SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva (UE) 2019/1937 – Artikolu 26(1) u (3) – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kriterji għall-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjonijiet – Applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità”

Fil-Kawża C‑154/23,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(3) TFUE, imressaq fl‑14 ta’ Marzu 2023,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u L. Maran, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17), u billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva;

–

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla ammont mit-tnejn li ġejjin:

–

ammont f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 600 mmultiplikat bin-numru ta’ ġranet li ddekorrew bejn id-data ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 stabbilit minnha u d-data li fiha ntemm il-ksur, jew, fil-każ fejn is-sitwazzjoni ma tkunx ġiet irregolarizzata, id-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

–

is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 168000;

–

fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fl-ewwel inċiż ikompli sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja tħallas lill-Kummissjoni pagament ta’ penalità ta’ EUR 2340 għal kull jum ta’ dewmien ikkalkolat mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha r-Repubblika tal-Estonja twettaq l-obbligi imposti fuqha mid-Direttiva 2019/1937;

–

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2019/1937

2

Il-premessi 1 u 4 tad-Direttiva 2019/1937 jipprovdu:

“(1)

[…] [L]-informaturi potenzjali spiss jiġu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib jew is-suspetti tagħhom għax jibżgħu minn xi ritaljazzjoni. F’dan il-kuntest, l-importanza li tiġi pprovduta protezzjoni bbilanċjata u effettiva lill-informaturi hija dejjem aktar rikonoxxuta kemm fil-livell tal-Unjoni [Ewropea] kif ukoll f’dak internazzjonali.

[…]

(4)

Il-protezzjoni li attwalment tingħata lill-informaturi fl-Unjoni hija frammentata fl-Istati Membri u hija inugwali minn qasam ta’ politika għal ieħor. Il-konsegwenzi tal-ksur tal-liġi tal-Unjoni b’dimensjoni transfruntiera u li jiġi rapportat minn informaturi juru kif protezzjoni insuffiċjenti fi Stat Membru wieħed għandha impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-politiki tal-Unjoni mhux biss f’dak l-Istat Membru, iżda wkoll fi Stati Membri oħra u fl-Unjoni kollha kemm hi.”

3

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jittejjeb l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni li jipprevedu protezzjoni ta’ livell għoli għal persuni li jirrapportaw ksur tal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑17 ta’ Diċembru 2021.

[…]

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

Il-Komunikazzjoni tal‑2023

5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal2023”), tiddedika l-punti 3 u 4 tagħha rispettivament għall-“Pagament ta’ penali” u għal “Ħlas ta’ somma f’daqqa”.

6

Il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, dwar l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, jipprovdi:

“Ksur li jikkonċerna n-nuqqas […] ta’ Stat Membru […] li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari.

[…]”

7

Il-punt 3.2.2 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdi:

“Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-[I]stat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu.

Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari […].”

8

Skont il-punt 3.3 tal-imsemmija komunikazzjoni, intitolat “Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum”:

“[…]

Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni.

[…]”

9

Il-punt 3.4 tal-istess komunikazzjoni, intitolat “Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas”, jipprevedi:

“[…]

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) […] tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Image

[…]

il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas.

[…]”

10

Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej:

“Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:

–

il-multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa b’koeffiċjent għas-serjetà,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bil-fattur n,

–

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti […]

[…]”

11

Il-punt 4.2.1 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi:

“Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej:

[…]

–

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan huwa n-numru ta’ jiem bejn il-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ konformità, id-data li fiha tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE.

[…]”

12

Skont il-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni:

“Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […]

L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […]

L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I.

[…]”

13

L-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti” jipprevedi, fil-punt 1 tiegħu, li l-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità msemmi fil-punt 3 ta’ din il-komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 3000 kuljum, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont tas-somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1000 għal kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għar-Repubblika tal-Estonja huwa stabbilit għal 0.06. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika tal-Estonja tammonta għal EUR 168000.

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Estonja, fejn ilmentat li ma kkomunikatilhiex il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha kien skada fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fir-risposta tagħha tat‑28 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika tal-Estonja, filwaqt li rrikonoxxiet l-ilmenti fformulati kontriha, indikat li l-abbozz ta’ liġi li jippermetti t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien ġie ppreżentat għal eżami lill-Parlament Estonjan u li l-liġi ta’ traspożizzjoni kellha tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

15

Fl-assenza ta’ komunikazzjoni sussegwenti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937, fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Estonja, li fiha talbet lil din tal-aħħar sabiex twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmija direttiva fi żmien xahrejn, li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tirċievi din l-opinjoni.

16

Fir-risposta tagħha għall-imsemmija opinjoni tat‑13 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika tal-Estonja, li ma kkontestatx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha, ippreċiżat l-istat ta’ progress tal-proċess leġiżlattiv ta’ adozzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937.

17

Peress li qieset li dan l-Istat Membru kien għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl‑14 ta’ Marzu 2023, li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Jannar 2024, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑147/23. Wara l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), il-proċedura f’din il-kawża tkompliet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess ġurnata.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttivi fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

20

Din l-istituzzjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li hija bagħtitilha.

21

Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Estonja la adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 u lanqas ma informat lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022.

22

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija kkritikata bih u tippreċiża li, minħabba l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal‑5 ta’ Marzu 2023, l-eżami tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 ġie pospost għax-xahar ta’ Ġunju 2023. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jesponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti tinkludi ċerti dispożizzjonijiet li jippermettu, f’oqsma speċifiċi, il-protezzjoni tal-informaturi, mingħajr madankollu ma dawn ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

23

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jistgħux jiġġustifikaw id-dewmien fit-traspożizzjoni ta’ direttiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, l-Istati Membri għandhom, mhux iktar tard mis‑17 ta’ Diċembru 2021, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 26(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn għandhom jinkludi riferiment għal din id-direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Minbarra dan, skont l-Artikolu 26(3), huma l-Istati Membri li għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jkunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att speċifiku ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), C‑454/22, EU:C:2024:235, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, wara li kkonstatat li r-Repubblika tal-Estonja ma kinitx ikkomunikatilha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fil‑15 ta’ Lulju 2022, opinjoni motivata, fejn talbitu jwettaq l-obbligi msemmija f’din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn, mid-data li fiha jkun irċeviha.

28

Issa, kif jirriżulta mir-risposta u mir-replika ppreżentati mir-Repubblika tal-Estonja f’din il-proċedura, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2019/1937 u, għaldaqstant, dan l-Istat lanqas ma kien ikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

29

Ir-Repubblika tal-Estonja, li ma tikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha, tindika li d-dewmien fit-traspożizzjoni u, għaldaqstant, fil-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni huwa imputabbli b’mod partikolari għall-elezzjonijiet leġiżlattivi tal‑5 ta’ Marzu 2023.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, bħall-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu stabbilit (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-Informanti), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li terminu għat-traspożizzjoni ta’ sentejn kien suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom.

32

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1937 u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-talbiet imressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

33

Peress li qieset li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata r-Repubblika tal-Estonja kien għadu jippersisti fil-mument li fih il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors, din l-istituzzjoni tipproponi, abbażi tal-Artikolu 260(3) TFUE, li timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas kemm ta’ somma f’daqqa kif ukoll ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

34

Sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti ta’ dawn is-sanzjonijiet pekunjarji, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fil-punti 3 u 4 ta’ din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, din l-istituzzjoni tindika li d-determinazzjoni ta’ dawn l-ammonti għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji fundamentali li huma l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u n-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

35

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li l-koeffiċjent applikabbli skont il-Kommunikazzjoni tal‑2023 huwa bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20. Din l-istituzzjoni tippreċiża li, skont il-punt 3.2.2 ta’ din il-kommunikazzjoni, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-traspożizzjoni ta’ direttiva, peress li kull nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u ta’ kommunikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess grad ta’ gravità, indipendentement min-natura tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkonċernata.

36

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-punt 3.3 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, il-koeffiċjent ta’ tul huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3 u huwa kkalkolat b’rata ta’ 0.10 fix-xahar mill-ġurnata ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni sal-mument li fih il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li t-tul ta’ dan il-perijodu huwa, f’dan il-każ, ta’ 13-il xahar, il-koeffiċjent tad-dewmien li għandu jintuża huwa ta’ 1.3.

37

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterju relatat man-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-fattur “n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-kalkolu tiegħu huwa bbażat fuq ir-relazzjoni bejn il-PDG tal-Istat ikkonċernat u l-PDG medju nazzjonali tal-Unjoni mmultiplikat bir-relazzjoni ta’ bejn il-popolazzjoni ta’ dak l-Istat u l-popolazzjoni medja nazzjonali tal-Unjoni. L-ewwel relazzjoni hija peżata b’żewġ terzi filwaqt li t-tieni relazzjoni hija peżata b’terz. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tar-Repubblika tal-Estonja huwa ta’ 0.06.

38

Konsegwentement, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi, skont il-punt 4.2 tal-Kommunikazzjoni tal‑2023, li jintuża koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u li jiġi applikat l-fattur “n” ta’ 0.06. Il-prodott ta’ dawn iż-żewġ elementi għandu jiġi mmultiplikat bl-ammont tas-somma f’daqqa stabbilita fil-punt 2 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, jiġifieri EUR 1000, li jikkorrispondi għas-somma ta’ EUR 600, liema somma għandha tiġi mmultiplikata bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista, konformement mal-punt 4.2.1 tal-imsemmija kommunikazzjoni. Il-Kummissjoni tindika li l-ħlas ta’ din is-somma f’daqqa għandu jiġi impost bil-kundizzjoni li jkun ogħla minn EUR 168000, ammont tas-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika tal-Estonja fil-punt 5 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

39

It-tieni nett, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi mmultiplikata s-somma f’daqqa tal-pagamenti ta’ penalità stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023, li tammonta għal EUR 3000 kuljum, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10, bil-koeffiċjent ta’ tul ta’ 1.3 kif ukoll bil-fattur “n” ta’ 0.06. Minn dan jirriżulta pagament ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 2340 għal kuljum.

40

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi kkunsidrat li d-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu ta’ ħlas tkun dik tal-għoti tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża.

41

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ammonti tas-sanzjonijiet pekunjarji jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata n-natura effikaċi u dissważiva ta’ dawn is-sanzjonijiet.

42

Fir-rigward tal-ammont tas-somma f’daqqa, dan l-Istat Membru jqis li s-somma proposta mill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-effetti reali tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fuq l-interessi pubbliċi u privati.

43

Minn naħa, l-applikazzjoni sistematika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 ma tippermettix lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Għalhekk, l-Artikolu 3 tat-töölepingu seadus (il-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Xogħol) (RT I, 7 ta’ Marzu 2023) u l-Artikolu 13 tal-avaliku teenistuse seadus (il-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku) (RT I, 7 ta’ Marzu 2023) jipprevedu l-projbizzjoni ġenerali tar-ritaljazzjoni kontra l-informaturi, kif previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2019/1937. Barra minn hekk, protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw hija żgurata mill-Artikolu 6(2) tal-korruptsioonivastane seadus (il-Liġi Kontra l-Korruzzjoni) (RT I, 13 ta’ April 2021), l-Artikoli 49, 51, 52 u 521 tar-rahapesu ja terrorismi tõkestamise seadus (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u t-Terroriżmu) (RT I, 10 ta’ Frar 2023), l-Artikoli 502 u 503 tal-finantsinspektsiooni seadus (il-Liġi dwar l-Awtorità ta’ Superviżjoni u Finanzjarja) (RT I, 30 ta’ Novembru 2022), kif ukoll l-Artikoli 2011, 2012 u 23749 tal-väärtpaberituru seadus (il-Liġi dwar is-Suq tat-Titoli) (RT I, 17 ta’ Marzu 2023). Barra minn hekk, diversi awtoritajiet pubbliċi stabbilixxew kanali ta’ senjalazzjoni intern.

44

Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jfakkar id-diversi sforzi li huwa għamel sabiex jittrasponi d-Direttiva 2019/1937 u jesponi li t-tul tal-eżami tal-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien itwal minn dak li kien inizjalment previst minħabba ż-żamma, fil‑5 ta’ Marzu 2023, tal-elezzjonijiet leġiżlattivi.

45

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li, fid-dawl tan-numru estremament baxx ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni li dejjem ikkaratterizzawha, il-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur ma tiġġustifikax l-ammont mitlub mill-Kummissjoni.

46

Minn dan jirriżulta li, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 jew inqas hija suffiċjenti.

47

Għall-istess raġunijiet, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità propost mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas ukoll.

48

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 li hija pproponiet huwa moderat u jikkorrispondi għal-livell previst fil-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023.

49

Hija tqis li d-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija mir-Repubblika tal-Estonja fir-risposta tagħha ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent, peress li ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fid-dritt nazzjonali.

50

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn ma jinkludux riferiment għal din id-direttiva u għalhekk ma jikkostitwixxux att pożittiv ta’ traspożizzjoni.

51

B’dan il-mod, l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji tad-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 2019/1937 u l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha.

52

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonferma l-ammonti tas-sanzjonijiet pekunjarji li hija pproponiet fir-rikors tagħha.

53

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom hija għamlet riferiment fir-risposta tagħha juru li l-effetti negattivi fuq l-interessi pubbliċi u privati tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih għandhom jiġu rrelativizzati. Għalhekk, l-ammonti tas-sanzjonijiet pekunarji proposti għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati għall-ksur imwettaq. Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet teħtieġ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

54

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-awtomatiċità tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità min-neċessità li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri. Għall-kuntrarju, dan il-prinċipju jimponi evalwazzjoni differenti skont il-kontenut normattiv ta’ kull direttiva kif ukoll skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru.

55

F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Estonja diġà għandha leġiżlazzjoni settorjali li tikkorrispondi, sa ċertu punt, għas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 2019/1937. Dan l-Istat Membru jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-premessa 4 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi din id-direttiva hija intiża sabiex timla l-lakuni li jistgħu jirriżultaw minn livell ta’ protezzjoni frammentat u mhux ugwali.

56

Barra minn hekk, in-numru limitat ta’ ksur imwettaq mill-imsemmi Stat Membru jiġġustifika tnaqqis ta’ dawn l-ammonti, peress li r-riskju ta’ reċidiva huwa limitat.

57

Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Estonja titlob, minn naħa, li l-ammont tas-somma f’daqqa jiġi ddeterminat billi jiġi mmultiplikat ammont ta’ kuljum ta’ EUR 300 bin-numru ta’ ġranet inklużi bejn il-ġurnata ta’ wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni u l-ġurnata li fiha jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, il-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża. Min-naħa l-oħra, hija titlob li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jiġi ffissat għal EUR 1170 għal kull ġurnata ta’ dewmien mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sad-data ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

58

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ pagament ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

59

Peress li, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022 ir-Repubblika tal-Estonja la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat lill-Kummissjoni il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE.

60

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, ikollu t-tendenza li jippersisti, iżda wkoll li jtaffi u jħaffef il-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi l-impożizzjoni ta’ żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri somma f’daqqa u pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

62

Għalkemm l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jitħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tagħha, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għall-kundanna tar-Repubblika tal-Estonja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum u ta’ somma f’daqqa, kif ukoll sabiex tistabbilixxi l-ammonti tagħhom.

65

Fir-rigward tal-opportunità li timponi tali sanzjonijiet pekunjarji, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, tiddeċiedi dwar s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan il-każ, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, minkejja l-fatt li r-Repubblika tal-Estonja żammet lid-dipartimenti tal-Kummissjoni informati dwar il-progress tal-proċedura ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Estonja ma kienet adottat ebda dispożizzjoni li tippermetti t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑15 ta’ Lulju 2022, u lanqas fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

67

It-tieni nett, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, tali sanzjoni hija imposta bħala prinċipju biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li dawn il-pagamenti ta’ penalità huma intiżi li jissanzjonaw sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jitqies li seħħ fid-data tal-għeluq tal-proċedura. Għandu jiġi ppreċiżat li, f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, ma tkun inżammet l-ebda seduta, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward hija dik tal-għeluq tal-fażi bil-miktub (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 64).

68

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tistax tiġi prevista, għandu jiġi eżaminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, kienx ippersista sad-data ta’ għeluq tal-fażi bil-miktub, li seħħ fl‑14 ta’ Awwissu 2023.

69

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, f’din id-data, ir-Repubblika tal-Estonja la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1937 fid-dritt intern tagħha. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ppersista fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundanna tar-Repubblika tal-Estonja għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, kif mitlub mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi mezz finanzjarju xieraq sabiex jiġi żgurat li dan l-Istat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u josserva l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2019/1937. Madankollu, peress li ma jistax jiġi eskluż li, fil-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tkun kompletament twettqet, huwa xieraq li pagamenti ta’ penalità jiġu imposti biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 66).

– Fuq l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji

71

F’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa ta’ evalwazzjoni limitata, peress li, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn din tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam, kif inkwadrat mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li jista’ jiġi imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li dan l-ammont ikun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, linji gwida, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta dik l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Komunikazzjoni tal‑2023 sabiex tiffissa l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji meħtieġa.

75

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, mill-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva titqies dejjem bħala gravi. Għaldaqstant, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifika l-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10.

76

Ir-Repubblika tal-Estonja tikkontesta l-livell ta’ dan il-koeffiċjent u l-awtomatiċità tal-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali ta’ Stati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1937 hija strument kruċjali tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, regoli minimi komuni li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni bbilanċjata u effettiva tal-persuni li jirrapportaw ksur ta’ dan id-dritt f’oqsma li fihom tali ksur jista’ jippreġudika b’mod partikolari l-interess ġenerali. Fil-fatt, billi tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, din id-direttiva tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jipprevedu l-obbligu, kemm għall-entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll għal dawk tas-settur privat, li jistabbilixxu kanali ta’ senjalazzjoni interna, proċeduri ta’ riċeviment u ta’ segwitu tas-senjalazzjonijiet, filwaqt li jiggarantixxu d-drittijiet tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni hekk prevista (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 73).

79

Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 fit-terminu mogħti neċessarjament tikser id-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu, peress li ksur ta’ dan id-dritt jista’ ma jkunx is-suġġett ta’ senjalazzjoni jekk il-persuni li jkunu jafu b’tali ksur ma jibbenefikawx minn protezzjoni kontra eventwali ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 74).

80

Madankollu, l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi u proporzjonat mal-ksur imwettaq (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 75), kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

81

Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni awtomatika tal-istess koeffiċjent ta’ gravità fil-każijiet kollha ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva neċessarjament tostakola l-adattament tal-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet proporzjonati (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 76).

82

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, billi tippreżumi li l-ksur tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva għandu jitqies li għandu l-istess gravità tkun liema tkun id-direttiva kkonċernata, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tadatta s-sanzjonijiet pekunjarji skont il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif previst mill-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal2023 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 77)

83

F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Estonja sostniet, fir-risposta tagħha, li l-leġiżlazzjoni tagħha kienet tinkludi diġà ċerti regoli, indikati fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, intiżi li jipproteġu l-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, li huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2019/1937.

84

Għalhekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Xogħol u l-Artikolu 13 tal-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku jipprevedu l-projbizzjoni ġenerali tar-ritaljazzjoni kontra l-informaturi, kif previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2019/1937. Barra minn hekk, protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw hija żgurata mill-Artikolu 6(2) tal-Liġi Kontra l-Korruzzjoni, mill-Artikoli 49, 51, 52 u 521 tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u t-Terroriżmu, mill-Artikoli 502 u 503 tal-Liġi dwar l-Awtorità ta’ Superviżjoni u Finanzjarja, kif ukoll mill-Artikoli 2011, 2012 u 23749 tal-Liġi dwar is-Suq tat-Titoli. Barra minn hekk, diversi awtoritajiet pubbliċi stabbilixxew kanali ta’ senjalazzjoni interna.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex stabbilit li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’dan il-każ fuq l-interessi privati u pubbliċi kienu negattivi daqs il-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2019/1937. Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-livell tal-koeffiċjent ta’ gravità adottat, peress li din ma ġietx ikkomunikata lilha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax, waħedha, ikollha impatt fuq il-konsegwenzi effettivi ta’ din tal-aħħar fuq dawn l-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 92).

86

Xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika tal-Estonja stess irrikonoxxiet, fir-risposta tagħha, li r-regoli li jipproteġu l-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni huma mifruxa fl-ordinament ġuridiku Estonjan u ma jinkludux, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2019/1937, riferiment espliċitu għall-protezzjoni ta’ dawn il-persuni.

87

Issa, l-assenza ta’ regoli speċifiċi u ċari dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bil-mod kif din il-protezzjoni hija prevista mid-Direttiva 2019/1937, tipprekludi protezzjoni effettiva ta’ dawn il-persuni u għalhekk tista’ tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni uniformi u effettiva ta’ dan id-dritt fl-oqsma koperti minn din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 94).

88

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, billi tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest professjonali, id-Direttiva 2019/1937 tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku, f’oqsma partikolarment sensittivi, bħal dawk tal-kuntratti pubbliċi, tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 95).

89

Madankollu, kif indikat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ protezzjoni effettiva, il-persuni li jkunu jafu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni f’dawn l-oqsma jistgħu jiġu dissważi milli jindikawhom peress li, meta jagħmlu dan, huma jistgħu jesponu ruħhom għal ritaljazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 96).

90

Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/1937, moqri flimkien mal-premessa 1 tagħha, l-assenza ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa u preċiża tal-imsemmija direttiva hija ta’ gravità partikolarment serja (ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 97).

91

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatt li r-Repubblika tal-Estonja hija għall-ewwel darba s-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażata fuq l-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta fuqha. Fil-fatt, l-aġir passat ta’ Stat Membru ma għandu ebda rabta mal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi.

92

Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-somma f’daqqa, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu għat-traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni, jiġifieri s‑17 ta’ Diċembru 2021 (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, it-tul tal-ksur għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak meta l-Kummissjoni tippreżenta r-rikors quddiemha (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE) - Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 87).

94

Huwa paċifiku li r-Repubblika tal-Estonja ma kinitx, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2019/1937, jiġifieri fis‑17 ta’ Diċembru 2021, adottat il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 26(3) tal-imsemmija direttiva. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ma ntemmx fil-ġurnata tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ilu għaddej tliet snin.

95

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Estonja, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat bħala fattur predominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tiegħu u tal-iffissar ta’ sanzjonijiet suffiċjentement dissważivi u proporzjonati, sabiex tiġi evitata b’mod effettiv ir-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet b’mod ripetut li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD tal-Istat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

F’dan il-każ, il-fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri l-oħra, applikat mill-Kummissjoni skont il-punti 3.4. u 4.2. tal-Komunikazzjoni tal‑2023, huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, li tgħodd għal żewġ terzi tal-kalkolu tal-fattur “n”, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjoni tal-Istati Membri, li tgħodd għal terz tal-kalkolu tal-fattur “n”, kif jirriżulta mill-ekwazzjoni msemmija fil-punt 9ta’ din is-sentenza. Il-Kummissjoni tiġġustifika dan il-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” kemm bl-għan li tinżamm differenza raġonevoli tal-fatturi “n” tal-Istati Membri, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll l-għan li tiġi żgurata ċerta stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur “n”, peress li huwa improbabbli li l-popolazzjoni tvarja b’mod sinjifikattiv fuq bażi annwali (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku skont il-modalitajiet previsti fil-punti 3.4 u 4.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 sa 86).

99

Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kriterju rilevanti, imressaq mill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi stabbiltà fil-kalkolu u żżomm differenza raġonevoli fil-fatturi “n” tal-Istati Membri, huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-medja tal-PGD tar-Repubblika tal-Estonja tal-aħħar tliet snin li għandu jiġi ffissat l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji.

100

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li, fir-rigward tas-sanzjonijiet finanzjarji li hija timponi l-pagament tagħhom, hija ma tistax tistabbilixxi ammont li jeċċedi dak indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies, minn naħa, li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 26(1) u (3) tad-Direttiva 2019/1937 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa ffissat għal EUR 500000 u, min-naħa l-oħra, li fil-każ fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika tal-Estonja tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, minn din id-data u sad-data li fiha dan l-Istat Membru jtemm dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 1500.

Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Estonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tadotta, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni Ewropea tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 26(1) u (3) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Billi, sal-ġurnata tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinitx adottat l-miżuri neċessarji sabiex tittrasponi fid-dritt intern tagħha id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1937 u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Estonja ppersistiet fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Estonja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea:

–

is-somma f’daqqa ta’ EUR 500000;

–

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 1 tad-dispożittiv ikun għadu jippersisti fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 1500 b’effett minn din id-data u sa meta dan l-Istat Membru jtemm dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Estonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.