprovduta oralment jew bil-miktub, għandha tkun ċara u suffiċjenti kif ukoll ikkomunikata f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Barra minn hekk, konformement mal-punt (b) tal-imsemmija dispożizzjoni, ir-rinunzja għandha ssir b’mod volontarju u inekwivoku.
81 Skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jkunu jistgħu jirrevokaw rinunzja wara kull stadju tal-proċeduri kriminali, u li dawn il-persuni jiġu informati b’dik il-possibbiltà.
82 F’dan ir-rigward, anki jekk, fid-dritt Ungeriż, id-dritt ta’ aċċess għal avukat jitqies li huwa dritt inaljenabbli, huwa paċifiku li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati jistgħu jiddeċiedu li ma jeżerċitawhx. Issa, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ persuna akkużata li ma teżerċitax dan id-dritt għandha l-konsegwenza li din il-persuna għandha tiddefendi ruħha mingħajr l-assistenza ta’ avukat. Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-prattika, tali deċiżjoni għandha l-istess effett bħal rinunzja, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48.
83 Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li r-rinunzja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma hijiex formalment irrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru, għandu jitfakkar li l-ineżistenza, fi Stat Membru partikolari, ta’ ċertu kunċett ġuridiku, ma tistax teħles lill-imsemmi Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet, regolamenti u miżuri amministrattivi sabiex jiżgura traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tad-direttivi, minn perspettiva legali u mhux biss fattwali, jirrikjedu li l-Istati Membri kollha jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni f’qafas legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam kopert minnha. Tali obbligu jaqa’ fuq l-Istati Membri sabiex tiġi evitata kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni eżistenti f’dawk l-Istati f’mument partikolari u bil-għan li jiġi ggarantit li s-suġġetti kollha tal-liġi fl-Unjoni, inkluż dawk tal-Istati Membri li fihom ma jeżistix ċertu kunċett legali msemmi minn direttiva, ikunu jafu b’mod ċar u preċiż liema huma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fiċ-ċirkustanzi kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2025, Il‑Kummisjoni vs Spanja (Direttiva bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata), C‑70/24, EU:C:2025:615, punt 64).
84 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-liġijiet neċessarji sabiex tittrasponi l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48 fl-ordinament ġuridiku tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.
85 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha, minn naħa, mal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.
Fuq l-ispejjeż
86 Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din l-istituzzjoni.
87 Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha, minn naħa, mal-Artikolu 3(6)(b) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.
2) L-Ungerija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
3) Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.