European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/659

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Franza

(C/2025/659)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' 4 snin, li jista' jiġi estiż b'sa 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TA' FRANZA

(5)

Fil-31 ta' Ottubru 2024, Franza ssottomettiet il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni biex Franza tingħata l-possibbiltà li tippreżenta pjan ibbażat fuq impenn politiku sod tal-gvern li għadu kif inħatar. Madankollu, wara vot ta' sfiduċja mill-Parlament fil-5 ta' Diċembru, inħatar gvern ġdid fit-23 ta' Diċembru 2024. Fl-14 ta' Jannar 2025, il-Prim Ministru ħabbar lill-Assemblea Nazzjonali mira tad-defiċit ġdida ta' 5,4 % tal-PDG għall-2025, li hija ogħla mill-mira preċedenti ta' 5,0 % tal-PDG, u tenna l-impenn li sal-2029 id-defiċit jinġieb taħt it-3 % tal-PDG. Fis-16 ta' Jannar 2025, permezz ta' ittra tad-Direttur Ġenerali tat-Teżor, Franza talbet adattament għall-perkors tan-nefqa netta li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta' terminu medju fuq Franza u r-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE, biex tirrifletti l-mira tad-defiċit il-ġdida. L-ittra ma tinkludix valuri aġġornati għal varjabbli fiskali oħra.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lil Franza, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-31 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq it-terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq it-terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 6, il-punt (d), 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

It-trajettorja referenzjarja ta' Franza tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 1,6 % kemm matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) kif ukoll matul il-perjodu kopert mill-pjan (2025–2029).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lil Franza fl-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja 2025–2029

Medja 2025–2031

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

2,0

1,7

1,6

1,4

1,5

1,6

1,7

1,6

1,6

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, Franza u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku f'Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst minn Franza u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha (b'mod partikolari t-trajettorja prevista għat-tkabbir potenzjali, id-deflatur tal-PDG reali u tal-PDG, u l-multiplikatur fiskali), is-sett previst ta' impenji ta' riforma u investiment biex jirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament inkluż riformi u investimenti bħal impenji biex jikkomplementaw ir-riformi reċenti tas-suq tax-xogħol lejn l-objettiv ta' livell massimu ta' impjiegi, biex jissaħħu l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u l-kompetittività permezz ta' appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni u ambjent tan-negozju simplifikat, biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi), li għandhom l-għan ukoll li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta' kapaċitajiet ta' difiża.

(8)

Il-pjan ma jirrapportax dwar proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (inkluż is-sħab soċjali) qabel is-sottomissjoni.

(9)

Il-Kunsill Għoli tal-Finanzi Pubbliċi (l-istituzzjoni fiskali indipendenti ta' Franza) ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kunsill Għoli kkonkluda li l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern fiż-żmien tat-tħejjija tal-opinjoni ma kinitx biżżejjed biex tippermetti valutazzjoni tar-realiżmu tat-trajettorja pluriennali stabbilita fil-pjan fuq terminu medju, b'mod partikolari, dwar il-kompożizzjoni tat-tkabbir wara l-2025, il-perkors tal-finanzi pubbliċi jew is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn 4 għal 7 snin. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kunsill Għoli qies li x-xenarju potenzjali tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni, għalkemm xorta kemxejn ottimisti, kienu raġonevoli meta mqabbla ma' stimi preċedenti, filwaqt li x-xenarju attwali tat-tkabbir baqa' ottimist. Il-Kunsill Għoli tenna l-importanza li Franza tirrispetta t-trajettorja tal-pjan fuq terminu medju, filwaqt li tkompli tiffinanzja investimenti ta' prijorità u tippreserva l-potenzjal tat-tkabbir.

(10)

Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali fil-21 ta' Ottubru 2024.

Proċessi relatati oħra

(11)

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Franza minħabba nuqqas ta' konformità mal-kriterju tad-defiċit (7).

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fi Franza. L-adozzjoni simultanja ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, tiżgura l-konsistenza bejn il-perkorsi ta' aġġustament rakkomandati.

(12)

Fit-23 ta' Ottubru 2024, Franza ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (8). Wara l-vot ta' sfiduċja mill-Parlament, il-proċess ta' adozzjoni tal-abbozz ta' baġit għall-2025 ġie sospiż. Sakemm jiġi adottat baġit ġdid għall-2025, liġi speċjali adottata mill-Parlament f'Diċembru 2024 tippermetti lill-Istat jiġbor it-taxxi u l-ħruġ ta' dejn mill-Istat u l-entitajiet tas-sigurtà soċjali fl-2025. Fl-istess ħin, digriet adottat mill-gvern fit-30 ta' Diċembru 2024 jippermetti r-riport tal-baġit tal-2024 fl-2025.

(13)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lil Franza sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(14)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(15)

L-attività ekonomika fi Franza kibret b'0,9 % fl-2023, xprunata mill-konsum privat u kontribut pożittiv tal-esportazzjonijiet netti. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b'1,1 % fl-2024, bis-saħħa ta' esportazzjonijiet netti li għadhom qawwija, li jappoġġaw il-konsum pubbliku u l-investiment. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'0,8 %, peress li l-pożizzjoni fiskali restrittiva hija mistennija li tkun ta' piż fuq l-attività ekonomika. Għalkemm appoġġat minn diżinflazzjoni u żidiet fil-pagi reali, il-konsum privat huwa mistenni li jibqa' mrażżan, filwaqt li l-effetti mdewma ta' politika monetarja aktar akkomodanti, kif ukoll l-inċertezza ekonomika u politika huma mistennija li jibqgħu ta' piż fuq l-investiment privat. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'1,4 %, hekk kif aġġustament fiskali aktar baxx u aktar tnaqqis fil-kostijiet tal-kreditu huma mbassra li jixprunaw id-domanda domestika privata u l-investiment privat. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024-2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fi Franza huwa mistenni li jonqos kemxejn, xprunat minn tnaqqis fil-kontribuzzjoni mix-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 7,3 % fl-2023 u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 7,4 % fl-2024, 7,5 % fl-2025 u 7,6 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 5,3 % fl-2023 għal 2,2 % fl-2024, u li tilħaq 1,6 % fl-2025 u 1,7 % fl-2026.

(16)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż ta' Franza ammonta għal 5,5 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 6,2 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 5,3 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, li jiżdied għal 5,4 % fl-2026. It-tbassir tal-Kummissjoni jinkludi l-abbozz tal-baġit ta' Franza għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 109,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 112,7 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li dan ikompli jiżdied għal 115,3 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 117,1 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(17)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Franza jkopri l-perjodu 2025-2029 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq seba' snin.

(18)

Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263, bl-eċċezzjoni tal-konsultazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u l-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 meħtieġa mill-Artikolu 13(g) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(19)

Il-pjan, kif ikkomplementat bl-ittra tal-awtoritajiet tas-16 ta' Jannar 2025, jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 1,1 % matul is-snin 2025–2029. Il-valutazzjoni ta' hawn taħt tqis dan il-perkors tan-nefqa netta adattat. Barra minn hekk, Franza timpenja ruħha għal sett ta' riformi u investimenti bl-għan li testendi l-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin (2025–2031), li matulu t-tkabbir medju fin-nefqa netta huwa ppjanat li jkun ta' 1,1 %.

It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) huwa aktar baxx mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024.

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jibqa' stabbli għal 1,2 % sal-2028 (l-istess bħall-2024), qabel ma jonqos għal 1,0 % fl-2029. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos għal 1,7 % fl-2025 (minn 2,3 % fl-2024) qabel ma tkompli tonqos għal 1,6 % fl-2026–2029.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan ta' Franza

 

Estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament

 

 

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2029

Medja matul il-perjodu ta' aġġustament 2025–2031

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

3,8

0,8

1,2

1,2

1,2

1,1

1,1

1,1

1,1

1,1

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

3,8

4,6

5,8

7,1

8,4

9,5

10,8

12,0

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

1,2

1,2

1,2

1,2

1,2

1,0

1,0

1,0

1,2

1,1

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

2,3

1,7

1,6

1,6

1,6

1,6

1,6

1,6

1,6

1,6

Sors: Il-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju ta' Franza (kif ikkomplementat bl-ittra tal-awtoritajiet tas-16 ta' Jannar 2025) u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

Żviluppi tad-dejn

(20)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied gradwalment minn 112,9 % tal-PDG fl-2024 għal 116,5 % tal-PDG fl-2027 imbagħad jonqos gradwalment għal 113,5 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031), skont it-tabella li ġejja. Fuq terminu medju, jiġifieri matul l-10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jibqa' fuq xejra kostanti ta' tnaqqis, u jilħaq livell ta' 100,9 % fl-2041.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan ta' Franza

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

2041

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

109,9

112,9

114,7

115,9

116,5

116,1

115,8

114,9

113,5

100,9

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-5,5

-6,1

-5,0

-4,6

-4,0

-3,3

-2,8

-2,2

-1,7

-1,6

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza.

Għalhekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed fuq perkors ta' tnaqqis sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn huwa projettat li jonqos matul l-għaxar snin wara l-perjodu ta' aġġustament taħt it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw li d-dejn jonqos bi probabbiltà għolja biżżejjed.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, mhux ser ikun hemm differenza sinifikanti bejn l-iżviluppi tad-dejn fuq terminu medju abbażi tal-perkors tan-nefqa netta adattat u dawk inklużi fil-pjan inizjali.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(21)

Abbażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż ser jonqos progressivament minn 6,1 % tal-PDG fl-2024 għal 2,8 % tal-PDG fl-2029 u għal 1,7 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Barra minn hekk, fl-10 snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, mhux ser ikun hemm differenza sinifikanti bejn l-iżviluppi tad-defiċit fuq terminu medju abbażi tal-perkors tan-nefqa netta adattat ippreżentat fl-ittra tal-awtoritajiet u dawk inklużi fil-pjan inizjali.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(22)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa frontloaded, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Dan jirrifletti sforz kbir ta' konsolidazzjoni fl-2025. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel 4 snin tal-pjan huwa aktar minn proporzjonali għall-isforz totali ta' aġġustament.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja mingħajr posponiment stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, l-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-perkors tan-nefqa netta adattat huwa frontloaded.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan ta' Franza

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-3,2

-3,6

-2,3

-1,7

-1,0

-0,3

0,3

1,1

1,8

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

-0,4

1,4

0,6

0,7

0,7

0,7

0,7

0,7

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza.

Konsistenza mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

(23)

Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (b'mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97). Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, l-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-perkors tan-nefqa netta adattat għadu konformi mal-aġġustament strutturali annwali minimu skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(24)

Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 dwar is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG, japplika għal Franza mill-2030, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jkun taħt it-3 % tal-PDG mill-2029. Fl-2030 u l-2031, għalhekk, l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali ma għandux ikun inqas minn 0,25 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jibqa' 'l fuq minn 1,5 % tal-PDG fis-snin preċedenti, biex jinkiseb marġni komuni ta' reżiljenza f'termini strutturali ta' 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan jaqbeż iż-0,25 % tal-PDG fis-sentejn li huma. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, l-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-perkors tan-nefqa netta adattat għadu jissodisfa s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(25)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż ser ikun ogħla minn 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'minn tal-inqas punt perċentwali wieħed bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt id-90 %, u wara dan għandu jonqos b'medja ta' 0,5 punti perċentwali. Peress li d-defiċit huwa ppjanat li jkun taħt it-3 % tal-PDG mill-2029 skont il-pjan, dan it-tnaqqis huwa kkalkulat għas-sena 2031 (meta mqabbel mal-livell tal-2030) u jammonta għal 1,4 punti perċentwali (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn. Skont l-awtoritajiet Franċiżi u l-kalkoli tal-Kummissjoni, l-iżviluppi tad-dejn li jirriżultaw mill-perkors tan-nefqa netta adottat għadhom jissodisfaw is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(26)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lil Franza fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal għaxar varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (il-bilanċ strutturali primarju fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali, il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni, ir-rata tal-imgħax nominali impliċita, il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra, u s-semielastiċità tal-bilanċ tal-baġit. Barra minn hekk, l-aġġustament huwa frontloaded, u Franza tuża formula differenti biex tikkalkula t-tkabbir nett fin-nefqa. Valutazzjoni ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt.

Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

Il-pjan jassumi bilanċ primarju strutturali aktar baxx għall-2024, jiġifieri defiċit primarju strutturali ta' 3,6 % tal-PDG, filwaqt li l-Kummissjoni stenniet defiċit primarju strutturali ta' 3,0 % tal-PDG fil-gwida preċedenti tagħha fir-rebbiegħa tal-2024. Din il-pożizzjoni fiskali inizjali inqas favorevoli hija riflessa wkoll fid-defiċit baġitarju ogħla (ta' 6,1 % tal-PDG fil-pjan) għall-2024, kontra defiċit ta' 5,3 % tal-PDG fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rebbiegħa. Din ir-reviżjoni u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi aġġornati li jakkumpanjawha għall-2024 fil-pjan jirriflettu informazzjoni aktar reċenti disponibbli mir-rebbiegħa 'l hawn. Hija wkoll konformi mal-previżjoni tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea. Konsegwentement, din id-differenza fis-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq. Meta titqies waħedha, din id-differenza fis-suppożizzjonijiet tikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Il-pjan juża suppożizzjonijiet ta' tkabbir tal-output potenzjali aktar faċli u ogħla matul il-perjodu 2025–2041. Il-possibbiltà li jintużaw suppożizzjonijiet alternattivi ta' tkabbir potenzjali hija konformi mal-Artikolu 36(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2024/1263, dment li t-tkabbir kumulattiv matul il-perjodu ta' projezzjoni (jiġifieri sal-2041) ikun ġeneralment konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan mhuwiex il-każ fil-pjan. It-tkabbir medju tal-PDG potenzjali fil-pjan matul il-perjodu 2025-2041 jaqbeż b'0,3 pp. is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni kondiviża fil-21 ta' Ġunju 2024. Din id-differenza tonqos għal 0,1 pp. iżda xorta teżisti meta s-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu aġġornati biex iqisu kemm ir-reviżjoni statistika maħruġa mill-Eurostat fir-rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu kif ukoll it-tbassir tal-ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, id-differenza fis-suppożizzjonijiet għall-istimi tat-tkabbir tal-PDG potenzjali bejn il-pjan u s-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni fil-gwida preċedenti tagħha ma tistax tiġi spjegata kompletament permezz ta' data aġġornata bl-użu tal-metodoloġija maqbula b'mod komuni. Għalhekk, din is-suppożizzjoni mhijiex konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA (Digital Services Act). Meħud waħdu, dan jgħolli l-limitu massimu medju tat-tkabbir tan-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament meta mqabbel mat-trajettorja referenzjarja.

—

Il-pjan jipprevedi tkabbir medju tad-deflatur tal-PDG aktar baxx matul l-2025–2031 milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, ta' 1,6 % meta mqabbel ma' 2,2 %. Lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, il-pjan jassumi tkabbir tad-deflatur tal-PDG ta' 1,75 % kull sena, li huwa aktar baxx mill-valuri ta' konverġenza ta' 2,6 % fl-2033 u 2,0 % fuq żmien itwal fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-suppożizzjoni fil-pjan hija aktar kawta u meqjusa bħala ġġustifikata kif xieraq. Din tikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Meta mqabbel mal-qafas komuni tad-DSA, il-pjan juża formula differenti biex isarraf il-bidla meħtieġa fil-bilanċ strutturali primarju fi tkabbir tan-nefqa netta. Din il-formula tikkoreġi biex komponent mhux diskrezzjonali jkun responsabbli għal elastiċità tad-dħul temporanjament aktar baxxa għall-PDG potenzjali nominali meta mqabbel mas-suppożizzjoni ta' elastiċità tal-unità konvenzjonali. L-applikazzjoni ta' din il-formula għall-pjan twassal għal inqas tkabbir fin-nefqa netta matul l-ewwel snin tal-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk hija aktar kawta u meqjusa bħala debitament ġustifikata.

Kollox ma' kollox, l-impatt konġunt ta' suppożizzjonijiet aktar kawti u d-differenzi fis-suppożizzjonijiet li huma debitament ġustifikati jegħlbu l-impatt tas-suppożizzjoni għat-tkabbir tal-PDG potenzjali. Barra minn hekk, id-differenzi li jifdal fis-suppożizzjonijiet, filwaqt li mhux dejjem ikunu konsistenti mal-qafas komuni tad-DSA, ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa aktar baxx mit-trajettorja referenzjarja.

Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(27)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu kemm permezz ta' trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-pjan jipprevedi konsolidazzjoni bi frontloading, fejn madwar kwart tat-tnaqqis tal-proporzjon tad-defiċit mal-PDG taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % għandu jinkiseb fl-2025 biss. Dan jinkiseb l-aktar permezz tat-trażżin tan-nefqa meta mqabbel ma' xenarju ta' ebda bidla fil-politika, l-aktar fil-livell tal-gvern ċentrali iżda bil-kontribut tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Matul id-durata tal-pjan, l-isforzi biex titrażżan in-nefqa, filwaqt li jittejbu l-kwalità u l-effettività tiegħu, ikunu appoġġati minn impenji mġedda f'termini ta' rieżamijiet tal-infiq u simplifikazzjoni tal-azzjoni pubblika. Il-miżuri komplementari ewlenin avvanzati fuq in-naħa tad-dħul għandhom l-għan li jilħqu ġustizzja soċjali u fiskali akbar u jinkoraġġixxu effiċjenza akbar fl-enerġija. Dawn jikkonċernaw taxxi eċċezzjonali fuq l-ogħla introjti u fuq l-akbar profitti tal-kumpaniji, it-tnaqqis ta' ċerti nefqiet tat-taxxa u l-ekoloġizzazzjoni tat-tassazzjoni.

L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw mis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-pjan, li jimplikaw tkabbir tal-PDG pożittiv fix-xenarju ta' aġġustament, u l-possibbiltà ta' ffrankar aktar baxx milli mistenni mir-rieżamijiet tal-infiq.

Barra minn hekk, il-baġit li l-gvern ressaq fil-parlament nazzjonali f'Ottubru 2024 għall-2025 jispeċifika l-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (10).

Sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment fil-pjan biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali

(28)

Fil-pjan, Franza timpenja ruħha għal sett ta' riformi u investimenti, bl-għan li ttejjeb it-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex tirfed estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin.

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa magħmul minn tliet impenji eżistenti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan); żewġ impenji mill-RRP bi speċifikazzjonijiet addizzjonali kif ukoll sitt riformi u investimenti ġodda (ara wkoll l-Anness II):

Ir-riforma tal-assigurazzjoni tal-qgħad, inkluża fl-RRP (il-Komponent 8, il-Protezzjoni tal-impjiegi, iż-żgħażagħ, id-diżabilità, it-taħriġ vokazzjonali), bl-għan li jissaħħu l-inċentivi għar-ritorn għal impjieg stabbli u biex tiġi limitata l-alternazzjoni ta' kuntratti qosra u perjodi ta' qgħad. Ir-riforma hija impenn eżistenti tal-RRP. Kienet tikkonsisti f'pakkett leġiżlattiv adottat fl-2019 li daħal fis-seħħ fl-2021 skont l-RRP. Kienet tinkludi miżuri li jikkonċernaw il-kalkolu tal-kumpens u miżura “bonus-malus” li tiddetermina l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi għall-iskema.

Riformi skont il-Liġi dwar l-ipprogrammar tar-riċerka. Din il-miżura hija impenn eżistenti skont l-RRP (il-Komponent 6, Sovranità teknoloġika u reżiljenza), jiġifieri permezz tal-miżura “Aspetti strutturali tal-Liġi dwar l-Ipprogrammar tar-Riċerka”, li titlob id-dimostrazzjoni mit-tielet trimestru tal-2025 taż-żieda fl-infiq fuq ir-riċerka pubblika meta mqabbel mal-2020. Id-diversi dispożizzjonijiet huma relatati mar-riċerka u l-edukazzjoni ogħla u għandhom l-għan li jsaħħu l-finanzjament u l-organizzazzjoni tar-riċerka, jippromwovu l-eċċellenza xjentifika, itejbu l-attraenza tal-impjiegi u l-karrieri xjentifiċi, u jxerrdu aħjar ir-riżultati tar-riċerka pubblika fis-settur privat, billi jsaħħu r-rabtiet bejn ir-riċerka pubblika u l-innovazzjoni privata, l-ekonomija u s-soċjetà. L-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-programmazzjoni tar-Riċerka tinfirex matul il-perjodu 2021-2030, lil hinn mid-durata tal-RRP.

Riformi skont il-Liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-liġi, adottati u li daħlu fis-seħħ fl-ewwel trimestru tal-2023, huma impenn eżistenti skont l-RRP (il-Komponent 10, REPowerEU), jiġifieri permezz tal-miżura “Liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli”. Diversi azzjonijiet huma previsti għall-implimentazzjoni matul il-perjodu 2023–2030, wara l-adozzjoni ta' digrieti ta' implimentazzjoni tal-passat u dawk futuri, u għandhom l-għan b'mod ġenerali li jħaffu l-użu tal-enerġiji rinnovabbli fi Franza, biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija ta' Franza u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha. Il-miżura tinvolvi diversi mezzi ta' intervent, jiġifieri s-simplifikazzjoni proċedurali u l-aċċellerazzjoni tal-ippjanar territorjali, l-enfasi fuq is-sorsi tal-enerġija solari (termali, fotovoltajċi u agrivoltajċi) u fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta kif ukoll il-finanzjament ġenerali.

Investimenti skont il-pjan pluriennali ta' Franza 2030. Il-pjan ta' investiment jinkludi l-programm PIA4 (Programme d'Investissements d'Avenir), u dan l-impenn iżid mal-miżuri eżistenti fl-RRP (b'mod partikolari taħt il-Komponent 6, Sovranità teknoloġika u reżiljenza), jiġifieri “Ninnovaw għar-reżiljenza tal-mudelli kummerċjali tagħna”, li jappoġġa l-investiment għall-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali ewlenin, u “Appoġġ għal negozji innovattivi”, li jiffinanzja l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għal kumpaniji innovattivi. Iż-żewġ miżuri huma mistennija li jiġu ffinalizzati sar-raba' trimestru tal-2024. Il-pjan France 2030 jappoġġa t-trasformazzjoni fit-tul tal-proċessi ta' produzzjoni f'setturi strateġiċi bħas-saħħa, l-enerġija u l-ajrunawtika, tul il-katina tal-valur kollha, mir-riċerka bażika sal-innovazzjoni u sal-industrijalizzazzjoni u jkopri kamp ta' applikazzjoni usa' mill-RRP. Il-pjan jikkontribwixxi wkoll biex ilaħħaq mad-diskrepanza fl-investiment fl-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp f'oqsma speċifiċi, filwaqt li jaċċellera l-ekoloġizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. Huwa jkopri l-perjodu 2022–2026.

Riformi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tal-kwalità tal-infiq pubbliku permezz ta' rieżamijiet tal-infiq imsaħħa meta mqabbla mal-impenji tal-RRP. Il-pjan jimpenja ruħu għat-tisħiħ tar-rieżamijiet tal-infiq annwali fis-sottosetturi kollha tal-gvern estiż. Għalhekk, l-impenn iżid mal-miżuri inklużi fl-RRP (il-Komponent 7, id-Diġitalizzazzjoni tal-Istat, it-territorji, l-intrapriżi, il-Kultura) permezz tal-miżura “Valutazzjoni tal-kwalità tan-nefqa pubblika”. Hija proposta mira kumulattiva kwantitattiva għall-iffrankar permanenti fl-infiq pubbliku u għat-tnaqqis fit-taxxa u fin-nefqa soċjali (minbarra l-miżura “riforma tat-tnaqqis ġenerali tal-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbla mal-paga minima (SMIC)”) ispirata mir-rieżamijiet tal-infiq għall-perjodu 2025–2027. L-implimentazzjoni hija mistennija li tinfirex matul il-perjodu kollu ta' aġġustament u timplika l-integrazzjoni effettiva u regolari tar-riżultati tar-rieżamijiet tal-infiq fl-abbozzi tal-baġits annwali, akkumpanjati mill-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali ta' monitoraġġ, li juru kemm l-iffrankar annwali kif ukoll dak kumulattiv identifikat u implimentat.

Riforma tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad wara negozjati bejn l-imsieħba soċjali. Din il-miżura, ġdida meta mqabbla mal-RRP, għandha l-għan li tkompli tirriforma r-regoli għall-assigurazzjoni kontra l-qgħad matul it-3 snin li ġejjin, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema anzjani, filwaqt li tippreserva l-kisbiet tar-riformi tal-2019, l-2021 u l-2023 u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-impatt baġitarju pożittiv tagħhom. Il-pjan jipprevedi l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda li jirriżultaw min-negozjati bejn is-sħab soċjali minn nofs l-2025, u rapport ta' valutazzjoni dwar l-effetti akkumulati tar-riformi kollha tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad sa tmiem l-2027.

Riforma tar-rata ta' kontribuzzjoni lill-Caisse Nationale de Retraites des Agents des Collectivités Locales (CNRACL). Ir-riforma, li hija ġdida meta mqabbla mal-RRP, tikkonsisti fiż-żieda permanenti fir-rata tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi għall-iskema speċjali tal-irtirar responsabbli għall-assigurazzjoni tal-gvernijiet lokali u tal-uffiċjali tal-isptarijiet. Billi tipproduċi impatt baġitarju pożittiv, ir-riforma għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema u, għal dan l-għan, il-pjan jinkludi impenn biex possibbilment jiġu implimentati aktar żidiet permanenti matul il-perjodu ta' aġġustament. Ir-riforma hija għalhekk ippreżentata wkoll bħala li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ġenerali tas-sistema tal-pensjonijiet flimkien mar-riforma ewlenija tal-pensjonijiet tal-2023, li l-karatteristiċi ewlenin tagħha kienu ż-żieda fl-età legali tal-irtirar u l-antiċipazzjoni taż-żieda tal-perjodu minimu ta' kontribuzzjoni biex wieħed jirċievi pensjoni sħiħa u li l-pjan jimpenja ruħu li jippreserva l-impatti f'termini ta' sostenibbiltà. Il-pjan jipprevedi l-adozzjoni taż-żieda tal-kontribuzzjonijiet lis-CNRCAL b'5 punti perċentwali fil-liġijiet tal-baġit tas-sigurtà soċjali għall-2025 u l-2026, u l-implimentazzjoni sussegwenti flimkien maż-żieda diġà ppromulgata fl-2024.

Riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq pagi baxxi meta mqabbla mal-paga minima (SMIC). Ir-riforma, li hija ġdida meta mqabbla mal-RRP, għandha l-għan li tissimplifika u tirrazzjonalizza l-iskemi eżistenti ta' tnaqqis tal-kost lavorattiv, bl-objettiv li tinċentiva l-mobbiltà tal-pagi u tnaqqas ir-riskji ta' nases tal-pagi baxxi, prinċipalment fil-livell tal-paga minima. B'mod partikolari, ir-riforma tikkonsisti fit-tħaffif tal-kurva tat-tnaqqis ġenerali, biex dan isir aktar digressiv, u t-tnaqqis ta' eżenzjonijiet speċifiċi mill-kontribuzzjonijiet tas-saħħa u tal-familja. Il-pjan jipprevedi l-adozzjoni tar-riforma fil-liġi tal-baġit tas-sigurtà soċjali għall-2025, li għandha tiġi approvata sa Diċembru 2024, u implimentazzjoni progressiva f'żewġ fażijiet, li għandha titlesta sa tmiem l-2025 u tmiem l-2026, rispettivament.

Riformi skont il-Liġi l-ġdida dwar is-simplifikazzjoni tal-ambjent tan-negozju. Ir-riforma, li hija ġdida meta mqabbla mal-RRP, għandha tliet objettivi ewlenin: tnaqqas b'mod radikali l-piż tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji, pereżempju billi tittrasforma ċerti proċeduri ta' awtorizzazzjoni biex jiġu kkonvertiti f'dikjarazzjoni sempliċi jew billi ttejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għall-akkwist pubbliku; tagħmel rieżami tar-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni u n-negozji, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar ħafna, billi tallinja d-drittijiet tagħhom ma' dawk tal-persuni li jaħdmu għal rashom; u tissimplifika l-istandards eżistenti permezz ta' miżuri derogatorji biex jappoġġaw l-istabbiliment ta' proġetti ta' tranżizzjoni industrijali u tal-enerġija. Il-liġi l-ġdida, li mistennija tiġi adottata sa tmiem l-2025, ser tiġi implimentata progressivament bl-adozzjoni u l-monitoraġġ tad-digrieti ta' implimentazzjoni matul il-perjodu sal-2028.

Riformi skont il-Liġi dwar l-industrija ekoloġika. Impenji ġodda skont il-liġi, adottati fir-raba' trimestru tal-2023, li huma ġodda meta mqabbla mal-RRP, jipprevedu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ regolari tal-eżiti mifruxa matul il-perjodu sal-2030. L-objettivi ewlenin segwiti jikkonċernaw l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoloġiċi u l-akkumpanjament tal-industrija lejn id-dekarbonizzazzjoni. Assi aktar speċifiċi iżda wiesgħa għall-intervent jirreferu għall-faċilitazzjoni tal-installazzjoni ta' siti industrijali ġodda, it-titjib tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament ta' proġett industrijali ekoloġiku, l-ekoloġizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, u t-tisħiħ tal-kundizzjonalità tal-appoġġ pubbliku għall-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika.

Ir-riforma tal-infiq tat-taxxa u soċjali. Ir-riforma, li hija ġdida meta mqabbla mal-RRP, għandha l-għan li tirrazzjonalizza l-infiq tat-taxxa u dak soċjali billi tnaqqas u tneħħi dawk l-inqas effiċjenti. Għall-perjodu 2025-2027 hija proposta mira kumulattiva kwantitattiva għat-tnaqqis permanenti fl-infiq fiskali u soċjali u l-iffrankar fl-infiq pubbliku (minbarra l-miżura “riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbla mal-paga minima (SMIC)”). L-implimentazzjoni hija mistennija li tinfirex fuq il-perjodu kollu ta' aġġustament u timplika l-integrazzjoni effettiva u regolari tat-tnaqqis fit-taxxa u fin-nefqa soċjali fl-abbozzi tal-baġits, akkumpanjata mill-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali ta' monitoraġġ, li juru kemm l-iffrankar annwali kif ukoll dak kumulattiv identifikat u implimentat.

(29)

F'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament hija dettaljata biżżejjed, frontloaded, marbuta biż-żmien u verifikabbli.

(30)

L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, Franza timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta' riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta' investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenji ser jiġu mmonitorjati matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament kif previst fl-Artikolu 36(d) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(31)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija ta' Franza b'mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan ta' Franza ma jipprovdix stima tal-impatt ġenerali mistenni tas-sett ta' riformi u investimenti propost. Madankollu, tali impatt huwa rrappurtat għal xi wħud mir-riformi, abbażi ta' analiżijiet tal-passat u letteratura disponibbli. F'dan ir-rigward, skont il-pjan, l-impatt akkumulat fuq il-PDG ta' xi wħud minn dawn ir-riformi jaqbeż iż-0,7 punti perċentwali sal-2030, u huwa kemxejn akbar fuq terminu twil. B'mod partikolari, ir-riforma tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad hija stmata li ser iżżid il-PDG b'0,5 punti perċentwali u toħloq aktar minn 40 000 impjieg fuq terminu twil. Barra minn hekk, abbażi tas-simulazzjonijiet tal-mudell makroekonomiku QUEST-III R&D żviluppat mill-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-liġi tal-ipprogrammar tar-riċerka ser iżżid 0,2 punti perċentwali tal-PDG fi 15-il sena u 0,3 punti perċentwali fuq terminu twil. Għal riformi oħra, valutazzjoni ad hoc hija jew indikata li diġà għaddejja jew li ser titwettaq matul l-implimentazzjoni tal-pjan, u b'hekk ser tkun qed tappoġġa s-sett ta' indikaturi li jakkumpanjaha. Dawn ir-riformi huma mistennija wkoll li jinvolvu impatt pożittiv fuq l-attività li mhijiex ikkwantifikata f'dan l-istadju. B'mod ġenerali, abbażi tal-informazzjoni pprovduta, l-istrateġija ekonomika wara s-sett ta' riformi u investimenti, inkluż l-impenji tal-RRP, tidher artikolata sew u hija preżunta li tindirizza b'mod effettiv id-dgħufijiet identifikati qabel fil-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza ta' Franza (pereżempju fir-Rapporti tal-pajjiżi). Oqsma ewlenin ta' intervent tabilħaqq jikkonċernaw is-suq tax-xogħol u l-progress lejn livell massimu ta' impjiegi; il-ħtieġa li tiġi appoġġjata r-riindustrijalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività; l-isfidi ta' tranżizzjoni ekoloġika u tal-enerġija ġusta u l-governanza tal-finanzi pubbliċi.

(32)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Skont l-istimi fil-pjan, is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jkun jinvolvi impatt dirett ta' tnaqqis tad-defiċit ta' madwar EUR 20 biljun fis-sena (0,6 % tal-PDG) mill-2027, prinċipalment minħabba l-impatt baġitarju tar-riformi tal-iskema tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad tal-2021 u r-riforma komplementari adottata fl-2023 li timmodula d-durata tal-benefiċċji tal-qgħad, skont is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, biex jiġu pprovduti aktar inċentivi għar-ritorn lura għax-xogħol fi żminijiet favorevoli u aktar protezzjoni f'fażijiet avversi (0,1 % tal-PDG) u r-riformulazzjoni tat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbel mal-paga minima (0,2 % tal-PDG) u l-iffrankar permanenti mir-rieżamijiet tal-infiq u t-tnaqqis fl-infiq tat-taxxa u soċjali (0,3 % tal-PDG). Min-naħa tagħhom, ir-riformi u l-investimenti mmirati lejn l-implimentazzjoni tal-pjan ta' investiment ta' Franza 2030, ir-riformi u l-investimenti skont il-liġijiet dwar l-ipprogrammar tar-Riċerka, is-simplifikazzjoni u l-Industrija Ekoloġika huma mistennija wkoll li jimplikaw effett pożittiv indirett fuq il-finanzi pubbliċi permezz ta' żieda fid-dħul mit-taxxa, peress li dawk ir-riformi huma mistennija li jinvolvu impatt pożittiv fuq l-impjiegi, l-investiment u t-tkabbir. B'mod ġenerali, is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jimplika kontribuzzjoni modesta diretta għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, għalkemm din il-kontribuzzjoni tista' tkun kemxejn ogħla wara li jingħaddu l-kontribuzzjoni potenzjali tar-rieżamijiet tal-infiq previsti, ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq tat-taxxa u l-effetti indiretti derivati minn PDG u impjiegi ogħla fuq terminu twil.

(33)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod partikolari, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tiġi indirizzata bir-riformi tal-iskema tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad, iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-irtirar tal-uffiċjali lokali u tal-isptarijiet, flimkien mal-preservazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2023, ir-riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet soċjali b'pagi baxxi meta mqabbla mal-paga minima u l-liġi dwar is-simplifikazzjoni tal-ambjent tan-negozju. Il-prijoritajiet marbuta ma' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta u mal-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija jiġu indirizzati minn riformi u investimenti skont il-pjan ta' investiment ta' Franza 2030, il-liġi dwar l-ipprogrammar tar-riċerka, il-liġi dwar l-industrija ekoloġika, il-liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

(34)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSRs rilevanti (11) maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod partikolari, ir-riformi u l-miżuri fil-qasam tal-qafas baġitarju u l-governanza fiskali, is-sistemi tal-pensjonijiet u t-tixjiħ attiv huma relatati mas-CSRs strutturali fiskali fl-2019, l-2021, l-2022 u l-2024 li jitolbu lil Franza timmira aħjar l-infiq tat-taxxa, tkompli bl-isforzi biex ittejjeb il-kwalità tal-miżuri baġitarji, inkluż billi tistabbilixxi miri kwantitattivi għall-iffrankar fl-infiq, tikseb iffrankar fl-infiq u titjib fl-effiċjenza fis-subsetturi kollha tal-gvern, tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet filwaqt li tirfed is-sostenibbiltà tagħha u tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet qafas biex tiffaċilita l-investiment u l-innovazzjoni. Riformi u miżuri oħra fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-koeżjoni soċjali u territorjali huma relatati mas-CSRs rilevanti fl-2019, l-2021, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024, li jitolbu li jittejjeb l-ambjent tan-negozju, titrawwem l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju, jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġiji rinnovabbli u titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili.

(35)

Il-pjan jiżgura li l-livell ġenerali ppjanat ta' investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment realizzat bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP jinżamm, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)

Livell medju matul il-perjodu kopert mill-RRP (mill-2021 sal-2026) (12)

2025

2026

2027

2028

2029

Medja matul id-durata tal-pjan

3,9

3,9

4,0

3,9

3,8

3,7

3,9

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza.

(36)

Fl-aħħar nett, is-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni jista' jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u fil-Ftehim ta' Sħubija miftiehma skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Jiġifieri, f'konformità mar-rekwiżiti, kull impenn huwa mistenni li jopera f'kontinwità u komplementarjetà mal-RRP jew mal-Ftehim ta' Sħubija ta' Franza, u li jwieġeb għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż u għal prijorità komuni waħda jew aktar tal-UE.

(37)

Bħala konklużjoni, is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meħuda flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'riżultat ta' dan, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż minn 4 għal 7 snin, kif propost fil-pjan.

Riforma u intenzjonijiet ta' investiment oħra fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(38)

Minbarra s-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw riformi u investimenti oħra bħala rispons għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 28 riforma u investiment, li 7 minnhom appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(39)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi diversi miżuri. Dawn jikkonċernaw is-settur tat-trasport, l-indirizzar ukoll tal-prevenzjoni tat-tniġġis, bl-iżvilupp tat-trasport pubbliku (skont l-RRP), l-ekoloġizzazzjoni tal-portijiet Franċiżi (skont l-RRP), il-pjan għall-mixi u għaċ-ċikliżmu, u l-appoġġ għax-xiri u l-kiri ta' vetturi ħfief b'emissjonijiet baxxi. Il-pjan jiffoka wkoll fuq proġetti ta' innovazzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika (skont l-RRP) fil-kuntest tar-raba' programm ta' investimenti orjentati lejn il-futur (“Programme d'Investissements d'Avenir”, PIA4). B'rabta mas-CSRs fl-2022 u fl-2023 li jkopru l-effiċjenza enerġetika, il-pjan jinkludi miżuri bħall-allinjament tar-rata tal-VAT fuq il-bojlers tal-gass u r-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-bini tal-isptarijiet. Il-miżuri fil-pjan relatati mal-prijorità tat-tranżizzjoni diġitali jibnu fuq l-objettivi stabbiliti fil-programm ta' politika tad-Deċennju Diġitali għall-infrastruttura tal-konnettività u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Eżempji ta' miżuri fil-pjan jikkonċernaw il-pjan tal-broadband b'veloċità għolja, li mistenni jkun ta' benefiċċju għad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Franċiża kif ukoll miżuri dwar l-ispazju, is-saħħa diġitali u dwar il-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ professjonali.

(40)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi għadd ta' riformi u investimenti. B'rabta mas-CSRs fl-2019, fl-2022 u fl-2023 dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, u mas-CSRs fl-2019 u fl-2020 dwar politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-miżuri rilevanti jikkonċernaw: il-ħolqien ta' Servizz pubbliku Bikri għat-Tfal fil-livell lokali, biex jappoġġa lill-ġenituri, b'mod partikolari lin-nisa, u lill-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, ir-riforma tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u appoġġ imsaħħaħ għar-riċevituri tal-Introjtu ta' Solidarjetà Attiva (RSA) u n-negozji, l-appoġġ għaż-żgħażagħ mingħajr impjieg jew taħriġ lejn integrazzjoni professjonali dejjiema, l-iskjerament tal-komponent tat-taħriġ ta' Franza 2030, il-Pjan ta' Investiment għall-Ħiliet (PIC) immirat biex itejjeb l-impjegabbiltà tal-individwi l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, il-programm ta' appoġġ għall-apprendistat, u r-riforma tal-iskejjel sekondarji vokazzjonali. B'rabta mas-CSRs fl-2022, fl-2023 u fl-2024 dwar l-edukazzjoni, miżuri ulterjuri għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet bażiċi fl-iskola sekondarja u li jippromwovu u jsaħħu l-professjoni tat-tagħlim b'mod partikolari billi jsaħħu t-taħriġ inizjali u kontinwu. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri ta' politika oħra biex jittejbu l-aċċess għall-provvista tal-kura tas-saħħa u l-effiċjenza tagħha, ir-rinnovazzjoni u l-adattament tal-faċilitajiet tal-kura għall-anzjani dipendenti, kif ukoll miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-prevenzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali biex jittejbu d-dijanjożi medika u l-preskrizzjoni fis-servizzi tal-kura tas-saħħa.

(41)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi diversi miżuri, bħall-iżvilupp ta' reatturi nukleari żgħar (SMRs) u r-rinnovazzjoni ta' faċilitajiet nukleari eżistenti. B'rabta mas-CSRs fl-2019, l-2022, l-2023 u l-2020 li jkopru l-enerġija rinnovabbli, in-networks tal-infrastruttura tal-enerġija, il-pjan jinkludi miżuri bħat-tieni interkonnessjoni elettrika bejn Savoie (Franza) u Piemonte (l-Italja), u l-implimentazzjoni tal-pjan għas-sobrjetà tal-konsum tal-enerġija.

(42)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi l-Liġi dwar l-Ipprogrammar Militari li tistabbilixxi l-objettivi tal-politika ta' difiża u l-ipprogrammar finanzjarju tagħha għas-snin 2024-2030, biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża f'kuntest ġeopolitiku ta' tensjonijiet li qed jiżdiedu, inkluż il-gwerra fl-Ukrajna. Il-miżura tipprevedi investiment fl-industrija tad-difiża u innovazzjoni fixkiela fid-difiża.

(43)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP ta' Franza. Il-pjan jissottolinja li, biex jiġi evitat kull riskju ta' finanzjament doppju u użu insuffiċjenti tal-fondi, hija meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib għall-implimentazzjoni ta' dawk il-fondi fi Franza. Skont il-pjan, ir-riformi u l-investimenti mhux tal-RRP inklużi fil-pjan huma miżuri ffinanzjati fil-livell nazzjonali li ma jinvolvux kofinanzjament Ewropew. Xi wħud mill-miżuri inklużi fil-pjan ġew adottati bħala kontinwazzjoni tal-miżuri inklużi fl-RRP. Barra minn hekk, il-pjan jispjega għal diversi minnhom il-mod kif ikomplu u jestendu l-azzjonijiet adottati fl-RRP (għar-riformi tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad, tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u tal-industrija ekoloġika).

(44)

Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku ta' Franza relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE.

Fir-rigward ta' tranżizzjoni diġitali ġusta, il-pjan isemmi l-ħtieġa li l-ekonomija Franċiża tkompli d-diġitalizzazzjoni tagħha u żżid l-investiment tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li tħares lejn il-paraguni internazzjonali. Pereżempju, minkejja titjib inkoraġġanti fil-passat reċenti, huma meħtieġa sforzi biex tiġi appoġġata aktar l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u għodod diġitali bażiċi mill-kumpaniji Franċiżi, b'mod partikolari l-SMEs, li jsaħħu l-produttività tagħhom. Fost prijoritajiet oħra, il-kumpaniji jeħtieġ li jiġu inċentivati biex jinvestu aktar biex isiru aktar kompetittivi, speċjalment f'setturi ewlenin għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Dwar tranżizzjoni ekoloġika ġusta u dwar l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jirreferi għall-ħtiġijiet ta' investiment stmati kull sena biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tad-dekarbonizzazzjoni sal-2030 u għal-lievi tal-politika ekonomika biex jiġi mħeġġeġ u appoġġat dan l-isforz addizzjonali kemm mill-atturi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati kif stabbilit fl-istrateġija ta' finanzjament pluriennali għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-politika tal-enerġija ta' Franza (SPAFTE, stratégie pluriannuelle de financement de la transition écologique), ippubblikata f'Ottubru 2024.

Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jirreferi għall-objettiv ewlieni li jinkiseb livell massimu ta' impjiegi u għall-investimenti ppjanati għal dan l-għan favur politiki attivi tas-suq tax-xogħol u lejn iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jappoġġa l-impjiegi taż-żgħażagħ u tan-nisa u l-inklużjoni tal-ħaddiema kollha. Qasam ieħor ta' intervent indikat jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħiliet u l-edukazzjoni, inkluż fil-livell lokali, biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri tal-ekonomija Franċiża u biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll l-innovazzjoni f'setturi strateġiċi.

Dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jirreferi għall-ħtieġa li tissaħħaħ is-sovranità ta' Franza f'kuntest ġeopolitiku ta' tensjonijiet li qed jiżdiedu u li jiġu appoġġati l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Strateġika 2024–2029, adottata mill-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2024, jiġifieri, li jissaħħu t-tħejjija u l-kapaċità tal-UE fil-qasam tad-difiża, inkluż permezz ta' żieda fl-infiq fuq id-difiża.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(45)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan ta' Franza, kif ikkomplementat bl-ittra tal-awtoritajiet tas-16 ta' Jannar 2025, jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(46)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Franza u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(47)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(48)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll il-fatt li l-partijiet ikkonċernati rilevanti ġew ikkonsultati qabel il-preżentazzjoni tal-pjan għalkemm dan ma ġiex irrappurtat fil-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(49)

Il-Kunsill jistenna li Franza tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(50)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(51)

Il-Kunsill japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u investiment ippreżentati minn Franza fil-pjan fuq terminu medju tagħha li jirfed l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u jilqa' l-isforzi biex jiġi kkwantifikat l-impatt fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni li s-sett ta' impenji ta' riforma u investimenti ppreżentati minn Franza jiġġustifikaw estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn 4 għal 7 snin. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika l-issodisfar, meħud b'kollox, tal-kriterji fl-Artikolu 14, b'kont meħud ukoll tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tal-Artikolu 36, il-punt (1d), tar-Regolament (UE) 2024/1263 mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li l-impenji ta' riforma u investiment huma mistennija jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija b'mod sostenibbli u jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jirrakkomanda lil Franza timplimenta bis-sħiħ is-sett ta' impenji ta' riformi u investimenti biex tippreserva l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(52)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, minbarra l-valutazzjoni tas-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(53)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali minn Franza li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(54)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil Franza, u għandu jiġi approvat is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Tinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni Ewropea. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkulata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2023 tal-Kummissjoni Ewropea (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-kostijiet tat-tixjiħ huma konformi mar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#france.

(7)  ĠU L, 1.8.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2122/oj.

(8)  L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju ta' Franza, 26.11.2024, C(2024) 9055 final.

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta' Franza.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju ta' Franza, 26.11.2024, C(2024) 9055 final.

(11)  CSRs meqjusa “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) adottati mill-Kunsill mill-2019 'il quddiem, ii) li għalihom l-Istat Membru jkun għadu ma għamilx progress “sħiħ” jew “sostanzjali” fl-indirizzar tagħhom u ma jkunux skaduti (ivvalutati bħala “Mhux Ivvalutati / L-ebda Input x'Jiżdied”), kif ivvalutat fl-aħħar eżerċizzju ta' sorveljanza tas-Semestru Ewropew (disponibbli fuq CeSaR (europa.eu)), iii) mhux marbuta ma' PST purament fiskali u iv) li ma jkoprux l-istess sfida iżda b'mod riformulat.

(12)  Huwa preżunt u aċċettat li ż-żewġ perjodi ser jikkoinċidu. Ir-rekwiżit li jinżamm il-livell ta' investiment huwa maħsub li japplika għas-snin wara t-tmiem tal-ħajja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Franza

Snin

2025

2026

2027

2028

2029

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

0,8

1,2

1,2

1,2

1,1

Kumulattiv (*1)

4,6

5,8

7,1

8,4

9,5


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ANNESS II

Sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin

Franza

 

Objettiv ewlieni

Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin (1)

Indikatur(i) ta' monitoraġġ

Riforma tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad biex jissaħħu l-inċentivi għal impjiegi stabbli (Riforma eżistenti tal-RRP C8.R4)

Ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ l-inċentivi għal impjieg stabbli, tillimita l-alternazzjoni ta' kuntratti qosra ma' perjodi ta' qgħad u tnaqqas in-nefqa relatata mal-qgħad.

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjonijiet ġodda tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad.

Pass 2: L-evalwazzjoni tar-riformi tal-passat u komplementari sa tmiem l-2027, li tirrifletti l-impatt fuq l-impjiegi, l-attività ekonomika u l-iffrankar baġitarju fuq in-nefqa relatata mal-qgħad.

Pass 1: It-twettiq sodisfaċenti tal-istadji importanti rilevanti tal-RRP, bid-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjonijiet ġodda dwar l-assigurazzjoni kontra l-qgħad

Pass 2: Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni

Liġi tal-ipprogrammar tar-riċerka (Miżura eżistenti tal-RRP C6.R1)

It-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi u privati kif ukoll it-titjib tal-applikazzjonijiet tar-riżultati tan-negozju matul il-perjodu ta' implimentazzjoni 2021–2030.

Sat-tielet trimestru tal-2025: Żieda fid-dotazzjonijiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp b' EUR 1,8 biljun meta mqabbla mal-2020.

It-twettiq sodisfaċenti tal-mira rilevanti tal-RRP 6-3.

L-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli

(Il-miżura eżistenti tal-RRP C10.R1)

It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, il-preservazzjoni tal-kompetittività u l-appoġġ għas-sigurtà u l-indipendenza nazzjonali tal-enerġija

Pass 1: Sal-ewwel trimestru tal-2023, l-adozzjoni tal-liġi fl-10 ta' Marzu 2023

Pass 2: Lulju 2024: L-ewwel Assemblea tal-partijiet ikkonċernati u l-kompilazzjoni tar-rapporti eżistenti.

Pass 3: Fil-ħarifa tal-2024, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-ippjanar marittimu u l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fil-kontinwazzjoni tad-dibattitu pubbliku organizzat f'konformità mal-liġi.

Pass 4: Jannar 2025, tnedija ta' sit tal-internet u rieżami sistematiku tal-impatti tal-enerġiji rinnovabbli fuq il-bijodiversità.

Pass 5: Lulju 2025, it-tieni Assemblea tal-partijiet ikkonċernati, pubblikazzjoni tal-ewwel rapporti ta' valutazzjoni.

It-twettiq sodisfaċenti tal-istadju importanti rilevanti tal-RRP u l-impenji li jsegwu.

Pjan ta' Investiment ta' Franza 2030 (Żieda fir-riforma tal-RRP, C6.I2

C6.I3)

Pjan ta' investiment, inkluż investimenti taħt il-programm ta' investiment PIA4; Il-pjan ġenerali għandu l-għan li jrawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-investiment kummerċjali tal-ogħla livell fil-kura tas-saħħa, l-enerġija u l-ajrunawtika billi jimmobilizza EUR 54 biljun bejn l-2022 u l-2026. EUR 30 biljun diġà impenjati sa Mejju 2024.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2024 għad-deċiżjonijiet ta' finanzjament marbuta ma' proġetti ffinanzjati taħt l-RRP.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2025: Rapport ta' valutazzjoni ex ante tal-impatti makroekonomiċi tal-pjan ġenerali sa tmiem l-2025.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2026, l-impenn tal-pakkett finanzjarju kollu tal-pjan.

Pass 1: Għoti ta' kuntratti permezz ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament tal-Prim Ministru.

Pass 2: Pubblikazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni ex ante.

Pass 3: Pubblikazzjoni tar-rapport dwar il-Pjan ta' Investiment ta' Franza 2030 u l-impatt tiegħu fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-investiment kummerċjali tal-ogħla livell fil-kura tas-saħħa, l-enerġija u l-ajrunawtika.

Evalwazzjoni tal-kwalità tan-nefqa pubblika permezz ta' rieżamijiet tal-infiq imsaħħa

(Żieda mar-riforma tal-RRP, C7.R5)

Tisħiħ tar-rieżamijiet tal-infiq annwali fis-sottosetturi kollha tal-gvern estiż matul il-perjodu 2025–2027.

Sat-tieni trimestru tal-2025, it-tieni trimestru tal-2026, it-tieni trimestru tal-2027, it-tieni trimestru tal-2028, it-tieni trimestru tal-2029:

Twettaq rieżamijiet annwali tal-infiq.

Sat-tielet trimestru tal-2025, it-tielet trimestru tal-2026, it-tielet trimestru tal-2027, it-tielet trimestru tal-2028, u t-tielet trimestru tal-2029, rispettivament: L-integrazzjoni effettiva tar-riżultati tar-rieżamijiet tal-infiq fl-abbozz tal-baġit annwali.

Sat-tielet trimestru tal-2025, it-tielet trimestru tal-2026, it-tielet trimestru tal-2027, it-tielet trimestru tal-2028, u t-tielet trimestru tal-2029, rispettivament: Pubblikazzjoni ta' rapport annwali ta' monitoraġġ, li jirrapporta ffrankar permanenti fl-infiq annwali. Dan ir-rapport għal kull sena T fih 3 elementi:

1.

L-iffrankar potenzjali fl-infiq identifikat li għandu jiġi inkluż fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit għas-sena T+1.

2.

Miżuri reali meħuda fil-baġit għas-sena T li jirriżultaw mir-rieżamijiet tal-infiq imwettqa fis-snin preċedenti.

3.

Valutazzjoni tal-eżitu tal-miżuri meħuda fil-baġit T-1 li jirriżultaw mir-rieżamijiet tal-infiq.

L-ewwel rapport, li għandu jiġi ppreżentat sat-tielet trimestru tal-2025, seta' jkun fih biss l-elementi 1 u 2.

It-tieni rapport u r-rapporti sussegwenti, li għandhom jiġu ppreżentati sat-tielet trimestru mill-2026, għandu jkun fihom l-elementi 1, 2 u 3, flimkien mal-valutazzjoni tal-iffrankar kumulattiv miksub mill-2025.

Pubblikazzjoni ta' Rapporti Annwali ta' Monitoraġġ li juru l-kisba tal-mira kumulattiva ta' EUR 8 biljun ta' ffrankar permanenti (ibbażat kemm fuq l-iffrankar fl-infiq pubbliku kif ukoll fuq it-tnaqqis fl-infiq fiskali u soċjali u minbarra l-miżura "riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbel mal-paga minima (SMIC)") matul il-perjodu 2025–2027

Riforma tar-regoli tal-iskema tal-benefiċċji tal-qgħad matul it-3 snin li ġejjin, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema anzjani, filwaqt li jissaħħaħ l-impatt baġitarju pożittiv tar-riformi tal-2019 u l-2023 (miżura ġdida)

Definizzjoni mill-ġdid tar-regoli tal-iskema tal-benefiċċji tal-qgħad għat-3 snin li ġejjin biex tikkomplementa r-riformi tal-2019 u l-2023, filwaqt li tikseb iffrankar baġitarju. Dan jirriżulta min-negozjati li l-gvern ippropona lis-sħab soċjali u jiffoka fuq l-impjieg tal-anzjani u l-iskema ġenerali tal-benefiċċji.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2025: Id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda li jirriżultaw min-negozjati fost is-sħab soċjali.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2027, il-pubblikazzjoni ta' rapport ta' evalwazzjoni ta' riformi passati u komplementari, li juri wkoll l-iffrankar permanenti addizzjonali ta' EUR 400 miljun li jirriżulta mir-riforma l-ġdida impenjata mill-gvern.

Pass 1: Dħul fis-seħħ tal-att leġiżlattiv

Pass 2: Pubblikazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni

Tissaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi għall-Fond Nazzjonali tal-Pensjonijiet tal-persunal tal-awtoritajiet lokali (CNRACL) filwaqt li jiġi ppreservat l-impatt tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2023 fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet, biex b'hekk jiġi żgurat li n-nefqa grossa fuq il-pensjonijiet matul il-perjodu 2026–2040, netta mill-miżuri ta' dħul adottati mill-1 ta' Jannar 2024 naqset fir-rigward tan-nefqa grossa fuq il-pensjonijiet bħal fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 (miżura ġdida).

Minbarra ż-żieda ta' 1 pp diġà ppromulgata fl-2024, żieda ta' 5 punti fil-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi lis-CNRACL (skema speċjali tas-sigurtà soċjali għall-impjegati taċ-ċivil lokali u tal-isptarijiet) biex tikkontribwixxi għall-ekwilibriju finanzjarju ta' din l-iskema speċjali, filwaqt li tippreserva l-impatt tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2023 fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025: Implimentazzjoni taż-żieda b'mill-inqas 3 punti perċentwali (inkluż iż-żieda ta' 1 pp diġà ppromulgata fl-2024) fil-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi tas-CNRACL, daħlet fis-seħħ.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2026: Implimentazzjoni taż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi tas-CNRACL biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta' 6 punti perċentwali, daħlet fis-seħħ, inkluż iż-żieda ta' 1 pp diġà ppromulgata fl-2024.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2027, il-pubblikazzjoni ta' rapport ta' evalwazzjoni li juri li (i) iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi lis-CNRACL ikkontribwiet għall-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema speċjali, u li (ii) jikkonferma li s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet issaħħet b'din il-miżura u li l-impatt tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2023 fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet ġie ppreservat. Ir-rapport ta' evalwazzjoni ser jipprovdi aġġornament tal-projezzjonijiet tan-nefqa fuq il-pensjonijiet mir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024, bl-użu tal-istess suppożizzjonijiet makroekonomiċi. Ir-rapport għandu juri li n-nefqa grossa fuq il-pensjonijiet matul il-perjodu 2026–2040, netta mill-miżuri ta' dħul, inkluż il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, adottati mill-1 ta' Jannar 2024 naqset fir-rigward tan-nefqa grossa fuq il-pensjonijiet bħal fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024.

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jżidu l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi fil-liġi tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-2025.

Pass 2: Id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet li jżidu l-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi fil-liġi tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-2026.

Pass 3: Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni

Riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbel mal-paga minima (SMIC) (miżura ġdida).

Ir-riforma għandha l-għan li tevita nassa tal-pagi baxxi, billi tissimplifika u tirrazzjonalizza l-inċentivi li jnaqqsu l-kostijiet lavorattivi madwar il-paga minima (SMIC). Dan jinkiseb billi jitnaqqsu l-eżenzjonijiet speċifiċi mill-kontribuzzjonijiet tas-saħħa u tal-familja.

Pass 1: Sal-ewwel trimestru tal-2025, l-implimentazzjoni tal-ewwel fażi tikkonsisti fit-tnaqqis tal-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-saħħa u tal-familja li jwasslu għal iffrankar ta' minn tal-inqas EUR 2,5 biljun.

Pass 2: Sal-ewwel trimestru tal-2026, l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tikkonsisti fl-insegwiment ta' tnaqqis tal-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet tas-saħħa u tal-familja, li jwasslu għal iffrankar addizzjonali ta' minn tal-inqas EUR 2,5 biljun.

Passi 1 u 2: Id-dħul fis-seħħ tal-atti leġiżlattivi

Riformi skont il-Liġi l-ġdida dwar is-simplifikazzjoni tal-ambjent tan-negozju (Miżura ġdida)

It-titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju, il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni, speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi billi titnaqqas l-burokrazija, jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-akkwist pubbliku u billi jiġu appoġġati proġetti industrijali u ta' tranżizzjoni tal-enerġija ġodda.

Pass 1: Sar-raba' trimestru tal-2025: Id-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar is-simplifikazzjoni tal-ambjent tan-negozju.

Pass 2: Sar-raba' trimestru tal-2025-2028, rispettivament, l-adozzjoni annwali tad-digrieti ta' implimentazzjoni.

Pass 3: Sar-raba' trimestru tal-2026, ir-rapport annwali dwar l-impatt

Pass 4: Sar-raba' trimestru tal-2028, ir-rapport annwali dwar l-impatt

Pass 1: Id-dħul fis-seħħ tal-att leġiżlattiv.

Pass 2: Pubblikazzjoni annwali tad-digrieti ta' implimentazzjoni.

Pass 3: Pubblikazzjoni ta' rapport li juri l-impatt f'termini ta' titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju, il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni.

Pass 4: Pubblikazzjoni ta' rapport li juri l-impatt f'termini ta' titjib tal-kundizzjonijiet tan-negozju, il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni.

Riformi u investimenti skont il-Liġi dwar l-industrija ekoloġika (Miżura ġdida)

L-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoloġiċi u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.

Sat-tielet trimestru tal-2025, tal-2026, tal-2027, tal-2028 u tal-2029 rispettivament: il-pubblikazzjoni ta' rapport annwali dwar l-adozzjoni ta' atti legali u amministrattivi rigward il-ħolqien ta' siti industrijali ġodda, deċiżjonijiet ta' finanzjament ta' proġetti ġodda u ta' appoġġ finanzjarju pubbliku.

Il-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali li juru l-impatt f'termini tal-ħolqien ta' siti industrijali ġodda, it-titjib fil-finanzjament ta' proġetti ġodda u l-appoġġ pubbliku finanzjarju użat.

Ir-razzjonalizzazzjoni u tnaqqis tan-nefqa fiskali u soċjali (miżura ġdida)

Ir-razzjonalizzazzjoni tan-nefqa fiskali u soċjali billi jitnaqqsu u jitneħħew dawk l-inqas effiċjenti fuq il-perjodu 2025–2027.

Sat-tielet trimestru tal-2025, it-tielet trimestru tal-2026, it-tielet trimestru tal-2027, it-tielet trimestru tal-2028, u t-tielet trimestru tal-2029, rispettivament: Il-pubblikazzjoni ta' rapport annwali dwar iż-żidiet fid-dħul li ġejjin mit-tnaqqis u l-irtirar permanenti tan-nefqa fiskali u soċjali. Dan ir-rapport għal kull sena T fih 3 elementi:

1.

Identifikat tnaqqis potenzjali fit-taxxa u fin-nefqa soċjali li għandu jiġi inkluż fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit għas-sena T+1.

2.

Miżuri reali meħuda fil-baġit għas-sena T biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-taxxa u soċjali li jirriżultaw mir-rieżamijiet tal-infiq imwettqa fis-snin preċedenti.

3.

Valutazzjoni tal-eżitu tat-tnaqqis fit-taxxa u fin-nefqa soċjali adottat fil-baġit T-1.

L-ewwel rapport, li għandu jiġi ppreżentat sat-tielet trimestru tal-2025, seta' jkun fih biss l-elementi 1 u 2.

It-tieni rapport u r-rapporti sussegwenti, li għandhom jiġu ppreżentati sat-tielet trimestru mill-2026, għandu jkun fihom l-elementi 1, 2 u 3, flimkien mal-valutazzjoni tal-iffrankar kumulattiv miksub mill-2025.

Pubblikazzjoni ta' Rapporti Annwali ta' Monitoraġġ li juru l-kisba tal-mira kumulattiva ta' EUR 8 biljun ta' ffrankar permanenti (ibbażat kemm fuq l-iffrankar fl-infiq pubbliku kif ukoll fuq it-tnaqqis fl-infiq fiskali u soċjali u minbarra l-miżura "riforma tat-tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet soċjali meta mqabbel mal-paga minima (SMIC)") matul il-perjodu 2025–2027.


(1)  It-twaqqit tal-miżuri tal-RRP huwa indikattiv u jikkorrispondi għall-impenji fid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/659/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)