SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
12 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi doganali tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 250 – Sistema ta’ ammissjoni temporanja – Artikolu 251 – Perijodu massimu li matulu l-merkanzija importata tista’ tibqa’ taħt din is-sistema – Terminu insuffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan tal-użu awtorizzat – Dejn doganali li jinħoloq minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu – Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-imsemmi terminu – Importazzjoni ta’ vettura tat-tlielaq”
Fil-Kawża C‑781/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, L-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura
Malmö Motorrenovering AB
vs
Allmänna ombudet hos Tullverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Malmö Motorrenovering AB, minn D. Winhagen, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u B. Eggers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 251 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/474 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019 (ĠU 2019, L 83, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Malmö Motorrenovering AB, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Svediż, u l-Allmänna ombudet hos Tullverket (ir-Rappreżentant tal-Interess Ġenerali Quddiem l-Amministrazzjoni Doganali, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentant tal-interess ġenerali”) dwar dejn doganali li nħoloq minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu massimu li fih karozza tat-tlielaq, importata taħt is-sistema ta’ ammissjoni temporanja, kellha tiġi esportata mill-ġdid. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Kodiċi Doganali
|
3 |
Skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”: “1. Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 124 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Estinzjoni”, jipprovdi: “1. Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin: […]
|
|
5 |
It-Titolu VII tal-imsemmi kodiċi huwa intitolat “Proċeduri speċjali”. Il-Kapitolu 4 ta’ dan it-Titolu VII, intitolat “Użu speċifiku”, jinkludi t-Taqsima 1, intitolata “Dħul temporanju”, li minnha jagħmel parti l-Artikolu 250 tal-istess kodiċi, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju, il-merkanzija li mhix tal-Unjoni intiża għall-esportazzjoni mill-ġdid tista’ tkun soġġetta għal użu speċifiku fit-territorju doganali tal-Unjoni, b’eżenzjoni sħiħa jew parzjali mid-dazju tal-importazzjoni […]” |
|
6 |
L-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Perijodu li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet doganali għandhom jiddeterminaw il-perijodu li fih merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ dħul temporanju għandha tkun esportata mill-ġdid jew imqiegħda taħt proċedura doganali sussegwenti. Tali perijodu irid ikun twil biżżejjed biex jintlaħaq l-għan ta’ użu awtorizzat. 2. Minbarra fejn ikun ipprovdut mod ieħor, il-perijodu massimu li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju għall-istess għan u taħt ir-responsabbiltà tal-istess detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun 24 xahar, anki fejn il-proċedura nħelset bit-tqegħid tal-merkanzija taħt proċedura speċjali oħra u sussegwentement tqiegħdet mill-ġdid taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju mill-ġdid. 3. Fejn, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-użu awtorizzat ma jistax jintlaħaq fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet doganali jistgħu jtawlu dak il-perijodu bi żmien raġonevoli, wara applikazzjoni ġustifikata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni. 4. Il-perijodu totali li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju ma għandux jaqbeż għaxar snin, ħlief fil-każ ta’ avveniment imprevidibbli.” |
Ir‑Regolament Delegat (UE) 2015/2446
|
7 |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60), jipprovdi, fl-Artikolu 103 tiegħu, intitolat “Nuqqasijiet li ma għandhomx effett sinifikanti fuq it-tħaddim korrett ta’ proċedura doganali”: “Is-sitwazzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala nuqqasijiet li ma għandhomx effett sinifikanti fuq it-tħaddim korrett tal-proċedura doganali:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
8 |
Fit‑30 ta’ April 2019, Malmö Motorrenovering importat taħt is-sistema tal-ammissjoni temporanja vettura tat-tlielaq mill-Istati Uniti lejn l-Isvezja, sabiex tużaha f’kompetizzjonijiet li jseħħu fl-Unjoni, li l-aħħar waħda minnhom kellha sseħħ fit‑8 ta’ Settembru 2019, u sussegwentement tesportaha mill-ġdid. |
|
9 |
Skont il-kliem tal-awtorizzazzjoni miksuba għal dan l-għan mill-amministrazzjoni doganali, din il-vettura kellha tiġi esportata mill-ġdid fit‑30 ta’ Lulju 2019, jiġifieri qabel id-data ta’ din l-aħħar kompetizzjoni, mingħajr ma ġiet ippreċiżata r-raġuni għalfejn din id-data ta’ esportazzjoni mill-ġdid ġiet stabbilita għat‑30 ta’ Lulju 2019. |
|
10 |
L-imsemmija karozza ġiet esportata mill-ġdid fid‑19 ta’ Settembru 2019, jiġifieri wara d-data tal-esportazzjoni mill-ġdid indikata fil-punt preċedenti. |
|
11 |
Ma ġie stabbilit l-ebda tentattiv ta’ qerq imputabbli lil Malmö Motorrenovering fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ osservanza ta lok għal aġġustament tad-dazji doganali fl-ammont ta’ krona Svediża 101959 (SEK) (madwar EU 8973) u tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ammont ta’ SEK 280387 (madwar EUR 24676) (iktar ’il quddiem id-“dejn doganali”). |
|
12 |
Malmö Motorrenovering ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni doganali li kkonstatat l-eżistenza tad-dejn doganali quddiem il-Förvaltningsrätten i Linköping (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Linköping, l-Isvezja). Wara li kkonstatat, l-ewwel nett, li, fid-dikjarazzjoni doganali tagħha, Malmö Motorrenovering ma kienet indikat ebda data għall-esportazzjoni mill-ġdid tal-vettura inkwistjoni u li l-intenzjoni tagħha kienet li tesporta mill-ġdid din il-karozza ladarba jintemm l-istaġun tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, li l-atti tal-proċess ma kienu jinkludu ebda indizju li din il-kumpannija kienet aġixxiet b’intenzjoni frawdolenti u, it-tielet nett, li l-amministrazzjoni doganali ma kkunsidratx li kien ikun hemm raġunijiet sabiex l-imsemmija kumpannija ma tingħatax terminu sad-data tal-esportazzjoni mill-ġdid effettiva tal-imsemmija karozza li kieku din id-data kienet ġiet indikata f’din id-dikjarazzjoni, din il-qorti laqgħet dan ir-rikors u ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 124(1)(h) tal-Kodiċi Doganali, li dan id-dejn doganali kien ġie estint. |
|
13 |
L-appell ippreżentat mill-amministrazzjoni doganali kontra din is-sentenza ntlaqa’ mill-Kammarrätten i Jönköping (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Jönköping, l-Isvezja). Skont din il-qorti, l-imsemmi dejn doganali ma setax jiġi ddikjarat estint abbażi tal-Artikolu 124(1)(h) tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, l-għoti ta’ eżenzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 103(a) tar-Regolament Delegat 2015/2446 kien jeżiġi li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Malmö Motorrenovering setgħetx tibbenefika minn estensjoni tat-terminu sabiex tesporta mill-ġdid il-vettura inkwistjoni fil-każ li hija tkun talbitha lill-amministrazzjoni doganali. Issa, Malmö Motorrenovering ma wrietx li dan kien ikun il-każ, peress li tali estensjoni kienet teħtieġ li ċirkustanzi eċċezzjonali jiġu invokati insostenn tat-talba tagħha. |
|
14 |
Malmö Motorrenovering ippreżentat appell mis-sentenza tal-Kammarrätten i Jönköping (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Jönköping) quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja li l-partijiet fil-kawża prinċipali huma Malmö Motorrenovering u r-rappreżentant tal-interess ġenerali, li jirrappreżenta l-interess pubbliku, l-amministrazzjoni doganali kellha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Dawn waslu għal interpretazzjonijiet differenti tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali. |
|
16 |
Malmö Motorrenovering u r-rappreżentant tal-interess ġenerali jsostnu li l-Artikolu 251(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali hija neċessarja biss meta talba għal estensjoni tal-perijodu li matulu l-merkanzija importata taħt is-sistema ta’ ammissjoni temporanja tista’ tibqa’ jkollha bħala effett li t-tul ta’ żmien akkumulat ta’ dan il-perijodu u tal-estensjoni mitluba tiegħu jeċċedi l-perijodu massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst f’dan l-Artikolu 251(2). Skont din l-interpretazzjoni, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali ma hijiex meħtieġa meta, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-perijodu ma jaqbiżx l-erbgħa u għoxrin xahar. |
|
17 |
Għall-kuntrarju, skont l-Amministrazzjoni Doganali, mir-riferiment magħmul mill-imsemmi Artikolu 251(3) għall-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu jirriżulta li r-rekwiżit ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali japplika fil-każijiet kollha li fihom l-użu awtorizzat ma jkunx jista’ jitwettaq fit-terminu inizjalment mogħti, inkluż fil-każ fejn l-imsemmi tul ta’ żmien akkumulat ikun inqas minn erbgħa u għoxrin xahar. |
|
18 |
Il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li l-formulazzjoni tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali ma tippermetti li tiġi eskluża ebda waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 251 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment fil-paragrafu 3 għall-paragrafi 1 u 2 [tiegħu] ifisser li r-rekwiżit ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fil-paragrafu 3 japplika biss meta terminu diġà mogħti, flimkien mal-estensjoni mitluba, ikun ifisser li l-perijodu totali li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura inkwistjoni jaqbeż l-[erbgħa u għoxrin] xahar? Jew dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali fil-paragrafu 3 japplika għat-talbiet kollha għal estensjoni, jiġifieri anki jekk it-terminu diġà mogħti, flimkien mal-estensjoni mitluba, ma jkunx jaqbeż il-perijodu ta’ [erbgħa u għoxrin] xahar previst fil-paragrafu 2?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tal-perijodu totali li matulu merkanzija tista’ tibqa’ taħt is-sistema tal-ammissjoni temporanja, stabbilita abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, teħtieġ l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, meta din l-estensjoni ma jkollhiex bħala effett li l-perijodu totali li matulu din il-merkanzija tista’ tibqa’ taħt din is-sistema jeċċedi t-tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. |
|
21 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ ammissjoni temporanja hija sistema derogatorja li tippermetti l-użu speċifiku fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 250(1) tal-Kodiċi Doganali. Dispożizzjonijiet li jistabbilixxu eżenzjoni mid-dazji doganali jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju li l-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għad-dazji doganali u, għaldaqstant, bħala dispożizzjonijiet derogatorji, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Marishipping and Transport,C‑11/10, EU:C:2011:91, punt 16 u tal‑5 ta’ Settembru 2024, BIOR,C‑344/23, EU:C:2024:696, punt 44). |
|
22 |
Skont l-Artikolu 251(1) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu t-terminu li fih il-merkanzija mqiegħda taħt din is-sistema għandha tiġi esportata mill-ġdid jew imqiegħda taħt sistema doganali oħra. Tali perijodu irid ikun twil biżżejjed biex jintlaħaq l-għan ta’ użu awtorizzat. |
|
23 |
Skont dan l-Artikolu 251(2), “[m]inbarra fejn ikun ipprovdut mod ieħor, il-perijodu massimu li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt il-proċedura ta’ dħul temporanju għall-istess għan u taħt ir-responsabbiltà tal-istess detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun 24 xahar”. |
|
24 |
Skont l-imsemmi Artikolu 251(3), f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jekk il-perijodu ta’ użu awtorizzat imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu ma jkunx biżżejjed, l-awtoritajiet doganali jistgħu jipprorogawh għal perijodu raġonevoli abbażi ta’ talba ġġustifikata ppreżentata mid-detentur tal-awtorizzazzjoni. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 251(4) tal-Kodiċi Doganali, il-perijodu totali li matulu l-merkanzija tista’ tibqa’ taħt din is-sistema ma għandux jaqbeż għaxar snin, ħlief fil-każ ta’ avveniment fortuwitu. |
|
25 |
Mill-qari flimkien tal-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li, għalkemm il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-obbligu li jiġi ffissat perijodu totali suffiċjenti li matulu tista’ tibqa’ merkanzija importata taħt is-sistema tal-ammissjoni temporanja, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu sempliċement jipprevedi, “minbarra fejn ikun ipprovdut mod ieħor”, tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar għal dan il-perijodu li matulu tista’ tibqa’ l-merkanzija. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jikkostitwixxi tali dispożizzjoni derogatorja, sa fejn jippermetti l-estensjoni tal-imsemmi terminu lil hinn minn dan il-perijodu massimu. Dan il-paragrafu 3 jirreferi, għalhekk, bl-użu tas-singular, għal terminu wieħed, li t-tul tiegħu jirriżulta mill-applikazzjoni konġunta ta’ dawn il-paragrafi 1 u 2. |
|
26 |
Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali hija meħtieġa biss fis-sitwazzjoni fejn it-tul ta’ erbgħa u għoxrin xahar jirriżulta insuffiċjenti għat-twettiq tal-għan tal-użu awtorizzat. F’sitwazzjoni bħal din, l-estensjoni tat-terminu li matulu tista’ tibqa’ l-merkanzija tista’ tingħata jekk il-ġustifikazzjonijiet mogħtija mid-detentur tal-awtorizzazzjoni doganali insostenn tal-applikazzjoni tiegħu jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi staordinarji”, wara eżami konformi mar-rekwiżiti ta’ interpretazzjoni stretta tas-sistema ta’ ammissjoni temporanja, imfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. Skont l-Artikolu 251(4) tal-Kodiċi Doganali, tali estensjoni ma għandhiex ikollha l-effett li dan it-terminu jeċċedi l-għaxar snin, ħlief fil-każ ta’ avveniment fortuwitu. |
|
27 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 251(3), hija meħtieġa meta t-tul akkumulat tal-perijodu li matulu tista’ tibqa’ l-merkanzija inizjalment stabbilit skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u tal-estensjoni mitluba ta’ dan it-terminu jeċċedi t-tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. |
|
28 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fit‑30 ta’ April 2019, Malmö Motorrenovering importat karozza tat-tlielaq fl-Unjoni taħt is-sistema ta’ ammissjoni temporanja sabiex tintuża għal kompetizzjonijiet sportivi li l-aħħar waħda minnhom kellha sseħħ fit‑8 ta’ Settembru 2019. Madankollu, it-terminu li fih din il-vettura kellha tiġi esportata mill-ġdid ġie stabbilit mill-amministrazzjoni doganali għat‑30 ta’ Lulju 2019, jiġifieri qabel ma l-għan li għalih l-imsemmija vettura kienet ġiet importata kien intlaħaq kompletament, mingħajr ma ġiet stabbilita r-raġuni għall-għażla ta’ din id-data tal-aħħar. Peress li l-vettura kkonċernata ġiet esportata mill-ġdid wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, jiġifieri fid‑19 ta’ Settembru 2019, il-ħolqien ta’ dejn doganali ġie kkonstatat minn din l-amministrazzjoni, skont l-Artikolu 79(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. |
|
29 |
Kif jirriżulta wkoll minn din it-talba, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li t-terminu ta’ esportazzjoni mill-ġdid stabbilit mill-amministrazzjoni doganali ma kienx suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan tal-użu awtorizzat, li terminu ta’ inqas minn erbgħa u għoxrin xahar kien ikun suffiċjenti sabiex dan jintlaħaq u li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli applikabbli għas-sistema ta’ ammissjoni temporanja ma kienx dovut għal intenzjoni frawdolenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Malmö Motorrenovering talbet li dan id-dejn doganali jitqies bħala estint. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 124(1)(h) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali li jinħoloq skont l-Artikolu 79 ta’ dan il-kodiċi jiġi estint meta jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li n-nuqqas li ta lok għall-ħolqien ta’ dan id-dejn ma kellu l-ebda effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament korrett tas-sistema doganali kkonċernata u ma kienx jikkostitwixxi tentattiv ta’ qerq u, min-naħa l-oħra, li l-formalitajiet kollha neċessarji sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija kkonċernata jitwettqu a posteriori. |
|
31 |
Konformement mal-Artikolu 103(a) tar-Regolament Delegat 2015/2446, nuqqas jitqies li ma kellux effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema doganali applikabbli meta t-tul ta’ żmien li bih ikun inqabeż it-terminu ma jkunx itwal mill-estensjoni tat-terminu li kienet tingħata li kieku din l-estensjoni kienet intalbet. |
|
32 |
Issa, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali adottata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, estensjoni tat-terminu inizjalment stabbilit skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu setgħet tingħata mill-awtoritajiet doganali sad-data li fiha l-vettura inkwistjoni ġiet esportata mill-ġdid, jiġifieri d‑19 ta’ Settembru 2019, mingħajr ma kienet meħtieġa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li t-terminu inizjali u din l-estensjoni ma kinux tkun ikunu jaqbżu t-tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. Konsegwentement, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 124(1)(h) tal-Kodiċi Doganali jkunu ssodisfatti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id-dejn doganali għandu jkun jista’ jitqies bħala estint. |
|
33 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 251 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tal-perijodu totali li matulu merkanzija tista’ tibqa’ taħt is-sistema tal-ammissjoni temporanja, stabbilita abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma teħtieġx l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, meta din l-estensjoni ma jkollhiex bħala effett li l-perijodu totali li matulu din il-merkanzija tista’ tibqa’ taħt din is-sistema jeċċedi t-tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
34 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 251 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/474 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Marzu 2019, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
estensjoni tal-perijodu totali li matulu merkanzija tista’ tibqa’ taħt is-sistema tal-ammissjoni temporanja, stabbilita abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ma teħtieġx l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, meta din l-estensjoni ma jkollhiex bħala effett li l-perijodu totali li matulu din il-merkanzija tista’ tibqa’ taħt din is-sistema jeċċedi t-tul massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar previst fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.