SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
10 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 205 – Responsabbiltà in solidum – Kundizzjonijiet u portata tar-responsabbiltà – Ġlieda kontra l-frodi tal-VAT – VAT mhux imħallsa mill-fornitur – Rifjut li d-destinatarju tal-kunsinna jingħata d-dritt għal tnaqqis tal-VAT – Possibbiltà li d-destinatarju tal-kunsinna jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta mill-fornitur – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑276/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2024, fil-proċedura
KONREO, v. o. s., li qiegħda taġixxi bħala amministratriċi ġudizzjarja ta’ FAU s. r. o.,
vs
Odvolací finanční ředitelství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tmien Awla, u N. Fenger, Imħallef,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KONREO v. o. s., li qiegħda taġixxi bħala amministratriċi ġudizzjarja ta’ FAU s. r. o., minn A. Šrámek, advokát, |
|
– |
għall-Odvolací finanční ředitelství, minn M. Jasiková u T. Rozehnal, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn L. Březinová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u J. Hradil, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1695, tas‑6 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 282, p. 5, rettifika fil-ĠU 2018, L 329, p. 53) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KONREO, v. o. s. (iktar ’il quddiem “Konreo”), amministratriċi ġudizzjarja ta’ FAU s. r. o., u l-Odvolací finanční ředitelství (id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka), dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ FAU għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li l-fornitriċi tagħha, VERAMI International Company s. r. o. (iktar ’il quddiem “Verami”), ma ħallsitx lit-Teżor Pubbliku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi: “Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202.” |
|
4 |
L-Artikoli 194 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva jipprevedu, essenzjalment, li persuni oħra minbarra l-persuna taxxabbli li jwettqu kunsinna ta’ beni jew provvista ta’ servizzi taxxabbli jistgħu jew għandhom jitqiesu bħala responsabbli għall-ħlas tal-VAT. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 205 tal-imsemmija direttiva: “Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u l-Artikoli 202, 203 u 204, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi persuna li mhix il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT.” |
Id-dritt Ċek
|
6 |
Il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum fil-qasam fiskali tinsab fl-Artikoli 171 u 172 taż-zákon č. 280/2009 Sb., daňový řád (il-Liġi Nru 280/2009 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali). L-Artikolu 171 ta’ din il-liġi jipprevedi: “1) Sa fejn il-liġi tipprevedi garanti, dan tal-aħħar ikun ukoll responsabbli għall-ħlas tal-arretrati jekk l-awtorità tat-taxxa tikkomunikalu fin-notifika [għall-garanzija] l-ammont stabbilit tat-taxxa li huwa obbligat iħallas u fl-istess ħin titolbu jħallas l-arretrati f’terminu stabbilit; kopja tad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment tat-taxxa tkun mehmuża ma’ din in-notifika [għall-garanzija]. […] 3) Notifika tista’ tinħareġ lill-garanti jekk l-arretrati ma jkunux tħallsu mill-persuna taxxabbli, minkejja li din tkun ġiet intimata mingħajr suċċess sabiex tħallashom, u l-arretrati lanqas ma jkunu tħallsu minkejja eżekuzzjoni fil-konfront tal-persuna taxxabbli, sakemm ma jkunx intwera b’mod ċar li l-eżekuzzjoni ma rnexxietx; notifika tista’ wkoll tinħareġ lill-garanti wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra l-persuna taxxabbli.” |
|
7 |
Il-garanzija legali li għandha titħallas minn persuna taxxabbli fir-rigward tal-VAT hija rregolata mill-Artikolu 109 taż-zákon č. 235/2004 Sb., o dani z přidané hodnoty (il-Liġi Nru 235/2004 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”). Dan l-Artikolu 109, intitolat “Garanzija tad-destinatarju ta’ provvista taxxabbli”, jipprevedi: “1. Persuna taxxabbli li tirċievi provvista taxxabbli li titwettaq fit-territorju Ċek u tkun imwettqa minn persuna taxxabbli oħra, jew li tipprovdi remunerazzjoni bħala korrispettiv għal tali provvista ta’ servizz (iktar ’il quddiem id-‘destinatarju tas-servizz taxxabbli’), hija obbligata tħallas it-taxxa mhux imħallsa fuq din il-provvista jekk, fil-mument tat-twettiq ta’ din il-provvista, hija kienet taf jew kellha tkun taf li
2) Id-destinatarju tal-provvista taxxabbli huwa wkoll obbligat iħallas it-taxxa mhux imħallsa fuq dan is-servizz, jekk ir-remunerazzjoni mħallsa bħala korrispettiv għall-provvista
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
8 |
Konreo hija l-amministratriċi ġudizzjarja ta’ FAU, kumpannija rregolata mid-dritt Ċek li hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. Mix-xahar ta’ Mejju sax-xahar ta’ Ottubru 2013, FAU xtrat karburant mingħand Verami, kumpannija oħra rregolata mid-dritt Ċek. |
|
9 |
Wara kontrolli fiskali, l-awtorità tat-taxxa kkonstatat evażjoni tat-taxxa fil-katina kummerċjali li tinvolvi lil Verami u lil FAU. Fil‑5 ta’ Jannar 2015 u fit‑2 ta’ Frar 2015, din l-awtorità ħarġet avviżi ta’ rkupru komplementari kontra Verami, li permezz tagħhom hija wettqet aġġustament tal-VAT dovuta minn din tal-aħħar, billi rrifjutatilha d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri tal-karburant li hija kienet sussegwentement ikkunsinnat lil FAU. Madankollu, Verami ma ħallsitx din il-VAT lit-Teżor Pubbliku. |
|
10 |
Verami u FAU ġew iddikjarati falluti, rispettivament, fis‑27 ta’ Frar 2015 u fl‑14 ta’ Diċembru 2016, u nfetħu żewġ proċeduri ta’ insolvenza li kellhom bħala suġġett l-assi ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn iż-żewġ proċeduri kienu għadhom pendenti fid-data li fiha ntbagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
11 |
Fis‑7 ta’ Frar 2017, l-awtorità tat-taxxa wettqet aġġustament tal-VAT dovuta minn FAU billi rrifjutatilha d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-fatturi tal-karburant minħabba li kien hemm evażjoni tal-VAT fil-katina kummerċjali li kienet tagħmel parti minnha t-tranżazzjoni mwettqa minn din il-kumpannija. Id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2017, ċaħad l-appell ta’ FAU minn dan ir-rifjut. Il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka) ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra din l-aħħar deċiżjoni. Konreo ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza ta’ din il-qorti quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
12 |
Qabel ma wettqet l-aġġustament tal-VAT dovuta minn FAU, l-awtorità tat-taxxa kienet, permezz ta’ sitt deċiżjonijiet tat‑22 ta’ April 2015 u tas‑7 ta’ Awwissu 2015, obbligat lil din il-kumpannija, bħala garanti legali, skont l-Artikolu 109(2)(b) tal-Liġi dwar il-VAT, tħallas il-VAT li Verami ma kinitx ħallset lit-Teżor Pubbliku. |
|
13 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Settembru 2016, id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi ċaħad l-appelli ta’ FAU kontra dawn is-sitt deċiżjonijiet tal-awtorità tat-taxxa. Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2019, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) annullat id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-appelli ta’ FAU minħabba li d-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi ma kienx applika b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-garanzija legali għall-VAT mhux imħallsa mill-fornitur. |
|
14 |
Wara li dawn il-kawżi ntbagħtu quddiem id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, dan ċaħad, għat-tieni darba, fis‑26 ta’ Mejju 2020, l-appelli ta’ FAU. Peress li Konreo ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tad-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) annullat l-imsemmija deċiżjonijiet minħabba li, essenzjalment, il-garanzija legali kienet timponi tassazzjoni doppja fuq FAU. Fl‑10 ta’ Frar 2023, id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi ppreżenta appell mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
15 |
Din l-aħħar qorti tindika li, fis‑26 ta’ Mejju 2020, id-data li fiha kellha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tad-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, l-aġġustamenti fiskali fil-qasam tal-VAT maħruġa kemm kontra Verami kif ukoll kontra FAU, ibbażati fuq ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT minħabba atti ta’ evażjoni, kienu saru definittivi. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li FAU ntalbet tħallas lit-Teżor Pubbliku, f’isem Verami, it-taxxa li hija kienet diġà ħallset lil din il-kumpannija waqt il-ħlas tal-fatturi ta’ karburant maħruġa minnha fil-kwalità tagħha ta’ fornitriċi. |
|
16 |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi jsostni li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jistax jiġi invokat minn persuni taxxabbli li jkunu deliberatament ipparteċipaw f’evażjoni tat-taxxa. F’tali każ, l-awtorità tat-taxxa tkun, fil-fatt, obbligata tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, peress li dawn il-persuni taxxabbli kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-katina kummerċjali kienet ivvizzjata b’evażjoni tat-taxxa. Id-Direttorat tal-Appelli tal-Finanzi jsostni li l-obbligu fiskali li jinkombi lill-persuna taxxabbli minħabba tali rifjut huwa distint mill-obbligu tagħha, abbażi tal-garanzija legali, li tiżgura l-ħlas tal-VAT dovuta mill-fornitur tagħha. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi li persuna taxxabbli simultanjament tiġi rrifjutata d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq kunsinna vvizzjata b’evażjoni tat-taxxa u tiġi obbligata, abbażi tal-garanzija legali, tħallas il-VAT dovuta mill-fornitur tagħha fuq din il-kunsinna. Fil-fatt, ikun paradossali li l-garanzija legali tapplika biss għall-persuni taxxabbli li jkunu aġixxew in bona fide u li jkunu invokaw id-dritt tagħhom għal tnaqqis tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet li jkunu wettqu. |
|
17 |
Konreo ssostni li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u l-garanzija legali għandhom jitqiesu li jeskludu lil xulxin, peress li l-applikazzjoni simultanja tagħhom tikser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-persuni taxxabbli. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tad-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi jobbligaw lil FAU tħallas tliet darbiet il-VAT fuq l-istess tranżazzjoni, l-ewwel, billi tħallasha lill-fornitur tagħha, sussegwentement, billi “tħallasha” wara r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa, u fl-aħħar, billi tħallasha skont il-garanzija legali fir-rigward tal-VAT dovuta mill-fornitur tagħha. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-dritt fiskali Ċek, il-garanzija legali għandha natura sussidjarja, fis-sens li, skont l-Artikolu 171(3) tal-Liġi Nru 280/2009 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, il-garanti jista’ jintalab jipprovdi garanzija biss meta l-awtorità tat-taxxa ma tkunx irnexxielha tirkupra d-dejn mingħand id-debitur minkejja miżura ta’ eżekuzzjoni jew meta tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu. Jekk il-garanti legali jkun effettivament eżegwixxa l-obbligu prinċipali minflok id-debitur, huwa jkollu azzjoni ta’ rkupru kontra dan tal-aħħar. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom tista’ tiġi invokata l-garanzija legali, dik il-qorti tqis li din l-azzjoni ta’ rkupru aktarx ma tirnexxix. |
|
19 |
Dan huwa l-każ ineżami, peress li Verami kienet falluta fil-mument tal-emissjoni tas-sejħiet għal garanzija ta’ FAU. Il-qorti tar-rinviju għalhekk titlaq mill-premessa li FAU, bħala garanti legali, ma hijiex ser tirkupra mingħand Verami, bħala debitur prinċipali, is-somma li hija ser tħallas lill-awtorità tat-taxxa għall-arretrati tal-VAT ta’ dan id-debitur. |
|
20 |
Din il-qorti tindika li fil-kawża prinċipali hemm inkwistjoni żewġ miżuri dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT, jiġifieri, minn naħa, ir-rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tad-destinatarju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati għall-finijiet tal-ħlas tal-VAT fuq il-provvisti taxxabbli mwettqa mill-fornitur. F’dan ir-rigward, interpretazzjoni sistematika tad-dritt Ċek turi li l-applikazzjoni simultanja ta’ dawn iż-żewġ miżuri ma hijiex eskluża. |
|
21 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li tiġi applikata, fl-istess ħin u għall-istess tranżazzjonijiet kummerċjali, responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-VAT mhux imħallsa u r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT minħabba parteċipazzjoni f’evażjoni tat-taxxa. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 205 tad-Direttiva [dwar il-VAT], moqri flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi prassi nazzjonali li tagħmilha possibbli li jiġi affermat li destinatarju ta’ provvista taxxabbli huwa [legalment] obbligat li jħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta mill-fornitur ta’ din il-provvista, għalkemm id-destinatarju ta’ din il-provvista taxxabbli diġà ġie miċħud id-dritt li titnaqqas it-taxxa minħabba li huwa kien involut fl-evażjoni tat-taxxa?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
23 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li timponi fuq il-persuna taxxabbli, destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni mwettqa bi ħlas, obbligu in solidum li tħallas il-VAT dovuta mill-fornitur ta’ dawn il-beni, minkejja li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa ġie rrifjutat lid-destinatarju ta’ din il-kunsinna ta’ beni minħabba li kien jaf jew kellu jkun jaf li kien qiegħed jipparteċipa f’evażjoni tal-VAT. |
|
24 |
Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuna għajr il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa għandha tkun responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT. |
|
25 |
L-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 tal-imsemmija direttiva, li jagħmlu parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XI tagħha, intitolata “Persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa”, jiddeterminaw il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Għalkemm l-Artikolu 193 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, bħala regola bażika, li l-VAT hija dovuta mill-persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ beni jew provvista ta’ servizzi taxxabbli, huwa madankollu jippreċiża li persuni oħra jistgħu jew għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u 202 tad-Direttiva dwar il-VAT. |
|
26 |
Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm ukoll l-Artikolu 205 tagħha, huma intiżi li jidentifikaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’diversi sitwazzjonijiet. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw lit-Teżor Pubbliku ġbir effettiv tal-VAT mingħand il-persuna l-iktar adegwata fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI,C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 28, u tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde,C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 20). |
|
27 |
L-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti, fil-prinċipju, lill-Istati Membri, bil-għan ta’ ġbir effettiv tal-VAT, jadottaw miżuri li permezz tagħhom persuna għajr dik li normalment tkun responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa skont l-Artikoli 193 sa 200 u 202 sa 204 ta’ din id-direttiva tkun obbligata in solidum tħallas l-imsemmija taxxa (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 29, u tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 21). |
|
28 |
Madankollu, peress li dan l-Artikolu 205 la jispeċifika l-persuni li l-Istati Membri jistgħu jindikaw bħala debituri in solidum u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom tista’ ssir tali indikazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum prevista fl-imsemmi artikolu b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punti 31 u 32, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 22). |
|
29 |
Fir-rigward ta’ dan l-aħħar prinċipju, li fid-dawl tiegħu l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, filwaqt li huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jkunu intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku bl-iktar mod effettiv possibbli, huma madankollu ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 33, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 23). |
|
30 |
F’dan il-kuntest, l-eżerċizzju tal-possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri li jindikaw debitur in solidum għajr il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa sabiex jiġi żgurat ġbir effettiv ta’ din tal-aħħar għandu jkun iġġustifikat mir-relazzjoni fattwali u/jew ġuridika eżistenti bejn iż-żewġ persuni kkonċernati fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Huma l-Istati Membri li għandhom jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi partikolari li fihom persuna bħalma hija d-destinatarju ta’ tranżazzjoni taxxabbli għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa dovuta mill-parti kontraenti tagħha (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 34, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 24). |
|
31 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi possibbli hija għan irrikonoxxut u inkoraġġit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sistema komuni tal-VAT u li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt iwassal sabiex jiġu pprojbiti l-arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika, imwettqa bl-għan uniku li jinkiseb vantaġġ fiskali (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 35, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 25). |
|
32 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT jippermetti lil Stat Membru jżomm persuna responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT meta, fil-mument tat-tranżazzjoni mwettqa favur tagħha, hija kienet taf jew kellha tkun taf li t-taxxa dovuta fuq din it-tranżazzjoni, jew fuq tranżazzjoni preċedenti jew sussegwenti, ma kinitx ser titħallas, u jibbaża ruħu fuq preżunzjonijiet f’dan ir-rigward, bil-kundizzjoni li tali preżunzjonijiet ma jkunux ifformulati b’tali mod li jkun prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna għall-persuna taxxabbli li tikkonfutahom bil-produzzjoni ta’ provi kuntrarji u b’hekk tinħoloq sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitħarsu d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku. Fil-fatt, l-operaturi li jieħdu kull miżura li tista’ raġonevolment tkun meħtieġa minnhom sabiex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet tagħhom ma jagħmlux parti minn katina abbużiva jew frawdolenti għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-legalità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mingħajr ir-riskju li jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din it-taxxa dovuta minn persuna taxxabbli oħra (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 36, u tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 26). |
|
33 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 109 tal-Liġi dwar il-VAT jittrasponi l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT. Hija tindika li l-awtorità tat-taxxa qieset li FAU, bħala kumpannija responsabbli in solidum, kienet marbuta tħallas il-VAT li Verami ma kinitx ħallset lit-Teżor Pubbliku. L-awtorità tat-taxxa bbażat din ir-responsabbiltà fuq l-Artikolu 109(2)(b) tal-Liġi dwar il-VAT, li jipprevedi li d-destinatarju tal-provvista taxxabbli huwa obbligat iħallas it-taxxa mhux imħallsa fuq din il-provvista, jekk ir-remunerazzjoni mħallsa bħala korrispettiv għall-provvista tkun saret kompletament jew parzjalment permezz ta’ trasferiment f’kont ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsab barra mit-territorju Ċek. |
|
34 |
Skont din il-qorti, ir-responsabbiltà in solidum skont l-Artikolu 109(2)(b) tal-Liġi dwar il-VAT, kif interpretat mill-qrati nazzjonali, hija suġġetta għall-fatt li, minbarra l-ħlas effettiv f’kont ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas barra mill-pajjiż, għandu jkun hemm ċirkustanzi oħra li minnhom jirriżulta b’mod ċar li l-persuna taxxabbli li wettqet il-ħlas f’dan il-kont kienet taf jew kellha tkun taf li l-ħlas hekk imwettaq barra mill-pajjiż kien intiż preċiżament sabiex jevita l-ħlas tat-taxxa. Dan huwa l-każ ineżami għal dak li jirrigwarda l-ħlas imwettaq minn FAU lill-fornitriċi tagħha, Verami. |
|
35 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-informazzjoni fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li FAU ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tistabbilixxi li hija kienet ħadet kull miżura li setgħet raġonevolment tintalab minnha sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet li hija kienet wettqet ma kinux jagħmlu parti minn katina abbużiva jew frawdolenti. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprekludix li, fis-sitwazzjoni deskritta fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza, l-awtorità tat-taxxa tapplika dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi żgurat il-ġbir effettiv tal-VAT, timponi fuq id-destinatarju tal-kunsinna ta’ beni bi ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali obbligu in solidum li jħallas il-VAT dovuta mill-fornitur tagħhom. |
|
37 |
Għandu jingħad ukoll li, kif jindika, essenzjalment, il-Gvern Ċek, l-implimentazzjoni ta’ tali responsabbiltà in solidum hija bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tar-regoli nazzjonali tad-dritt ċivili li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli, responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT, u l-persuna taxxabbli normalment responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa. Il-qorti tar-rinviju tikkonferma, f’dan ir-rigward, li d-dritt Ċek jipprevedi li, fil-każ ta’ ħlas tat-taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli, il-persuna responsabbli in solidum tista’ teżerċita azzjoni ta’ rkupru kontra tagħha. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-informazzjoni fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li Verami, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, hija s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li tapplika l-mekkaniżmu tar-responsabbiltà in solidum, skont id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, ma tistax tiddependi mill-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-azzjoni ta’ rkupru li tista’ tressaq il-persuna responsabbli in solidum. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tista’ ssir diffiċli sal-punt li tippreġudika ġbir effettiv tal-VAT, peress li l-awtorità tat-taxxa tkun obbligata tevalwa minn qabel jekk il-persuna taxxabbli li hija jkollha l-intenzjoni tidentifika bħala responsabbli in solidum tiksibx ir-rimbors tal-ammont tat-taxxa mħallsa minflok il-persuna taxxabbli. |
|
39 |
Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi possibbli hija għan irrikonoxxut u inkoraġġit mid-Direttiva dwar il-VAT, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt ikun invokat frawdolentement jew abbużivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Finanzamt M (Portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT), C‑596/21, EU:C:2022:921, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT għandu jiġi rrifjutat mhux biss meta titwettaq evażjoni mill-persuna taxxabbli stess, iżda wkoll meta jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli, li ġew ikkunsinnati jew ipprovduti lilha l-beni jew is-servizzi li servew ta’ bażi sabiex jiġi invokat id-dritt għal tnaqqis fuqhom, kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist ta’ dawn il-beni jew ta’ dawn is-servizzi, hija pparteċipat, jew tal-inqas iffaċilitat, tranżazzjoni involuta f’evażjoni tal-VAT. Fil-fatt, tali persuna taxxabbli għandha, għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, titqies bħala li pparteċipat fl-evażjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tiksibx jew le benefiċċju mill-bejgħ mill-ġdid tal-beni jew mill-użu tas-servizzi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet tal-output intaxxati mwettqa minnha, fejn din il-persuna taxxabbli, f’tali sitwazzjoni, tgħin lill-awturi ta’ din l-evażjoni u ssir kompliċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Finanzamt M (Portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT), C‑596/21, EU:C:2022:921, punti 25 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
L-obbligu impost fuq l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis meta persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni kienet marbuta ma’ evażjoni għandu b’mod partikolari l-għan li jobbliga lill-persuni taxxabbli jwettqu d-diliġenza li tista’ tkun raġonevolment meħtieġa matul kull tranżazzjoni ekonomika sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet li huma jwettqu ma jwassluhomx sabiex jipparteċipaw f’evażjoni tat-taxxa (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Finanzamt M (Portata tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT), C‑596/21, EU:C:2022:921, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, id-destinatarju tal-kunsinna ta’ beni kien jaf jew kellu jkun jaf li, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri, huwa kien qiegħed jipparteċipa f’evażjoni tat-taxxa, l-awtorità tat-taxxa kienet obbligata tirrifjutalu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. |
|
43 |
Jonqos jiġi evalwat, fit-tielet lok, jekk huwiex possibbli li jiġu applikati, fl-istess ħin, iż-żewġ miżuri li jikkonsistu, minn naħa, fl-impożizzjoni fuq persuna taxxabbli destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni bi ħlas, bħal FAU, tal-obbligu in solidum, skont dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, li tħallas il-VAT mhux imħallsa mill-persuna taxxabbli fornitur ta’ dawn il-beni u, min-naħa l-oħra, fir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT li din il-persuna taxxabbli destinatarja ħallset lil dan il-fornitur. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT ma tista’ tinvoka ebda dritt għal tnaqqis tal-VAT f’każijiet ta’ evażjoni, tali dritt għal tnaqqis ma jistax, a fortiori, jiġi ttrasferit lill-persuna taxxabbli li hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-imsemmija taxxa skont id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Dranken Van Eetvelde, C‑331/23, EU:C:2024:1027, punt 45). |
|
45 |
Minn dan isegwi li, f’tali sitwazzjoni ta’ evażjoni tat-taxxa, is-sistema prevista mid-Direttiva dwar il-VAT tippermetti lill-awtorità tat-taxxa tapplika b’mod awtonomu r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u r-responsabbiltà in solidum skont dan l-Artikolu 205, mingħajr ma tkun obbligata tagħżel bejn dawn iż-żewġ miżuri. |
|
46 |
Konsegwentement, id-Direttiva tal-VAT ma tipprekludix lill-awtorità tat-taxxa milli tapplika l-imsemmija miżuri fil-konfront tal-istess persuna taxxabbli, li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li hija kienet taf jew kellha tkun taf li kienet qiegħda tipparteċipa f’evażjoni tal-VAT, peress li l-applikazzjoni tagħhom ma tippreġudikax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
47 |
Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 42 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT li persuna taxxabbli, bħala destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni, tkun ħallset lill-fornitur ta’ dawn il-beni jikkostitwixxi applikazzjoni korretta tas-sistema komuni tal-VAT fil-każ fejn din il-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tat-tranżazzjoni kkonċernata, hija kienet qiegħda tipparteċipa f’evażjoni tat-taxxa. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà in solidum, skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, fir-rigward tal-imsemmija persuna taxxabbli destinatarja ta’ din il-kunsinna, twassal sabiex din tal-aħħar tħallas it-taxxa normalment dovuta mill-fornitur tal-merkanzija kkonċernata, f’sitwazzjoni fejn, fil-preżenza ta’ tali evażjoni tat-taxxa, l-awtorità tat-taxxa tqis li l-applikazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà tippermetti li jiġi żgurat ġbir effikaċi ta’ din it-taxxa. |
|
49 |
Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-awtorità tat-taxxa tista’ tindika, bħala responsabbli in solidum skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, persuna taxxabbli li diġà ħallset il-VAT billi ħallset il-prezz tat-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, ALTI, C‑4/20, EU:C:2021:397, punt 34). Minn dan isegwi li l-indikazzjoni ta’ persuna, għajr il-persuna taxxabbli normalment responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, bħala responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din it-taxxa, skont dan l-artikolu, ma tiddependix mill-fatt li din il-persuna tkun ħallset il-VAT iffatturatha lilha minn din il-persuna taxxabbli u, konsegwentement, ma tiddependix mill-fatt dwar jekk l-imsemmija persuna kisbitx jew le d-dritt għal tnaqqis tal-VAT. |
|
50 |
Barra minn hekk, ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u r-responsabbiltà in solidum skont dan l-Artikolu 205 għandhom żewġ għanijiet distinti u komplementari, li jikkonsistu, rispettivament, fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u fl-assigurazzjoni lit-Teżor Pubbliku tal-ġbir effikaċi tal-VAT mingħand il-persuni l-iktar adegwati fid-dawl tas-sitwazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ evażjoni. Il-fatt li l-awtorità tat-taxxa tintalab tapplika alternattivament dawn il-miżuri jwassalha sabiex teskludi, tal-inqas parzjalment, wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet, li ma jistax jiġi ġġustifikat fil-każ ta’ persuni taxxabbli li kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li kienu qegħdin jipparteċipaw f’evażjoni tat-taxxa. |
|
51 |
Kif indikaw id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi u l-Gvern Ċek, is-soluzzjoni kuntrarja, li tikkonsisti fil-fatt li ma jkunux jistgħu jinżammu responsabbli in solidum, skont l-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-VAT, il-persuni taxxabbli li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT ġie rrifjutat lilhom, timplika li huma biss il-persuni taxxabbli li jaġixxu in bona fide, li jkollhom id-dritt li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom, li jistgħu jiġu indikati, skont dan l-artikolu, bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli normalment responsabbli għall-ħlas tagħha. Minn dan jirriżulta li l-persuni taxxabbli li jkunu aġixxew in bona fide jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-persuni taxxabbli li kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li kienu qegħdin jipparteċipaw f’evażjoni tat-taxxa. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li, fuq il-persuna taxxabbli destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni bi ħlas, jiġi impost obbligu in solidum li tħallas il-VAT dovuta mill-persuna taxxabbli fornitur ta’ dawn il-beni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma għandux bħala konsegwenza arrikkiment indebitu tal-awtorità tat-taxxa. Fil-fatt, billi tirrifjuta, minn naħa, lill-ewwel persuna taxxabbli, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT f’sitwazzjoni fejn din kienet taf jew kellha tkun taf li kienet qiegħda tipparteċipa f’evażjoni tat-taxxa, u billi tindika, min-naħa l-oħra, lil din l-ewwel persuna taxxabbli bħala responsabbli in solidum li tħallas il-VAT dovuta mit-tieni persuna taxxabbli, l-awtorità tat-taxxa sempliċement tieħu miżuri li jistgħu jippermettulha tikseb il-ħlas tal-ammonti tal-VAT separati li jkunu dovuti lilha minn dawn iż-żewġ persuni taxxabbli. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 205 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prassi nazzjonali li timponi fuq il-persuna taxxabbli, destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni mwettqa bi ħlas, obbligu in solidum li tħallas il-VAT dovuta mill-fornitur ta’ dawn il-beni, minkejja li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa ġie rrifjutat lid-destinatarju ta’ din il-kunsinna ta’ beni minħabba li kien jaf jew kellu jkun jaf li kien qiegħed jipparteċipa f’evażjoni tal-VAT. |
Fuq l-ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 205 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1695, tas‑6 ta’ Novembru 2018, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, |
|
għandu jiġu interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix prassi nazzjonali li timponi fuq il-persuna taxxabbli, destinatarja ta’ kunsinna ta’ beni mwettqa bi ħlas, obbligu in solidum li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta mill-fornitur ta’ dawn il-beni, minkejja li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input dovuta jew imħallsa ġie rrifjutat lid-destinatarju ta’ din il-kunsinna ta’ beni minħabba li kien jaf jew kellu jkun jaf li kien qiegħed jipparteċipa f’evażjoni tal-VAT. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.