2007D0131 — MT — 30.06.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta' Frar 2007

dwar il-permess ta' użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod armonizzat fil-Komunità

(notifikat bid-dokument numru C(2007) 522)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/131/KE)

(ĠU L 055, 23.2.2007, p.33)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-21 ta’ April 2009

  L 105

9

25.4.2009




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta' Frar 2007

dwar il-permess ta' użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod armonizzat fil-Komunità

(notifikat bid-dokument numru C(2007) 522)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/131/KE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju fil-Komunità Ewropea (Id-Deċiżjoni dwar l-Ispektrum ta' Frekwenzi tar-Radju) ( 1 ), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-kontribuzzjoni siewja lejn it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-bini ta' soċjetà ta' l-informazzjoni totalment inklussiva, ibbażata fuq l-użu mifrux tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) fis-servizz pubbliku, fin-negozji żgħar u medji (SMEs) u fid-djar ( 2 ). Bl-inizjattiva i2010, il- Kummissjoni saħqet dwar kemm l-ICT hija xprun għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi ( 3 ).

(2)

Il-ħolqien ta' suq waħdieni, miftuħ u kompetittiv għall-apparat tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u għas-servizzi tal-medja fil-Komunità huwa kritiku għall-adozzjoni ta' l-ICT. Il-qafas regolatorju tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u apparat tal-Komunità, jista jtejjeb il-kompetittività u jrawwem il-kompetizzjoni fil-qasam ta' l-ICT, inter alia billi jiżgura l-introduzzjoni f'waqtha ta' teknoloġiji ġodda.

(3)

It-tekonoloġija ultra-wideband tipikalment karatterizzata b'radjazzjoni ta' qawwa ferm baxxa fuq firxa kbira ta' frekwenzi tar-radju, tista' tipprovdi għadd kbir ta' applikazzjonijiet fil-komunikazzjonijiet, fit-tkejjil, fil-lokazzjoni, fil-mediċina, fis-sorveljanza u fil-ħolqien ta' immaġini, li huma ta' benefiċċju għall-politiki diversi tal-Komunità, fosthom is-soċjetà ta' l-informatika u s-suq intern. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet regolatorji li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' swieq ekonomikament vijabbli għal applikazzjonijiet ta' teknoloġiji ultra-wideband hekk kif jitfaċċaw opportunitajiet kummerċjali.

(4)

L-użu u l-adozzjoni f'waqthom ta' l-applikazzjonijiet li jużaw teknoloġija ultra-wideband fil-Komunità se jiġu mgħejjuna billi jiġu armonizzati r-regoli ta' l-użu ta' l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju madwar il-komunità, u b'hekk jiġi stabbilit suq waħdieni effettiv għal dawn l-applikazzjonijiet, bil-konsegwenza ta' ekonomiji fil-kobor u benefiċċji għall konsumatur.

(5)

Għalkemm is-sinjali ultra-wideband huma ta' qawwa ferm baxxa, il-possibbiltà ta' interferenza ta' ħsara ma' servizzi ta' radjukomunikazzjoni teżisti u trid tiġi mmaniġġjata. Għalhekk, il-qafas regolatorju dwar l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għal teknoloġiji ultra-wideband irid bilfors jirrispetta d-drittijiet ta' protezzjoni kontra interferenza li tagħmel il-ħsara (fosthom l-aċċess għall-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn servizzi tar-radjoastronomija, tas-satelliti għall-esplorazzjoni tad-dinja u tar-riċerka spazjali) u jibbilanċja l-interessi tas-servizzi importanti kontra l-oġġettiv ewlieni tal-politika, li jipprovdi kundizzjonijiet favorevoli għall-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għall benefiċċju tas-soċjetà.

(6)

L-użu ta' l-ispektrum huwa soġġett għall-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Komunità dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, b'mod partikulari d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) ( 4 ) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) ( 5 ). Il-protezzjoni tas-saħħa għall-apparat tar-radju hija żgurata bil-konformità tat-tali apparat mal-bżonnijiet essenzjali skond id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar apparat tar-radju u tat-telekomunikazzjonijiet u l-għarfien bejniethom tal-konformità tagħhom (“id-Direttiva R&TTE”) ( 6 ).

(7)

Skond Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta' l-Ispektrum ta' Frekwenzi tar-Radju, il-Kummissjoni ħarġet tliet mandati ( 7 ) lill-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet (minn hawn 'il quddiem “is-CEPT”) sabiex tagħmel ix-xogħol kollu neċessarju biex tidentifika il-kriterji tekniċi u operazzjonali għall-introduzzjoni armonizzata fl-Unjoni Ewropea ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ultra-wideband.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq studji li għamel is-CEPT taħt mandat tal-KE. Dawn l-istudji ta' kompatibilità jinkludu, inter alia, l-preżunzjoni li l-apparat li juża t-teknoloġija ultra-wideband jitħaddem l-aktar ġewwa u li jwaqqaf it–trażmissjoni wara għaxar sekondi jekk ma jirċevix sinjal minn riċevitur assoċjat miegħu, li juri li t-trasmissjoni tiegħu qed tintlaqa'. Barra minn hekk, is-sinjali vidjo għandhom jiġu trażmessi bl-użu ta' kodiċi ta' effiċjenza għolja.

(9)

L-użu barra ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband kopert b'din id-Deċiżjoni ma għandux jinkludi l-użu f'lokazzjoni barra fissa jew imqabbad ma' antenna jew ġo vetturi. L-interferenza li tista' tinħoloq b'dan it-tip ta' użu teħtieġ aktar studju.

(10)

Apparat li juża' t-teknoloġija ultra-wideband kopert b'din id-deċiżjoni jaqa' taħt l-ambitu tad-Direttiva R&TTE. Madankollu, l-użu ta' meded ta' frekwenzi minn apparat li juża' t-teknoloġija ultra-wideband għall-ġestjoni tal-komunikazzjonijiet tat-traffiku ta' l-ajru fl-ajruplani u għal applikazzjonijiet ta' salvatagg fuq il-vapuri ma taqax taħt id-direttiva R&TTE, u kwalunkwe użu ta' apparat tali f'dawn l-ambjenti ta' salvataġġ għandu jkun determinat b'regolament adattat u speċifiku skond is-settur.

(11)

Skond id-Direttiva R&TTE, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet mandat (M/329) lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni sabiex jistabbilixxu sett ta' standards armonizzati li jkopru l-applikazzjonijiet ultra-wideband li jkunu rikonoxxuti taħt din id-Direttiva, u li jirriżultaw fi preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti tagħha.

(12)

Bħala rispons għall-mandat M/329 tal-KE, l-ETSI qed jiżviluppa standards bħall-Istandard Armonizzat EN 302 065 għall-użu tat-teknoloġija ultra-wideband li jagħti kas l-effetti totali potenzjali, jekk it-tali effetti jistgħu iwasslu għal interferenza li tagħmel ħsara, u l-istudji ta' kompatibbiltà tas-CEPT. Standards Armonizzati għandhom jiġu sostnuti u żviluppati matul iż-żmien sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' servizzi li għadhom ġodda u li għalihom għadhom ma ġewx assenjati meded ta' frekwenzi.

(13)

Barra minn hekk, meta Stat Membru jqis li xi apparat li juża tekonoloġija ultra-wideband fl-ambitu tad-Direttiva R&TTE, u ta' kwalunkwe Standard Armonizzat addottat skond din, ma jkunx kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva hawn fuq imsemmija, jistgħu jittieħdu miżuri ta' salvagwardja skond Artikoli 9 u 5 tad-Direttiva rispettivament.

(14)

L-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband skond din id-Deċiżjoni għandu jkun permess, abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni, u għalhekk għandu jkun soġġett għal Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks ta' komunikazzjoni u servizzi elettroniċi ( 8 ).

(15)

Bil-għan li tiġi żgurata relevanza kontinwa tal-kundizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni, u fid-dawl tal-bidliet veloċi fl-ambjent ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jimmonitorjaw, fejn ikun possibbli, l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju, b'apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, sabiex din id-Deċiżjoni tiġi soġġetta għal reviżjoni attiva. Reviżjoni bħal din għandha tagħti kas l-iżvilupp teknoloġiku u l-bidliet fis-sitwazzjon tas-suq u tiżgura li s-suppożizzjonijiet tal-bidu dwar it-tħaddim ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband fil-medda ta' frekwenzi speċifikati f'din id-Deċiżjoni għadhom rilevanti. Sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tas-servizzi eżistenti, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi kundizzjonijiet li jitqiesu adegwati sabiex jipproteġu s-servizzi attwali.

(16)

Tekniki ta' mitigazzjoni addattati (fosthom metodi ta' detect-and-avoid jew low-duty-cycle) studjati u speċifikati mis-CEPT u l-ETSI skond il mandat rispettiv tal-KE, għandhom jiġu nklużi fl-Istandards Armonizzati skond id-Direttiva R&TTE ġaladarba jkunu stabbli u żguri li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti għall-livelli ta' emissjonijiet identifikati f'din id-Deċiżjoni.

(17)

Il-kundizzjonijiet fil medda ta' 4.2 sa 4.8 GHz għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband mingħajr tekniki ta' mitigazzjoni xierqa għandu jkollhom limitu ta' żmien u jiġu sostitwiti b'kundizzjonijiet aktar ristrettivi wara d-data tal-31 ta' Diċembru 2010, għaliex hemm aspettattiva li apparat ta' dan it-tip, fit-tul għandu jopera esklussivament fuq frekwenzi 'l fuq minn 6 GHZ.

(18)

Il-miżuri previsti b'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispektrum ta' frekwenzi tar-Radju.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tippermetti l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband u li tarmonizza l-kundizzjonijiet tat-tali użu fil Komunità.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla preġudizzju għad-Direttiva 1995/5/KE (id-Direttiva R&TTE) u għal kull dispożizzjoni tal Komunità li tippermetti l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju minn tipi speċifiċi ta' apparat li juża teknoloġija ultra-wideband

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1. “apparat li juża teknoloġija ultra-wideband” tfisser apparat li jinkorpora, bħala parti integrali jew bħala aċċessorju, teknoloġija għal radjukomunikazzjoni b'firxa qasira, li tinvolvi l-ġenerazzjoni intenzjonali u t-trażmissjoni ta' enerġija ta' frekwenzi tar-radju li tinfirex fuq medda ta' frekwenzi usa' min 50 MHz, li tista tkun imrikkba fuq kemm-il medda ta' frekwenzi allokati għal servizzi ta' radjukomunikazzjoni;

2. “abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni” tfisser li l-ebda interfernza ta' ħsara ma għandha ssir lil xi servizz ta' radjukomunikazzjoni u li l-ebda talba għall-protezzjoni ta' dan l-apparat ma għandha ssir kontra interferenza li tagħmel ħsara u li ġejja minn servizzi ta' radjukomunikazzjoni;

3. “ġewwa” tfisser ġo bini jew postijiet fejn l-ilqugħ tipikament jipprovdi t-tnaqqis meħtieġ sabiex jipproteġi s-servizzi ta' radjukomunikazzjoni kontra interferenza ta' ħsara;

4. “vettura awtomottiva” tfisser kull vettura kif definita bid-Direttiva 70/156/KEE ( 9 );

5. “vettura ferrovjarja” tfisser kul vettura kif definita bir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 );

6. “e.i.r.p.” tfisser qawwa rradjata isotropika ekwivalenti;

7. “densità medja ta' e.i.r.p.” tfisser il-qawwa medja meqjusa b'medda ta' reżoluzzjoni ta' 1 MHz, b'ditekter ta' l-gherq kwadrat medju (RMS) u medja ta' ħin ta' 1 ms jew anqas;

8. “l-ogħla densità ta' e.i.r.p.” tfisser l-ogħla livell ta trażmissjoni ġo medda ta' frekwenzi ta' 50 MHz iċċentrata fuq il-frekwenza fejn isseħħ l-ogħla qawwa irradjata medja. Jekk meqjusa fuq medda ta x MHz, dan il-livell għandu jitnaqqas b'fattur ta' 20log(50/x)dB;

9. “id-densità massima ta' l-e.i.r.p.” tfisser l-ogħla saħħa ta' sinjal meqjus f'kull direzzjoni f'kull frekwenza fil-medda definita;

▼M1

10. “Analiżi tal-Materjal tal-Bini” (BMA) tfisser senser ta’ disturb tal-kamp iddisinnjat biex jillokalizza oġġetti fl-istruttura tal-bini jew biex jiddetermina l-karatteristiċi fiżiċi tal-materjal tal-bini;

11. “irradjat fl-arja” tfisser dawk il-partijiet tas-sinjal maħruġa minn applikazzjonijiet speċifiċi tat-teknoloġija ultra-wideband li mhumiex assorbiti bl-ilqugħ għalihom jew bil-materjal li qed jiġi investigat.

▼B

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, kemm jista' jkun kmieni u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni, jippermettu l-użu ta ' l-ispektrum ta ' frekwenzi tar-radju abbażi li ma jkunx hemm interferenza u protezzjoni minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband sakemm dan l-apparat ikun skond il-kundizzjonijiet ta' l-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li jew jintuża ġewwa jew, jekk jintuża barra, ma jkunx imqabbad ma' stallazzjoni fissa, ma' infrastruttura fissa, ma' antenna fissa fuq barra, jew ma vettura awtomottiva jew ferrovjarja.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom iżommu taħt skrutinju l-użu ta' meded identifikati fl-Anness minn apparat li juża teknoloġija ultra-wideband, b'mod partikolari fejn tidħol ir-rilevanza kontinwa tal-kundizzjonijiet kollha speċifikati f'Artikolu 3, u li jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex ikun hemm żmien biżżejjed għar-reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

▼M1




ANNESS

E.I.R.P (Potenza isotropika rradjata ekwivalenti) massima. Tekniki ta’ Taffija Xierqa

1.   UŻU ĠENERIKU TAL-UWB

1.1.    Densitajiet massimi tal-e.i.r.p



Firxa ta’ Frekwenzi

(GHz)

Densità ta’ e.i.r.p. ta’ medja massima

(dBm/MHz)

Massimu tal-ogħla densità tal-e.i.r.p.

(dBm/50MHz)

Anqas minn 1,6

– 90,0

– 50,0

1,6 sa 2,7

– 85,0

– 45,0

2,7 sa 3,4

– 70,0

– 36,0

3,4 sa 3,8

– 80,0

– 40,0

3,8 sa 4,2

– 70,0

– 30,0

4,2 sa 4,8

– 41,3

(sal-31 ta’ Diċembru 2010)

0,0

(sal-31 ta’ Diċembru 2010)

– 70,0

(wara l-31 ta’ Diċembru 2010)

– 30,0

(wara l-31 ta’ Diċembru 2010)

4,8 sa 6,0

– 70,0

– 30,0

6,0 sa 8,5

– 41,3

0,0

8,5 sa 10,6

– 65,0

– 25,0

’il fuq minn 10,6

– 85,0

– 45,0

1.2.    Tekniki ta’ taffija xierqa

Apparat li juża’ t-teknoloġija ultra-wideband jista’ jkun awtorizzat li juża l-ispektrum ta’ frekwenzi tar-radju b’limiti ta’ e.i.r.p. ogħla minn dawk li hemm fit-tabella fit-taqsima 1.1, meta jiġu applikati tekniki ta’ taffija oħra barra minn dawk fl-Istandards Armonizzati adottati taħt id-Direttiva 1999/5/KE jew tekniki ta’ taffija oħra bil-kundizzjoni li jilħaq tal-anqas livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak provdut mil-limiti tat-tabella fil-punt 1.1. Huwa preżunt li t-tekniki ta’ taffija li ġejjin jipprovdu tali protezzjoni:

1.2.1.    Taffija ta’ “Ċiklu ta’ ħidma baxxa” (LDC)

Medja massima ta’ densità tal-e.i.r.p. ta’ -41,3 dBm/MHz u quċċata massima e.i.r.p ta’ 0 dBm mkejla f’50 MHz għandha tkun awtorizzata fil-firxiet ta’ 3,1-4,8 GHz sakemm tiġi applikata restrizzjoni hija applikata fejn is-somma tas-sinjali kollha trażmessi tkun anqas minn 5 % tal-ħin kull sekonda u anqas minn 0.5 % tal-ħin kull siegħa, u sakemm kull sinjal trażmess ma jaqbiżx il-5 millisekondi.

1.2.2.    Taffija ta’ “Rilevament u Evitar” (DAA)

Medja massima ta’ densità tal-e.i.r.p ta’ - 41,3 dBm/Mhz u e.i.r.p ta’ quċċata massima ta’ 0 dBm mkejla f’50 MHz għandh tkun awtorizzata fil-firxiet ta’ 3,1-4,8 u 8,5-9,0 GHz sakemm tintuża teknika ta’ Rilevament u Evitar (DAA) kif deskritta fl-Istandards Armonizzati rilevanti adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE.

1.3.    It-tħaddim tal-apparat li juża teknolġiji ultra-wideband f’vetturi tat-triq u ferrovjarji

B’deroga mill-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, l-użu ta’ apparat ultra-wideband għandu jiġi awtorizzat ukoll f’vetturi fit-triq u ferrovjarji meta jkun f’konformità mal-parametri li ġejjin.

1.3.1.    Densità massima tal-e.i.r.p. għat-tħaddim tal-apparat li juża teknolġiji ultra-wideband f’vetturi tat-triq u ferrovjarji

Apparat li juża teknoloġija ultra-wideband f’vetturi tat-triq u ferrovjarji għandu jkun awtorizzat li juża l-ispektrum tar-radju bil-limit tal-e.i.r.p. mogħtija fit-Taqsima 1.1 sakemm jiġu applikati għall-firxiet 4,2-4,8 GHz u 6,0-8,5 GHz il-parametri li ġejjin:



Firxa ta’ Frekwenzi

(GHz)

 

Massimu tad-densità medja tal-e.i.r.p.

(dBm/MHz)

4,2 sa 4,8

sal-31 ta’ Diċembru 2010

– 41,3

sakemm dawk it-tekniki biex itaffu l-interferenza totali jiġu applikati li jipprovdu tal-anqas prestazzjoni ekwivalenti għat-tekniki deskritti fl-istandards armonizzati adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE, jeħtieġ li jintużaw. Dawn jirrikjedu trażmettitur b’kontroll tal-qawwa (TPC) b’firxa ta’ 12 dB tal-anqas.

– 53,3 (inkella)

wara l-31 ta’ Diċembru 2010

– 70,0

6,0 sa 8,5

 

– 41,3

sakemm dawk it-tekniki biex itaffu l-interferenza totali jiġu applikati li jipprovdu tal-anqas prestazzjoni ekwivalenti għat-tekniki deskritti fl-istandards armonizzati adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE, jeħtieġ li jintużaw. Dawn jirrikjedu trażmettitur b’kontroll tal-qawwa (TPC) b’firxa ta’ 12 dB tal-anqas.

– 53,3 (inkella)

1.3.2.    Tekniki ta taffija xierqa f’vetturi tat-triq u fuq il-ferrovija

It-tħaddim ta’ apparat li juża’ t-teknoloġija ultra-wideband f’vetturi fit-triq u ferrovjarji għandu jkun awtorizzat ma’ limiti ta’ e.i.r.p. oħrajn barra minn dawk imsemmijin fit-Taqsima 1.3.1 meta jiġu applikati tekniki ta’ taffija kif deskritt fl-Istandards Armonizzati adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE jew tekniki ta’ taffija oħra bil-kundizzjoni li jilħaq mill-inqas livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak provdut mill-limiti tat-tabelli preċedenti. Huwa preżunt li t-tekniki ta’ taffija li ġejjin jipprovdu tali protezzjoni:

1.3.2.1.   Taffija ta’ “Ċiklu ta’ ħidma baxxa)” (LDC)

It-tħaddim ta’ apparat li juża teknoloġija ultra-wideband f’vetturi fit-triq u ferrovjarji li japplika teknika ta’ taffija ta’ LCD fil- firxa ta’ 3,1 - 4,8 GHz kif deskritt fit-taqsima 1.2.1, għandu jitħalla bl-istess limiti ta e.i.r.p. kif deskritt f’dik it-Taqsima 1.2.1. Il-limiti ta’ e.i.r.p. msemmija fit-Taqsima 1.1 għandhom japplikaw għal firxiet ta’ frekwenzi oħrajn.

1.3.2.2.   Taffija f’“Rilevament u Evitar” (DAA)

It-tħaddim ta’ apparat li juża teknoloġija ultra-wideband f’vetturi fit-triq u ferrovjarji li japplika teknika ta’ taffija ta’ DAA fil-firxiet ta’ 3,1-4,8 GHz u ta’ 8,5-9,0 GHz għandu jitħalla bl-limitu ta’ e.i.r.p ta’-41,3 dBm/MHz sakemm tekniki li jtaffu l-intereferenza jiġu applikati li jipprovdu tal-anqas prestazzjoni ekwivalenti bħat-tekniki deskritti fl-istandards armonizzati adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE. Dawn jirrikjedu trażmettitur b’kontroll tal-qawwa (TPC) b’firxa ta’ 12 dB tal-anqas. F’każijiet oħra japplika limitu ta’ e.i.r.p.ta’ -53,3 dBm/MHz.

2.   UŻU SPEĊIFIKU TAL-UWB

Sinjali li huma rradjati fl-arja li ma jaqbżux il-limiti fit-tabella hawn taħt għandhom jitħallew.

2.1.   Analiżi tal-Materjal tal-Bini (BMA)



Firxa ta’ Frekwenzi

(MHz)

Massimu tad-densità medja tal-e.i.r.p.

(dBm/MHz)

Massimu tal-ogħla densità tal-e.i.r.p.

(dBm/50 MHz)

Anqas minn 1 730

– 85

– 45

1 730 sa 2 200

– 65

– 25

2 200 sa 2 500

– 50

– 10

2 500 sa 2 690

– 65

– 25

2 690 sa 2 700

– 55

– 15

2 700 sa 3 400

– 82

– 42

3 400 sa 4 800

– 50

– 10

4 800 sa 5 000

– 55

– 15

5 000 sa 8 000

– 50

– 10

8 000 sa 8 500

– 70

– 30

’il fuq minn 8 500

– 85

– 45

L-apparat tal-BMA li juża tekniki ta’ taffija li jipprovdu tal-anqas prestazzjoni ekwivalenti bħat-tekniki deskritti fl-istandards armonizzati rilevanti adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE, huwa awtorizzat li jaħdem fil-firxiet ta’ frekwenza 1,215 sa 1,73 GHz, b’densità ta’ e.i.r.p. medja massima ta’ - 70 dBm/MHz, u f’firxiet ta’ frekwenzi ta 2,5 sa 2,69 GHz u 2,7 sa 3,4 GHz b’densità ta’ medja massima ta’ - 50 dBm/MHz bil-kundizzjoni li jintlaħaq livell ta’ protezzjoni tal-anqas ekwivalenti bħal dak provdut mil-limiti tat-tabella hawn fuq.

Sabiex ikunu protetti s-Servizzi tar-Radjuastronomija; fil-firxa ta’ frekwenza ta’ 2,69 GHz sa 2,70 GHz u fil-firxa ta’ frekwenza 4,8 sa 5,0 GHz; id-densità totali ta’ potenza rradjata għandha tkun taħt — 65 dBm/MHz kif deskritt fl-Istandards Armonizzati relevanti adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE.



( 1 ) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

( 2 ) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 7619/1/05 Rev. 1 tat-23.3.2005.

( 3 ) COM(2005) 229.

( 4 ) ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1, kif emendata bil-ĠU L 184, 24.5.2004, p. 1.

( 5 ) ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

( 6 ) ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

( 7 ) Il-Mandat lis-CEPT biex tarmonizza l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għas-sistemi ultra-wideband fl-Unjoni Ewropea (“Mandat 1”); il-Mandat lis-CEPT biex tidentifika l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-armonizzazzjoni ta' l-użu ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju għas-sistemi ultra-wideband fl-Unjoni Ewropea (“Mandat 2”); il-Mandat lis-CEPT biex tidentifika l-kundizzjonijiet rigward l-introduzzjoni armonizzata ta' applikazzjonijiet ta' l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju ibbażati fuq it-teknoloġija Ultra-Wideband (UWB) (“Mandat 3”)

( 8 ) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

( 9 ) ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

( 10 ) ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.