Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 10 – Ulied li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti – Ulied li jattendu kindergarten – Dritt ta’ residenza dderivat – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 27 u 28 – Deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ missier l-ulied, ċittadin tal-Unjoni, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Effett fuq id-dritt ta’ residenza dderivat ta’ wliedu u tal-konjuġi tiegħu li għandha l-kustodja effettiva tagħhom – Obbligu għall-Istat Membru ospitanti li jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-missier, il-fatt li wliedu u l-konjuġi tiegħu jixtiequ jkomplu jirrisjedu f’dan l-Istat abbażi tad-dritt ta’ residenza dderivat tagħhom – Artikolu 7 fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ħajja tal-familja – Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – L‑aħjar interessi tal-wild”

Fil-Kawża C‑906/24 [Sirto] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura

A,

B,

C,

D,

E,

F,

G

fil-preżenza ta’:

Maahanmuuttovirasto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, B. Smulders (Relatur), E. Regan, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Frar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A, B, C, D, E, F u G, minn S. Yasar, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo u M. Pere, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, E. Montaguti u I. Söderlund, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat30 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), tal-Artikolu 12(3) u tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-konjuġi A u B kif ukoll uliedhom minuri C, D, E, F u G, u, min-naħa l-oħra, il-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Immigrazzjoni”) dwar id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħhom, ibbażati, fir-rigward ta’ A, fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku marbuta mar-reati kriminali li huwa allegatament wettaq u, fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu, fuq it-telf tad-dritt ta’ residenza tagħhom b’konsegwenza tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront ta’ A.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/38

3        Il-premessi 22 u 23 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw li:

“(22)      It-[Trattat KE] jikkonsenta restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Sabiex tiġi żgurata definizzjoni rigoruża taċ-ċirkostanzi u tal-garanziji proċedurali li minħabba fihom ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ma jitħallewx jidħlu jew jistgħu jitkeċċew, din id-Direttiva għandha tibdel id-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal‑25 ta’ Frar 1964 dwar il-kordinazzjoni tal-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin, li huma ġustifikati minn raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11)].

(23)      It-tkeċċija taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-familji tagħhom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika hi miżura li tista’ tweġġa’ serjament persuni li, wara li utilizzaw id-drittijiet u l-libertajiet konferiti lilhom mit-Trattat, ġenwinament integraw rwieħhom fl-Istat Membru ospitanti. L-iskop ta’ dawn il-miżuri għandu għalhekk ikun limitat skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt li jkun ikkunsidrat il-grad ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati, it-tul tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, l-età tagħhom, il-kondizzjonijiet ta’ saħħa, tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika u r-rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva 2004/38, intitolat “Suġġett”, jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

[…]

(ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

(d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).”

7        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, intitolat: “Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f'istituzzjoni edukattiv, għal skop ta’ studju, sat-tlestija ta’ l-istudji tagħhom.”

8        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

9        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. […]”

10      Il-Kapitolu VI tal-istess direttiva, li jinkludi l-Artikoli 27 sa 33 tagħha, jirregola r-“[r]estrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.

11      L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Prinċipji ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.      Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

[…]

4.      L-Istat Membru li ħareġ il-passaport jew il-karta ta’ l-identità għandu jħalli lit-titolar tad-dokument li tkeċċa minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika minn Stat Membru ieħor biex jerġa’ jidħol fit-territorju tiegħu mingħajr xi formalità anke jekk id-dokument m’għadux validu aktar jew jekk iċ-ċittadinanza tat-titolar qed tiġi kkontestata.”

12      L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Protezzjoni minn tkeċċija”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.”

13      L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprevedi li:

“1.      Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.      Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 492/2011

14      Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011 jinkludi t-Taqsima 3 dwar il-familja tal-ħaddiema. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jinsab f’din it-Taqsima 3, huwa fformulat kif ġej:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

[…]”

 Id-dritt Finlandiż

15      L-Artikolu 156 tal-ulkomaalaislaki (301/2004) (il-Liġi dwar il-Barranin (301/2004)), tat‑30 ta’ April 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jiddikjara li:

“Id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom huma suġġetti għall-kundizzjoni li dawn ma jkunux ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

Il-projbizzjoni fuq id-dħul u t-tneħħija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, u l-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma tistax, waħedha, tiġġustifika tali miżuri. L-aġir tal-persuna kkonċernata għandu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà. Ma jistgħux jiġu aċċettati ġustifikazzjonijiet li ma jkunux marbuta direttament mal-każ individwali kkonċernat jew li jkunu bbażati fuq raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali.”

16      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 161d tal-Liġi dwar il-Barranin:

“It-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-mewt tiegħu ma jwasslux għat-telf tad-dritt ta’ residenza ta’ wliedu jew tal-ġenitur li effettivament għandu l-kustodja tal-ulied, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, sakemm dawn jirrisjedu fil-Finlandja u jkunu rreġistrati fi stabbiliment skolastiku sabiex isegwu tagħlim hemmhekk, sat-tmiem tal-istudji tagħhom.”

17      L-Artikolu 168 tal-Liġi dwar il-Barranin jipprevedi li:

“1.      Ċittadin tal-Unjoni li d-dritt ta’ residenza tiegħu jkun ġie rreġistrat jew membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun inħariġlu permess ta’ residenza jista’ jitneħħa jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet relatati mad-dritt ta’ residenza previsti fl-Artikoli 158a, 161d jew 161e, jew jekk jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 156, jew għas-saħħa pubblika fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 156a.

[…]”

18      L-Artikolu 168b tal-Liġi dwar il-Barranin jipprovdi li:

“Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni jew tal-membru tal-familja tiegħu fit-territorju Finlandiż, l-età tiegħu, l-istat ta’ saħħtu, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tiegħu u l-integrazzjoni soċjali u kulturali tiegħu fil-Finlandja. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-intensità tar-rabtiet taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      A, ċittadin Rumen, eżerċita attività bħala impjegat fil-Finlandja mill‑2017 sal‑2019. Id-dritt ta’ residenza tiegħu fil-Finlandja abbażi ta’ din l-attività ġie rreġistrat fl‑1 ta’ Marzu 2018. Huwa ma rċieva ebda dħul minn salarju fl‑2020 u fl‑2021. Skont ir-reġistru Finlandiż tad-dħul, huwa rċieva salarju għall-aħħar darba fix-xahar ta’ Settembru 2023.

20      Il-konjuġi tiegħu B, ċittadina Moldovana, daħlet fil-Finlandja fil‑15 ta’ Lulju 2018. Fl‑24 ta’ Mejju 2019, inħarġilha permess ta’ residenza. Fl-istess jum, inħarġu wkoll permessi ta’ residenza lit-tliet uliedhom C, D u E, kollha ċittadini Moldovani, imwielda bejn is-sena 2011 u s-sena 2015. Sussegwentement, twieldu żewġt itfal oħra, F, ċittadin Rumen, fl‑2019, u G, ċittadin Moldovan, fl‑2022.

21      Il-familja ilha tirrisjedi fil-Finlandja sa mhux iktar tard mis-sena 2019. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tliet ulied il-kbar jattendu stabbiliment tal-edukazzjoni bażika hemmhekk, filwaqt li ż-żewġ ulied iż-żgħar jattendu kindergarten.

22      Bejn is-sena 2019 u s-sena 2022, A ġie kkundannat fil-Finlandja għal piena ta’ seba’ xhur priġunerija sospiżi għal serq aggravat u għal piena ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal serq. Ġew imposti fuqu wkoll multi għal serq, żewġ attentati ta’ serq, riċettazzjoni b’negliġenza, tqegħid fil-periklu tas-sigurtà fit-toroq u pussess ta’ oġġett jew ta’ sustanza li tista’ tagħmel ħsara lil ħaddieħor. Barra minn hekk, huwa ssuspettat li wettaq serq fl‑2020 kif ukoll li għamel theddid u pprova jwettaq serq fl‑2022.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Novembru 2022, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ddeċieda li jneħħi lil A lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ir-Rumanija, u impona fuqu projbizzjoni fuq id-dħul fit-territorju Finlandiż għal perijodu ta’ tliet snin, għar-raġuni li n-natura tar-reati kriminali mwettqa, il-karattru repetut tagħhom, iċ-ċirkustanzi li fihom twettqu kif ukoll il-persistenza tal-aġir delinkwenti tiegħu kienu juru li A kien jirrappreżenta theddida diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

24      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Novembru 2022, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ddeċieda li jneħħi lil B u lill-ħames ulied minuri tal-koppja lejn l-Istat tan-nazzjonalità tagħhom, jiġifieri l-Moldova u, fir-rigward ta’ F, ir-Rumanija, għar-raġuni li A ma kienx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza fil-Finlandja.

25      Permezz ta’ sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2023, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja) ċaħdet ir-rikorsi ta’ A, ta’ B u tal-ħames uliedhom kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ tneħħija inkwistjoni”).

26      Il-persuni kkonċernati ppreżentaw appelli quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiżi għall-annullament ta’ dawn is-sentenzi u sabiex il-kawżi jintbagħtu lura quddiem l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni sabiex dan jagħti deċiżjoni mill-ġdid.

27      Għal dan il-għan, u sa fejn jirrigwardah, A jsostni li l-kundanni kriminali mogħtija kontrih ma jippermettux, waħedhom, li jiġi konkluż li jeżisti riskju ta’ reċidiva, iktar u iktar peress li huwa ma wettaq ebda reat ġdid mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija. Fil-fehma tiegħu, ir-reati kontra l-proprjetà li huwa akkużat bihom għalhekk ma jikkostitwixxux theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

28      Min-naħa tagħhom, B u l-ulied isostnu li ilhom jirrisjedu għal diversi snin fil-Finlandja u għalhekk għandhom rabtiet mill-qrib ma’ dan l-Istat Membru, filwaqt li r-rabtiet tagħhom mar-Rumanija u mal-Moldova nqatgħu. Huma jsostnu li l-ulied jitkellmu bil-Finlandiż u jattendu l-iskola u l-kindergarten fil-Finlandja. Huma jżidu li t-tneħħija tagħhom twassal għal deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u ġġegħelhom, fil-prattika, jistabbilixxu ruħhom fil-Moldova, peress li, bl-eċċezzjoni ta’ A u ta’ F, il-membri kollha tal-familja huma ċittadini Moldovani.

29      L-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jqis li ma ġiex stabbilit li A għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza previsti mid-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2004/38. Huwa jirrileva li mir-reġistru Finlandiż tad-dħul jirriżulta li l-persuna kkonċernata rċeviet salarju għall-aħħar darba fid‑29 ta’ Settembru 2023 u jqis li probabbilment ma żammitx l-istatus ta’ ħaddiem impjegat. Minn dan huwa jiddeduċi li lanqas ma ġie stabbilit id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu, li huwa dderivat mid-dritt ta’ residenza tiegħu stess.

30      Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni jqis li l-Artikolu 161d tal-Liġi dwar il-Barranin, li jittrasponi l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 u li jista’ jippermetti ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja, ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom, peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-każ taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja fil-każ ta’ “mewt” jew ta’ “tluq” taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat u li A għadu ma telaqx mill-Finlandja.

31      Barra minn hekk, dan l-uffiċċju jqis li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jista’ jservi bħala bażi għal dritt ta’ residenza favur l-ulied li jsegwu tagħlim u l-persuna li għandha l-kustodja tagħhom, iżda li, b’differenza minn dan l-Artikolu 10, la t-tielet paragrafu tal-Artikolu 161d tal-Liġi dwar il-Barranin u lanqas l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jagħmlu riferiment għall-edukazzjoni ġenerali.

32      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Frar 2024, il-qorti tar-rinviju ssospendiet, fuq talba tar-rikorrenti, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija inkwistjoni sakemm tkun iddeċidiet dwar l-appelli. Hija tesponi li, fid-data ta’ dawn id-deċiżjonijiet, A kien ilu jirrisjedi fil-Finlandja għal madwar erba’ snin u nofs u kien jaqa’, għalhekk, taħt id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 168 tal-Liġi dwar il-Barranin, li bis-saħħa tagħhom ċittadin tal-Unjoni jista’ jitneħħa meta jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

33      Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-evalwazzjoni tal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-qorti amministrattiva tal-ewwel istanza li A jirrappreżenta, minħabba l-gravità u l-karattru repetut tar-reati mwettqa, theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, u tqis li ebda waħda miċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali prevista fl-Artikolu 168b tal-Liġi dwar il-Barranin ma hija ta’ natura li tipprekludi t-tneħħija tiegħu.

34      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-ulied, li jattendu stabbiliment tal-edukazzjoni bażika fil-Finlandja u li għalhekk bdew l-iskola tagħhom, kif ukoll B, li effettivament għandha l-kustodja tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu, inkluż fil-każ li A jitneħħa għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar l-effett li tali dritt jista’ jkollu fuq id-deċiżjoni dwar jekk dan tal-aħħar għandux jitneħħa jew le.

35      F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 japplikax għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Hija tixtieq tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lill-ulied u lill-ġenitur li effettivament għandu l-kustodja tagħhom iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fil-Finlandja sat-tmiem tal-edukazzjoni ta’ dawn l-ulied. Madankollu, hija tirrileva li l-imsemmija dispożizzjoni tippreżupponi t-“tluq” taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ tneħħija li tikkonċerna lil A la hija definittiva u lanqas ma ġiet eżegwita u dan tal-aħħar għadu jirrisjedi f’dan l-Istat Membru.

36      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, l-imsemmija qorti tistaqsi, fit-tieni lok, jekk B u l-ulied jistgħux madankollu jisiltu dritt ta’ residenza awtonomu mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, kif interpretat mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493). Għalkemm hija għandha t-tendenza li tqis li dan huwa l-każ, hija tirrileva li tibqa’ tqum il-kwistjoni taż-żamma tad-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-ulied li jattendu l-iskola u tal-persuna li għandha l-kustodja tagħhom fil-każ li l-ħaddiem impjegat li minnu huma jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom jitneħħa minn dan l-Istat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

37      Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal A, għandhomx ikunu s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali msemmija fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, meta l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza awtonomu u jixtiequ jkomplu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti. Jekk dan ikun il-każ, ikun meħtieġ, barra minn hekk, li jiġu ddeterminati l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni familjari u ekonomika tal-persuni kkonċernati, fid-dawl tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2004/38] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni rreġistrati fi skola primarja li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tagħhom ma jitilfux id-dritt ta’ residenza tagħhom qabel it-tlestija tal-istudji tagħhom, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, iżda d-deċiżjoni ta’ tkeċċija la tkun definittiva u lanqas tkun ġiet eżegwita u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikompli jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda[,] [l]-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 492/2011] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandu l-istatus ta’ ħaddiem, irreġistrati fi skola primarja li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja ta’ dawn l-ulied ma jitilfux id-dritt ta’ residenza tagħhom qabel it-tlestija tal-istudji tagħhom, meta l-ġenitur, ċittadin tal-Unjoni u li għandu l-istatus ta’ ħaddiem, kien is-suġġett, minħabba theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-immigrazzjoni tal-Istat Membru ospitanti?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda[,] [l]-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, li jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni qabel ma jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal-Unjoni li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid meta, wara d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, jiġi kkonstatat dritt ta’ residenza awtonomu fl-Istat Membru ospitanti għal uliedu u għall-konjuġi tiegħu u meta dawn il-membri tal-familja jkunu jixtiequ jibqgħu f’dan l-Istat Membru? Jekk dan huwa l-każ, liema ċirkustanzi, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu eżaminati billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-familja u s-sitwazzjoni ekonomika msemmija fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7 tal-[Karta] dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u mal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta[, dwar id-drittijiet tat-tfal]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

39      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-każ ta’ dritt ta’ residenza li minnu jistgħu jibbenefikaw l-ulied “irreġistrati fi stabbiliment tal-edukazzjoni bażika” fl-Istat Membru ospitanti, mill-preċiżazzjonijiet li hija pprovdiet jirriżulta li huma biss tlieta mill-ħames ulied inkwistjoni li jattendu tali stabbiliment, filwaqt li ż-żewġ ulied iż-żgħar jattendu kindergarten. Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għal dawn id-domandi, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ulied tal-aħħar.

40      F’dan ir-rigward, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-kindergartens, bħal dak li jattendu ż-żewġ ulied iż-żgħar, jistgħux jitqiesu bħala stabbilimenti edukattivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, għandu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jiġi preżunt li dawn l-ulied għadhom ma jattendux l-iskola.

41      It-tieni nett, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija inkwistjoni ma humiex definittivi, peress li din il-qorti hija preċiżament mitluba tevalwa l-fondatezza tagħhom, u li, barra minn hekk, dawn għadhom ma ġewx eżegwiti, peress li l-imsemmija qorti ssospendiet l-eżekuzzjoni tagħhom permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Frar 2024 sakemm tiddeċiedi dwar l-appelli ppreżentati mill-persuni kkonċernati. Għaldaqstant, id-domandi magħmula għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

42      It-tielet nett, il-fatti, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li ġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ A jistgħu jikkaratterizzaw theddida għall-“ordni pubbliku”, fis-sens tal-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38. Ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti, min-naħa l-oħra, li dawn jiġu marbuta mas-“sigurtà pubblika”, imsemmija wkoll minn dawn id-dispożizzjonijiet, li tirrigwarda l-preġudizzju għas-sigurtà interna jew esterna ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, id-domandi magħmula għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-motiv ibbażat fuq l-ordni pubbliku.

43      Fir-raba’ u l-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-data tad-deċiżjoni ta’ tneħħija li tikkonċernah, A kien ilu jirrisjedi fil-Finlandja għal madwar erba’ snin u nofs. Minn dan isegwi li, f’dik id-data, huwa kien jibbenefika mhux minn dritt ta’ residenza permanenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, iżda minn dritt ta’ residenza temporanju.

44      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, ma hemmx lok li jiġi eżaminat, fil-kuntest tat-tielet domanda, il-każ li fih A jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija prevista fl-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva, applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti.

 Fuq it-tieni domanda

45      Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet esposti fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat Membru jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, abbażi tal-moviment liberu tal-ħaddiema, flimkien mal-konjuġi tiegħu u ma’ wliedhom, li wħud minnhom jattendu l-iskola f’dan l-Istat Membru l-ieħor filwaqt li oħrajn għadhom ma jattendux l-iskola, dawn l-ulied u din il-konjuġi li effettivament għandha l-kustodja tagħhom jibbenefikaw, f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq dan l-Artikolu 10 u jżommu dan id-dritt anki meta l-imsemmi ċittadin ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.

46      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, l-ulied ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jiġu ammessi għall-korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jekk dawn l-ulied jirrisjedu fit-territorju tiegħu.

47      Fl-ewwel lok, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn l-ulied jibbenefikaw fl-Istat Membru ospitanti, meta jirrisjedu hemm, mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 34), u l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tippermettilhom jibdew l-edukazzjoni u l-istudji tagħhom hemmhekk, sabiex itemmuhom b’suċċess (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 21, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 53).

48      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-wild ta’ ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant għandu dritt ta’ residenza tiegħu stess fl-Istat Membru ospitanti, skont l-imsemmija dispożizzjoni, abbażi tad-dritt tiegħu għal ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni, meta jkun jixtieq isegwi korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali fl-imsemmi Stat Membru. Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza tiegħu stess favur dan il-wild jimplika li jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li jkollu effettivament il-kustodja tiegħu, peress li r-rifjut li tali ġenitur jitħalla jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni tal-imsemmi wild jista’ jkun ta’ natura li jċaħħad lil dan tal-aħħar minn dritt irrikonoxxut lilu mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Id-dritt ta’ residenza tat-tfal ta’ ħaddiem migrant, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, u, konsegwentement, dak tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tiegħu ma jiddependux miż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem migrant tal-ġenitur ikkonċernat fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, dawn id-drittijiet ta’ residenza, li, ċertament, huma oriġinarjament “idderivati” mill-istatus ta’ ħaddiem ta’ dan il-ġenitur, isiru, ladarba jinkisbu, awtonomi fir-rigward tad-dritt ta’ residenza oriġinali bbażat fuq dan l-istatus, u jmorru lil hinn mit-telf tal-imsemmi status, u b’hekk jevitaw li d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament tat-tfal għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 37, 49 u 50).

50      Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi applikat b’mod awtonomu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-Direttiva 2004/38, li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Minn dan isegwi li l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw, f’dan l-aħħar Stat, dritt ta’ residenza awtonomu abbażi biss ta’ dan l-Artikolu 10, mingħajr ma jkunu obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti minn din id-direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-ulied ikkonċernati jkunu jew ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-fatt li jkun biss il-ġenitur li għandu l-istatus ta’ ħaddiem migrant li jkun ċittadin tal-Unjoni, ma għandhom ebda effett fuq id-drittijiet ta’ residenza ta’ dawn l-ulied u tal-ġenitur li effettivament għandu l-kustodja tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 63).

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat Membru jirrisjedi fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem jew ex ħaddiem, it-tfal ta’ dan iċ-ċittadin li jattendu l-iskola f’dan l-Istat Membru l-ieħor kif ukoll il-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jibbenefikaw, f’dan l-aħħar Stat, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

53      Fit-tieni lok, il-fatt li l-ħaddiem migrant, li minnu l-ulied li jattendu l-iskola u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, ma għandu, fih innifsu, ebda effett fuq iż-żamma tad-drittijiet ta’ residenza ta’ dawn l-ulied u ta’ dan il-ġenitur ibbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

54      Fil-fatt, in-natura awtonoma tad-drittijiet ta’ residenza bbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprekludi li t-tneħħija ta’ dan il-ħaddiem, li taffettwa biss id-dritt ta’ residenza tiegħu stess, twassal għat-telf tal-istess drittijiet ta’ residenza. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi l-adozzjoni, fir-rigward tat-tfal ta’ ħaddiem migrant li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti u tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom, ta’ deċiżjonijiet ta’ tneħħija bbażati fuq l-allegat telf tad-drittijiet ta’ residenza tagħhom, li seħħ wara t-telf tad-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

55      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li d-detenturi ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jistgħu, jekk ikun il-każ, min-naħa tagħhom, ikollhom dan id-dritt limitat għal raġunijiet relatati, b’mod partikolari, mal-ordni pubbliku, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti għal dan l-għan fil-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, li jinkludi l-Artikoli 27 sa 33 tagħha.

56      Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li d-drittijiet ta’ residenza bbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, li dan ir-regolament huwa intiż li jikkonkretizza (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, Städteregion Aachen, C‑257/24, EU:C:2025:567, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi li d-drittijiet irrikonoxxuti abbażi tal-moviment liberu tal-ħaddiema jiġu eżerċitati bla ħsara, b’mod partikolari, għal-“limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku”.

57      Issa, id-dispożizzjonijiet dwar dawn il-limitazzjonijiet, li qabel kienu previsti, għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, mid-Direttiva 64/221, issa jinsabu fid-Direttiva 2004/38, kif jirriżulta mill-premessa 22 ta’ din l-aħħar direttiva.

58      Għalhekk, għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet ta’ residenza bbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiġu eżerċitati indipendentement mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri previsti mid-Direttiva 2004/38, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, il-limitazzjonijiet għal dan id-dritt previsti mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, kif imsemmija fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu 1, huma kompletament applikabbli għad-drittijiet ta’ residenza bbażati fuq dan l-Artikolu 10.

59      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, il-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.

60      Minn dan isegwi li d-drittijiet ta’ residenza li jibbenefikaw minnhom, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, l-ulied ta’ ħaddiem migrant li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom ma jistgħux jiġu limitati skont dan l-Artikolu 27(2) għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku li joriġinaw mhux mill-aġir personali tagħhom, iżda minn dak tal-ħaddiem migrant ikkonċernat.

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-ulied ta’ ħaddiem migrant li għadhom ma jattendux l-iskola fl-Istat Membru ospitanti jibbenefikawx, bħall-ulied ta’ dan il-ħaddiem li jattendu l-iskola f’dan l-Istat u bħall-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jiġi enfasizzat, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, li t-tluq furzat tal-ulied li għadhom ma jattendux l-iskola jwassal, fil-fatt, għat-tluq tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom. Dan tal-aħħar ikun għalhekk imġiegħel jirrinunzja għad-dritt ta’ residenza li huwa rrikonoxxut lilu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 10 sabiex l-ulied li jattendu l-iskola jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament id-dritt li jagħtihom il-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

62      Konsegwentement, għal raġunijiet paragunabbli għal dawk li ġġustifikaw l-għoti ta’ dritt ta’ residenza lill-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tal-ulied li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti, tali dritt għandu wkoll jiġi rrikonoxxut lill-ulied minuri li għadhom ma jattendux l-iskola f’dan l-Istat, meta jgħixu ma’ ħuthom li jattendu l-iskola u jkunu taħt il-kustodja ta’ dan il-ġenitur, u dan sabiex l-ulied li jattendu l-iskola ma jiġux imċaħħda mid-drittijiet irrikonoxxuti lilhom bis-saħħa tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat Membru jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, abbażi tal-moviment liberu tal-ħaddiema, flimkien mal-konjuġi tiegħu u ma’ wliedhom, li wħud minnhom jattendu l-iskola f’dan l-Istat Membru l-ieħor filwaqt li oħrajn għadhom ma jattendux l-iskola, dawn l-ulied u din il-konjuġi, li effettivament għandha l-kustodja tagħhom, jibbenefikaw, f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq dan l-Artikolu 10 u jżommu dan id-dritt anki meta l-imsemmi ċittadin ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.

 Fuq l-ewwel domanda

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, peress li risposta għal din id-domanda ma tidhirx iktar neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-appelli ppreżentati mill-omm u mill-ulied fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija adottati fil-konfront tagħhom.

 Fuq it-tielet domanda

65      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tadotta, fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, deċiżjoni ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ulied u l-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin jibbenefikaw, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li jixtiequ jkomplu jirrisjedu hemmhekk, bħala element li jagħmel parti mis-“sitwazzjoni familjari” tal-imsemmi ċittadin, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28(1). Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi dwar l-elementi l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din is-“sitwazzjoni familjari” minn din l-awtorità u, jekk ikun il-każ, mill-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra tali deċiżjoni, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta.

66      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tagħha, jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. L-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża, b’mod partikolari, li l-miżuri ta’ ordni pubbliku għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-persuna kkonċernata, li għandu jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

67      Sussegwentement, l-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni, qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, b’mod partikolari, it-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan l-Istat u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Mill-premessa 23 tal-istess direttiva jirriżulta li din l-evalwazzjoni hija intiża li tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi serji li miżura ta’ tneħħija tista’ ġġib magħha għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li jkunu għamlu użu mid-drittijiet u mil-libertajiet mogħtija lilhom mit-Trattat u li jkunu verament integraw ruħhom fl-Istat Membru ospitanti.

68      Fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-konjuġi u l-ulied tal-persuna kkonċernata, li ngħaqdu magħha fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja tagħha u li jgħixu magħha hemmhekk f’din il-kwalità, jixtiequ jkomplu jirrisjedu f’dan l-Istat, anki wara t-tneħħija eventwali tagħha, abbażi tad-dritt ta’ residenza li minnu jibbenefikaw bis-saħħa tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, jagħmilx parti mis-“sitwazzjoni familjari” tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, waqt l-eżami tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti f’dan l-Artikolu 28(1), liema eżami għandu l-għan li jevalwa l-proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, tal-miżura ta’ tneħħija inkwistjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, peress li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Issa, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-esklużjoni ta’ persuna mill-pajjiż fejn jgħixu l-qraba tagħha tista’ tikkostitwixxi ndħil f’dan id-dritt (sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 98).

71      Minn dan isegwi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, qabel ma tieħu deċiżjoni ta’ tneħħija, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni li l-konjuġi u l-ulied tiegħu jgħixu miegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, tieħu inkunsiderazzjoni, bħala parti mis-“sitwazzjoni familjari” tal-persuna kkonċernata, ix-xewqa tal-membri tal-familja tiegħu li jkomplu jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru abbażi ta’ dan id-dritt ta’ residenza, inkluż wara t-tneħħija tal-persuna kkonċernata.

72      Barra minn hekk, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni ta’ tneħħija, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, mill-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża disponibbli kontra tali deċiżjonijiet għandhom mhux biss jippermettu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha, iżda għandhom jiżguraw ukoll li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx sproporzjonata. Il-modalitajiet proċedurali applikabbli għal dawn ir-rimedji, li jikkostitwixxu “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, għandhom barra minn hekk josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah, C‑94/18, EU:C:2019:693, punti 84 u 85).

73      Konsegwentement, meta qorti nazzjonali tikkonstata li l-awtorità kompetenti adottat deċiżjoni ta’ tneħħija, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konjuġi u l-ulied tal-persuna kkonċernata jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u jixtiequ jkomplu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti fuq din il-bażi, hija din il-qorti, waqt l-eżami tagħha tan-natura proporzjonata ta’ din id-deċiżjoni, li għandha tieħu din iċ-ċirkustanza inkunsiderazzjoni abbażi tas-sitwazzjoni familjari tal-persuna kkonċernata.

74      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-elementi l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tas-“sitwazzjoni familjari”, fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jitfakkar, minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll l-aħjar interessi tal-wild, li l-Artikolu 24(2) tal-Karta jirrikonoxxilhom importanza primordjali.

75      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda din l-aħħar dispożizzjoni u kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, din tapplika għal deċiżjonijiet li, bħal deċiżjoni ta’ tneħħija adottata, abbażi tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun ġenitur ta’ ulied minuri, ma jkunux indirizzati lil dawn l-ulied, iżda madankollu jkollhom konsegwenzi importanti għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 36).

76      Konsegwentement, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni familjari fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-ħajja familjari li ċ-ċittadin ikkonċernat jgħix fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jistgħu jiġu affettwati mit-tneħħija tiegħu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi li t-tneħħija tiegħu jista’ jkollha fuq l-aħjar interessi ta’ wliedu.

77      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

78      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsegwenzi tat-tneħħija tal-missier fuq is-sitwazzjoni familjari tal-persuni kkonċernati u, b’mod partikolari, fuq l-aħjar interessi tal-ulied għandhom jiġu evalwati b’mod differenti skont jekk l-ulied u ommhom jibqgħux jirrisjedu fil-Finlandja, fatt li jwassal għat-tkissir tal-unità familjari, jew jekk imorrux jgħixu kollha flimkien barra mit-territorju Finlandiż, b’mod partikolari fir-Rumanija, il-pajjiż ta’ oriġini tal-missier, fatt li jippermetti wkoll lill-membri tal-familja u, b’mod partikolari, lill-wild F, ċittadin tal-Unjoni, jibqgħu fit-territorju tal-Unjoni, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 79 sa 82 tal-konklużjonijiet tagħha.

79      L-ewwel nett, iż-żamma tal-unità familjari permezz tal-istabbiliment tal-familja kollha, b’mod partikolari, fir-Rumanija tippreżupponi madankollu li dan l-istabbiliment ikun effettivament possibbli. Għaldaqstant, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom hemmhekk b’mod stabbli u mingħajr ma jiltaqgħu ma’ diffikultajiet serji.

80      Fil-każ li l-istabbiliment tal-familja kollha fir-Rumanija jirriżulta li jkun possibbli, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild ikun madankollu jeżiġi li tingħata importanza partikolari lill-ħtiġijiet tal-ulied. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom, il-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fil-Finlandja kif ukoll ir-rabtiet li għandhom jew li jistgħu jiżviluppaw, fid-dawl tal-età tagħhom, mar-Rumanija. Fir-rigward tal-ulied li jattendu l-iskola, għalkemm jidher, bħala prinċipju, preferibbli li huma jistgħu jtemmu l-edukazzjoni tagħhom fil-Finlandja, xorta jibqa’ l-fatt li dawn jistgħu, jekk ikun il-każ, ikomplu l-edukazzjoni tagħhom fir-Rumanija.

81      L-istess japplika fl-ipoteżi fejn il-familja tistabbilixxi ruħha f’pajjiż terz, b’mod partikolari fil-Moldova, pajjiż ta’ oriġini tal-omm. Fil-fatt, għalkemm kull Stat Membru għandu l-possibbiltà li jinvoka eċċezzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq iż-żamma tal-ordni pubbliku sabiex jillimita d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81), xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja għandha, qabel ma tadotta deċiżjoni ta’ tneħħija fir-rigward tal-missier, tevalwa l-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq l-aħjar interessi tal-ulied, b’mod partikolari ta’ F, ċittadin tal-Unjoni, li b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni jekk din id-deċiżjoni kellha twassalhom biex jistabbilixxu ruħhom f’pajjiż terz.

82      It-tieni nett, jekk jiġi kkonstatat li l-familja kollha ma tistax tistabbilixxi ruħha fir-Rumanija jew fi Stat ieħor, għal raġunijiet prattiċi jew relatati mal-aħjar interessi tal-ulied, u li t-tneħħija tal-missier twassal għat-tmiem tal-unità familjari, huwa importanti li jiġi evalwat sa fejn id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ tneħħija, tkun tostakola l-eżerċizzju, mill-ulied, tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 24(3) tal-Karta li jżommu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tagħhom, li r-rispett tiegħu jikkoinċidi mingħajr dubju mal-aħjar interessi ta’ kull wild (sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 54), jekk wieħed jassumi li ż-żamma tal-kuntatt ma’ missierhom hija fl-interess tagħhom. Barra minn hekk, l-aħjar interessi tal-ulied jeżiġu li jiġu eżaminati l-konsegwenzi li t-tneħħija tal-missier jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ulied u ta’ ommhom, mingħajr ma jiġi eskluż a priori li dan tal-aħħar ikun jista’, jekk ikun il-każ, ikompli jipprovdilhom appoġġ finanzjarju minkejja t-tneħħija tiegħu.

83      Barra minn hekk, wara li evalwat il-konsegwenzi tat-tneħħija tal-missier fuq il-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati u fuq l-aħjar interessi ta’ uliedu, din l-awtorità għandha tiżgura ruħha, konformement mal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 u mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-missier tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din l-evalwazzjoni timplika bbilanċjar bejn, minn naħa, it-theddida li l-aġir personali tal-individwu kkonċernat jirrappreżenta għall-interessi fundamentali tas-soċjetà ospitanti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jisiltu mid-Direttiva 2004/38 jew, jekk ikun il-każ, mir-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għal dawn il-finijiet, l-imsemmija awtorità għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ tali konsegwenzi, minn naħa, jekk id-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-missier kinitx neċessarja, li jippreżupponi li ma kienx hemm miżuri oħra li jippreġudikaw inqas id-dritt għall-ħajja familjari tal-persuni kkonċernati u l-aħjar interessi ta’ wliedu, li kienu jippermettu li jintlaħaq bl-istess effikaċja l-għan ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, jekk tali deċiżjoni tirriżultax minn bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet, libertajiet u interessi inkwistjoni.

85      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, meta l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tiġi posposta għal ċertu żmien, jista’ jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida dwar jekk għadhomx jeżistu, skont il-każ, “raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika”, “raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika” jew “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”. Fil-fatt, għandu jitfakkar b’mod partikolari li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jissuġġetta, b’mod ġenerali, kull miżura ta’ tneħħija għall-kundizzjoni li l-aġir tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta theddida reali u attwali għal interess fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punti 91 u 92).

86      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta iktar ġeneralment li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jistħarrġu l-legalità ta’ miżura ta’ tneħħija meħuda fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, il-punti ta’ fatt sussegwenti għall-aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jimplikaw il-waqfien jew it-tnaqqis kunsiderevoli tat-theddida attwali li jikkostitwixxi, għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, l-aġir tal-persuna kkonċernata. Dan huwa l-każ speċjalment jekk ikun iddekorra terminu twil bejn id-data tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, minn naħa, u dik tal-evalwazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti kompetenti, min-naħa l-oħra (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, qabel ma tadotta, fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, deċiżjoni ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ulied u l-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin jibbenefikaw, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li jixtiequ jkomplu jirrisjedu hemmhekk, bħala element li jagħmel parti mis-“sitwazzjoni familjari” tal-imsemmi ċittadin, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28(1).

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din is-“sitwazzjoni familjari”, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-ħajja tal-familja li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jgħix fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jistgħu jiġu affettwati mit-tneħħija tiegħu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ta’ tali tneħħija fuq l-aħjar interessi ta’ wliedu.

Sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra tali deċiżjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-perijodu li għadda minn meta seħħew il-fatti allegati fil-konfront tal-persuna kkonċernata u l-aġir tagħha matul dan il-perijodu.

 Fuq l-ispejjeż

88      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat Membru jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, abbażi tal-moviment liberu tal-ħaddiema, flimkien mal-konjuġi tiegħu u ma’ wliedhom, li wħud minnhom jattendu l-iskola f’dan l-Istat Membru l-ieħor filwaqt li oħrajn għadhom ma jattendux l-iskola, dawn l-ulied u din il-konjuġi li effettivament għandha l-kustodja tagħhom jibbenefikaw, f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq dan l-Artikolu 10 u jżommu dan id-dritt anki meta l-imsemmi ċittadin ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

2)      L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

qabel ma tadotta, fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, deċiżjoni ta’ tneħħija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ulied u l-konjuġi ta’ dan iċ-ċittadin jibbenefikaw, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minn dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li jixtiequ jkomplu jirrisjedu hemmhekk, bħala element li jagħmel parti mis-“sitwazzjoni familjari” tal-imsemmi ċittadin, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28(1).

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din is-“sitwazzjoni familjari”, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-ħajja tal-familja li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jgħix fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jistgħu jiġu affettwati mit-tneħħija tiegħu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ta’ tali tneħħija fuq l-aħjar interessi ta’ wliedu.

Sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra tali deċiżjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-perijodu li għadda minn meta seħħew il-fatti allegati fil-konfront tal-persuna kkonċernata u l-aġir tagħha matul dan il-perijodu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.