|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2591 |
19.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2591
tat-18 ta’ Diċembru 2025
li tagħti deroga lil ċerti Stati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jintużaw mezzi oħra għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni minflok il-komponent 2, il-fażi 6, tas-Sistema Kompjuterizzata Ġdida ta’ Tranżitu
(notifikata bid-dokument C(2025)8776)
(It-testi bil-Bulgaru, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Pollakk, bir-Rumen u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) flimkien mal-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, l-iskambji kollha tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħżin ta’ din l-informazzjoni, kif teżiġi l-leġiżlazzjoni doganali, iridu jsiru bl-użu tat-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 (2) tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“il-programm ta’ ħidma”). Il-programm ta’ ħidma jelenka s-sistemi elettroniċi li għandhom jiġu żviluppati u d-dati li fihom dawk is-sistemi mistennija jsiru operattivi. Fost l-oħrajn, dak il-programm jispeċifika l-perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni u l-varar tal-komponent 2, il-fażi 6, tal-aġġornament tas-Sistema Kompjuterizzata Ġdida ta’ Tranżitu (“NCTSP6”) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 16 u l-Artikoli 226 sa 236 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(3) |
L-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jeżiġi li l-Istat Membru tal-ewwel dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni jiżgura li titwettaq analiżi tar-riskju, primarjament għall-finijiet ta’ sigurtà u sikurezza, abbażi tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS, entry summary declaration) u li jieħu l-miżuri meħtieġa abbażi tar-riżultati ta’ dik l-analiżi tar-riskju. |
|
(4) |
L-Artikolu 130 ta’ dak ir-Regolament jippermetti lill-Istat Membru tal-ewwel dħul jissostitwixxi l-ENS b’dikjarazzjoni doganali għall-merkanzija li għaliha tkun ġiet ippreżentata dik id-dikjarazzjoni qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-ENS, dment li d-dikjarazzjoni doganali jkun fiha mill-inqas id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul. Għalhekk, l-Istati Membri tal-ewwel dħul huma intitolati li jiddeċiedu jekk jixtiqux jirrinunzjaw l-obbligu li jippreżentaw ENS meta tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni tat-tranżitu. Madankollu, dawk l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li titwettaq analiżi xierqa tar-riskju abbażi ta’ dik id-dikjarazzjoni tat-tranżitu. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 130 ta’ dak ir-Regolament, diversi Stati Membri, fosthom dawk li lilhom hija indirizzata din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, iddeċidew li jagħżlu l-possibbiltà li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jissottomettu dikjarazzjonijiet tat-tranżitu flimkien mal-ENS, u li jippermettu l-kondiviżjoni sussegwenti tad-data tal-ENS mill-NCTSP6 bis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2, Import Control System 2) għall-proċessi xierqa ta’ analiżi tar-riskju u ta’ kontroll. |
|
(6) |
F’dak ir-rigward, l-Artikolu 278(3)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jispeċifika l-iskadenza tal-użu tal-mezzi, għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data, fuq bażi tranżizzjonali biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tranżitu tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni. |
|
(7) |
F’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879, il-possibbiltà li jiġu pprovduti dikjarazzjonijiet tat-tranżitu flimkien mal-ENS kellha tkun lesta sal-1 ta’ Settembru 2025, bħala parti mill-varar tal-NCTSP6, li jkopri l-iżvilupp tal-interfaċċa mal-ICS2, biex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-tranżitu li jkun fiha d-dettalji tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul billi jiġi applikat l-Artikolu 130(1) tal-KDU. Il-varar tal-NTSP6 huwa allinjat ma’ dak tal-verżjoni 3 tal-ICS2 għat-trasport bit-triq u bil-ferrovija, li ntemm fl-1 ta’ Settembru 2025. L-użu ta’ din is-sottomissjoni kkombinata tas-sett tad-data huwa għodda għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ li diġà tintuża skont ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 (3), kif sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013, u li għadha tintuża b’mod wiesa’, u n-negozjanti stennew b’mod leġittimu li l-Istati Membri li ddeċidew li jagħżlu l-possibbiltà li jippermettu s-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-tranżitu flimkien mal-ENS ikunu lesti fil-ħin għall-użu ta’ dik is-sottomissjoni kkombinata tas-sett tad-data. |
|
(8) |
Madankollu, fl-Unjoni Ewropea ħarġu fid-dieher diversi ċirkostanzi speċifiċi kif ukoll l-effetti kontinwi tagħhom. Il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u l-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr l-ebda interruzzjoni tal-korsiji ta’ solidarjetà tal-Ukrajna, il-ħtieġa li l-ICS2 tiġi integrata mas-sistemi intelliġenti tal-fruntieri u l-għadd konsiderevoli ta’ operaturi ekonomiċi li mhumiex lesti fil-pajjiżi terzi tal-fruntiera ġiegħlu lill-Istat Membru jestendi l-perjodi ta’ żmien għall-konnessjoni, anke jekk min-naħa tal-amministrazzjoni doganali tagħhom il-komponenti tas-sistema huma lesti. Barra minn hekk, irriżulta li d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom għadd kbir ta’ operaturi biex jiksbu reġistrazzjoni għall-konnessjoni mas-sistemi tal-IT, flimkien mal-kumplessità u s-sinifikat uniċi tar-rekwiżiti tal-NCTSP6, kif ukoll tas-sistema ICS2, minbarra r-riżorsi meħtieġa kemm għall-Istati Membri biex jiżviluppaw l-interkonnessjoni bejn dawn it-tnejn, kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi biex jikkonnettjaw magħha, huma akbar milli kien previst oriġinarjament. Barra minn hekk, irriżulta li n-natura speċifika u kumplessa tal-mekkaniżmi tat-trasport affettwati minn din l-introduzzjoni, li jinkludu forom multimodali, taffettwa lill-Bulgarija, lill-Kroazja, lil-Latvja, lill-Polonja, lir-Rumanija u lis-Slovakkja u lill-operaturi ekonomiċi aktar milli taffettwa lill-bqija. Dawk l-Istati Membri huma Stati Membri fejn is-sigurtà u s-sikurezza, relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija, huma ta’ tħassib kbir. Għaldaqstant, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jeħtieġu soluzzjoni robusta biex jiżguraw iċ-ċertezza legali, il-kontinwità tal-operat u tranżizzjoni bla xkiel fejn jidħlu r-rekwiżiti tal-verżjoni 3, il-fażi 3, tal-ICS2 u l-interkonnessjoni tagħha mal-fażi 6 tal-NCTS. |
|
(9) |
Filwaqt li l-Istati Membri kollha rnexxielhom ivaraw l-ICS2 fil-ħin, dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi żammew lil ċerti Stati Membri milli jiżviluppaw b’mod effettiv l-interkonnessjoni bejn l-NCTSP6 u l-verżjoni 3 tal-ICS2 jew milli jintegraw lill-operaturi ekonomiċi tagħhom jew lil dawk tal-pajjiżi terzi tal-fruntiera sal-iskadenza tal-1 ta’ Settembru 2025. Għalhekk, f’Awwissu 2025, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja talbu formalment li jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jingħataw deroga, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fir-rigward tal-użu ta’ mezzi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data minflok l-NCTSP6, b’rabta mal-obbligu tal-użu tat-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data għall-iskambji kollha tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħżin ta’ din l-informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
Minħabba s-sinifikat tal-NCTSP6 u l-ICS2 fl-istabbiliment ta’ approċċ integrat tal-UE għat-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju doganali u fl-iżgurar tas-sigurtà u s-sikurezza qabel il-wasla, kif ukoll is-sigurtà u s-sikurezza waqt it-tranżitu, filwaqt li jiġi ffaċilitat ukoll il-fluss liberu tal-kummerċ leġittimu, kif ukoll minħabba n-natura u l-kumplessità kemm tas-sistema NCTS kif ukoll tas-sistema ICS2, id-durata tad-deroga jenħtieġ li tinżamm għal minimu strett. Fid-dawl ta’ dan u filwaqt li jitqiesu l-impatti taċ-ċirkostanzi speċifiċi li kkawżaw dewmien fl-interkonnessjoni li għaddejja tal-NCTSP6 u tal-verżjoni 3 tal-ICS2 fl-Istati Membri li ddeċidew li jagħżlu din il-possibbiltà, kif ukoll l-istat attwali ta’ dawk l-iżviluppi, jenħtieġ li d-deroga ma tkomplix għaddejja wara l-31 ta’ Mejju 2026 għall-operaturi tat-toroq u tal-ferroviji, u għalhekk għalihom għandha tiskadi dakinhar. |
|
(12) |
Madankollu, fir-rigward tal-merkanzija fil-kunsinni postali, jenħtieġ li din id-deroga tapplika sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, peress li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul għall-merkanzija fil-kunsinni postali hija soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi tad-data f’konformità mal-Artikolu 127(6) tal-KDU u mal-Artikolu 113a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (4). |
|
(13) |
Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-NCTSP6, jenħtieġ li l-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-iżvilupp tal-interkonnessjoni bejn l-NCTSP6 u l-ICS2 u/jew il-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi li jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tat-tranżitu tagħhom b’mod konġunt mar-rekwiżiti l-ġodda tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul skont il-verżjoni 3 tal-ICS2 fir-rigward tal-merkanzija ttrasportata bit-triq u bil-ferrovija bħala parti mill-proċess tar-rapportar dwar il-progress stabbilit fl-Artikolu 278a tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Iridu jiġu żgurati wkoll il-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ippjanar nazzjonali kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2879. Huma meħtieġa wkoll rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ timmonitorja u tevalwa l-progress tal-Istati Membri, peress li s-sistemi nazzjonali tal-analiżi tar-riskju ma jistgħux jipprovdu l-istess livell ta’ analiżi tar-riskju li tipprovdi s-sistema tal-ICS2 li tintuża fil-livell Ewropew. |
|
(14) |
Peress li, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni UE 2023/2879, jenħtieġ li l-NCTSP6 tiġi varata sal-1 ta’ Settembru 2025 u li l-verżjoni 3 tal-ICS2 għall-merkanzija fil-kunsinni bit-triq u bil-ferrovija tiġi varata sal-1 ta’ Settembru wkoll, u biex tiġi evitata lakuna legali, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tibda tapplika minn dik id-data wkoll, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni tapplika għall-merkanzija fil-kunsinni li ġejjin:
|
(a) |
Kunsinni bit-triq u bil-ferrovija |
|
(b) |
Kunsinni postali. |
Artikolu 2
1. Il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja jistgħu jużaw mezzi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data minflok il-komponent 2, il-fażi 6 tas-Sistema Kompjuterizzata Ġdida ta’ Tranżitu tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (NCTS, New Computerised Transit System) kif imsemmi fl-Artikolu 273 tar-Regolament (UE) 2015/2447 u l-komponent komuni tal-verżjoni 3 tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2, Import Control System 2) tal-KDU msemmija fl-Artikolu 182 ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Mejju 2026, jew sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreżentaw id-data dwar is-sikurezza u s-sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 127(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għall-merkanzija li tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni tramite dawk l-Istati Membri, bl-użu tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 1 (ICS1, Import Control System 1) jew, fejn applikabbli u skont l-arranġamenti fis-seħħ fl-Istat Membru, l-ICS1 flimkien mad-dikjarazzjoni tat-tranżitu fil-fażi 5 tal-NCTS, f’konformità mal-Artikoli 127 u 130 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.
3. L-uffiċċji doganali tal-Bulgarija, tal-Kroazja, tal-Latvja, tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja għandhom jikkomunikaw, f’konformità mal-Artikolu 186(7a) tar-Regolament (UE) 2015/2447, ir-riżultati tal-kontroll li jkunu wettqu fuq awtoritajiet doganali oħra tal-Istati Membri permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2015/2447.
Artikolu 3
Il-Kroazja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għandhom jirrapportaw kull xahar lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li jkun sar fl-iżvilupp tal-interkonnessjoni prevista fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879.
Artikolu 4
Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026 għall-kunsinni msemmija fl-Artikolu 1(a).
Madankollu, fir-rigward tal-kunsinni msemmija fl-Artikolu 1(b), din għandha tapplika mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Rumanija u lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p.1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2879 tal-15 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi Programm ta’ Ħidma relatat mal-iżvilupp u l-varar tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L, 2023/2879, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2879/oj).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/450/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2591/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)