European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1579

30.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1579

tat-18 ta’ Lulju 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Każakistan għal ftehim dwar ir-riammissjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(3), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar ir-riammissjoni mar-Repubblika tal-Każakistan (il-“Ftehim”).

(2)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Ftehim jkun konsistenti mal-liġi u l-politiki rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra.

(3)

Jenħtieġ li tħejjijiet għan-negozjati jitwettqu minn qabel sew. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill, kmieni kemm jista’ jkun, dwar l-iskeda antiċipata tan-negozjati u dwar il-kwistjonijiet li għandhom jiġu nnegozjati, u tikkonsulta lill-Kunsill fejn meħtieġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma wkoll lill-Kunsill dwar l-eżitu ta’ kull sessjoni ta’ negozjati.

(4)

Sabiex tirrispondi bl-aħjar mod għall-interessi tal-politika tal-Unjoni dwar ir-riammissjoni, l-awtorizzazzjoni għan-negozjati jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien, bil-possibbiltà ta’ estensjoni tal-perjodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni. Qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kunsill jivvaluta, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jkomplu n-negozjati, b’kont meħud tal-progress tan-negozjati kif ukoll ir-relazzjonijiet ġenerali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan. Il-perjodu ta’ validità ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jiġi estiż taħt l-istess proċedura. Tali awtorizzazzjoni limitata fiż-żmien bil-possibbiltà ta’ estensjoni ma għandux ikollha l-impatt li tirrestrinġi s-setgħa tan-negozjatur tal-Unjoni fin-negozjati tagħha mar-Repubblika tal-Każakistan.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, b’ittra datata s-16 ta’ Ġunju 2025, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ negozjati għal ftehim dwar ir-riammissjoni mar-Repubblika tal-Każakistan.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Integrazzjoni, il-Migrazzjoni u t-Tkeċċija, li huwa l-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni, u tikkonsultah fuq bażi regolari.

3.   Kull meta tintalab tagħmel dan mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati.

Artikolu 3

1.   Din id-Deċiżjoni hija valida għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjoni biex testendi dak il-perjodu. Il-Kunsill għandu jivvaluta s-sitwazzjoni abbażi ta’ dik ir-rakkomandazzjoni u jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perjodu ta’ validità wara li jwettaq valutazzjoni b’kont meħud tal-progress tan-negozjati kif ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Każakistan.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1579/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)