SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Programmi ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid – Finanzjament – Artikolu 50 – Parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea – Kalkolu tar‑rata ta’ għajnuna massima – Inklużjoni ta’ kreditu ta’ taxxa previst mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑497/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Ancona (il-Qorti Distrettwali ta’ Ancona, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura

GC, f’ismu u bħala proprjetarju tal-impriża agrikola bl-istess isem,

vs

Regione Marche,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal GC, f’ismu u bħala proprjetarju tal-impriża agrikola bl-istess isem, minn S. Cianciullo u M. Spinozzi, avvocati,

–

għar-Regione Marche, minn L. Di Ianni, avvocata,

–

għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn I. Fresu, procuratore dello Stato, u L. Vignato, avvocato dello Stato,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rechena u P. Rossi, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, fil-ĠU 2022, L 195, p. 106, fil-ĠU 2023, L 200, p. 51 u fil-ĠU L, 2025/90810).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn GC, li qiegħed jaġixxi f’ismu u bħala proprjetarju tal-impriża agrikola bl-istess isem, u r-Regione Marche (ir-Reġjun ta’ Marche, l-Italja) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna tal-Unjoni Ewropea mħallsa fil-kuntest tal-programm nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1308/2013

3

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi:

“Din it-taqsima tistabbilixxi r-regoli għall-attribuzzjoni ta’ fondi tal-Unjoni lill-Istati Membri u l-użu ta’ dawk il-fondi mill-Istati Membri permezz ta’ programmi ta’ ħames snin ta’ appoġġ nazzjonali (‘programmi ta’ appoġġ’) għall-finanzjament ta’ miżuri speċifiċi ta’ appoġġ bħala għajnuna lis-settur tal-inbid.”

4

L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-programmi ta’ appoġġ”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-appoġġ mill-Unjoni għandu jingħata biss għal infiq eliġibbli magħmul wara s-sottomissjoni tal-abbozz tal-programm ta’ appoġġ rilevanti.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ miżuri ffinanzjati mill-Unjoni skont il-programmi ta’ appoġġ.”

5

L-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, intitolat “Investimenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 4(b) tiegħu:

“Ir-rati ta’ għajnuna massima li ġejjin fir-rigward tal-ispejjeż għal investimenti eliġibbli għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni:

[…]

b) 40 % f’reġjuni li mhumiex reġjuni inqas żviluppati;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 212 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Pagamenti nazzjonali relatati ma’ programmi ta’ appoġġ għall-inbid”:

“B’deroga mill-Artikolu 44(3), l-Istati Membri jistgħu jagħtu pagamenti nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 45, 49 u 50.

Ir-rata massima ta’ għajnuna kif stabbilita fir-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha tapplika għall-finanzjament pubbliku globali, inkluż kemm il-fondi tal-Unjoni kif ukoll dawk nazzjonali.”

Ir-Regolament (UE) 2021/2117

7

Il-punt 8(e) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU 2021, L 435, p. 262, rettifiki fil-ĠU 2023, L 192, p. 34 u fil-ĠU 2023, L 200, p. 53), jipprevedi t-tneħħija tal-Artikoli 29 sa 60 tar-Regolament Nru 1308/2013.

8

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2021/2117, dan il-punt 8(e) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar 2023.

9

L-Artikolu 5(7)(a) tar-Regolament 2021/2117 jiddisponi:

“Il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandhom ikomplu japplikaw sal‑15 ta’ Ottubru 2023. L-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandhom ikomplu japplikaw wara l‑31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward ta’:

(a)

in-nefqa sostnuta u l-pagamenti li saru għal operazzjonijiet implimentati skont dak ir-Regolament qabel is‑16 ta’ Ottubru 2023 fi ħdan l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 39 sa 52 ta’ dak ir-Regolament”.

Id-dritt Taljan

10

L-Artikolu 1(185) sa (197) tal-legge n. 160 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2020 e bilancio pluriennale per il triennio 2020‑2022 (il-Liġi Nru 160, dwar l-Estimi tal-Baġit tal-Istat għas-Sena Finanzjarja 2020 u l-Baġit Multiannwali għall-Perijodu ta’ Tliet Snin 2020‑2022), tas‑27 ta’ Diċembru 2019 (GURI Nru 304, tat‑30 ta’ Diċembru 2019) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja 2020”), tipprevedi kreditu ta’ taxxa għall-impriżi li jinvestu f’beni ta’ tagħmir materjali u mhux materjali li jservi għat-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali tal-proċessi ta’ produzzjoni.

11

L-Artikolu 1(192) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Il-kreditu ta’ taxxa ma jikkontribwixxix għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli u lanqas għall-bażi taxxabbli tat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi u ma huwiex rilevanti għall-finijiet tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 61 u fl-Artikolu 109(5) tat-[testo unico di cui al decreto del Presidente della Repubblica 22 dicembre 1986, n. 917 (Test Uniku Msemmi fid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 tat‑22 ta’ Diċembru 1986)]. Il-kreditu ta’ taxxa jista’ jiġi akkumulat ma’ benefiċċji oħra li jirrigwardaw l-istess spejjeż, bil-kundizzjoni li dan il-kumulu, fid-dawl ukoll tal-fatt li l-imsemmi kreditu ma jikkontribwixxix għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli u lanqas għall-bażi taxxabbli tat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet produttivi msemmija fis-sentenza preċedenti. ma jwassalx sabiex jeċċedi l-ispiża sostnuta.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Ottubru 2020, ir-Reġjun ta’ Marche approva sejħa għal proġetti reġjonali għall-implimentazzjoni tal-miżura “Investimenti”, prevista fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1308/2013 għas-sena 2020/2021, miżura li taqa’ taħt il-programm ta’ għajnuna fis-settur tal-inbid.

13

Fit‑30 ta’ Novembru 2020, l-impriża tal-inbid GC ippreżentat applikazzjoni għal għajnuna għal proġett ta’ valur totali stmat għal EUR 392 662.59. Dan il-proġett kien jipprevedi interventi intiżi, minn naħa, sabiex jiggarantixxu effiċjenza enerġetika għolja u, min-naħa l-oħra, sabiex isaħħu l-innovazzjoni kif ukoll il-kwalità tal-prodott. Dawn l-interventi kienu jikkonsistu fl-akkwist ta’ tankijiet iżolati ġodda sabiex jippermettu ġestjoni domotika u mill-bogħod tad-diversi stadji tal-produzzjoni tal-inbid.

14

Fis‑27 ta’ Mejju 2021, ir-Reġjun ta’ Marche approva l-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet ammissibbli għal dan il-programm ta’ għajnuna, billi poġġa l-applikazzjoni ta’ GC fit-tieni pożizzjoni, li wasslitu sabiex japprova l-għoti ta’ għajnuna fl-ammont ta’ EUR 157 065.04 favur tagħha. Fit‑13 ta’ Settembru 2021, 80 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 125 652.03, tħallas bil-quddiem lil GC, filwaqt li l‑20 % l-oħra kellhom jitħallsu fid-data tat-tlestija tal-proġett, li kellha sseħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022.

15

Matul l-implimentazzjoni tal-proġett, GC ressqet talba għal emenda li tinkludi aġġustament tal-ammont tal-infiq totali, li ġie kkalkolat mill-ġdid għal EUR 392 044.85, b’tali mod li l-ammont tal-għajnuna ġie evalwat mill-ġdid għal EUR 156 817.94, li ġie approvat mir-Reġjun ta’ Marche fl‑1 ta’ Lulju 2022.

16

Wara t-tlestija tal-proġett, GC ippreżentat talba għall-ħlas tal-bilanċ li kien għadu dovut għall-infiq iddikjarati bħala sostnuti, li kienu jammontaw għal ammont totali ta’ EUR 389 256.21, jiġifieri ammont inqas minn dak approvat fl‑1 ta’ Lulju 2022. Għalhekk, GC iffissat l-ammont totali tal-għajnuna mitluba għal EUR 155 702.48, b’tali mod li l-bilanċ li kien għadu dovut kien jammonta għal EUR 30 050.45.

17

Wara l-kontrolli mwettqa mis-Struttura Decentrata Agricoltura di Ascoli Piceno e Fermo (l-Amministrazzjoni Deċentralizzata tal-Għajnuna Agrikola ta’ Ascoli Piceno u ta’ Fermo, l-Italja), it-talba għall-ħlas tal-bilanċ tqieset parzjalment ammissibbli. Fil-fatt, din l-amministrazzjoni kkonstatat b’mod partikolari li l-investimenti ffinanzjati fil-kuntest tal-proġett kienu bbenefikaw minn kreditu ta’ taxxa, fis-sens tal-Artikolu 1(192) tal-Liġi Finanzjarja 2020 (iktar ’il quddiem il-“kreditu ta’ taxxa”). Għalhekk, il-ġbir akkumulat tal-għajnuna mill-baġit tal-Unjoni u mill-kreditu ta’ taxxa kien jaqbeż ir-rata ta’ għajnuna massima ammissibbli msemmija fl-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, jiġifieri 40 % tal-ispiża tal-investiment ta’ GC. Konsegwentement, l-imsemmija amministrazzjoni kkunsidrat li l-eċċess irċevut minnha meta mqabbel mal-ammont massimu awtorizzat ma kienx dovut u kellu jiġi rkuprat.

18

Fil‑21 ta’ Diċembru 2022, ir-Reġjun ta’ Marche informa lil GC li huwa kien fetaħ proċedura ta’ revoka parzjali tal-għajnuna mogħtija u ordna l-irkupru parzjali tal-ħlas bil-quddiem imħallas għal ammont ta’ EUR 92 185.82. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2023, huwa talab b’mod partikolari r-rimbors ta’ din is-somma.

19

Fl‑1 ta’ Marzu 2023, GC irrimborsat is-somma mitluba lilha filwaqt li rriżervat id-dritt li tikkontesta ġudizzjarjament id-deċiżjonijiet ta’ revoka parzjali tal-għajnuna kif ukoll ta’ rkupru.

20

GC adixxa lit-Tribunale ordinario di Ancona (il-Qorti Distrettwali ta’ Ancona, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju. GC sostna, essenzjalment, li l-kreditu ta’ taxxa seta’ jiġi akkumulat liberament ma’ vantaġġi oħra intiżi li jkopru l-istess spejjeż bħal dawk koperti minn dan il-kreditu u, għalhekk, ukoll, mal-miżura ta’ għajnuna msemmija fis-sejħa għal proġetti reġjonali fis-settur tal-inbid, bil-kundizzjoni biss li t-total tal-benefiċċji akkumulati ma jaqbiżx 100 % tal-ispiża sostnuta. Bħala miżura ġenerali applikabbli għall-impriżi kollha u li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, il-kreditu ta’ taxxa ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ir-rata ta’ għajnuna massima prevista fl-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, jiġifieri 40 %, kinitx inqabżet.

21

Għall-kuntrarju, ir-Reġjun ta’ Marche huwa tal-fehma li l-kreditu ta’ taxxa u l-għajnuna tal-Unjoni għandhom jiġu akkumulati fil-limiti ta’ din ir-rata ta’ għajnuna massima. Barra minn hekk, l-opinjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea espressa fin-nota Ares (2020)6839797, tas‑17 ta’ Novembru 2020, tikkonferma din l-interpretazzjoni.

22

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kreditu ta’ taxxa u l-għajnuna tal-Unjoni għandhomx jiġu akkumulati sabiex jiġi evalwat jekk ir-rata ta’ għajnuna massima prevista fl-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 inqabżitx. Minn naħa, jista’ jitqies li l-kreditu ta’ taxxa jikkostitwixxi forma ta’ appoġġ pubbliku li jnaqqas l-ispiża globali tal-investiment permezz ta’ tnaqqis tal-piż fiskali tal-impriża li ssostni din l-ispiża, b’tali mod li jeżisti riskju li l-istess investiment ikun is-suġġett ta’ rimbors doppju permezz ta’ riżorsi pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-kreditu ta’ taxxa jista’ jitqies li jikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li tipprevedi vantaġġi favur l-impriżi kollha. Għalhekk, peress li ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-kreditu ta’ taxxa ma jistax jikkontribwixxi sabiex jifforma kumulu ta’ riżorsi pubbliċi pprojbita. Għall-kuntrarju, dan il-kreditu jippermetti li tiġi stabbilita sinerġija bejn forom differenti ta’ appoġġ pubbliku għal investiment, li jkunu akkumulati għall-finanzjament ta’ partijiet differenti ta’ proġett jew ta’ investiment. F’dan is-sens, l-imsemmi kreditu ma għandux jiġi inkluż fil-limitu massimu previst fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1308/2013.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Ancona (il-Qorti Distrettwali ta’ Ancona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 50(4) tar-Regolament [Nru 1308/2013] sa fejn jistabilixxi li ‘[…]r-rati ta’ għajnuna massima li ġejjin fir-rigward tal-ispejjeż għal investimenti eliġibbli għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni […] (b) 40 % f’reġjuni li mhumiex reġjuni inqas żviluppati’, jinkludu wkoll il-krediti tat-taxxa u, għalhekk, il-krediti tat-taxxa għandhom jiġu ekwiparati ma’ kwalunkwe kontribuzzjoni oħra riċevuta mill-benefiċjarju fil-kalkolu tal-limitu ta’ 40%?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ għajnuna massima għall-investimenti prevista f’din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-għajnuna tal-Unjoni mħallsa lil benefiċjarju fir-rigward ta’ proġett ta’ investiment, iżda wkoll il-vantaġġ miksub minn dan l-istess benefiċjarju minn kreditu ta’ taxxa previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-punt 8(e) tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2021/2117 ħassar l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1308/2013 mill‑1 ta’ Jannar 2023. Madankollu, konformement mal-Artikolu 5(7)(a) tar-Regolament 2021/2117, dan l-Artikolu 50 għandu jkompli japplika għall-infiq sostnut u għall-pagamenti mwettqa għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament Nru 1308/2013 qabel is‑16 ta’ Ottubru 2023. F’dan ir-rigward, minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax id-data eżatta li fiha l-proġett ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali tlesta u lanqas dik li fiha GC innotifika t-talba tiegħu għall-ħlas tal-bilanċ, ma hemm l-ebda dubju li dawn l-avvenimenti seħħew qabel is‑16 ta’ Ottubru 2023, peress li d-deċiżjoni ta’ rkupru, li ntbagħtet lill-qorti tar-rinviju, hija datata s‑27 ta’ Jannar 2023. Konsegwentement, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa applikabbli ratione temporis.

26

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2022, VD u SR, C‑339/20 u C‑397/20, EU:C:2022:703, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 50(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li r-rati ta’ għajnuna massima dwar l-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli “għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni” u jammontaw għal 40 % fir-reġjuni li ma humiex ir-reġjuni inqas żviluppati. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar tirreferi biss għall-“kontribuzzjoni tal-Unjoni” mingħajr ma tirreferi għal holdings oħra, bħal sehem nazzjonali fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa.

28

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni.

29

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fi ħdan it-Titolu I tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Intervent fis-suq”, jinsab il-Kapitolu II, intitolat “Skemi ta’ għajnuna”, li jinkludi t-Taqsima 4, intitolata “Programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid”, introdotta mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament u li fiha jinsab l-Artikolu 50 tiegħu. Dan l-Artikolu 39 jipprevedi li din it-taqsima tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ fondi tal-Unjoni lill-Istati Membri u l-użu ta’ dawn il-fondi minnhom, permezz ta’ programmi ta’ għajnuna nazzjonali li jirrigwardaw ħames snin, sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ għajnuna speċifiċi intiżi sabiex isostnu s-settur tal-inbid. Issa, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi Artikolu 39 jillimita ruħu li jillimita r-regoli stabbiliti f’din it-taqsima għall-qasam tal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni lill-Istati Membri u għal dak tal-użu ta’ dawn il-fondi minn dawn tal-aħħar, mingħajr ma jkopri regoli nazzjonali intiżi li jallokaw riżorsi finanzjarji lis-settur tal-inbid, bħal kreditu ta’ taxxa.

30

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-programmi ta’ appoġġ”, jipprevedi, minn naħa, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-għajnuna tal-Unjoni għandha tkopri esklużivament l-ispejjeż eliġibbli mwettqa wara l-preżentazzjoni tal-proġett ta’ programm ta’ għajnuna kkonċernat u, min-naħa l-oħra, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Istati Membri ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ispiża tal-miżuri ffinanzjati mill-Unjoni fil-kuntest tal-programmi ta’ għajnuna. Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati, bħala prinċipju, jikkontribwixxu għall-ispiża tal-miżuri ffinanzjati mill-Unjoni, b’tali mod li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rati ta’ għajnuna massimi ammissibbli fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-riżorsi mobilizzati mill-baġit tal-Unjoni.

31

It-tielet nett, u kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 ċertament jistabbilixxi regola li tipprojbixxi l-kofinanzjament nazzjonali tal-programmi ta’ għajnuna nazzjonali fis-settur tal-inbid. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 212 ta’ dan ir-regolament, li jintroduċi deroga minn dan l-Artikolu 44(3) billi jawtorizza lill-Istati Membri jwettqu pagamenti nazzjonali, b’osservanza tar-regoli tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari favur miżuri msemmija fl-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda b’mod ċar li l-Istati Membri jistgħu jsostnu proġetti li jaqgħu taħt il-miżura “Investimenti”, imsemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1308/2013, flimkien mal-miżuri ffinanzjati mill-Unjoni, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

32

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ għajnuna massima għall-investimenti prevista f’din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna tal-Unjoni mħallsa lil benefiċjarju fir-rigward ta’ proġett ta’ investiment, iżda mhux il-vantaġġ miksub minn dan l-istess benefiċjarju minn kreditu ta’ taxxa previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 50(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ għajnuna massima għall-investimenti prevista f’din id-dispożizzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea mħallsa lil benefiċjarju fir-rigward ta’ proġett ta’ investiment, iżda mhux il-vantaġġ miksub minn dan l-istess benefiċjarju minn kreditu ta’ taxxa previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.