Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK – Artikolu 1(1)(b) u Artikolu 2(1)(d) – Miżuri restrittivi imposti fuq persuna fiżika li tagħti appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Crimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina – Artikolu 21 TFUE – Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ moviment – Miżuri restrittivi li jaffettwaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑400/25 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑13 ta’ Ġunju 2025,

Gennady Nikolayevich Timchenko, residenti f’Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn S. Bonifassi, T. Bontinck, E. Fedorova u J. Goffin, avocats,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-C. Cadilhac u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Gennady Nikolayevich Timchenko jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ April 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑297/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2025:352), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż, minn naħa, għall-annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2023”), u it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Settembru 2023”), sa fejn l-atti ta’ Marzu u ta’ Settembru 2023 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernawh u, min-naħa l-oħra, sabiex jikseb abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 32 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor u kkompletat kif ġej.

3        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

4        L-appellant huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa u Finlandiża.

5        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

7        Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1). Fl-istess jum, din l-istituzzjoni adottat ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).

 Id-Direttiva 2004/38/KE

8        Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), ġiet adottata abbażi tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikoli 12, 18, 40, 44 u 52 KE.

9        Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi:

“Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skont id-disposizzjonijiet tat-Trattat.”

10      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri miċ-ċittadini ta' l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)      id-dritt ta' residenza permanenti fit-territorju ta' l-Istat Membru taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f'(a) u (b) minħabba raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

11      Taħt il-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27 tagħha, intitolat “Prinċipji ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' moviment u residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m' għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m'għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali m'għandhomx jiġu aċċettati.

[...]”

12      Skont l-Artikolu 42 tal-istess direttiva, l-Istati Membri huma d-destinatarji tagħha.

 Id-Deċiżjoni 2014/145 fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023

13      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarju sabiex jipprekludu d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom, fost oħrajn, tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a), (b) u (e), filwaqt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a), (d) u (g) tagħha, liema kriterji tal-aħħar huma essenzjalment identiċi għal dawk previsti rispettivament fil-punti (a), (b) u (e) tal-Artikolu 1(1).

14      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023, kien jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:

(a)      persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;

(b)      persuni fiżiċi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[...]

(e)      negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.      Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)      bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)      bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;

(c)      taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)      taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal‑1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.      Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.      Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

6.      L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f'laqgħat intergovernattivi, u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

[...]”

15      L-Artikolu 2(1)(a), (d), (g) u in fine tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data ta’ adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023 kien ifformulat kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a)      persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;

[...]

(d)      persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

[...]

(g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

 Id-Deċiżjoni 2014/145 fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023

16      Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 20). B’mod partikolari, il-kriterji indikati fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094, issa jkopru negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jiksbu vantaġġ minnhom, kif ukoll negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Crimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Min-naħa l-oħra, il-kriterji previsti fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) kif ukoll fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) ta’ din id-Deċiżjoni 2014/145 baqgħu l-istess meta pparagunati ma’ dawk previsti fid-Deċiżjoni 2014/145 fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023.

 Ir-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023

17      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/330, jelenka l-kriterji li jirregolaw, fost oħrajn, l-inklużjoni, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, ta’ persuni fiżiċi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu. Il-kriterji indikati f’dan l-Artikolu 3(1)(a), (d) u (g) huma, essenzjalment, identiċi għal dawk imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

 Ir-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023

18      Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1089 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 146, p. 1). B’mod partikolari, il-kriterju li jinsab fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2023/1089, jirriżulta minn modifika essenzjalment identika għal dik indikata fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(1)(a) u (d) ta’ dan ir-Regolament Nru 269/2014 baqgħu l-istess meta pparagunati ma’ dawk previsti fir-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-adozzjoni tal-atti tax-xahar ta’ Marzu 2023.

 L-atti kontenzjużi

19      L-atti ta’ Marzu 2023 żammew fis-seħħ, għar-raġunijiet segwenti, il-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellant permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat‑28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat‑28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113):

“[L-appellant] huwa konoxxenza għal żmien twil tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u deskritt b’mod ġenerali bħala wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu.

Huwa qed jibbenefika mill-konnessjonijiet tiegħu ma’ persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa. Volga Grupp jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha.

Huwa wkoll azzjonist [tal-]Bank Rossiya li huwa meqjus bħala l-bank ta’ Putin u tal-assoċjati tiegħu. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, il-Bank Rossiya fetaħ fergħat fil-Krimea kollha u f’Sevastopol, biex b’hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa.

Barra minn hekk, il-Bank Rossiya għandu interessi fin-National Media Group, azjenda tal-media, li tikkontrolla 28 intrapriża tal-media fir-Russja li qed ixerrdu b’mod attiv il-propaganda u d-diżinformazzjoni relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni [tal-Federazzjoni] Russa kontra l-Ukrajna.

Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jew materjali, u li jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”

20      L-atti ta’ Settembru 2023, għal raġunijiet essenzjalment identiċi u kkompletati bl-indikazzjoni li l-appellant kien “negozjant ewlieni li qed jopera fir-Russja”, żammew fis-seħħ il-miżuri restrittivi li kienu diġà nżammu fis-seħħ għall-ewwel darba kontra l-appellant permezz tal-atti ta’ Marzu 2023.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21      Permezz ta’ rikors tal‑24 ta’ Mejju 2023, l-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikseb b’mod partikolari l-annullament tal-atti kontenzjużi. Għal dan l-għan, huwa invoka sitt motivi li l-ewwel wieħed minnhom kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill u l-ħames wieħed fuq ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment previst fl-Artikolu 21 TFUE, tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

22      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv li permezz tiegħu l-appellant sostna b’mod partikolari li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li, kemm fl-atti ta’ Marzu 2023 kif ukoll fl-atti ta’ Settembru 2023, il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(b) u fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli għad-data ta’ adozzjoni tal-atti kontenzjużi (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2015/145”) kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 269/2014 fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli f’dawn iż-żewġ dati (iktar ’il quddiem ir-Regolament Nru 269/2014”), (iktar ’il quddiem il-“kriterju (d)”) kien issodisfatt fir-rigward tiegħu.

23      Fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 143 sa 147 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-appellant, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist sinjifikattiv tal-Bank Rossiya li hija stess tat appoġġ finanzjarju lil V. Putin, kien appoġġa finanzjarjament lil dan tal-aħħar, b’tali mod li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterju (d).

24      Fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, għall-istess raġunijiet, li l-Kunsill seta’ validament iqis, f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ Settembru 2023, li l-appellant kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterju (d), u dan iktar u iktar peress li l-Kunsill kien enfasizza li, permezz ta’ eżenzjonijiet fiskali, l-appellant kien jikseb “vantaġġ mill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina”, fis-sens ta’ dan il-kriterju.

25      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-ħames motiv invokat mill-appellant. Fil-punti 179 sa 182 tas-sentenza appellata, hija qieset essenzjalment li limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE u fl-Artikolu 45(1) tal-Karta setgħu jiġi imposti permezz tad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Hija qieset ukoll, fil-punti 183 sa 193 ta’ din is-sentenza, li limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, bħal dawk imposti mill-miżuri restrittivi li għalihom kien suġġett l-appellant, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi li tali limitazzjonijiet għandhom ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tad-dritt ikkonċernat kif ukoll, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

26      Barra minn hekk, peress li ċaħdet il-motivi l-oħra invokati mill-appellant, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 221 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

27      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, inkluż sa fejn ikkundannatu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kunsill;

–        tilqa’ l-appell fuq il-mertu u tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawh, u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

28      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

29      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem għaxar aggravji, li minnhom l-ewwel sar-raba’ u t-tmien aggravju huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fir-rigward tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, il-ħames wieħed, fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(a), u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 269/2014, is-sitt wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kriterju (d), is-seba’ wieħed, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward ta’ dan il-kriterju, id-disa’ wieħed fuq żball ta’ liġi fl-analiżi, mill-Qorti Ġenerali, tar-restrizzjoni imposta mill-atti kontenzjużi fuq il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza li l-appellant igawdi bħala ċittadin tal-Unjoni u, l-għaxar wieħed, fuq żbalji ta’ liġi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn l-atti u tal-osservanza tal-kontenut essenzjali ta’ din il-libertà.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li l-ewwel jiġu eżaminati s-sitt u s-seba’ aggravju, sussegwentement id-disa’ u l-għaxar aggravju u, fl-aħħar nett, l-ewwel sal-ħames u t-tmien aggravju.

 Fuq is-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tas-sitt aggravju tiegħu li jirrigwarda l-punti 144, 146 u 147 tas-sentenza appellata dwar l-analiżi tal-fondatezza tal-atti ta’ Marzu 2023 fid-dawl tal-kriterju (d), l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta adottat interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju” lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, fis-sens ta’ dan il-kriterju, u li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

32      L-ewwel nett, fil-punti 146 u 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, b’mod arbitrarju u abbużiv u f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll mal-ġurisprudenza tagħha stess, l-eżistenza ta’ tali appoġġ, għas-sempliċi raġuni li l-Bank Rossiya, li l-appellant huwa “azzjonist sinjifikattiv” tagħha, tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-President tal-Federazzjoni Russa, V. Putin. Fil-fatt, l-appoġġ materjali jew finanzjarju previst mill-kriterju (d) għandu jkun ta’ ċerta importanza kwantitattiva jew kwalitattiva b’tali mod li jippermetti effettivament it-tkomplija tal-azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina u għandu jingħata direttament mill-persuna kkonċernata minħabba atti mwettqa minnha, u mhux permezz ta’ entità oħra, bħal, f’dan il-każ, il-Bank Rossiya.

33      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija ma pprovatx tiddetermina jekk l-appellant kienx ikkontribwixxa għall-allegat appoġġ finanzjarju mogħti mill-Bank Rossiya lil V. Putin, peress li isem l-appellant fil-fatt ma ssemmiex fil-punt 144 tas-sentenza appellata.

34      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali baqgħet ma spjegatx ir-rilevanza tal-istatus ta’ azzjonist minoritarju u indirett tal-appellant għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju (d) u naqset ukoll milli twieġeb għall-argumenti tal-appellant dwar dan l-istatus ta’ azzjonist. F’dan ir-rigward, l-appellant jirreferi għall-argumenti mressqa f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ħames aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 136 ta’ din is-sentenza dwar il-klassifikazzjoni tal-appellant bħala “azzjonist sinjifikattiv” tal-Bank Rossiya. Permezz ta’ dawn l-argumenti, l-appellant iqis essenzjalment li l-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega kif azzjonist minoritarju u indirett ta’ kumpannija bħall-Bank Rossiya seta’ jitqies bħala sinjifikattiv, meta tali azzjonist bl-ebda mod ma huwa f’pożizzjoni li la jorjenta l-attività ta’ din il-kumpannija jew il-ġestjoni ta’ kuljum tagħha u lanqas li jinfluwenza b’ebda mod id-deċiżjonijiet meħuda minnha.

35      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ sentenza jew ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex, madankollu, tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża, u għalhekk din il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita kemm-il darba tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ma spjegatx b’mod suffiċjenti għaliex huwa seta’ jiġi kklassifikat, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, bħala “azzjonist sinjifikattiv” tal-Bank Rossiya, meta huwa kien biss azzjonist minoritarju u indirett.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 147 ta’ din is-sentenza għandu jinqara flimkien mal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 136 tal-imsemmija sentenza dwar l-istatus u r-rwol li l-appellant kellu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-Bank Rossiya.

39      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, mhux talli ma injoratx l-istatus ta’ azzjonist minoritarju u indirett tal-appellant, fil-punti 132 sa 135 tal-istess sentenza, iżda talli spjegat għal liema raġunijiet seta’ jitqies, fid-dawl tal-fatti li hija kienet eżaminat u li l-appellant ma jinvoka ebda żnaturament tagħhom la fil-kuntest tas-sitt aggravju u lanqas f’dak tal-ħames aggravju, li l-appellant kellu minkejja kollox jiġi kklassifikat bħala azzjonist sinjifikattiv.

40      Fil-fatt, minn naħa, fil-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-appellant kien azzjonist indirett tal-Bank Rossiya sa fejn l-azzjonijiet kienu miżmuma minn kumpannija li kienet kompletament proprjetà ta’ grupp huwa kien l-azzjonist uniku tiegħu, spjegat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li, f’tali skema ta’ detenzjoni kapitalistika li kienet kompletament f’idejn l-appellant, l-interpożizzjoni ta’ din il-kumpannija bejn dan tal-aħħar u l-Bank Rossiya ma kinitx taffettwa l-fatt li l-azzjonijiet ta’ dan il-bank kellhom jitqiesu bħala miżmuma mill-appellant innifsu.

41      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, li l-appellant kien azzjonist minoritarju tal-Bank Rossiya sa fejn huwa kellu biss, permezz tal-kumpannija u tal-grupp imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, 10.323 % tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank, li madankollu kien jagħmluh it-tieni l-ikbar azzjonist tagħha. Fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet li kważi 60 % tal-azzjonijiet tal-imsemmi bank kienu f’idejn erba’ persuni, fosthom l-appellant, li kienu qrib ħafna tal-persuni ta’ madwar V. Putin u kienu, għal iktar minn għaxar snin, grupp ta’ azzjonisti stabbli tal-Bank Rossiya. Minn dan hija għalhekk iddeduċiet, fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, li, fil-kwalità tiegħu tat-tieni l-ikbar azzjonist ta’ dan il-bank fost tliet membri oħra li jagħmlu parti mill-grupp ta’ azzjonisti storiċi stabbli tiegħu, huwa kellu jiġi kklassifikat bħala azzjonist “sinjifikattiv”.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellant seta’ faċilment jifhem li n-natura “sinjifikattiva” tal-istatus tiegħu bħala azzjonist kienet tirriżulta, indipendentement mill-ammont tal-azzjonijiet tiegħu, mir-rabtiet mill-qrib u stabbli li huwa kellu mat-tliet azzjonisti l-oħra tal-imsemmi bank kif ukoll mal-persuni ta’ madwar V. Putin.

43      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn ma pprovatx tiddetermina jekk huwa kienx ikkontribwixxa għall-allegat appoġġ finanzjarju mogħti mill-Bank Rossiya lil V. Putin, peress li ismu ma jissemmiex fil-punt 144 tas-sentenza appellata, dan għandu wkoll jiġi miċħud.

44      Fil-fatt, minn naħa, l-appellant seta’ faċilment jifhem mill-punti 146 u 147 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mal-punti 132 sa 136 tagħha, li l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Bank Rossiya lill-President tal-Federazzjoni Russa, V. Putin, seta’ jiġi attribwit lilu bħala azzjonist sinjifikattiv ta’ dan il-bank, u dan bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, billi adottat tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ finanzjarju”, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi. Min-naħa l-oħra, il-punt 144 tas-sentenza appellata jirrigwarda biss il-konstatazzjoni fattwali li l-imsemmi bank jagħti dan l-appoġġ finanzjarju, b’tali mod li huwa irrilevanti li isem l-appellant ma jidhirx f’dan il-punt 144.

45      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “appoġġ materjali jew finanzjarju” imsemmi fil-kriterju (d), għandu jitfakkar li dan il-kriterju huwa intiż li jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Crimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina jew li jiksbu vantaġġ minn dawn il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet, filwaqt li huwa ppreċiżat li, f’dan il-każ, hija biss il-parti tal-imsemmi kriterju dwar l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet li hija rilevanti.

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kriterju li, bħall-kriterju (d), jirrigwarda għajnuna mogħtija b’mod partikolari minn persuni fiżiċi, huwa ta’ natura ġenerali u ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “appoġġ”, jew preċiżazzjonijiet dwar il-metodi ta’ prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi bħall-appellant dejjem teżiġi l-produzzjoni ta’ provi li jippermettu li jintwera li l-persuna kkonċernata ikkontribwixxiet fl-għoti tal-appoġġ. Fil-fatt, fil-formulazzjoni ta’ tali kriterju, ma teżisti ebda preżunzjoni ta’ appoġġ (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punti 42 sa 44, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punti 61 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-konklużjoni, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023, l-appellant kien jagħti “appoġġ finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (d), lil V. Putin hija bbażata fuq il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143 sa 146 ta’ din is-sentenza, kif ukoll, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, fuq il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 132 sa 136 tas-sentenza appellata.

48      Minn dawn id-diversi punti kollha tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset, fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ prova li hija eżaminat u li l-appellant ma jallegax l-iżnaturament tagħhom fl-istadju tal-appell, li, minn naħa, il-Bank Rossiya, istituzzjoni bankarja qrib ħafna tal-persuni ta’ madwar V. Putin, kienet b’mod partikolari tat appoġġ finanzjarju kunsiderevoli lil dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li l-appellant, ħabib tiegħu u t-tieni l-ikbar azzjonist ta’ dan il-bank, kien jifforma parti, flimkien ma’ tlitt iħbieb oħra ta’ Putin, mill-blokk stabbli u maġġoritarju tas-soċji tal-imsemmi bank u li għalhekk kien azzjonist sinjifikattiv tiegħu.

49      Għalhekk, sabiex waslet għall-konklużjoni li tinsab fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-kunċett ta’ “appoġġ finanzjarju”, fis-sens tal-kriterju (d), seta’ jkopri, skont iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, appoġġ li ma huwiex ipprovdut direttament mill-persuna fiżika li hija s-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont dan il-kriterju, iżda li jista’ jiġi attribwit lilha mill-fatt li hija taġixxi fi ħdan jew permezz ta’ persuna ġuridika li tipprovdi direttament l-appoġġ ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill, C‑702/23 P, EU:C:2026:605, punti 33 sa 35).

50      It-tieni nett, ma jistax jitqies li, billi ddeċidiet li l-kunċett ta’ “appoġġ finanzjarju” previst mill-kriterju (d) seta’ jkopri tali każ, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li dan il-prinċipju ma jimponix fuq il-qorti tal-Unjoni l-obbligu li ssemmi fid-dettall il-każijiet li fihom tali kunċett jista’ japplika u li l-mod kif jinftiehem dan il-kunċett jiddependi ħafna mill-kuntest u miċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 191).

51      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-appoġġ finanzjarju previst mill-kriterju (d) għandu jkun ta’ ċerta importanza kwantitattiva jew kwalitattiva, għandu jiġi rrilevat li, bħalma kien sostna l-appellant fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza li huwa jiċċita tirrigwarda l-kunċett ta’ “appoġġ finanzjarju” previst minn kriterju simili għall-kriterju (d) adottat mill-Kunsill fil-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

52      Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat essenzjalment, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, li l-Bank Rossiya u, għaldaqstant, l-appellant innifsu bħala azzjonist sinjifikattiv ta’ dan il-bank, kienu pprovdew appoġġ finanzjarju ta’ importanza kwantitattiva kunsiderevoli lill-persuni ta’ madwar V. Putin fil-forma ta’ “xmajjar” ta’ dollari Amerikani (USD) kif ukoll lil V. Putin innifsu u lill-ħbieb tiegħu f’ammont ta’ USD 2 biljun miżmuma offshore, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li injorat din il-ġurisprudenza, mingħajr ma huwa barra minn hekk neċessarju li jiġi vverifikat jekk din tistax tiġi trasposta b’analoġija għall-kriterju (d).

53      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-seba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

54      Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu li għandu jinqasam f’żewġ partijiet, l-appellant isostni, fil-kuntest tal-ewwel waħda minn dawn il-partijiet, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet ir-raġunijiet tagħha stess għal dawk tal-Kunsill, billi qieset, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2023, l-applikazzjoni tal-kriterju (d) għall-każ tiegħu setgħet kienet immotivata mill-fatt li l-Bank Rossiya kienet iddevjat fondi għall-benefiċċju ta’ V. Putin u l-ħbieb tiegħu, meta tali allegazzjoni ma kinitx ġiet ifformulata mill-Kunsill fl-espożizzjoni tar-raġunijiet ta’ dawn l-atti u, fi kwalunkwe każ, ma ġietx ipprovata minn din l-istituzzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali pprovat timla’ l-lakuni fil-motivazzjoni tal-Kunsill, peress li dan tal-aħħar illimita ruħu, quddiemha, li juri l-eżistenza ta’ appoġġ finanzjarju tal-Bank Rossiya lil V. Putin.

55      Fil-kuntest tat-tieni parti tas-seba’ aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, fl-analiżi tagħha tal-fondatezza tal-atti ta’ Settembru 2023, wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet ir-raġunijiet tagħha stess għal dawk tal-Kunsill, meta qieset, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, li l-appellant kien ibbenefika minn eżenzjonijiet fiskali u li żewġ kumpanniji li l-appellant kien azzjonist tagħhom kienu rċevew għajnuna mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li tali motivi ma jidhrux fl-espożizzjoni tar-raġunijiet ta’ dawn l-atti u ma ġewx ifformulati mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-kriterju (d) għall-appellant.

56      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57      Fir-rigward tal-ewwel parti tas-seba’ aggravju, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li jkollha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tar-raġunijiet li fuqha tkun ibbażata din id-deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux ikun limitat għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà astratta tar-raġunijiet invokati, iżda għandu jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn ir-raġunijiet, jew tal-inqas, waħda minnhom ikkunsidrata bħala li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex issostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati. Għal dan il-għan, il-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, li jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami. Għalkemm ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għar-raġunijiet allegati fl-att li jkun intalab l-annullament tiegħu, huwa madankollu meħtieġ li l-informazzjoni jew il-provi prodotti jissostanzjaw ir-raġunijiet miżmuma kontra l-persuna kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 327 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-espożizzjoni tar-raġunijiet li tinsab fl-atti ta’ Marzu 2023 tindika li l-appellant jipprovdi “appoġġ finanzjarju jew materjali [lil] persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna” u li huwa “azzjonist [tal-]Bank Rossiya li huwa meqjus bħala l-bank ta’ Putin u tal-assoċjati tiegħu”. Għaldaqstant u fid-dawl tal-fatt li ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li dawn is-siltiet ta’ din l-espożizzjoni tar-raġunijiet jirreferu għall-kriterju (d), il-Qorti Ġenerali kellha, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-legalità ta’ dawn l-atti u b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, tivverifika jekk l-appellant kienx jipprovdi, direttament jew permezz ta’ dan il-bank, appoġġ finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, billi teżamina f’dan ir-rigward il-provi prodotti mill-Kunsill u diskussi quddiemha.

59      Dan huwa preċiżament dak li l-Qorti Ġenerali għamlet fil-punti 143 sa 147 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, il-fatt li, fil-punti 143 u 144 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat provi li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Bank Rossiya kienet tipprovdi appoġġ finanzjarju lil V. Putin u lill-persuni ta’ madwaru permezz ta’ devjazzjoni ta’ fondi jaqa’ taħt il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali sa fejn l-eżistenza ta’ tali appoġġ min-naħa ta’ dan il-bank kellha tiġi kkonstatata fl-ewwel lok qabel ma jiġi ddeterminat jekk dan l-appoġġ setax jiġi imputat lill-appellant bħala azzjonist tal-imsemmi bank. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ssostitwixxiet ir-raġunijiet tagħha stess għal dawk adottati mill-Kunsill.

60      Fir-rigward tat-tieni parti tas-seba’ aggravju, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ilmenti indirizzati kontra raġunijiet ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mogħtija għal finijiet ta’ kompletezza ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant ikunu ineffettivi (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61      Issa, il-punt 162 tas-sentenza appellata, introdott bil-frażi “barra minn hekk”, huwa ta’ natura superfluwa fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, li ma huwiex ikkontestat fl-istadju tal-appell u li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023, l-appellant ma kienx wera li s-sitwazzjoni personali tiegħu kienet evolviet meta pparagunata mas-sitwazzjoni tiegħu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023.

62      Peress li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet essenzjalment, fil-punti 161 u 164 tal-imsemmija sentenza, li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li l-appellant kien għadu jissodisfa, bħalma kien il-każ għall-atti ta’ Marzu 2023, il-kundizzjonijiet tal-kriterju (d) u li, min-naħa l-oħra, mill-eżami tas-sitt motiv u tal-ewwel parti tas-seba’ motiv jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi sabiex waslet għall-konklużjoni dwar il-fondatezza ta’ dawn l-aħħar atti, żball eventwali fl-eżami tal-elementi addizzjonali kkunsidrati mill-Kunsill fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023 u eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 162 u 163 tal-istess sentenza ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din tal-aħħar.

63      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala, fl-ewwel parti tiegħu, infondat u, fit-tieni parti tiegħu, ineffettiv.

 Fuq id-disa’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

64      Permezz tad-disa’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill seta’, permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE, jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment li huwa jgawdi minnha skont l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta bħala ċittadin tal-Unjoni minħabba n-nazzjonalità Finlandiża tiegħu. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, limitazzjonijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej mill-Istati Membri, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, huma possibbli biss, kif jirriżulta mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, fejn tali limitazzjonijiet għandhom barra minn hekk ikunu proporzjonati u bbażati fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.

65      Issa, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29 TUE u lanqas mit-Trattati ma jirriżulta li dan il-moviment liberu jista’ jiġi limitat minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dan l-artikolu 29. Il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk teżamina f’dan il-każ jekk, bħala istituzzjoni tal-Unjoni li tiġbor flimkien l-Istati Membri kollha, il-Kunsill kienx ivverifika li l-aġir personali tal-appellant kien jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika tal-Istati Membri. Għalhekk, il-PESK ma tistax tintuża mill-Kunsill sabiex jintroduċi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni lil hinn mill-garanziji proċedurali li normalment japplikaw għalihom meta l-Istati Membri jistabbilixxu tali restrizzjonijiet skont id-Direttiva 2004/38, filwaqt li l-appellant jippreċiża fir-replika tiegħu li tali approċċ huwa ssostanzjat mill-Artikolu 40 TUE.

66      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet essenzjalment li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata suġġetta għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom, li jinkludi d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Issa, il-formulazzjoni, redatta f’termini wiesgħa, ta’ dan l-aħħar artikolu tagħti kompetenza lill-Kunsill, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2) TUE, sabiex jadotta miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni barra mill-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, u dan, indipendentement mir-regoli previsti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 2004/38.

68      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċittadini tal-Unjoni, li huma, skont l-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, kull persuna fiżika li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, għandhom id-dritt, mogħti direttament lill-Artikolu 20(2)(a) u lill-Artikolu 21(1) TFUE, li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet relatati ma’ dan id-dritt huma previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħhom.

70      Minn dan isegwi li, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 180 tas-sentenza appellata, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jiġi limitat u suġġett għal kundizzjonijiet kemm abbażi tat-Trattat FUE kif ukoll tat-Trattat UE.

71      Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 181 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-PESK, il-Kunsill jista’, abbażi tal-Artikolu 29 TUE jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, liema pożizzjoni tista’ tinkludi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali. F’dan il-kuntest, il-Kunsill għandu jiddefinixxi jew saħansitra jippreċiża, filwaqt li jgawdi f’dan ir-rigward minn diskrezzjoni wiesgħa u jiddeċiedi b’unanimità, l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK. Din id-diskrezzjoni wiesgħa hija riflessa mill-portata wiesgħa tal-iskopijiet u tal-għanijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, kif espressi fl-Artikolu 3(5) u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl-Artikoli 23 u 24 TUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 269 u 270 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu l-Kunsill sabiex jilħaq dawn l-għanijiet fil-qasam tal-PESK u tal-fatt li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 29 TUE u lanqas, b’mod iktar ġenerali, dik tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE dwar il-PESK, ma jippreskrivu u lanqas jipprojbixxu, fihom infushom, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi speċifiċi, għandu jitqies, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 180 u 181 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill huwa, bħala prinċipju, kompetenti, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, sabiex jiddeċiedi li persuni fiżiċi, anki jekk ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni u, għaldaqstant, ċittadini tal-Unjoni, la jistgħu jidħlu u lanqas jgħaddu fi tranżitu fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, meta dawn il-persuni jissodisfaw kriterji li juru rabta oġġettiva bejn il-kategorija li jaqgħu taħtha u l-pajjiż terz li fuqu l-Unjoni għandha l-intenzjoni li teżerċita pressjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 273). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 29 TUE jippermetti, bħala prinċipju, lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi li għandhom l-effett li jillimitaw, fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera ta’ tali ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri u li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-osservanza ta’ tali limitazzjoni.

73      Għaldaqstant, kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali fit-tmiem tal-punt 181 tas-sentenza appellata, ma huwiex importanti li tali limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet ma jikkorrispondux għal dawk previsti mid-Direttiva 2004/38, li hija intiża, konformement mal-Artikolu 1(c) u mal-Artikolu 27 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 42 tagħha, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri u mhux istituzzjoni tal-Unjoni bħall-Kunsill jistgħu huma stess jimponu dawn il-limitazzjonijiet.

74      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, imsemmi mill-appellant. Skont din id-dispożizzjoni, l-implimentazzjoni tal-politika prevista fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettivi tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni taħt il-PESK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-Direttiva 2004/38 tirregola, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, il-libertà ta’ moviment tal-persuni bħala libertà fundamentali tas-suq intern li għalih l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 TFUE ma jistax jaffettwa l-portata tal-kompetenza li l-Kunsill għandu fil-qasam tal-PESK skont l-Artikolu 29 TUE.

75      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-fatt li, waqt l-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, ta’ miżuri restrittivi intiżi li jillimitaw il-moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ persuni fiżiċi, inkluż jekk dawn ikunu ċittadini tal-Unjoni, il-Kunsill ma huwiex marbut mir-regoli u mill-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38 ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha f’dan ir-rigward setgħa li ma hijiex limitata mid-dritt tal-Unjoni.

76      Fil-fatt, l-ewwel nett, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 181 u 186 tas-sentenza appellata, l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tad-dritt internazzjonali, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li jipprovdi li Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu d-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih. L-Istati Membri huma marbuta b’dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim ta’ fruntieri permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni), C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/145 jiggarantixxi l-assenza ta’ obbligu impost minn din id-deċiżjoni fuq Stat Membru li jirrifjuta l-aċċess għat-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

77      It-tieni nett, għandu jitfakkar li kull deċiżjoni li tadotta tali miżuri abbażi tal-Artikolu 29 TUE, sabiex, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 182 tas-sentenza appellata, issir pressjoni fuq pajjiż terz sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, jiġifieri l-konsolidazzjoni u ż-żamma tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, għandha tiddefinixxi u tillimita l-għan ta’ pressjoni mfittex, il-kriterji legali li jippermettu l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kif ukoll il-kategoriji ta’ persuni jew ta’ entitajiet koperti minn dawn il-kriterji, b’tali mod li l-miżuri restrittivi imposti f’dan ir-rigward ikunu jistgħu jilħqu, b’mod li ma jkunx manifestament inadegwat, l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 272 u 273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78      It-tielet nett, fid-dawl tal-fatt li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri huwa wkoll dritt fundamentali sa fejn huwa ggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, l-ostakolu magħmul, permezz ta’ deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, għal dan id-dritt jikkostitwixxi “limitazzjoni fl-eżerċizzju” tal-imsemmi dritt, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’tali mod li, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 183 tas-sentenza appellata, hija għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.

79      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, id-disa’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-għaxar aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

80      Permezz tal-għaxar aggravju tiegħu li għandu jinqasam f’żewġ partijiet, l-appellant jilmenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta qieset li l-limitazzjoni, imposta mill-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom, għad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera li huwa jgawdi bħala ċittadin tal-Unjoni kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti tal-għaxar aggravju) u mar-rekwiżit li tali limitazzjoni għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt (it-tieni parti tal-għaxar aggravju).

81      Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali, waqt l-eżami tan-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza tal-appellant, allegatament wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tidentifika, fir-rigward tal-appellant, aġir personali serju li jhedded l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika tal-Istati Membri, kif jeżiġi l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, jew theddida serja għal interess tal-Unjoni kif ukoll naqset milli tispjega kif tali limitazzjoni kienet xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill, kif ġew identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata.

82      Fir-rigward tat-tieni parti, l-appellant jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 186 u 189 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-portata tar-restrizzjoni tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera hija partikolarment sinjifikattiva, peress li tikkonċerna t-territorju ta’ 26 Stat Membru minn 27. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 ma tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u lanqas is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom rabtiet ma’ diversi pajjiżi tal-Unjoni. Għandu jingħad ukoll li, minkejja n-natura allegatament temporanja tagħhom, il-miżuri restrittivi jistgħu jinżammu fis-seħħ kontra persuna għal diversi snin. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza msemmija b’analoġija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 186 tas-sentenza appellata ma hijiex rilevanti.

83      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-għaxar aggravju, il-Kunsill jikkonkludi li din il-parti hija inammissibbli minħabba l-fatt li s-siltiet ikkritikati tas-sentenza appellata ma humiex identifikati mill-appellant. Fuq il-mertu, il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Preliminarjament, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-għaxar aggravju, huwa minnu li, kif isostni l-Kunsill, l-appellant ma jidentifikax bi preċiżjoni s-siltiet tas-sentenza appellata li huwa jirreferi għalihom fl-argumenti imressqa insostenn ta’ din l-ewwel parti. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera bħala ċittadin tal-Unjoni, mill-argumenti tiegħu jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li huwa jirreferi għall-punti 188 sa 191 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali wettqet din l-analiżi, liema punti ġew, barra minn hekk, identifikati mill-Kunsill stess fir-risposta tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel parti tal-għaxar aggravju tindika b’mod suffiċjentement preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku l-appell, b’tali mod li hija ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Fuq il-mertu, fir-rigward tal-ewwel parti tal-għaxar aggravju, għandu jiġi miċħud, l-ewwel nett, l-argument tal-appellant li, fil-punti 188 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli teżamina, fid-dawl tar-regoli tad-Direttiva 2004/38, il-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt fundamentali tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 45(1) tal-Karta.

86      Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li, konformement mal-punti 73 sa 78 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet essenzjalment li, bl-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, ta’ miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ persuni fiżiċi li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Kunsill ma kienx marbut bir-regoli u mill-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38.

87      Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indħil fi dritt fundamentali bħal dak iggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta minħabba limitazzjonijiet għal dan id-dritt minn att tal-Unjoni huwiex, konformement ma’ dak li huwa meħtieġ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, proporzjonat, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, it-tieni, jekk humiex manifestament inadegwati fid-dawl ta’ dan l-għan, jiġifieri jekk humiex manifestament inadegwati sabiex jintlaħaq dan l-għan, u, it-tielet, jekk il-limitazzjoni kkonċernata tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, tali analiżi ssir indipendentement mid-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38.

88      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli tevalwa n-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza tal-appellant fid-dawl tar-regoli u tal-garanziji proċedurali previsti minn din id-direttiva.

89      It-tieni nett, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha billi ma vverifikatx, fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt fundamentali tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri minbarra dak tar-Repubblika tal-Finlandja, jekk il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ passaġġ fi tranżitu inkwistjoni kinitx xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punti 182 u 187 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestati f’dan ir-rigward fl-istadju tal-appell, fl-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.

90      Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll sa fejn, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-eżami tan-natura xierqa ta’ din il-projbizzjoni jirriżulta mill-punti 190 u 191tas-sentenza appellata. Fil-fatt, billi indikat, f’dawn il-punti, li, fid-dawl tal-importanza tal-għan imfittex mill-miżuri restrittivi imposti fuq l-appellant, il-limitazzjoni imposta fuq id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri ma kinitx manifestament sproporzjonata, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament telqet mill-konstatazzjoni li l-imsemmija projbizzjoni ma kinitx manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 237).

91      Permezz tat-tieni parti tal-għaxar aggravju, l-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 186 u 189 tas-sentenza appellata, li l-limitazzjoni magħmula għad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, kienet tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 189 tas-sentenza appellata jirrigwarda n-natura neċessarja ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li huwa biss il-punt 186 ta’ din is-sentenza li jirrigwarda l-kwistjoni tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-tieni parti tal-għaxar aggravju tirrigwarda biss dan l-aħħar punt.

93      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali previsti minn din tal-aħħar għandha, b’mod partikolari, tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet.

94      Fil-punt 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-limitazzjoni imposta fuq id-dritt fundamentali tal-appellant li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri kienet tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt sa fejn din il-projbizzjoni, minn naħa, ma kinitx tipprekludi lill-appellant milli jmur u jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità skont il-prinċipju tad-dritt internazzjonali mfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza u affermat mill-ġdid fl-Artikolu 1(2), tad-Deċiżjoni 2014/145, u, min-naħa l-oħra, ma kinitx ta’ natura permanenti minħabba l-fatt li ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett l-appellant u, għaldaqstant, ta’ din il-projbizzjoni kellha tiġi eżaminata mill-ġdid perijodikament skont l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni.

95      Mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata r-rilevanza tal-ġurisprudenza li għaliha għamlet riferiment il-Qorti Ġenerali fil-punt 186 tas-sentenza appellata, għandu jitqies li t-tieni wieħed mill-elementi msemmija f’dan il-punt 186, dwar l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-atti kontenzjużi ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu tal-appellant (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill, C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punti 78 u 79). Fil-fatt, mir-rekwiżit ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tal-appellant jirriżulta li l-atti kontenzjużi la għandhom l-għan u lanqas l-effett li jtemmu d-drittijiet mogħtija lilu miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiegħu jew li jaffettwaw, b’mod permanenti, il-portata ta’ dawn id-drittijiet.

96      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt, indikat mill-appellant, li l-eċċezzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 1(3), (4) u (6) tad-Deċiżjoni 2014/145 jikkonċernaw, fil-parti l-kbira, persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna b’rabta, b’mod partikolari, ma’ obbligi internazzjonali. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li dan il-fatt bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata tar-rekwiżit ta’ eżami mill-ġdid perijodiku msemmi fil-punt 186 tas-sentenza appellata.

97      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-għaxar aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel sal-ħames u t-tmien aggravju

98      Mill-eżami tas-sitt u tas-seba’ aggravju kif ukoll tad-disa’ u tal-għaxar aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill seta’ validament iżomm fis-seħħ, permezz tal-atti kontenzjużi, il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-appellant skont il-kriterju (d), mingħajr ma dan joħloq limitazzjoni indebita għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aggravji bbażati fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-evalwazzjoni tagħha tal-fondatezza tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellant abbażi, minn naħa, tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014 (l-ewwel sar-raba’ u t-tmien aggravju) u, min-naħa l-oħra, tal-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 269/2014 (il-ħames aggravju) għandhom jiġu ddikjarati ineffettivi.

100    Fil-fatt, peress li d-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa fondat, tali żball ta’ liġi, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jista’ jwassal għall-annullament la ta’ din is-sentenza u lanqas, a fortiori, għal dak tal-atti kontenzjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 440 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

102    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

103    Peress li l-appellant tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Gennady Nicolayevich Timchenko huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.