|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3176 |
3.6.2025 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-2 ta' Mejju 2025
dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tar-rekwiżiti għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett
(CON/2025/9)
(C/2025/3176)
Introduzzjoni u bażi legali
Fl-4 ta’ April u t-22 ta’ April 2025, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tar-rekwiżiti għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (1) minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost jirrigwarda (1) il-kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja f’konformità mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat, u għall-kontribuzzjoni għat-tmexxija bla xkiel imfittxija mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 127(5) tat-Trattat u (2) il-kompiti tal-BĊE li jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mal-Artikolu 127(6) tat-Trattat.
Skont l-Artikolu 17.5, l-ewwel sentenza tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet
|
1.1. |
Il-BĊE jilqa’ l-intenzjoni li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital” (CRR)) fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFTs) b’maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur imwettqa ma’ klijenti finanzjarji taħt il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR) b’mod immirat. |
|
1.2. |
L-istandard tal-NSFR miftiehem mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (minn hawn ’il quddiem l- “istandard tal-NSFR ta’ Basel”) jirrikjedi li l-banek iżommu profil ta’ finanzjament stabbli fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-assi tagħhom u tal-attivitajiet li ma jidhrux fil-karta bilanċjali (3). L-NSFR huwa definit bħala l-ammont ta’ finanzjament stabbli disponibbli (ASF) relattiv għall-ammont ta’ finanzjament stabbli meħtieġ (RSF). Biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-ASF, il-fatturi tal-ASF huma assenjati lis-sorsi ta’ finanzjament ta’ bank skont l-istabbiltà relattiva tagħhom, pereżempju skont il-maturità residwa u l-propensità ta’ tipi differenti ta’ fornituri ta’ finanzjament biex jirtiraw il-finanzjament tagħhom. Bl-istess mod, biex jiġi kkalkulat l-ammont tal-RSF, il-fatturi tal-RSF huma assenjati għall-assi u l-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali abbażi tal-karatteristiċi tal-maturità u tal-likwidità residwa tagħhom. Fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ għoti ta’ self iggarantit, il-fatturi tal-RSF ivarjaw ukoll skont il-karatteristiċi tal-likwidità tal-kollateral sottostanti għal dawk it-tranżazzjonijiet. |
|
1.3. |
Il-BĊE jifhem li r-regolament propost għandu l-għan li jagħmel permanenti t-trattament prudenzjali tranżitorju attwali ta’ SFTs fuq terminu qasir u tranżazzjonijiet mhux garantiti mwettqa ma’ klijenti finanzjarji, li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe emenda leġiżlattiva, ikun allinjat mat-trattament stabbilit fl-istandard tal-NSFR ta’ Basel ladarba jintemm il-perijodu tranżitorju. |
|
1.4. |
Fir-rigward ta’ SFTs fuq terminu qasir sostnuti minn kollateral fil-forma ta’ assi tal-livell 1, inklużi bonds sovrani tal-UE, il-BĊE qies l-impatt tal-emenda mmirata tar-regolament propost dwar il-funzjonament tas-suq tal-SFT u l-istabbiltà finanzjarja (4). |
|
1.5. |
Min-naħa waħda, l-iskadenza tal-arranġament tranżitorju b’fatturi tal-RSF aktar baxxi li jiġu applikati għal tranżazzjonijiet fuq terminu qasir imwettqa ma’ klijenti finanzjarji jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-distribuzzjoni tal-likwidità u l-assorbiment tal-bonds tal-gvern permezz tas-swieq SFT. B’mod aktar speċifiku, iż-żieda fil-kostijiet regolatorji tista’ twassal għal ipprezzar mill-ġdid u tnaqqis fil-fond ta’ dan is-segment tas-suq tal-SFT. Tali kuntrasti jistgħu jimmaterjalizzaw fi żmien meta l-bidliet imħabbra fil-qafas operattiv tal-Eurosistema għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja jipprevedu dipendenza akbar fuq is-suq tal-SFT għar-ridistribuzzjoni tal-likwidità (5). Barra minn hekk, tnaqqis possibbli fl-attività tas-suq tal-SFT jista’ eventwalment jinfirex fis-swieq tal-bonds sovrani, peress li ż-żewġ swieq huma marbuta mill-qrib. F’dan l-isfond, diversi ġurisdizzjonijiet, bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, ma jeħtiġux finanzjament stabbli għal dawn it-tranżazzjonijiet sostnuti b’kollateral fil-forma ta’ assi tal-livell 1 fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-NSFR (ara t-tabella fl-aħħar tal-paragrafu 1.8). |
|
1.6. |
Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet prudenzjali u ta’ stabbiltà finanzjarja wara l-kalibrazzjoni tal-istandard tal-NSFR ta’ Basel jibqgħu validi (6). Fil-fatt, il-fatturi tranżitorji tal-RSF jistgħu ma jkoprux b’mod adegwat ir-riskji ta’ finanzjament minn tranżazzjonijiet fuq terminu qasir ma’ klijenti finanzjarji. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ finanzjament stabbli għal tranżazzjonijiet fuq terminu qasir, inklużi SFTs sostnuti minn kollateral fil-forma ta’ assi tal-livell 1, imwettqa ma’ klijenti finanzjarji, jista’ jikkunsidra aħjar ir-riskju potenzjali ta’ franchising involut, li jista’ jinċentiva lill-banek biex ikomplu jestendu parti mis-self tagħhom fuq terminu qasir. Barra minn hekk, fattur pożittiv tal-RSF jista’ jnaqqas ir-riskju ta’ diskrepanzi fil-maturità bejn is-self u l-finanzjament fil-kategorija ta’ SFTs fuq terminu qasir kif ukoll riskji ta’ kontaġju bejn l-istituzzjonijiet matul ix-xokkijiet tal-likwidità. |
|
1.7. |
Kollox ma’ kollox, fid-dawl tat-tħassib dwar il-funzjonament tas-suq u l-implikazzjonijiet assoċjati għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja, il-BĊE jappoġġja l-estensjoni tat-trattament attwali ta’ SFTs għal żmien qasir sostnuti minn kollateral fil-forma ta’ assi tal-livell 1, pereżempju b’ħames snin, bħala miżura temporanja, li għandha tkun soġġetta għal klawżola ta’ rieżami. Għadu kmieni wisq biex jiġi konkluż li t-tħassib dwar il-funzjonament tas-suq jegħleb b’mod permanenti l-benefiċċji tal-istabbiltà finanzjarja u superviżorji. Għalhekk il-BĊE jissuġġerixxi li l-estensjoni tiġi limitata fiż-żmien, filwaqt li jissottolinja wkoll l-impenn tal-Unjoni għall-istandards internazzjonali. Il-kwistjoni mbagħad tista’ terġa’ tiġi rriveduta, filwaqt li jitqies il-funzjonament tas-swieq SFT wara l-finalizzazzjoni tal-qafas operattiv tal-Eurosistema kif ukoll kunsiderazzjonijiet prudenzjali u ta’ stabbiltà finanzjarja. |
|
1.8. |
Fir-rigward ta’ SFTs għal żmien qasir sostnuti minn assi oħra kif ukoll tranżazzjonijiet mhux iġgarantiti, tali tranżazzjonijiet jinvolvu riskji ta’ finanzjament ogħla meta mqabbla mat-tranżazzjonijiet indirizzati hawn fuq li għandhom jiġu koperti kif xieraq fl-NSFR. Fir-rigward tal-SFTs, il-karatteristiċi tal-assi mhux tal-livell 1 huma diversi, u filwaqt li xi wħud huma likwidi ħafna, oħrajn mhumiex neċessarjament likwidi biżżejjed biex jiġġustifikaw il-fattur tal-RSF attwali ta’ 5 %. Fattur tal-RSF ta’ 5 % għall-SFTs appoġġati minn assi oħra huwa baxx meta mqabbel ma’ ġurisdizzjonijiet oħra (ara t-tabella ta’ hawn taħt, filwaqt li jiġi nnutat li l-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet li japplikaw l-istandard tal-NSFR ta’ Basel li mhumiex koperti fit-tabella japplikaw il-kalibrazzjoni standard rilevanti tal-NSFR ta’ Basel (7)). Bl-istess mod, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet mhux iggarantiti, il-fattur attwali tal-RSF ta’ 10 % huwa taħt il-fattur ta’ 15 % użat mill-biċċa l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet ewlenin. Ir-riskji potenzjali ta’ finanzjament u t-trattament f’ġurisdizzjonijiet oħra jagħmlu dawn id-devjazzjonijiet permanenti previsti mill-istandard tal-NSFR ta’ Basel mhux ġustifikati. F’dan l-isfond, jekk it-trattament attwali ta’ dawk it-tranżazzjonijiet għandu jiġi estiż, dan għandu jkun biss temporanju.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Mejju 2025.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2025) 146 finali.
(2) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 ((ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).
(3) Basel Committee on Banking Supervision, Basel III: the net stable funding ratio [Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Basel III: il-proporzjon tal-finanzjament stabbli nett], Ottubru 2014, disponibbli fuq is-sit web tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org.
(4) Ara t-tweġiba tal-persunal tal-BĊE għas-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea għal evidenza dwar emenda mmirata għat-trattament prudenzjali ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli taħt il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, 7 ta’ Marzu 2025, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(5) Ara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv, “Bidliet għall-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja”, 13 ta’ Marzu 2024, u l-artikolu tal-blog tal-BĊE “Repo markets: Understanding the effects of a declining Eurosystem market footprint [Nifhmu l-effetti ta’ impronta tas-suq tal-Eurosistema li qed tonqos]”, 23 ta’ Lulju 2024, it-tnejn disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.
(6) Ara l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), Report on specific aspects of the NSFR framework under Article 510(4), (6) and (9) of Regulation (EU) No 575/2013 [Rapport dwar aspetti speċifiċi tal-qafas tal-NSFR skont l-Artikolu 510(4), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013], Jannar 2024, disponibbli fuq is-sit web tal-EBA fuq www.eba.europa.eu. Ir-rapport ġie ppubblikat fi ħdan il-mandat mogħti lill-EBA mill-Artikolu 510(6) tas-CRR.
(7) Għal valutazzjonijiet ġurisdizzjonali dettaljati tal-implimentazzjoni tal-NSFR, ara l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, valutazzjonijiet ġurisdizzjonali tal-RCAP: konsistenza ta’ implimentazzjoni regolatorja; l-aħħar aġġornament tat-2 ta’ April 2025, disponibbli fuq is-sit web tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org.
(8) Il-Kanada: ara l-Uffiċċju tas-Supertendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji, “Liquidity Adequacy Requirements ((LAR) (2025) Chapter 3 — Net Stable Funding Ratio”, [Rekwiżiti ta’ Adegwatezza tal-Likwidità (LAR) (2025) Kapitolu 3 – Proporzjon ta’ Finanzjament Stabbli Nett]” disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju tas-Supertendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Gvern tal-Kanada fuq www.osfi-bsif.gc.ca.
(9) L-Iżvizzera: ara l-Ordinanza dwar il-Likwidità tal-Banek u d-Ditti tat-Titoli tat-30 ta’ Novembru 2012, disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill Federali Żvizzeru fuq www.fedlex.admin.ch.
(10) Il-Ġappun: ara l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, Programm ta’ Valutazzjoni tal-Konsistenza Regolatorja (RCAP): Valutazzjoni tal-istandard tal-Proporzjon ta’ Finanzjament Stabbli Nett tal-Kumitat ta’ Basel – il-Ġappun, disponibbli fuq is-sit web tal-BIS fuq www.bis.org.
(11) Ir-Renju Unit: ara l-Bank of England Prudential Regulation Authority Rulebook – Liquidity (CRR) [Il-Ktieb tar-Regoli tal-Awtorità tar-Regolazzjoni Prudenzjali tal-Bank of England – Likwidità (CRR)], disponibbli fuq www.prarulebook.co.uk.
(12) L-Istati Uniti: ara l-Kontrollur tal-Munita, is-Sistema Federali ta’ Riżerva u l-Korporazzjoni Federali tal-Assigurazzjoni tad-Depożiti, Proporzjon ta’ Finanzjament Stabbli Nett: Liquidity Risk Measurement Standards and Disclosure Requirements, 86 Fed. [Ir-Rekwiżiti dwar l-Istandards u d-Divulgazzjoni tal-Kejl tar-Riskju tal-Likwidità] Reg. 9120 (Frar. 11, 2021), disponibbli fuq is-sit web tal-Federal Register fi www.federalregister.gov.
(13) Fattur tal-RSF ta’ 10 % japplika għal SFTs appoġġati minn assi tal-Livell 2a.
(14) Fattur tal-RSF ta’ 15 % japplika għal SFTs sostnuti minn kollateral għajr fil-forma ta’ assi tal-livell 1 u tal-livell 2a, kif ukoll tranżazzjonijiet mhux iggarantiti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3176/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)