European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4911

20.8.2024

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar il-Gwida dwar l-applikazzjoni biex impriża tikseb l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata u ta’ fonderija miftuħa tal-UE skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2023/1781 dwar l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep

(C/2024/4911)

Werrej

I.

Introduzzjoni 2

II.

Faċilitajiet “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom” 3

1.

Definizzjoni ta’ “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom” 3

2.

Definizzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata u fonderija miftuħa tal-UE 3

3.

Il-benefiċċji tal-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata u ta’ fonderija miftuħa tal-UE 4

A.

Sinerġiji mal-għajnuna mill-Istat u differenzi 5

B.

Fażi ta’ qabel l-applikazzjoni 5

4.

Obbligi li jirriżultaw mill-istatus ta’ IPF u OEF 6

A.

Fażi ta’ kriżi 6

B.

Ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità 7

III.

Applikazzjoni għall-istatus bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE 8

1.

Min jista’ japplika biex jikseb l-istatus ta’ IPF u OEF? 8

2.

X’inhuma r-rekwiżiti kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni? 8

A.

Natura li hija l-ewwel tat-tip tagħha 8

B.

Impenn ta’ konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(3) jew fl-Artikolu 14(3) tal-Att dwar iċ-Ċipep. 9

C.

Pjan ta’ direzzjoni tan-negozju (l-Artikolu 15(2)(b) tal-Att dwar iċ-Ċipep. 11

D.

Dokumentazzjoni tal-esperjenza tal-applikant (l-Artikolu 15(2)(c) tal-Att dwar iċ-Ċipep. 11

E.

Dokument li juri r-rieda tal-Istat(i) Membru/i li fit-territorju tagħhom se tinbena l-faċilità biex jiffaċilita/jiffaċilitaw l-istabbiliment tagħha (l-Artikolu 15(2)(d) tal-Att dwar iċ-Ċipep. 11

F.

L-eżistenza ta’ politiki u pjanijiet tal-PI (l-Artikolu 15(2)(e) tal-Att dwar iċ-Ċipep. 12

G.

Impenn biex jiġu prijoritizzati l-ordnijiet fi żmien ta’ kriżi (l-Artikolu 26 tal-Att dwar iċ-Ċipep. 12

3.

X’inhi l-proċedura segwita mill-Kummissjoni biex tevalwa l-applikazzjonijiet? 12

A.

Il-wasla tal-applikazzjoni u l-valutazzjoni tal-ewwel livell (verifika tal-formola tal-web. 12

B.

Valutazzjoni tat-tieni livell (kompletezza tal-applikazzjoni. 13

C.

Valutazzjoni tat-tielet livell (konformità mal-kriterji għall-istatus ta’ IPF u OEF. 13

D.

Pariri u deċiżjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi 13

4.

Ladarba jingħata l-istatus ta’ IPF jew OEF, il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġett? 14

A.

Emendi għall-istatus 14

B.

Tħassir tal-istatus 14

5.

Kif taħdem il-preżentazzjoni elettronika tal-applikazzjoni? 15

IV.

Lista ta’ kontroll u għodod tal-IT 16

A.

Lista ta’ kontroll 16

B.

L-għodod tal-IT għall-proċess tal-applikazzjoni 19

I.   Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni (imsejħa wkoll il-“Gwida”) tagħti gwida dwar il-proċess ta’ applikazzjoni biex impriża tikseb l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata (IPF, integrated production facility) jew fonderija miftuħa tal-UE (OEF, open EU foundry) skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2023/1781  (1) dwar l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep (l-“Att dwar iċ-Ċipep”). L-Artikolu 15 tal-Att dwar iċ-Ċipep jobbliga lill-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-informazzjoni meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni biex proġett jingħata l-istatus ta’ IPF jew OEF u l-format rilevanti tagħha.

L-Att dwar iċ-Ċipep daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Settembru 2023 u huwa parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-UE (2).

L-Att dwar iċ-Ċipep huwa strutturat madwar tliet pilastri:

—

il-Pilastru 1 jistabbilixxi l-“Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa”, li tappoġġa l-bini tal-kapaċità teknoloġika fuq skala kbira u l-innovazzjoni madwar l-UE biex tippermetti l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tas-semikondutturi u kwantistiċi mill-aktar avvanzati u tal-ġenerazzjoni li jmiss.

—

Il-Pilastru 2 joħloq qafas biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza billi jippromwovi l-attrazzjoni ta’ investimenti u kapaċitajiet ta’ produzzjoni msaħħa fil-manifattura, l-inkapsulament avvanzat, l-ittestjar u l-assemblaġġ tas-semikondutturi.

—

Il-Pilastru 3 joħloq mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Istati Membri u bejniethom għall-monitoraġġ u r-rispons għall-kriżijiet, taħt il-governanza tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi (3).

Fil-qafas tal-Pilastru 2, il-faċilitajiet “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom” (jiġifieri faċilitajiet ġodda jew sostanzjalment imtejba għall-manifattura tas-semikondutturi li jipprovdu dimensjoni tal-innovazzjoni li għadhom mhumiex preżenti fl-UE) jistgħu japplikaw biex jiksbu l-istatus ta’ IPF jew ta’ OEF. Dak il-qafas jipprovdi lil dawn il-faċilitajiet b’mezzi biex jiffaċilitaw l-istabbiliment u l-operat tagħhom fl-UE. Dan jirrikjedi wkoll konformità mal-kriterji sabiex jiġi żgurat il-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-UE u l-affidabbiltà tagħhom bħala fornituri taċ-ċipep fi żminijiet ta’ kriżi.

Biex jipprovdi gwida dwar il-proċess tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF, dan id-dokument huwa strutturat kif ġej.

—

It-Taqsima II tippreżenta l-kunċett ta’ “faċilità li hija l-ewwel tat-tip tagħha” fl-UE, b’mod partikolari kif din l-innovazzjoni unika jenħtieġ li tintwera għall-fini tal-Att dwar iċ-Ċipep (jiġifieri, kif għandha tiġi rikonoxxuta bħala IPF jew OEF). It-Taqsima II tagħti dettalji wkoll dwar il-benefiċċji u s-sinerġiji mal-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, kif ukoll x’jirrikjedi l-Att dwar iċ-Ċipep ladarba jkun inkiseb l-istatus ta’ IPF jew OEF.

—

It-Taqsima III tipprovdi gwida prattika għall-kumpaniji dwar kif japplikaw għall-istatus ta’ IPF jew OEF, u kif il-Kummissjoni tivvaluta dawn l-applikazzjonijiet. B’mod partikolari, it-Taqsima III tidentifika l-passi ewlenin fil-proċess tal-applikazzjoni u tispeċifika kif l-applikanti għandhom jippreżentaw il-formola ta’ applikazzjoni, id-dokumenti ta’ sostenn u l-impenji.

—

It-Taqsima IV fiha lista ta’ kontroll għall-kumpaniji li tistabbilixxi l-aspetti importanti kollha li għandhom jiġu kkunsidrati fit-tħejjija tal-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll xi linji gwida tekniċi dwar kif għandhom jintużaw is-sistemi ta’ applikazzjoni tal-IT “Futurium” u “S-CIRCABC”.

II.   Faċilitajiet “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom”

1.   Definizzjoni ta’ “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom”

Kif diġà ssemma, il-faċilitajiet “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom” jistgħu japplikaw biex jiksbu l-istatus ta’ “faċilità ta’ produzzjoni integrata” jew “fonderija miftuħa tal-UE” . L-Artikolu 2(11) tal-Att dwar iċ-Ċipep jiddefinixxi “l-ewwel tat-tip tagħha” bħala “ faċilità ġdida jew sostanzjalment modernizzata ta’ manifattura  (4) ta’ semikondutturi, jew faċilità għall-produzzjoni ta’ tagħmir, jew komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura ta’ semikondutturi, li tipprovdi innovazzjoni fir-rigward tal-proċess ta’ manifattura jew ta’ prodott finali li tkun għadha ma teżistix b’mod konkret jew għadha mhix prevista li tinbena fl-Unjoni, inkluż l-innovazzjoni li tikkonċerna t-titjib fil-qawwa komputazzjonali jew fil-livell ta’ sigurtà, sikurezza jew affidabbiltà, prestazzjoni enerġetika u ambjentali, in-nodu tat-teknoloġija jew materjali sottostrati, jew fl-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza, jew itejbu r-riċiklabbiltà, jew inaqqsu l-inputs tal-produzzjoni ”.

Biex titqies bħala “l-ewwel tat-tip tagħha”, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk faċilità toffrix dimensjoni ta’ innovazzjoni li għadha mhijiex preżenti fl-UE. Il-fattur kwalifikanti biex tkun faċilità li hija “l-ewwel tat-tip tagħha” huwa li jingħata element innovattiv lis-suq intern fir-rigward tal-proċessi ta’ manifattura jew tal-prodott finali (5), li jista’ jkun ibbażat fuq nodi tat-teknoloġija ġodda jew eżistenti. L-elementi innovattivi rilevanti jistgħu jkunu relatati man-nodu tat-teknoloġija jew tal-materjal tas-sottostrat, jew approċċi li jwasslu għal titjib fil-qawwa komputazzjonali jew f’attributi tal-prestazzjoni oħrajn, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-livell ta’ sigurtà, sikurezza jew affidabbiltà, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda, bħall-kapaċità tal-memorja. L-integrazzjoni ta’ proċessi differenti li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza u l-awtomazzjoni tal-inkapsulament u l-assemblaġġ huma wkoll eżempji ta’ innovazzjoni. Fir-rigward tal-kisbiet ambjentali, l-elementi tal-innovazzjoni jistgħu jinkludu t-tnaqqis tal-ammont ta’ enerġija, ilma jew sustanzi kimiċi użati, jew riċiklabbiltà mtejba. Sors ta’ referenza xieraq għall-identifikazzjoni tal-oqsma fejn tista’ sseħħ tali innovazzjoni huwa l-Pjan Direzzjonali Internazzjonali għall-Apparat u s-Sistemi (IRDS, International Roadmap for Devices and Systems) tal-IEEE, li jidentifika x-xejriet teknoloġiċi ewlenin relatati mal-apparati, is-sistemi, u t-teknoloġiji relatati kollha (6).

Skont id-definizzjoni, il-faċilità tal-manifattura mhux biss għandha tkun innovattiva, iżda għandu jkollha wkoll kapaċità ta’ innovazzjoni li għadha mhijiex sostanzjalment preżenti jew ippjanata li tinbena fl-UE. Dan ifisser li faċilità tal-manifattura li kapaċi tipproduċi prodott, proċess jew prestazzjoni komparabbli fuq skala industrijali ma għandhiex tkun diġà teżisti jew tkun qed tiġi stabbilita fl-UE bħalissa. Min-naħa l-oħra, jekk tali innovazzjoni kienet diġà tintuża fir-R&Ż jew fil-produzzjoni fuq skala żgħira fl-UE, dan mhux neċessarjament jeskludi produzzjoni tal-massa ġdida li tikkwalifika bħala “l-ewwel tat-tip tagħha”. Pereżempju, faċilità tal-manifattura li tippjana li tuża materjal tas-sottostrat ġdid tista’ tikkwalifika bħala “l-ewwel tat-tip tagħha” fl-UE, minkejja li dan il-materjal tas-sottostrat jiġi ttestjat f’linja pilota fi Stat Membru. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li mhuwiex eskluż li diversi proġetti paralleli jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala “l-ewwel tat-tip tagħhom” jekk l-ebda wieħed minnhom ma jeskludi attivitajiet privati eżistenti jew ippjanati u jekk ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ kapaċità żejda (7). Kemm l-installazzjoni ta’ faċilità ġdida kif ukoll ta’ faċilità aġġornata b’mod sostanzjali jistgħu jwasslu għal kwalifika bħala faċilità li hija “l-ewwel tat-tip tagħha”.

2.   Definizzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata u fonderija miftuħa tal-UE

Biex jitħeġġeġ l-investiment f’kapaċità ta’ produzzjoni ġdida, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li din tkun ta’ benefiċċju għall-UE kollha kemm hi, fil-Kapitolu III l-Att dwar iċ-Ċipep jistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni ta’ żewġ tipi ta’ faċilitajiet “li huma l-ewwel tat-tip tagħhom” . Dawn iż-żewġ tipi jirriflettu ż-żewġ mudelli kummerċjali komuni tal-faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi fix-xenarju tal-industrija tas-semikondutturi tal-lum u huma speċifikati fl-Artikoli 13 u 14 tal-Att dwar iċ-Ċipep.

—

Skont l-Artikolu 13(1) tal-Att dwar iċ-Ċipep, “ il-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata għandhom ikunu faċilitajiet li huma l-ewwel tat-tip tagħhom għall-manifattura tas-semikondutturi, u, fejn rilevanti, inkluż id-disinn jew il-produzzjoni ta’ tagħmir jew komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura tas-semikondutturi fl-Unjoni, li jistgħu jintegraw passi oħra tal-katina tal-provvista, u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni u barra minn hekk huma jistgħu, fejn rilevanti, jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista globali tas-semikondutturi. ” Fi kliem ieħor, l-IPFs huma faċilitajiet ta’ manifattura ta’ semikondutturi integrati vertikalment, li huma involuti fil-manifattura front-end (8), fil-produzzjoni ta’ tagħmir jew ta’ komponenti ewlenin għal tali tagħmir użat b’mod predominanti fil-manifattura ta’ semikondutturi fl-UE kif ukoll fid-disinn ta’ ċirkwiti integrati jew il-provvista ta’ servizzi back-end (9), jew it-tnejn.

—

Skont l-Artikolu 14(1) tal-Att dwar iċ-Ċipep, “ Il- Fonderiji miftuħa tal-UE għandhom faċilitajiet għall-manifattura tas-semikondutturi li huma l-ewwel tat-tip tagħhom fl-Unjoni li joffru kapaċità ta’ produzzjoni lil impriżi mhux relatati u b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista għas-suq intern u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Unjoni u, barra minn hekk huma jistgħu, fejn rilevanti, jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-katina tal-provvista globali tas-semikondutturi. ” Għalhekk, l-OEFs huma faċilitajiet ta’ manifattura ta’ semikondutturi li jiddedikaw tal-inqas parti mill-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom għall-produzzjoni ta’ ċipep skont id-disinn ta’ kumpaniji oħra, b’mod partikolari kumpaniji fabless.

3.   Il-benefiċċji tal-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata u ta’ fonderija miftuħa tal-UE

Il-fatt li wieħed jirċievi l-istatus ta’ IPF jew OEF jinvolvi diversi benefiċċji għall-kumpaniji.

(a)

L-ewwel nett, l-Att dwar iċ-Ċipep jipprevedi approċċ simplifikat għall-applikazzjonijiet amministrattivi. Dawn id-dispożizzjonijiet huma mfassla biex jindirizzaw l-ostakli tipiċi għall-implimentazzjoni ta’ faċilitajiet tal-manifattura tas-semikondutturi fuq skala kbira, fir-rigward taż-żmien estensiv meħtieġ biex il-proġetti jiksbu permessi amministrattivi u proċessi kumplessi u frammentati għall-għoti tal-permessi. Skont l-Artikolu 18, il-proġetti li jkunu kisbu l-istatus jistgħu jibbenefikaw mill-aċċellerazzjoni tal-applikazzjonijiet amministrattivi, bħall-valutazzjonijiet ambjentali u l-ippjanar spazjali. Fejn diġà jeżistu skont il-liġi amministrattiva nazzjonali, dawn jistgħu jiġu allokati status ta’ prijorità.

Barra minn hekk, l-Att dwar iċ-Ċipep jiddikjara li s-sigurtà tal-provvista tas-semikondutturi tista’ titqies bħala raġuni imperattiva għall-preċedenza tal-interess pubbliku skont it-tifsira tal-Artikoli 6(4) u 16(1)(c) tad-Direttiva 92/43/KEE (10) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) u l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE (11) (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma). F’ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn id-direttivi jippermettu li l-proġetti jiġu implimentati minkejja li jkunu rċevew valutazzjoni ambjentali negattiva jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet u jkun hemm raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku prevalenti. Din id-dispożizzjoni fl-Att dwar iċ-Ċipep tiċċara li l-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-IPF u l-OEF jistgħu jitqiesu bħala ta’ interess pubbliku prevalenti f’ċirkostanzi bħal dawn.

Skont l-Artikolu 18(4), sabiex jippermettu l-applikazzjonijiet u jtejbu l-koordinazzjoni tal-proċess amministrattiv, l-Istati Membri jistgħu jużaw approċċ ta’ “punt uniku ta’ servizz”, billi jaħtru awtorità responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-faċilitajiet. Kull awtorità maħtura tista’ taħtar koordinatur biex iservi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt għall-IPF jew l-OEF.

(b)

It-tieni, l-IPFs u l-OEFs jistgħu jirċievu aċċess prijoritarju għal-linji pilota stabbiliti bħala parti mill-“Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa” tal-Pilastru 1 tal-Att dwar iċ-Ċipep. Dan ifisser, pereżempju, li l-applikazzjoni tagħhom għall-użu tal-linji pilota tista’ tiġi aċċellerata u tirċievi trattament preferenzjali (iżda mingħajr ma jiġi eskluż jew evitat l-aċċess effettiv minn ħaddieħor).

(c)

It-tielet, l-għoti tal-istatus ta’ IPF jew OEF ifisser li faċilità hija “l-ewwel tat-tip tagħha” u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista fl-UE. B’mod separat, il-Kummissjoni tqis dan l-element fost oħrajn fi proċedura possibbli tal-għajnuna mill-Istat ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa” (12) f’każ li Stat Membru jipproponi li jappoġġa kwalunkwe faċilità bħal din permezz tal-għajnuna mill-Istat. Id-dimensjonijiet ta’ “l-ewwel tat-tip tagħha” tar-Regolament (UE) 2023/1781 dwar l-Att dwar iċ-Ċipep u l-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat huma marbuta mill-qrib. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza appoġġ pubbliku għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet li huma “l-ewwel tat-tip tagħhom” fl-UE skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Dan l-approċċ jikkomplementa l-linji gwida għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI, Important Projects of Common European Interest) li huma bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, li huma maħsuba biex jappoġġaw proġetti multinazzjonali tar-R&I sal-ewwel implimentazzjoni industrijali f’oqsma ta’ interess komuni, u b’hekk jappoġġaw stadju differenti taċ-ċiklu tal-innovazzjoni. Għalkemm il-formulazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1781 dwar l-Att dwar iċ-Ċipep hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, is-servizzi tal-Kummissjoni se jqisu r-rikonoxximent tad-dimensjoni “l-ewwel tat-tip tagħha” għall-proġetti taħt il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

A.   Sinerġiji mal-għajnuna mill-Istat u differenzi

Jista’ jkun il-każ li Stat Membru jipproponi li jappoġġa proġett li japplika għall-istatus ta’ IPF jew OEF anke b’għajnuna mill-Istat. Huwa importanti li jiġi enfasizzat il-punt li l-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew ta’ OEF hija proċedura separata mill-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Dawn iż-żewġ proċeduri jistgħu għalhekk jeħtieġu tipi differenti ta’ informazzjoni.

Il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF hija maħsuba biex tiżgura li l-faċilità tal-kumpanija applikanti tissodisfa d-definizzjoni u l-kundizzjonijiet relatati jew tal-Artikolu 13 jew tal-Artikolu 14 tal-Att dwar iċ-Ċipep u trid issir mill-kumpanija applikanti. Min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-għajnuna mill-Istat tinbeda permezz tan-notifika ta’ Stat Membru u tinvolvi evalwazzjoni ġuridika u ekonomika usa’ tal-miżura ta’ appoġġ pubbliku li hija intiża li tingħata lill-kumpannija rikorrenti. Barra minn hekk, il-valutazzjoni titwettaq abbażi ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE sabiex jiġi żgurat li l-miżura tkun ta’ benefiċċju għall-attività ekonomika li hija tfittex li tiffaċilita u ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

Jekk ikun previst appoġġ pubbliku permezz tal-għajnuna mill-Istat, il-kumpaniji li jixtiequ japplikaw għall-istatus ta’ IPF u ta’ OEF u l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) huma mistiedna jinnotifikaw simultanjament lill-Kummissjoni dwar il-bidu ta’ dawn iż-żewġ proċessi.

Bl-istess mod, meta l-proċedura tal-għajnuna mill-Istat tkun diġà bdiet jew tkun ġiet konkluża, l-applikanti għall-istatus ta’ IPF u OEF huma mħeġġa jippreżentaw l-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF malajr kemm jista’ jkun u jindikaw ir-referenza rilevanti għall-għajnuna mill-Istat fil-formola ta’ applikazzjoni. Meta l-applikanti għall-istatus ta’ IPF jew OEF ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-Istat Membru notifikanti fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat u jkollhom id-drittijiet legali li jużaw tali dokumenti, is-servizzi tal-Kummissjoni jistiednu lil dawn il-kumpaniji jużaw mill-ġdid tali dokumenti u deskrizzjonijiet ta’ sostenn fl-applikazzjoni separata għall-istatus ta’ IPF u OEF (jekk jogħġbok ara wkoll it-Taqsima III.2). Bl-istess mod, l-applikanti għall-istatus ta’ IPF jew OEF jistgħu, bi qbil mal-Istat Membru u permezz tiegħu fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, jużaw mill-ġdid, sa fejn ikun possibbli, id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF ukoll għall-proċedura tal-għajnuna mill-Istat. Fejn possibbli, fil-fatt, dawn iż-żewġ proċeduri u l-valutazzjonijiet rispettivi jitwettqu b’mod parallel. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni se jkunu f’kuntatt mill-qrib ma’ xulxin biex jikkoordinaw bl-aħjar mod fir-rigward tal-konformità mal-kriterji għal IPF u OEF rispettivament, biex jaċċelleraw it-teħid tad-deċiżjonijiet u jevitaw li joħolqu aktar piż għall-applikanti. Is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni se jippruvaw ukoll joħorġu deċiżjonijiet simultanji, iżda l-perjodu ta’ żmien se jiddependi fuq il-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta kemm mill-applikant kif ukoll mill-Istat(i) Membru/i, u l-merti ta’ kull każ individwali taħt rieżami.

B.   Fażi ta’ qabel l-applikazzjoni

L-esperjenza tal-Kummissjoni fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat turi l-valur miżjud tal-kuntatti ta’ qabel in-notifika (13), li jippermettu lis-servizz tal-Kummissjoni u lill-Istat Membru notifikanti (14) jiddiskutu l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ proġett propost b’mod informali u kunfidenzjali qabel in-notifika, u b’hekk itejbu l-kwalità u l-kompletezza tan-notifiki. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru u s-servizz tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jiżviluppaw b’mod konġunt proposti kostruttivi biex jindirizzaw aspetti problematiċi ta’ miżura ppjanata. Din il-fażi tipprovdi opportunità biex jitħaffef it-trattament tan-notifiki ladarba jkunu ġew ippreżentati formalment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu applikati wkoll, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF fil-forma ta’ “fażi ta’ qabel l-applikazzjoni”.

Il-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni hija opportunità għall-applikant biex jiddiskuti mal-Kummissjoni u jirċievi gwida dwar kif jiżgura li jippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa. Fażi produttiva ta’ qabel l-applikazzjoni se ttejjeb ukoll il-fehim ta’ kwalunkwe kwistjoni sostantiva mqajma minn proġett ippjanat. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni mhijiex obbligatorja. Il-kumpaniji jistgħu jkunu jixtiequ jikkunsidraw fażi ta’ qabel l-applikazzjoni speċjalment jekk il-proġetti tagħhom jinvolvu elementi partikolari jew karatteristiċi speċifiċi li jagħmlu d-diskussjonijiet informali minn qabel mas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ għajnuna.

Sabiex tkun tista’ ssir fażi kostruttiva u effiċjenti ta’ qabel l-applikazzjoni, huwa fl-interess tal-applikant li jipprovdi lis-servizz tal-Kummissjoni bl-informazzjoni li se jkollu bżonn sabiex jivvaluta l-proġett ippjanat, bl-użu ta’ abbozz ta’ formola ta’ applikazzjoni. Biex jiġi ffaċilitat it-trattament rapidu tal-applikazzjoni, il-kuntatti ta’ qabel l-applikazzjoni (bħal emails, konferenzi telefoniċi, eċċ.) huma fil-prinċipju preferibbli għal-laqgħat.

Il-kuntatti ta’ qabel l-applikazzjoni ma għandhomx idumu aktar minn xahrejn, jitwettqu b’kunfidenzjalità stretta biex jipprovdu gwida mhux vinkolanti u informali tas-servizz tal-Kummissjoni bl-għan li wara jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ applikazzjoni formali.

Il-Kummissjoni għalhekk mhi se tipprovdi l-ebda valutazzjoni formali jew uffiċjali f’dan l-istadju. B’mod partikolari, il-kumpaniji mhumiex mistennija jimpenjaw ruħhom li jissodisfaw xi wieħed mill-obbligi marbuta mal-istatus ta’ IPF u OEF.

4.   Obbligi li jirriżultaw mill-istatus ta’ IPF u OEF

Minbarra l-impenji meħuda sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-istatus ta’ IPF jew OEF (li l-implimentazzjoni effettiva tagħhom se tiġi mmonitorjata mill-Kummissjoni, ara t-Taqsima III għal aktar dettalji), l-impriżi li jiksbu l-istatus ta’ IPF jew OEF huma meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 26 tal-Att dwar iċ-Ċipep. Skont dan l-artikolu, “ fejn il-fażi ta’ kriżi jiġi attivat skont l-Artikolu 23, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni integrata u l-fonderiji miftuħa tal-UE jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi (ordni klassifikata bħala prijorità) ”.

Kemm l-attivazzjoni tal-fażi ta’ kriżi kif ukoll l-applikazzjoni ta’ ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, bħala miżuri “tal-aħħar istanza”, huma soġġetti għal kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi ħafna li jiżguraw li jkunu meħtieġa u proporzjonati.

A.   Fażi ta’ kriżi

Il-fażi ta’ kriżi tas-semikondutturi jenħtieġ li tiġi attivata jekk ikun hemm evidenza konkreta, serja u affidabbli ta’ tali kriżi. Kriżi tas-semikondutturi sseħħ fejn ikun hemm tfixkil serju fil-provvista tas-semikondutturi jew ostakli serji għall-kummerċ fis-semikondutturi fl-Unjoni li jikkawżaw nuqqasijiet sinifikanti ta’ semikondutturi, prodotti intermedji jew materja prima jew ipproċessata, u tali nuqqasijiet sinifikanti jipprevjenu l-provvista, it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ prodotti essenzjali użati minn setturi kritiċi (15)(pereżempju tagħmir mediku u dijanjostiku) sal-punt li dan ikollu effetti detrimentali serji fuq il-funzjonament tas-setturi kritiċi minħabba l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, l-ekonomija u s-sigurtà tal-Unjoni. Il-kriżi tiġi rikonoxxuta bħala tali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Jekk jinbeda stadju ta’ kriżi u jekk ikun meħtieġ biex tiġi indirizzata kriżi tas-semikondutturi fl-UE, il-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment tkun tista’ tieħu ċerti miżuri ta’ emerġenza li jinsabu f’sett ta’ għodod ta’ emerġenza stabbilit fl-Att dwar iċ-Ċipep. L-eżekuzzjoni ta’ kull miżura sseħħ wara djalogu mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi (16) u se ssir biss sal-punt li jkun meħtieġ, xieraq u proporzjonat, f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-UE.

Is-sett ta’ għodod ta’ emerġenza jikkonsisti f’diversi għodod:

—

talbiet għal informazzjoni (l-Artikolu 25): sabiex jiżdied il-fehim tat-tfixkil fil-katina tal-provvista u biex it-teħid tad-deċiżjonijiet b’reazzjoni għal kriżi jkun possibbli, l-Att dwar iċ-Ċipep jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tniedi talbiet obbligatorji għal informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet, u t-tfixkil primarju attwali, u għal data eżistenti oħra meħtieġa biex tiġi vvalutata n-natura tal-kriżi jew biex jiġu identifikati u vvalutati l-miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni jew ta’ emerġenza li għandhom jiġu stabbiliti,

—

ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità (l-Artikolu 26): ara l-punt B hawn taħt,

—

xiri komuni (l-Artikolu 27): bħala strument addizzjonali biex tiġi żgurata l-allokazzjoni tar-riżorsi għall-oqsma ta’ prijorità, l-Att dwar iċ-Ċipep jipprevedi qafas għax-xiri komuni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet.

Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jista’ jagħti pariri dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri protettivi skont ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) (eż. awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni).

B.   Ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità

Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ strumenti disponibbli biex tiġi żgurata l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi fl-UE matul nuqqas għal setturi kritiċi partikolarment vulnerabbli, l-Att dwar iċ-Ċipep jipprevedi obbligu ta’ klassifikazzjoni ta’ prijorità għall-IPFs u l-OEFs. Dan l-obbligu kklassifikat bħala prijorità jinvolvi obbligu infurzabbli li jiġi aċċettat u jipprijoratizza ordni għal prodotti rilevanti għall-kriżijiet.

Fejn applikabbli, dan l-obbligu jista’ jiġi impost fuq impriżi oħra tas-semikondutturi li jkunu aċċettaw tali possibbiltà fil-kuntest li jirċievu appoġġ pubbliku. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(3), impriża tas-semikondutturi stabbilita fl-UE hija meħtieġa tinforma lill-Kummissjoni jekk issir soġġetta għal miżura ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità ta’ pajjiż terz.. Jekk dak l-obbligu jkollu impatt sinifikanti fuq l-operat ta’ ċerti setturi kritiċi, il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ u proporzjonat, tirrikjedi li dik l-impriża taċċetta u tipprijoritizza ordnijiet għal prodotti rilevanti għall-kriżijiet.

L-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità għandhom ikunu ristretti għall-benefiċjarji li jużaw semikondutturi f’setturi kritiċi u għal impriżi li jfornu setturi kritiċi li l-attivitajiet tagħhom huma mfixkla jew f’riskju ta’ tfixkil u li, ladarba jkunu ħadu miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju, ma jkunux jistgħu jipprevjenu jew itaffu l-impatt tan-nuqqas. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil benefiċjarju biex jagħti prova ta’ dan permezz ta’ evidenza xierqa.

Dan l-obbligu jista’ jiġi ppromulgat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-kumpanija individwali, wara valutazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u biss jekk ikun meħtieġ u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet leġittimi tal-impriża u l-kost u l-isforz meħtieġa għal kwalunkwe bidla fis-sekwenza tal-produzzjoni. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tispeċifika l-prodott, il-kwantità u l-limitu ta’ żmien. Kull ordni bħal din għandha titqiegħed bi prezz ġust u raġonevoli. Kumpaniji li jissodisfaw ordni kklassifikata bħala prijorità min-naħa tagħhom jirċievu protezzjoni tar-responsabbiltà għal kwalunkwe ksur tal-obbligi kuntrattwali meħtieġa biex jikkonformaw ma’ tali ordni. Il-Kummissjoni se tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi aktar arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità (l-Artikolu 26(8)).

L-Artikolu 26(6) tal-Att dwar iċ-Ċipep jistabbilixxi li “qabel ma toħroġ ordnijiet klassifikati bħala prijorità […], il-Kummissjoni għandha tagħti lir-riċevitur ta’ ordni kklassifikata bħala prijorità l-opportunità li jinstema’ dwar il-fattibbiltà u d-dettalji tal-ordni. Il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ l-ordni kklassifikata bħala prijorità meta:

(a)

l-impriża ma tkunx tista’ twettaq l-ordni klassifikata bħala prijorità minħabba nuqqas ta’ kapaċità potenzjali ta’ produzzjoni jew kapaċità potenzjali, jew abbażi ta’ raġunijiet tekniċi, anke jekk l-ordni tingħata trattament preferenzjali;

(b)

l-aċċettazzjoni tal-ordni tpoġġi piż irraġonevoli u tinvolvi diffikultà partikolari għall-impriża, inkluż riskji sostanzjali relatati mal-kontinwità tal-operat”.

Ladarba l-applikant ikun kiseb l-istatus ta’ IPF jew OEF, se jkun legalment meħtieġ li jirrispetta d-dispożizzjonijiet relatati mal-prijoritizzazzjoni tal-ordnijiet fi żmien ta’ kriżi skont l-Att dwar iċ-Ċipep. Il-Kummissjoni se titlob lill-kumpaniji biex jirrikonoxxu b’mod espliċitu dan l-impenn matul il-proċedura ta’ applikazzjoni.

III.   Applikazzjoni għall-istatus bħala faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE

It-Taqsima li ġejja fiha sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet (skont l-Artikolu 15 tal-Att dwar iċ-Ċipep) li jiggwidaw lill-applikanti dwar il-proċess tal-applikazzjoni, id-dokumenti meħtieġa u l-format xieraq, li jikkomplementaw il-formola ta’ applikazzjoni u l-lista ta’ kontroll fit-Taqsima IV

Din il-Gwida tibbaża fuq l-esperjenza li qed tevolvi tas-servizzi tal-Kummissjoni b’applikazzjonijiet għall-istatus ta’ IPF jew ta’ OEF skont l-Att dwar iċ-Ċipep. Il-Gwida tqis il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi din il-Gwida fid-dawl tal-iżviluppi futuri u tal-għarfien li qed jevolvi.

L-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ IPF jew OEF hija mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċipep li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tittratta kwalunkwe informazzjoni li tista’ tikseb f’applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala IPF jew OEF bl-akbar kunfidenzjalità u li tuża tali informazzjoni, li hija koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE, kif ukoll regoli interni tal-Kummissjoni dwar it-trattament sigur tad-data (b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (18)), għall-finijiet tal-Att dwar iċ-Ċipep biss.

1.   Min jista’ japplika biex jikseb l-istatus ta’ IPF u OEF?

Skont l-Artikolu 15(1) tal-Att dwar iċ-Ċipep, “ [k]walunkwe impriża jew kwalunkwe konsorzju ta’ impriżi jista’ jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jagħti lil proġett l-istatus ta’ faċilità ta’ produzzjoni integrata jew fonderija miftuħa tal-UE”. Madankollu, jeħtieġ li jiġu ssodisfati xi kriterji sabiex jingħata l-istatus (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 2).

2.   X’inhuma r-rekwiżiti kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjoni?

Meta tivvaluta l-applikazzjoni, il-Kummissjoni tivverifika jekk sett ta’ rekwiżiti u dokumenti ġewx issodisfati u ppreżentati, kif elenkat hawn taħt.

Jekk jogħġbok innota li d-dokumenti pprovduti fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat huma utli wkoll għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ IPF jew OEF. L-applikanti għall-istatus ta’ IPF u OEF, u li diġà huma involuti fi jew li temmew proċedura tal-għajnuna mill-Istat, huma mħeġġa jipprovdu r-referenza rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat fil-formola ta’ applikazzjoni. Meta l-applikanti għall-istatus ta’ IPF jew OEF ikollhom fil-pussess tagħhom id-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-Istat Membru notifikanti fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat u jkollhom id-drittijiet legali li jużaw tali dokumenti, is-servizzi tal-Kummissjoni jistiednu lil dawn il-kumpaniji jużaw mill-ġdid tali dokumenti u deskrizzjonijiet ta’ sostenn fl-applikazzjoni separata għall-istatus ta’ IPF u OEF. Alternattivament, il-kumpaniji applikanti jistgħu jipprovdu wkoll l-awtorizzazzjoni mill-Istat Membru notifikanti li ċerti dokumenti ppreżentati fil-kuntest tan-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jintużaw ukoll għall-proċess tal-applikazzjoni. Kwalunkwe dokument identifikat speċifikament bħal dan ma għandux għalfejn jerġa’ jiġi ppreżentat. Bl-istess mod, l-applikanti għall-istatus ta’ IPF jew OEF jistgħu, bi qbil mal-Istat Membru u permezz tiegħu fil-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, jużaw mill-ġdid, sa fejn ikun possibbli, id-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF ukoll għall-proċedura tal-għajnuna mill-Istat. Ta’ min jinnota li dan huwa validu għall-kriterji kollha vvalutati fl-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF sakemm id-dokumenti u d-deskrizzjonijiet użati għall-proċedura tal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jintużaw biex jagħtu prova tal-konformità mal-kriterji u mar-rekwiżiti deskritti hawn taħt. Jekk dan ma jkunx il-każ, iridu jiġu pprovduti dokumenti u mezzi ta’ prova ġodda, jew ikollhom jiġu pprovduti s-supplimenti xierqa.

A.   Natura li hija l-ewwel tat-tip tagħha

Il-Kummissjoni l-ewwel tqis in-natura ta’ faċilità “l-ewwel tat-tip tagħha” (il-punt 1 tal-formola ta’ applikazzjoni), kif meħtieġ mill-Artikolu 13(2) jew mill-Artikolu 14(2) tal-Att dwar iċ-Ċipep.

L-applikant huwa mitlub jiddeskrivi l-proġett skont id-definizzjoni ta’ “l-ewwel tat-tip tagħha”. Jekk deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li tirrikonoxxi n-natura tal-faċilità bħala “l-ewwel tat-tip tagħha” tkun diġà ġiet innotifikata, dak ir-rikonoxximent jiġi preżunt ukoll għall-proċedura skont l-Att dwar iċ-Ċipep. B’mod partikolari, l-applikant għandu jispeċifika l-element(i) tal-innovazzjoni li l-proċess tal-manifattura jew il-prodott finali tal-faċilità tiegħu jġib fis-suq intern, li għadu mhux preżenti jew impenjat li jinbena fl-UE. L-applikant għandu jiċċara kif il-proġett tiegħu huwa differenti mill-faċilitajiet eżistenti u – sa fejn jaf – il-proġetti ppjanati (bl-appoġġ pubbliku jew mingħajru) fl-UE.

L-applikant għandu jipprovdi evidenza minn sorsi pubbliċi jew għarfien tas-suq dwar kwalunkwe faċilità eżistenti jew ippjanata li tuża teknoloġiji simili u jispjega fid-dettall kif dawn ivarjaw minn dawk tal-faċilità li tapplika.

L-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 5 000 karattru (bejn wieħed u ieħor tliet paġni). Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jittellgħu fil-folder “01-First-of-a-kind” f’ S-CIRCABC .

Id-dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti biex tintwera n-natura ta’ faċilita ta’ “l-ewwel tat-tip” jinkludu studji tas-suq u rapporti dwar in-negozju u l-prodotti tal-faċilità, dokumentazzjoni interna tal-proġetti u/jew dokumenti użati mill-bord għat-teħid ta’ deċiżjonijiet interni. Ara wkoll it-taqsima II ta’ din il-Gwida.

B.   Impenn ta’ konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(3) jew fl-Artikolu 14(3) tal-Att dwar iċ-Ċipep.

It-tieni, il-Kummissjoni titlob lill-applikant, fil-punt 2 tal-formola ta’ applikazzjoni, biex jimpenja ruħu li jikkonforma mal-kriterji ta’ IPF jew ta’ OEF, kif stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 13(3) jew fl-Artikolu 14(3) tal-Att dwar iċ-Ċipep. Il-kriterji huma dawn li ġejjin:

(a)

impatt pożittiv (il-punt 2.1 tal-formola ta’ applikazzjoni mehmuża): l-impriża jeħtieġ li turi li l-istabbiliment tagħha se jkollu impatt pożittiv ċar (b’effetti kollaterali lil hinn mill-impriża jew l-Istat Membru kkonċernat) fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-UE fuq terminu medju sa twil, bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-ekosistema tas-semikondutturi (inkluż it-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs) u li jsir kontribut għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE.

L-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 5 000 karattru (bejn wieħed u ieħor tliet paġni).

L-effetti kollaterali possibbli se jiġu kkunsidrati fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-Premessa 34 tal-Att dwar iċ-Ċipep tiddeskrivi diversi azzjonijiet biex jinħoloq impatt pożittiv li jista’ jitqies mill-applikant għall-fini li l-faċilità tiegħu tikkwalifika bħala IPF jew OEF. Eżempji ta’ dan jinkludu:

—

l-għoti ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ manifattura bi ħlas tas-suq;

—

l-għoti ta’ kits tal-proċess tad-disinn lil kumpaniji iżgħar tad-disinn jew lill-pjattaforma tad-disinn virtwali (l-Artikolu 5 tal-Att dwar iċ-Ċipep);

—

id-disseminazzjoni tar-riżultati mill-attivitajiet tagħhom ta’ R

—

l-involviment f’kollaborazzjoni ta’ riċerka ma’ universitajiet u istituti ta’ riċerka Ewropej;

—

il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet;

—

il-kontribut għal proġetti ta’ riċerka fl-Unjoni kollha;

—

jew l-offerta ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ dedikati għal negozji ġodda u SMEs.

L-impatt fuq diversi Stati Membri, inkluż fir-rigward tal-objettivi ta’ koeżjoni, jenħtieġ li jitqies bħala wieħed mill-indikaturi ta’ impatt pożittiv ċar ta’ IPF jew OEF fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi fl-UE.

Għal fonderiji miftuħa tal-UE biss  (19): il-Kummissjoni se tqis il-punt sa fejn l-applikant joffri kapaċità ta’ produzzjoni front-end u/jew back-end lil impriżi li mhumiex relatati mal-faċilità, jekk ikun hemm domanda suffiċjenti.

(b)

Assigurazzjoni li ma jkunx soġġett għall-applikazzjoni ekstraterritorjali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi (il-punt 2.2 tal-formola ta’ applikazzjoni): l-applikant huwa mitlub jipprovdi assigurazzjoni li mhuwiex soġġett għall-applikazzjoni extraterritorjali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi li tista’ tikkomprometti l-kapaċità tiegħu li juża l-infrastruttura, is-software, is-servizzi, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-proprjetà intellettwali (PI) jew l-għarfien espert tiegħu meħtieġa biex jissodisfa l-obbligu dwar l-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità skont l-Att dwar iċ-Ċipep. Barra minn hekk, l-applikant jimpenja ruħu li jinforma lill-Kummissjoni jekk ikun hemm tali obbligu.

Jekk IPF jew OEF tista’ tistenna li tkun soġġetta għal obbligu ta’ servizz pubbliku minn pajjiż terz kif ukoll għal obbligu konfliġġenti mill-Kummissjoni, din tintalab torganizza u tagħmel sekwenza tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha b’tali mod li tiżgura li l-obbligi imposti mill-Kummissjoni jkunu jistgħu jiġu ssodisfati.

Tali assigurazzjoni tista’ pereżempju tingħata f’dikjarazzjoni bil-miktub u jkun jeħtieġ li tinkludi impenn li l-Kummissjoni tiġi infurmata jekk tinqala’ tali istanza.

Ta’ min jinnota li l-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 5 000 karattru (bejn wieħed u ieħor tliet paġni).

Il-prova li impriża mhijiex soġġetta għall-applikazzjoni extraterritorjali ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li tittella’ fil-folder “02-IPF-OEF compliance criteria” f’S-CIRCABC.

L-obbligi li jeħtieġ li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni huma kwalunkwe ordni oħra kklassifikata bħala prijorità aċċettata mill-impriża minn pajjiżi mhux tal-UE jew kwalunkwe obbligu impost fuq l-impriża permezz ta’ leġiżlazzjoni jew kuntratt biex jiġi pprovdut servizz pubbliku lil pajjiż mhux tal-UE li jista’ jikkomprometti jew ikun f’kunflitt mal-kapaċità tal-impriża li tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Att dwar iċ-Ċipep.

(c)

Investiment f’innovazzjoni kontinwa (il-punt 2.3 tal-formola ta’ applikazzjoni): l-impriża hija mitluba timpenja ruħha li tkompli l-innovazzjoni bil-ħsieb li tikseb avvanzi konkreti fit-teknoloġija tas-semikondutturi jew tħejji teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Ta’ min jinnota li l-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 5 000 karattru (bejn wieħed u ieħor tliet paġni).

Tali impenn jista’ jinvolvi, pereżempju, il-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pilastru 1 tal-Att dwar iċ-Ċipep billi jiġu pprovduti għarfien u ħiliet fit-tħejjija ta’ linji pilota, jiġu segwiti mill-qrib u jingħata kontribut għall-iżvilupp tagħhom. L-impenn jista’ jkun ukoll li tiġi installata faċilità ta’ qabel il-produzzjoni fil-faċilitajiet tagħhom, biex jittieħdu r-riżultati tal-isforz tal-linja pilota mil-laboratorju (eż., il-RTO) sal-fab. L-impenn jista’ jintwera billi jiġi ppjanat li jsir investiment f’nodi teknoloġiċi aktar avvanzati (eż., it-titjib fil-qawwa komputazzjonali u l-effiċjenza enerġetika), li tikkontribwixxi għall-preparazzjoni ta’ linji pilota jew li jkun hemm faċilitajiet ta’ qabel il-produzzjoni fuq il-post, eċċ. L-applikant għandu jispjega kif il-faċilità tiffoka fuq it-twassil tal-innovazzjoni fl-UE u l-kisba ta’ avvanzi konkreti fit-teknoloġija tas-semikondutturi u/jew it-tħejjija ta’ teknoloġiji u ċipep tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Huwa importanti li l-impriża turi kif qed tippjana li twettaq innovazzjoni kontinwa (pereżempju, billi ssemmi investimenti sena b’sena fir-R&Ż jew tistabbilixxi stadji importanti konkreti tul it-triq lejn it-tnedija ta’ ċipep u prodotti ġodda mill-aktar avvanzati). L-Att dwar iċ-Ċipep ma jimponix KPIs speċifiċi għall-kejl tal-innovazzjoni kontinwa, iżda l-impriża applikanti trid tuża metriċi ċari tal-innovazzjoni biex tiddistingwi l-innovazzjoni kontinwa min-negozju ta’ kuljum.

(d)

Intenzjoni li jsir investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet (il-punt 2.4 tal-formola ta’ applikazzjoni): l-applikant irid jispjega kif il-proġett tiegħu se jappoġġa b’mod konkret is-sensiela ta’ talent tal-UE billi jiżviluppa u juża taħriġ edukattiv u tal-ħiliet, u billi jżid il-ġabra ta’ ħaddiema kwalifikati u tas-sengħa.

Ta’ min jinnota li l-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 5 000 karattru (bejn wieħed u ieħor tliet paġni).

Il-materjal ta’ appoġġ għandu jittella’ fil-folder “02-IPF-OEF compliance criteria” f’S-CIRCABC.

L-applikant għandu jsemmi korsijiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-ħiliet biex jiżdied il-grupp ta’ ħaddiema kwalifikati u tas-sengħa fl-UE li ġew ippjanati. L-applikant għandu jiċċara d-distinzjoni bejn il-korsijiet ta’ taħriġ tal-forza tax-xogħol tas-soltu u l-attivitajiet maħsuba speċifikament biex jinkisbu impjegati li l-ħiliet tagħhom huma l-aktar xierqa għas-settur tas-semikondutturi tal-UE u meħtieġa fih.

Pereżempju, l-applikant jista’ jipprovdi aktar dettall dwar l-intenzjoni tiegħu li jaħdem ma’ università teknika biex iżid il-viżibbiltà tal-impjiegi fil-qasam tas-semikondutturi u l-interess tal-istudenti fihom. Bl-istess mod, l-applikant jista’ jsemmi sħubijiet ma’ esperti taċ-ċentri ta’ riċerka teknoloġika. L-applikant jista’ juri wkoll programmi ta’ on-boarding, sessjonijiet ta’ ħidma u taħriġ bl-għan li l-impjegati eżistenti jiġu mgħammra bil-ħiliet tal-futur. Pereżempju, id-domanda għal ħiliet diġitali u analitiċi tista’ tiżdied fir-rigward tal-inġinerija u l-manifattura. Fl-aħħar nett, jista’ jkun utli wkoll li jissemmew l-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-karriera għall-impjegati b’talent.

C.   Pjan ta’ direzzjoni tan-negozju (l-Artikolu 15(2)(b) tal-Att dwar iċ-Ċipep)

It-tielet, l-applikazzjoni għandha tippermetti lill-Kummissjoni tifhem il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-impriża li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja u teknika tal-faċilità (il-punt 3 tal-formola ta’ applikazzjoni). Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jrid ikopri l-ħajja kollha tal-faċilità, inkluża informazzjoni dwar kwalunkwe finanzjament pubbliku ppjanat li jiġi riċevut mill-gvern jew intrapriżi tal-istat ta’ Stat Membru tal-installazzjoni jew pajjiżi oħra (mhux) tal-UE.

Il-Kummissjoni ma tipprovdix gwida dwar xi format speċifiku għal dawn id-dokumenti. Il-kontenut ta’ tali dokumenti għandu jkun ċar u konċiż.

Jekk jogħġbok innota li l-ispjegazzjoni ma għandhiex tkun itwal minn 15 000 karattru (jiġifieri, sa 10 paġni).

Il-materjal ta’ sostenn għandu jittella’ fil-folder “03-Business plan” f’S-CIRCABC.

Kwalunkwe informazzjoni pprovduta hawnhekk se tintuża biss għall-finijiet tal-Att dwar iċ-Ċipep u hija koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 tat-TFUE, kif ukoll mir-regoli interni tal-Kummissjoni dwar it-trattament sigur tad-data, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443.

D.   Dokumentazzjoni tal-esperjenza tal-applikant (l-Artikolu 15(2)(c) tal-Att dwar iċ-Ċipep)

Ir-raba’, l-applikazzjoni għandha tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-esperjenza tal-applikant fl-installazzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet simili (ara l-punt 4 tal-formola ta’ applikazzjoni). Dan jista’ jintwera permezz tal-għoti ta’ rapport tal-attività għas-snin preċedenti jew deskrizzjoni tat-tim tal-proġett u l-esperjenza rilevanti rispettiva fil-ġestjoni ta’ proġetti simili u/jew fl-operat ta’ faċilitajiet simili. Jekk ma jkun hemm l-ebda rapport tal-attività disponibbli, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jinħoloq wieħed speċifikament għal din l-applikazzjoni u jiġi ċċertifikat minn rappreżentant legali.

Id-dokument imsemmi hawn fuq għandu jittella’ fil-folder “04-Proven experience” f’S-CIRCABC.

E.   Dokument li juri r-rieda tal-Istat(i) Membru/i li fit-territorju tagħhom se tinbena l-faċilità biex jiffaċilita/jiffaċilitaw l-istabbiliment tagħha (l-Artikolu 15(2)(d) tal-Att dwar iċ-Ċipep)

Il-ħames, l-applikazzjoni għandha tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-provvista ta’ dokument ta’ sostenn xieraq mill-applikant li juri r-rieda tal-Istat(i) Membru/i fejn l-applikant ikun beħsiebu jistabbilixxi l-faċilità tiegħu li jappoġġa/jappoġġaw l-istabbiliment ta’ tali faċilità (ara l-punt 5 tal-formola ta’ applikazzjoni).

Dan id-dokument jista’ jkun ittra mill-Istat Membru (eż., il-ministru rilevanti skont il-kompetenzi nazzjonali) jew deċiżjoni preliminari mill-Istat Membru biex jappoġġa (finanzjarjament, amministrattivament u/jew b’mod ieħor) l-istabbiliment tal-faċilità tal-applikant.

Mhuwiex biżżejjed li tiġi pprovduta intenzjoni astratta tal-Istat Membru li jappoġġa faċilitajiet simili għall-faċilità maħsuba. L-appoġġ tal-Istat Membru jista’, iżda mhux meħtieġ, jinvolvi sussidju monetarju.

Id-dokument għandu jittella’ fil-folder “05-Member State support” f’S-CIRCABC.

F.   L-eżistenza ta’ politiki u pjanijiet tal-PI (l-Artikolu 15(2)(e) tal-Att dwar iċ-Ċipep)

In-negozji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata huma dejjem aktar esposti għal miżapproprjazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali u data protetta bħall-PI, is-serq, l-ikkupjar mhux awtorizzat, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, l-ispjunaġġ industrijali, u l-ksur tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità – minn ġewwa u b’mod partikolari minn barra l-UE. L-iżviluppi reċenti (eż. żieda fl-esternalizzazzjoni, ktajjen tal-valur globali itwal u żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) żiedu dan ir-riskju. Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni kunfidenzjali, sigrieti kummerċjali u data protetta jikkompromettu l-kapaċità tal-impriżi li jiksbu redditi ta’ min jidħol l-ewwel mill-isforzi tagħhom relatati mal-innovazzjoni.

L-applikant jeħtieġlu (ara l-punt 6 tal-formola ta’ applikazzjoni) jagħti prova tal-eżistenza ta’ politiki xierqa, inklużi miżuri ta’ protezzjoni teknika u ta’ implimentazzjoni, immirati lejn:

(a)

l-iżgurar tal-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata;

(b)

l-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI, speċjalment bil-ħsieb li jiġi evitat l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ sigrieti kummerċjali jew it-tnixxija ta’ teknoloġiji emerġenti sensittivi.

L-applikant jista’ jippreżenta pereżempju politiki interni tal-kumpanija jew manwali tal-impjegati, kuntratti bejn is-sidien tal-PI u l-fornituri, bħal impjanti tal-manifattura, ċertifikazzjonijiet ta’ konformità jew kodiċijiet ta’ prattika tal-industrija, kemm jekk volontarji kif ukoll jekk obbligatorji.

Huwa preferibbli jekk il-politiki korporattivi eżistenti jinkitbu f’termini sempliċi, b’lingwaġġ ċar u konċiż b’miżuri definiti sew. Il-miżuri għandhom jindikaw b’mod ċar kif se jitwettqu l-istruzzjonijiet fil-politiki korporattivi biex jiġu protetti b’mod xieraq l-informazzjoni, id-data u d-drittijiet tal-PI.

Id-dokumenti li jagħtu prova tal-eżistenza tal-protezzjoni ta’ dawn iż-żewġ aspetti għandhom jittellgħu fil-folder “06-Protection of sensitive information” f’S-CIRCABC.

G.   Impenn biex jiġu prijoritizzati l-ordnijiet fi żmien ta’ kriżi (l-Artikolu 26 tal-Att dwar iċ-Ċipep)

Impriża li tkun kisbet l-istatus ta’ IPF jew ta’ OEF hija legalment meħtieġa tirrispetta d-dispożizzjonijiet relatati mal-prijoritizzazzjoni tal-ordnijiet fi żmien ta’ kriżi skont l-Att dwar iċ-Ċipep. Fl-okkażjoni tal-proċedura ta’ applikazzjoni, fil-punt 2.2 tal-formola ta’ applikazzjoni, il-kumpaniji huma mitluba jikkonfermaw b’mod espliċitu li huma rrikonoxxew dan l-impenn li jikkonformaw mal-obbligu li l-istatus ta’ IPF u OEF jinvolvi fir-rigward tal-ordnijiet ikklassifikati bħala prijorità, kif deskritt fl-Artikolu 26 tal-Att dwar iċ-Ċipep.

3.   X’inhi l-proċedura segwita mill-Kummissjoni biex tevalwa l-applikazzjonijiet?

F’konformità mal-Artikolu 15 tal-Att dwar iċ-Ċipep, il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni permezz ta’ proċess ġust u trasparenti bbażat fuq il-kriterji u l-eżempji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 2 u skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 15 tal-Att dwar iċ-Ċipep. Il-valutazzjoni hija maqsuma f’erba’ fażijiet, kif deskritt hawn taħt. Il-perjodu ta’ żmien indikat għal kull fażi jqis il-fatt li l-Kummissjoni trid tipproċessa applikazzjoni u tadotta deċiżjoni fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta. Applikazzjoni mhux kompluta tista’ – fi kwalunkwe stadju tal-proċedura – twassal għal dewmien fil-proċess tal-applikazzjoni.

A.   Il-wasla tal-applikazzjoni u l-valutazzjoni tal-ewwel livell (verifika tal-formola tal-web)

Permezz tal-pjattaforma Futurium, il-kumpaniji jistgħu juru l-interess tagħhom li japplikaw għall-istatus ta’ IPF jew OEF billi jimlew formola tal-web bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni tagħhom u deskrizzjoni qasira tal-faċilità u tal-proġett (ara l-Anness għal aktar dettalji). Hekk kif tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, l-applikant jirċievi messaġġ awtomatiku mill-pjattaforma Futurium u l-Kummissjoni tiġi nnotifikata.

Ladarba l-applikant ikun ġie nnotifikat, il-Kummissjoni tibda tivverifika li l-formola tal-web tkun imtliet kif suppost. F’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lill-kumpanija billi tuża l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut fil-formola tal-web biex titlob dettalji jew informazzjoni addizzjonali, jekk ikun meħtieġ.

Ladarba l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-identità u l-intenzjoni tal-applikant, l-applikant jiġi mistieden għal sottogrupp ta’ Futurium li jkun aċċessibbli biss għalihom u għall-Kummissjoni. F’dan is-sottogrupp, il-Kummissjoni tinnotifika lill-applikant u tikkondividi l-link għall-pjattaforma sigura S-CIRCABC, fejn l-applikant jista’ jkompli l-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF. F’S-CIRCABC, l-applikant huwa mitlub itella’ l-formola ta’ applikazzjoni mimlija u d-dokumenti ta’ sostenn relatati.

Ladarba l-applikant ikun tella’ d-dokumenti u l-provi kollha meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonferma lill-applikant permezz tas-sottogrupp ta’ Futurium li l-applikazzjoni tiegħu tlestiet u issa dieħla għat-tieni livell ta’ valutazzjoni.

Il-ħinijiet ta’ hawn taħt jingħataw bħala indikazzjoni u huma bbażati fuq stima taż-żmien meħtieġ biex tiġi vvalutata l-applikazzjoni f’kull stadju tal-proċedura.

—

Il-fażi tal-wasla u tal-valutazzjoni tal-ewwel livell għandha ddum ġimagħtejn.

B.   Valutazzjoni tat-tieni livell (kompletezza tal-applikazzjoni)

Il-Kummissjoni f’dan il-punt tivvaluta li d-dokumenti kollha huma inklużi u jistgħu jinqraw teknikament. Meta l-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni ma tkunx kompluta, hija titlob lill-applikant fis-sottogrupp ta’ Futurium biex jippreżenta l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex l-applikazzjoni timtela mingħajr dewmien żejjed.

—

Ladarba l-Kummissjoni tistma li l-applikazzjoni hija kompluta u li fiha d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha, fi żmien ġimagħtejn, hija tinnotifika lill-applikant permezz tas-sottogrupp ta’ Futurium bil-bidu tat-tielet u l-aħħar livell ta’ valutazzjoni.

C.   Valutazzjoni tat-tielet livell (konformità mal-kriterji għall-istatus ta’ IPF u OEF)

Il-valutazzjoni tat-tielet livell tqis il-konformità mal-kriterji għall-istatus ta’ IPF jew OEF u l-vijabbiltà tal-proġett, kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija 2.. Għal din tal-aħħar, il-Kummissjoni tivvaluta l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li jixhed il-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, id-dokumentazzjoni tal-esperjenza tal-applikant, u l-ittra jew id-dokument li juru lill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom se tinbena l-faċilità biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment tagħha. Din id-dokumentazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni timmira l-istatus lejn proġetti li għandhom prospett muri ta’ suċċess.

—

Il-valutazzjoni tat-tielet livell tista’ tieħu bejn 3 u 4 xhur mit-total ta’ 6 xhur, skont il-kumplessità tal-proġett ippreżentat u l-eżistenza ta’ valutazzjoni preċedenti tiegħu fil-kuntest tal-proċedura tal-għajnuna mill-Istat.

D.   Pariri u deċiżjoni tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi

Ladarba tkun lestiet il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi abbażi tal-informazzjoni mhux kunfidenzjali ppreżentata mill-applikant u f’konformità mal-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni użat mill-Kummissjoni u r-regoli kollha dwar il-kunfidenzjalità (jekk jogħġbok ara hawn taħt).

Filwaqt li tqis il-fehmiet tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, il-Kummissjoni tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha u tinnotifika lill-applikant b’deċiżjoni tal-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika. Id-Deċiżjoni aktar tard issir pubblika wkoll f’Futurium. Fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni, kwalunkwe referenza għal informazzjoni kunfidenzjali se titneħħa.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tindika l-istatus mogħti (IPF jew OEF) u t-tul ta’ żmien tal-istatus abbażi tal-ħajja prevista tal-proġett.

—

Id-deċiżjoni tinħareġ sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-wasla ta’ applikazzjoni kompluta (ara wkoll il-valutazzjoni tat-tieni livell).

Image 1

Illustrazzjoni 1

Proċess ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ IPF u OEF

4.   Ladarba jingħata l-istatus ta’ IPF jew OEF, il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġett?

Il-Kummissjoni tissorverlja l-progress miksub fl-istabbiliment u fl-operat tal-IPF jew tal-OEF. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi li l-impriża tipprovdi (kull sena jew bi frekwenza differenti, skont it-tul ta’ żmien totali tal-proġett) rapport li jagħti dettalji dwar il-progress tal-proġett u l-konformità kontinwa mal-kriterji u l-impenji essenzjali li abbażi tagħhom ingħata l-istatus ta’ IPF jew OEF. Il-Kummissjoni tinforma wkoll regolarment lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi permezz ta’ S-CIRCABC.

A.   Emendi għall-istatus

Emendi mitluba mill-operatur tal-faċilità

Meta jkun debitament ġustifikat, fil-każ ta’ ċirkostanzi esterni mhux previsti, l-operatur tal-faċilità li jkun kiseb l-istatus ta’ IPF jew OEF jista’ jippreżenta talba motivata lill-Kummissjoni (permezz tas-sottogrupp ta’ Futurium u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ provi mtellgħin f’S-CIRCABC) biex jirrieżamina d-durata tal-istatus jew biex jimmodifika l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti. Il-motivazzjoni u/jew iċ-ċirkostanzi esterni, jiġu vvalutati mill-Kummissjoni fuq bażi ta’ każ b’każ. Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi t-tul ta’ żmien tal-istatus mogħti fid-deċiżjoni oriġinali tagħha jew taċċetta l-modifika tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni.

Emendi mitluba mill-Kummissjoni

Jekk il-Kummissjoni ssib li faċilità ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ IPF jew OEF kif stabbilit mill-Artikoli 13 u 14 tal-Att dwar iċ-Ċipep, titlob lill-operatur jikkummenta u jipproponi miżuri xierqa.

B.   Tħassir tal-istatus

Il-Kummissjoni tista’ tħassar deċiżjoni li tirrikonoxxi l-istatus ta’ IPF jew OEF jekk ir-rikonoxximent kien ibbażat fuq applikazzjoni li jkun fiha informazzjoni skorretta jew jekk, minkejja t-tlestija tal-proċedura, il-faċilità ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex tingħata l-istatus. Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi, u tipprovdih bir-raġunijiet għat-tħassir propost.

L-operatur tal-faċilità għandu d-dritt li jappella kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar status. Il-faċilitajiet li l-istatus tagħhom tħassar jitilfu d-drittijiet kollha marbuta mar-rikonoxximent ta’ dan l-istatus li jirriżultaw mill-Att dwar iċ-Ċipep. Madankollu, skont l-Artikolu 15(8) tal-Att dwar iċ-Ċipep, tali faċilitajiet jibqgħu soġġetti għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tal-Att dwar iċ-Ċipep li jaċċettaw u jipprijoritizzaw ordni għal prodotti rilevanti għall-kriżijiet (ordni kklassifikata bħala prijorità) għal perjodu ekwivalenti għal dak li kien inizjalment previst meta ngħata jew ġie rieżaminat l-istatus, jekk jiġi attivat l-istadju ta’ kriżi.

5.   Kif taħdem il-preżentazzjoni elettronika tal-applikazzjoni?

L-applikanti għall-istatus ta’ IPF u OEF huma mitluba jippreżentaw dokumenti bħala fajls elettroniċi u preferibbilment b’mezzi elettroniċi. Il-kunsinni bl-idejn, li huma aċċettati biss f’każijiet eċċezzjonali, għandhom isiru fil-ħinijiet tal-ftuħ fl-indirizz speċifikat fil-paġna ta’ kuntatt f’Futurium.

Għar-rikonoxximent tal-proġett (ippjanat) tagħhom bħala IPF jew OEF, kumpaniji individwali jew konsorzju ta’ kumpaniji jistgħu japplikaw direttament mal-Kummissjoni permezz tal-pjattaforma komunitarja Futurium. Fuq Futurium, l-applikant għandu jimla formola tal-web b’informazzjoni ewlenija bħal:

—

l-isem tal-impriża u l-akronimu (jekk rilevanti);

—

it-tip ta’ applikazzjoni (IPF jew OEF);

—

il-punt ta’ kuntatt uniku (l-operatur tal-faċilità jew il-maniġer tal-proġett);

—

il-pajjiż tal-oriġini;

—

L-Istat(i) Membru/i tal-installazzjoni;

—

sommarju qasir tal-kumpanija u tal-proġett (massimu ta’ 5 000 karattru);

—

Sommarju mhux kunfidenzjali tal-faċilità jew tal-proġett u l-objettivi tagħha (massimu ta’ 5 000 karattru). Dan is-sommarju jrid ikun abbozzat b’tali mod li ma jkun fih l-ebda informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tal-mestier. Huwa maħsub li dan is-sommarju mhux kunfidenzjali jiġi kondiviż, f’konformità mal-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Kummissjoni u mar-regoli kollha dwar il-kunfidenzjalità (jekk jogħġbok ara t-taqsima hawn taħt), mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għall-konsultazzjoni qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali.

Ladarba din il-formola tiġi ppreżentata, il-Kummissjoni u l-applikant jiġu nnotifikati awtomatikament, u l-Kummissjoni tista’ tibda tivverifika l-informazzjoni ppreżentata fil-formola tal-web. Ladarba l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-identità u l-intenzjoni tal-applikant, il-Kummissjoni toħloq folder f’S-CIRCABC, li hija applikazzjoni bbażata fuq il-web li tippermetti l-kondiviżjoni sigura ta’ dokumenti, informazzjoni, u riżorsi fi spazji tax-xogħol privati. Dan il-folder huwa viżibbli biss għall-Kummissjoni u għall-applikant. F’dan il-folder ewlieni, il-Kummissjoni toħloq serje ta’ subfolders, wieħed għal kull wieħed mill-istadji tal-valutazzjoni spjegati fit-tweġiba għall-mistoqsija 3. Il-Kummissjoni mbagħad tistieden lill-applikant għal sottogrupp ta’ Futurium u tipprovdilu l-informazzjoni u l-materjal għall-passi li jmiss fil-proċess tal-applikazzjoni. L-applikant jirċievi link sabiex jaċċessa S-CIRCABC u l-folders u s-subfolders individwali maħluqa, kif ukoll il-formola ta’ applikazzjoni li għandha timtela u tittella’ flimkien mal-materjal ta’ sostenn imsemmi f’din il-Gwida. Wara li l-impriża tkun tellgħet id-dokumenti rilevanti kollha f’S-CIRCABC, jenħtieġ li tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan permezz tas-sottogrupp ta’ Futurium.

Bħala regola ġenerali, id-dokumenti kollha jridu jiġu ppreżentati permezz ta’ S-CIRCABC. Id-dokumenti huma aċċettati fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-applikanti jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-kontenut tad-dokumenti.

Is-sottomissjonijiet ippreżentati elettronikament nhar ta’ Tnejn sal-Ħamis qabel il-17:00 ħin ta’ Brussell u l-Ġimgħa u l-jiem ta’ qabel il-btajjel tal-Kummissjoni qabel l-16:00 ħin ta’ Brussell se jiġu pproċessati fl-istess jum u għalhekk se jkollhom id-data tal-wasla bħala d-data tan-notifika, f’konformità mal-prattika preċedenti fir-rigward tal-preżentazzjonijiet stampati. Is-sottomissjonijiet li jaslu wara l-17:00 jew l-16:00 rispettivament se jiġu ttrattati fil-jum tax-xogħol li jmiss, li għandu jitqies bħala l-jum tan-notifika.

Kunfidenzjalità u data personali

L-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Kummissjoni, il-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u aġenti oħra tal-UE, anke wara t-tmiem tad-dmirijiet tagħhom, ma jiżvelawx informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-impriżi, ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, jew il-komponenti tal-ispejjeż tagħhom.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2023/1781 dwar l-Att dwar iċ-Ċipep, l-informazzjoni miksuba matul l-implimentazzjoni tar-Regolament tista’ tintuża biss għall-finijiet tiegħu u hija protetta mil-liġi rilevanti tal-UE u dik nazzjonali. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Gwida, l-informazzjoni miksuba skont l-Artikoli 15 u 26 (3) hija soġġetta għas-segretezza professjonali u protetta mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-liġi nazzjonali rilevanti, inkluż l-iskattar tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dawk ir-regoli.

L-Att dwar iċ-Ċipep jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, l-uffiċjali, l-aġenti tagħhom, u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data miksuba fit-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet tagħhom b’tali mod li jipproteġu, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-PI u informazzjoni kummerċjali sensittiva jew sigrieti kummerċjali. Dan l-obbligu japplika għar-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri, l-osservaturi, l-esperti, u parteċipanti oħra li jattendu l-laqgħat tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 28 u l-membri tal-Kumitat dwar is-Semikondutturi skont l-Artikolu 38(1).

Jekk l-applikanti jkunu tal-fehma li l-interessi tagħhom jintlaqtu ħażin jekk xi informazzjoni mitluba kellha tiġi ppubblikata jew żvelata b’xi mod ieħor lil partijiet oħra, l-applikanti għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni separatament b’kull paġna mmarkata b’mod ċar “Sigrieti tal-Mestier”. L-applikanti għandhom jispjegaw ukoll għaliex din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi żvelata jew ippubblikata.

Kwalunkwe data personali (20) ppreżentata fil-formola ta’ applikazzjoni se tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (21).

IV.   Lista ta’ kontroll u għodod tal-IT

A.   Lista ta’ kontroll

Jekk jogħġbok irreferi għal-lista ta’ kontroll li ġejja meta tapplika għall-istatus ta’ IPF jew ta’ OEF. Jekk jogħġbok innota li l-fażi ta’ qabel l-applikazzjoni mhijiex obbligatorja (Azzjoni 1). Barra minn hekk, qabel ma tkun tista’ twettaq l-Azzjoni 2 u timla l-formola ta’ applikazzjoni f’S-CIRCABC, jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun ivvalutat b’mod pożittiv il-formola tal-web tiegħek f’Futurium.

Azzjoni

Kompitu

Informazzjoni meħtieġa

Verifika

1.

(FAKULTATTIV) Qabel l-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF.

(FAKULTATTIV) Ikkuntattja lill-Kummissjoni fuq CNECT-IPF-OEF@ec.europa.eu

Mhux applikabbli

 

2.

Applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF – Turija ta’ interess

Imla l-formola tal-web f’Futurium billi tikklikkja fuq il-buttuna s-safra “Applikazzjoni għal faċilità ta’ produzzjoni integrata u fonderija miftuħa tal-UE”.

Isem l-impriża jew il-Konsorzju

 

Akronimu tal-proġett (jekk rilevanti)

 

Tip ta’ applikazzjoni (għal IPF jew OEF)

 

L-isem u l-kunjom, ir-rwol, l-organizzazzjoni, u l-indirizz tal-posta elettronika tal-operatur tal-faċilità/tal-maniġer tal-proġett

 

Stat(i) Membru/i tal-UE tal-installazzjoni tal-faċilità

 

Preżentazzjoni qasira tal-impriża/konsorzju (massimu ta’ 5 000 karattru)

 

Sommarju eżekuttiv tal-faċilità jew tal-proġett u l-objettivi tagħha (massimu ta’ 5 000 karattru)

 

Sommarju eżekuttiv mhux kunfidenzjali tal-faċilità jew tal-proġett u l-objettivi tagħha (massimu ta’ 5 000 karattru). Dan is-sommarju jrid ikun abbozzat b’tali mod li ma jkun fih l-ebda informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti tal-mestier. Huwa maħsub li dan is-sommarju jiġi kondiviż, f’konformità mar-regoli kollha ta’ kunfidenzjalità, mal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi għall-konsultazzjoni qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali.

 

3.

Applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF – Turija ta’ konformità.

Imla l-formola ta’ applikazzjoni u tellagħha bħala dokument PDF fil-folder “00-application form” f’S-CIRCABC”.

Jekk jogħġbok irrispetta l-indikazzjonijiet f’din il-Gwida fir-rigward tat-tul tat-test.

Deskrizzjoni tal-faċilità fid-dawl tad-definizzjoni tal-ewwel tip u spjegazzjoni ta’ kif il-proġett huwa differenti mill-faċilitajiet eżistenti u l-proġetti ppjanati, bl-appoġġ pubbliku jew mingħajru, fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-materjal ta’ sostenn jista’ jinkludi:

—

eż., studji tas-suq rilevanti u rapporti dwar in-negozju u l-prodotti tal-faċilità, dokumentazzjoni interna tal-proġetti, u/jew dokumenti użati mill-Bord għat-teħid ta’ deċiżjonijiet interni eċċ.

—

materjal ta’ appoġġ li għandu jittella’ fil-folder “01-First-of-a-kind” f’S-CIRCABC.

 

Spjegazzjoni tal-impatt pożittiv u l-effetti kollaterali tal-faċilità fuq il-katina tal-valur tas-semikondutturi tal-UE fuq terminu medju sa twil.

Materjal ta’ sostenn: mhux speċifikat.

Għall-OEFs biss: speċifikazzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni front-end jew back-end tal-faċilità

 


Azzjoni

Kompitu

Informazzjoni meħtieġa

Verifika

3.

Applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF – Turija ta’ konformità.

Imla l-formola ta’ applikazzjoni u tellagħha bħala dokument PDF fil-folder “00-application form” f’S-CIRCABC.

Jekk jogħġbok irrispetta l-indikazzjonijiet f’din il-Gwida fir-rigward tat-tul tat-test.

Assigurazzjoni li l-faċilità mhijiex soġġetta għal obbligi lejn pajjiżi terzi.

Materjal ta’ sostenn:

—

dikjarazzjoni bil-miktub, inkluża l-bażi legali jew politika li tistabbilixxi tali obbligu.

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “02-IPF-OEF Kriterji ta’ konformità” f’S-CIRCABC.

 

Konferma tal-impenn li jiġu aċċettati ordnijiet klassifikati bħala prijorità skont l-Artikolu 26 tal-Att dwar iċ-Ċipep.

Materjal ta’ sostenn: mhux meħtieġ.

 

Spjegazzjoni tal-impenn tal-impriża għal innovazzjoni kontinwa.

Materjal ta’ sostenn: mhux speċifikat.

 

Deskrizzjoni tal-intenzjoni li jsir investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet.

Il-materjal ta’ sostenn jista’ jinkludi:

—

eż., Links għal aġendi, taħriġ, sħubijiet eċċ.

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “02-IPF-OEF Kriterji ta’ konformità” f’S-CIRCABC.

 

Deskrizzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-faċilità.

Materjal ta’ sostenn:

—

format mhux speċifikat, iżda faċli għall-utent (eż., Excel).

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “03-Business Plan” f’S-CIRCABC.

 


Azzjoni

Kompitu

Informazzjoni meħtieġa

Verifika

3.

Applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF jew OEF – Turija ta’ konformità.

Imla l-formola ta’ applikazzjoni u tellagħha bħala dokument PDF fil-folder “00-application form” f’S-CIRCABC.

Jekk jogħġbok irrispetta l-indikazzjonijiet f’din il-Gwida fir-rigward tat-tul tat-test.

Dokumentazzjoni tal-esperjenza tal-faċilità (inkluż rapport tal-attività li jiddeskrivi l-attivitajiet tal-faċilità tas-snin preċedenti jew, jekk mhux disponibbli, ċertifikat legali).

Materjal ta’ sostenn:

—

rapport tal-attività jew deskrizzjoni tat-tim tal-proġett u esperjenza relatata

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “04-Proven experience” f’S-CIRCABC.

 

Assigurazzjoni tal-appoġġ għall-istabbiliment tal-faċilità mill-Istat(i) Membru/i tal-installazzjoni.

Il-materjal ta’ sostenn jista’ jinkludi:

—

eż., ċertifikat legali, ittra mingħand l-Istat Membru jew deċiżjoni preliminari, dokumenti dwar l-għajnuna mill-Istat

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “05-Member State support” f’S-CIRCABC.

 

Deskrizzjoni tal-eżistenza ta’ politiki u miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bi spjegazzjoni ċara ta’ kif għandhom jitwettqu l-istruzzjonijiet fil-politiki.

Il-materjal ta’ sostenn jista’ jinkludi:

—

eż., politiki interni tal-kumpanija jew manwali tal-impjegati, kuntratti bejn is-sidien u l-fornituri tal-PI, bħal impjanti tal-manifattura, ċertifikazzjonijiet ta’ konformità jew kodiċijiet ta’ prattika tal-industrija.

—

materjal ta’ sostenn li għandu jittella’ fil-folder “06-Protection of sensitive information” f’S-CIRCABC.

 

B.   L-għodod tal-IT għall-proċess tal-applikazzjoni

Prerekwiżit għall-aċċess tal-għodod tal-IT użati għall-proċess tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ IPF u OEF – Futurium u S-CIRCABC – huwa li jkun hemm EU Login.

—

biex titgħallem kif toħloq EU Login ġdid, jekk jogħġbok żur il-paġna: https://ecas.ec.europa.eu/cas/eim/external/register.cgi.

—

għall-appoġġ tekniku, jekk jogħġbok żur ukoll it-taqsima ddedikata għall-utenti esterni: https://europa.eu/!rdDfPj.

Futurium

—

ladarba jinħoloq l-EU Login tiegħek, tista’ taċċessa Futurium billi tuża l-URL li ġej: https://futurium.ec.europa.eu/mt/application-status-integrated-production-facility-and-open-eu-foundry.

Meta tilloggja, se tara l-paġna ewlenija u se tkun tista’ taċċessa l-Gwida u l-formola tal-web sabiex tesprimi l-interess tiegħek. Għal ħarsa ġenerali sħiħa tal-informazzjoni meħtieġa, jekk jogħġbok irreferi għal-Lista ta’ Kontroll fl-Anness tal-Gwida (ara r-ritratt tal-iskrin hawn taħt).

Image 2

Ladarba l-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-web tkun ġiet approvata, se tiżdied ma’ sottogrupp li jkun viżibbli għalik biss u għall-persunal tal-Kummissjoni. Dan se jkun il-mezz ewlieni ta’ komunikazzjoni matul il-proċess tal-applikazzjoni (ara l-eżempju fir-ritratt tal-iskrin hawn taħt).

Jekk jogħġbok evita li ttella’ kwalunkwe informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali f’Futurium.

Għal dan l-għan għandhom jintużaw S-CIRCABC u, jekk meħtieġ, emails siguri.

Image 3

—

għal aktar informazzjoni dwar il-funzjonalitajiet ewlenin ta’ Futurium, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Gwida għall-Utent fuq https://futurium.ec.europa.eu/en/documentation.

S-CIRCABC

Minbarra l-EU Login meħtieġ, jekk jogħġbok innota li, għal din l-applikazzjoni partikolari, l-aċċess għal S-CIRCABC huwa possibbli biss b’awtentikazzjoni b’żewġ fatturi. Jekk jogħġbok kun ċert li tikkonfigura l-EU Login tiegħek kif xieraq billi żżid numru tal-mowbajl.

—

Ladarba jinħoloq l-EU Login tiegħek, tista’ taċċessa S-CIRCABC u l-grupp assenjat tiegħek billi tuża l-URL li ġej: https://s-circabc.europa.eu/ui/welcome.

Meta tilloggja, se tara l-istruttura tal-folder li ġejja fit-taqsima tal-Librerija:

Image 4

Jekk jogħġbok tella’ d-dokumenti ta’ sostenn fil-folders xierqa, kif indikat fil-Gwida.

Għal ħarsa ġenerali sħiħa lejn id-dokumenti u l-folders, jekk jogħġbok irreferi għal-Lista ta’ Kontroll fl-Anness tal-Gwida. Kun af li l-formola ta’ applikazzjoni kompluta trid tittella’ fil-folder “00-application form” f’S-CIRCABC.

Biex ittella’ d-dokumenti, jekk jogħġbok mur fil-folder jew fis-subfolder rilevanti u kklikkja fuq “ADD” u agħżel “FILES” (ara r-ritratt tal-iskrin hawn taħt).

Image 5

Għal aktar informazzjoni jew jekk ikollok xi problema, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttorat għall-Intelliġenza Artifiċjali u l-Industrija Diġitali fid-DĠ CNECT fil-kaxxa postali funzjonali li ġejja: CNECT-IPF-OEF@ec.europa.eu.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), PE/28/2023/INIT, ĠU L 229, 18.9.20239, p. 1 (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32023R1781)

(2)  Fit-8 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni adottat pakkett magħmul minn:

(a)

komunikazzjoni li tiddeskrivi r-raġunament u l-istrateġija ġenerali dwar is-semikondutturi (COM/2022/45 final);

(b)

proposta għal regolament biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-UE (l-Att dwar iċ-Ċipep);

(c)

proposta għal emendi għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin (COM/2022/47 final);

(d)

rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li tippromwovi azzjonijiet għall-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tat-tfixkil fil-katina tal-provvista tas-semikondutturi (C/2022/782, ĠU L 35, 17.2.20229, p. 17).

(3)  Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi huwa korp ta’ governanza magħmul mir-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Istati Membri tal-UE u huwa stabbilit bl-Artikoli 28-30 tal-Att dwar iċ-Ċipep. Il-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi jipprovdi pariri, assistenza u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, skont il-Kapitolu V tal-Att dwar iċ-Ċipep.

(4)  L-Artikolu 2(15) tal-Att dwar iċ-Ċipep jiddefinixxi ‘manifattura ta’ semikondutturi’ bħala kwalunkwe wieħed mill-istadji tal-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ wafers semikondutturi (inkluż il-materjali tas-sottostrat, front-end u back-end) meħtieġa biex jitwassal prodott semikonduttur lest.

(5)  Il-prodott finali jkun fil-livell tas-semikonduttur (potenzjalment inkapsulat), u mhux fil-livell tal-apparat fejn jiġi applikat is-semikondutturi.

(6)  Dan jibni fuq il-ħidma preċedenti tal-Pjan Direzzjonali Internazzjonali għat-Teknoloġija għas-Semikondutturi (IRDS, International Technology Roadmap for Semiconductors) li ddefinixxa wkoll ir-referenza għan-nodi tal-proċess (f’nanometri) li jirriżultaw mill-evoluzzjoni tal-iskala tat-tranżisturi f’konformità mal-previżjoni tal-liġi ta’ Moore. L-IRDS bħalissa jinkludi ħidma minn timijiet ta’ fokus internazzjonali differenti fuq l-oqsma li ġejjin: aktar Moore (skalar); aktar minn Moore; lil hinn mis-CMOS; is-sistemi u l-arkitetturi; l-integrazzjoni tal-inkapsulament; il-konnettività esterna tas-sistemi; l-elettronika krijoġenika u l-ipproċessar tal-informazzjoni kwantistika; il-litografija; it-titjib tar-rendiment; il-metroloġija; l-integrazzjoni tal-fabbrika; l-ambjent, is-sikurezza, is-saħħa u s-sostenibbiltà.

(7)  Diversi proġetti paralleli jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala “l-ewwel tat-tip tagħhom” jekk ikun jista’ jiġi ppruvat li l-attivitajiet appoġġati mill-Istat ma jeskludux attivitajiet privati eżistenti jew ippjanati. Kull proposta ta’ għajnuna mill-Istat tiġi vvalutata abbażi tal-merti tagħha biex jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan jinkludi fehma komprensiva dwar in-neċessità, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kapaċità żejda. Ara n-nota 56 f’qiegħ il-paġna tal-Komunikazzjoni, Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa, COM(2022) 45.

(8)   “Front-end” tfisser l-ipproċessar kollu ta’ wafer semikonduttur (l-Artikolu 2(16)). L-attivitajiet ta’ manifattura front-end tal-IPFs u tal-OEFs jistgħu jinkludu pass wieħed jew l-istadji kollha fl-ipproċessar ta’ wafers semikondutturi, li jibdew b’diversi materjali tas-sottostrati (Si, SiC, SOI, eċċ.).

(9)   “Back-end” tfisser l-inkapsulament, l-assemblaġġ u l-ittestjar ta’ kull ċirkwit integrat individwali (l-Artikolu 2(17)).

(10)   ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7.

(11)   ĠU L 327, tat-22.12.2000, p. 1.

(12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2022, COM(2022) 45 final. Il- Komunikazzjoni hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

(13)  Best Practices Code on the conduct of State aid control proceedings, disponibbli fuqhttps://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/best_practices_code_en.pdf

(14)  Skont il-proċeduri tal-għajnuna mill-Istat, l-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i) biss jista’/jistgħu jippreżenta/jippreżentaw in-notifika (minn qabel).

(15)  Is-setturi kritiċi huma definiti fl-Anness IV tal-Att dwar iċ-Ċipep u jinkludu l-enerġija; it-trasport; is-settur bankarju; l-infrastruttura tas-suq finanzjarju; is-saħħa; l-ilma tax-xorb; l-ilma mormi; l-infrastruttura diġitali; l-amministrazzjoni pubblika; l-ispazju; il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel; id-difiża; u s-sigurtà.

(16)  Jekk jogħġbok irreferi għan-nota 5 f’qiegħ il-paġna ta’ din il-Gwida u għall-Artikoli 28-30 tal-Att dwar iċ-Ċipep.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(19)  L-Artikolu 14(3)(a).

(20)  DPR-KE-22368.

(21)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32018R1725. Ara wkoll stqarrija ta’ privatezza relatata mal-investigazzjonijiet tal-fużjonijiet fuq https://ec.europa.eu/competition-policy/index/privacy-policy-competition-investigations_mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4911/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)