Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Artikolu 3(g) u Artikolu 16 – Rimbors antiċipat tal-kreditu – Dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu li jikkorrispondi għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti għall-bqija tal-perijodu tal-kuntratt – Limitazzjoni għall-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kreditu biss – Obbligu tal-mutwant li jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali – Direttiva 2014/17/UE – Artikoli 14 u 25 – Spejjeż iċċarġjati lill-konsumatur – Spejjeż kuntrattwali marbuta ma’ servizz ipprovdut minn terz u ma’ piżijiet fiskali”

Fil-Kawżi magħquda C‑239/25 u C‑355/25,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2025 u oħra tat‑30 ta’ April 2025, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Marzu 2025 u fis‑27 ta’ Mejju 2025, rispettivament, fil-proċeduri

Fincontinuo SpA

vs

Svethia Srls, bħala suċċessur legali ta’ LF (C‑239/25),

u

IBL Banca SpA

vs

QJ (C‑355/25),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn Z. Csehi (Relatur), President tal-Awla, M. Gavalec u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fincontinuo SpA, minn S. Belleggia, M. Carpagnano, G. Giordano u A. Quattrocchi, avvocati,

–        għal IBL Banca SpA, minn S. Belleggia, M. Carpagnano, G. Giordano, R. F. Lipari u L. Maresca, avvocati,

–        għal Svethia Srls bħala suċċessur legali ta’ LF, minn G. De Rosa, P. Di Mauro u M. Mariani, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn E. Feola, avvocato dello Stato, u minn E. Cicatelli, procuratore dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46), kif ukoll tal-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Fincontinuo SpA u Svethia Srls, bħala suċċessur legali ta’ LF (Kawża C‑239/25), u IBL Banca SpA (iktar ’il quddiem “IBL”) u QJ (Kawża C‑355/25) dwar it-tnaqqis fl-ispiża totali ta’ krediti għall-konsum minħabba r-rimbors antiċipat tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/48

3        Il-premessi 20 u 39 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(20)      L-ispiża totali tal-kreditu għall-konsumatur għandha tinkludi l-ispejjeż kollha, inkluż interessi, kummissjonijiet, taxxi, onorarji għall-intermedjarji ta’ kreditu u kwalunkwe onorarju ieħor li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu, minbarra l-ispejjeż notarili. [...]

[...]

(39)      Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jifdi l-obbligi tiegħu qabel id-data miftehma fil-ftehim ta’ kreditu. Fil-każ ta’ radd lura antiċipat, kompletament jew parzjalment, il-kreditur għandu jkun intitolat għal kumpens għall-ispejjeż direttament marbutin mar-radd lura antiċipat b’kont meħud ukoll tat-tifdil possibbli magħmul mill-kreditur. Madankollu, sabiex jiġi determinat il-metodu ta’ kalkolu għall-kumpens, huwa importanti li jiġu rispettati diversi prinċipji. Il-kalkolu tal-kumpens dovut lill-kreditur għandu jkun trasparenti u komprensibbli għall-konsumaturi diġà fl-istadju prekuntrattwali u fi kwalunkwe każ matul l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta kreditu. [...]”

4        Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[...]

(g)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili; l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari ħlasijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni, huma inklużi wkoll jekk, barra minn hekk, il-konklużjoni ta' kuntratt ta’ servizz huwa obbligatorju biex jinkiseb il-kreditu jew biex jinkiseb il-kreditu skond it-termini u l-kondizzjonijiet kkummerċjalizzati.”

5        L-Artikolu 14(3)(b) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ irtirar”, jipprovdi:

“Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, huwa għandu:

[...]

(b)      biex iħallas lill-kreditur il-kapital u l-interessi akkumulati fuq dan il-kapital mid-data li fiha s-self ikun inġibed sad-data li fiha jitħallas il-kapital, mingħajr ebda dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn 30 jum ta’ kalendarju wara li jkun bagħat in-notifika ta’ l-irtirar lill-kreditur. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata tas-self miftehma. Il-kreditur m’għandhux ikun intitolat għall-ebda kumpens ieħor mill-konsumatur fil-każ ta’ rtirar, ħlief għal kumpens għall-imposti li ma jistgħux jitreġġgħu lura mħallsin mill-kreditur lill-kwalunke entità ta’ amministrazzjoni pubblika.”

6        L-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva, intitolat “Radd lura antiċipat”, jipprevedi:

“Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jifdi interament jew parzjalment l-obbligi tiegħu taħt ftehim ta’ kreditu fi kwalunkwe ħin. F’tali każijiet, huwa għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, tali tnaqqis ikun jikkonsisti mill-interessi u l-ispejjeż ta’ matul it-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.”

 Id-Direttiva 2014/17/UE

7        L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11), intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu jew rappreżentanti maħturin, iforni lill-konsumatur l-informazzjoni personalizzata meħtieġa sabiex ikun jista’ jqabbel il-krediti disponibbli fuq is-suq, jivvaluta l-implikazzjonijet tagħhom u jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkonkludix kuntratt ta’ kreditu:

(a)      mingħajr dewmien żejjed wara li l-konsumatur ikun ta l-informazzjoni neċessarja dwar il-ħtiġijiet, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-preferenzi tiegħu, skont l-Artikolu 20; u

(b)      kmieni biżżejjed qabel ma l-konsumatur ikun vinkolat b’xi kuntratt jew offerta ta’ kreditu.

2.      L-informazzjoni personalizzata msemmija fil-paragrafu 1, bil-miktub jew b’mezz durabbli ieħor, għandha tingħata permezz tal-[Fuljett Informattiv Standardizzat Ewropew (iktar ’il quddiem il-“FISE”)] kif stipulat fl-Anness II.”

8        L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Ħlas lura antiċipat”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt.”

 Id-Direttiva (UE) 2023/2225

9        Il-premessa 70 tad-Direttiva (UE) 2023/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ottubru 2023 dwar ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 2008/48/KE (ĠU L, 2023/2225, rettifiki fil-ĠU L, 2023/90205 u fil-ĠU L, 2026/90798) tiddikjara:

“Il-konsumatur jenħtieġ li jkollu d-dritt li jeħles mill-obbligi tiegħu qabel id-data miftiehma fil-ftehim ta’ kreditu. Kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza [tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, iktar ’il quddiem is-‘sentenza Lexitor’, EU:C:2019:702)], id-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fil-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur f’każ ta’ ħlas lura antiċipat tal-kreditu jinkludi l-kostijiet kollha imposti fuq il-konsumatur. It-tnaqqis fil-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur jenħtieġ li jkun proporzjonat għat-tul ta’ żmien li jifdal tal-ftehim ta’ kreditu u jenħtieġ li jinkludi wkoll kostijiet li mhumiex dipendenti fuq it-tul ta’ żmien ta’ dak il-ftehim ta’ kreditu, inkluż dawk li jkunu eżawriti kompletament fil-mument tal-għoti tal-kreditu. Madankollu, jenħtieġ li t-taxxi u t-tariffi applikati minn parti terza u mħallsa direttament lilha u li ma jiddependux fuq it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’kreditu ma jitqisux fil-kalkolu tat-tnaqqis, peress li dawk il-kostijiet mhumiex imposti mill-kreditur u għalhekk ma jistgħux jinbidlu unilateralment mill-kreditur. Madankollu, jenħtieġ li tariffi imposti minn kreditur għall-benefiċċju ta’ parti terza jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat it-tnaqqis. [...]”

10      Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2023/2225, intitolat “Ħlas lura antiċipat”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikun fi kwalunkwe ħin intitolat għal ħlas lura antiċipat. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fil-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur għat-tul taż-żmien li jifdal tal-kuntratt. Meta jiġi kkalkulat dak it-tnaqqis, għandhom jitqiesu l-kostijiet kollha imposti fuq il-konsumatur mill-kreditur.”

 Id-dritt Taljan

11      Skont l-Artikolu 125e tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 dwar Test Uniku tal-Liġijiet fil-Qasam Bankarju u ta’ Kreditu) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju Nru 92) (iktar ’il quddiem it-“TUB”):

“1.      Il-konsumatur jista’, f’kull ħin, jirrimborsa antiċipatament, l-ammont kollu dovut lill-mutwant jew parti minnu. F’dan il-każ, il-konsumatur ikollu dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, li jikkorrispondi għall-ammont tal-interessi u tal-ispejjeż dovuti għall-bqija tal-perijodu tal-kuntratt.”

12      Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bl-Artikolu 11g(1)(c) tad-decreto-legge no 73 – Misure urgenti connesse all’emergenza da COVID‑19, per le imprese, il lavoro, i giovani, la salute e i servizi territorali (id-Digriet Liġi Nru 73 dwar Miżuri Urġenti marbuta mal-Kriżi tal-COVID-19, affavur tal-Impriżi, tal-Impjieg, taż-Żgħażagħ, tas-Saħħa u tas-Servizzi Territorjali) tal‑25 ta’ Mejju 2021 (GURI Nru 123 tal‑25 ta’ Mejju 2021) li jipprevedi:

“1.      Il-konsumatur jista’ f’kull ħin jirrimborsa antiċipatament l-ammont kollu dovut lill-kreditur jew parti minnu, u, f’dan il-każ, huwa jkollu dritt li jnaqqas, approporzjon tal-bqija tal-perijodu tal-kuntratt, l-interessi u l-ispejjeż kollha inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu, minbarra t-taxxi.

2.      Il-kuntratti ta’ kreditu għandhom jistipulaw b’mod ċar il-kriterji għat-tnaqqis proporzjonat tal-interessi u ta’ spejjeż oħra u jispeċifikaw b’mod analitiku jekk japplikax il-kriterju ta’ proporzjonalità lineari jew il-kriterju tal-ispiża amortizzata. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandu japplika l-kriterju tal-ispiża amortizzata.”

13      L-Artikolu 11g(2) ta’ dan id-digriet liġi jipprevedi li l-emendi li ddaħħlu fl-Artikolu 125e tat-TUB bil-paragrafu 1(c) tal-istess Artikolu 11(g), għandhom japplikaw għall-kuntratti konklużi wara d-data li fiha daħal fis-seħħ l-att li għamel liġi dan tal-aħħar. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 125e tat-TAB jibqgħu japplikaw għax-xoljiment antiċipat tal-kuntratti konklużi qabel id-data li fiha daħal fis-seħħ l-imsemmi att.

14      Skont l-Artikolu 1(1a) tad-decreto-legge n° 69 – Disposizioni urgenti per l’attuazione di obblighi derivanti da atti dell’ Unione europea e da procedure di infrazione e pre-infrazione pendenti nei confronti dello Stato italiano (id-Digriet Liġi Nru 69 dwar Miżuri Urġenti għall-Eżekuzzjoni tal-Obbligi imposti mill-Unjoni Ewropea u minn proċeduri ta’ ksur u minn proċeduri ta’ qabel il-ksur pendenti kontra l-Istat Taljan) tal‑10 ta’ Awwissu 2023 (GURI Nru 186 tal‑10 ta’ Awwissu 2023):

“Skont id-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [...], fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-kuntratti konklużi qabel id-data li fiha daħal fis-seħħ l-att li għamel liġi dan id-digriet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 125e tat-[TUB] fis-seħħ fid-data li fiha jkunu ġew konklużi l-kuntratti jibqgħu japplikaw, bla ħsara tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar l-indebitu oġġettiv u l-arrikkiment indebitu; madankollu, it-taxxi u l-ispejjeż imġarrba għall-konklużjoni ta’ dawn l-istess kuntratti ma jistgħux jitnaqqsu. Sakemm il-partijiet ma jispeċifikawx mod ieħor, it-tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu għandu jsir skont il-kriterju tal-ispiża amortizzata”.

15      Skont l-Artikoli 15 u 17 tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 601, disciplina delle agevolazioni tributarie (id-Digriet Presidenzjali Nru 601 dwar il-Leġiżlazzjoni tal-Vantaġġi Fiskali) tad‑29 ta’ Settembru 1973 (GURI Nru 268 tas‑16 ta’ Ottubru 1973):

“Artikolu 15 – Tranżazzjonijiet ta’ kreditu għal żmien medju u għal żmien twil

It-tranżazzjonijiet ta’ kreditu għal żmien medju u għal żmien twil, kif ukoll l-atti, il-miżuri, il-kuntratti u l-formalitajiet kollha inerenti f’dawn it-tranżazzjonijiet, fl-eżekuzzjoni, modifika u estinzjoni tagħhom, fil-garanziji ta’ kull tip mogħtija minn kwalunkwe persuna u f’kull ħin [u tranżazzjonijiet oħra relatati], inklużi iċ-ċessjonijiet ta’ kreditu konklużi b’rabta ma’ dawn il-krediti, kif ukoll it-tranżazzjonijiet relatati maċ-ċessjonijiet sussegwenti tal-kuntratti jew krediti korrispondenti u mat-trasferimenti ta’ garanziji relatati ma’ dawn il-kuntratti jew krediti, magħmula minn impriżi u istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-dipartimenti tagħhom jew minn amministraturi li jeżerċitaw, skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, statutorji jew amministrattivi, l-attività ta’ kreditu għal żmien medju u għal żmien twil [tranżazzjonijiet oħra ta’ kreditu speċifiċi] huma eżentati mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni, mit-taxxa tal-boll, mill-imposti ipotekarji u mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli, kif ukoll mit-taxxi fuq il-konċessjonijiet tal-gvern. [...]

Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, it-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament li jdumu fis-seħħ iktar minn 18‑il xahar għandhom jitqiesu bħala tranżazzjonijiet għal żmien medju u għal żmien twil.

[...]

Artikolu 17 – Taxxa sostituttiva

L-entitajiet li jagħmlu t-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 jistgħu jagħżlu li jħallsu taxxa sostituttiva minflok taxxa ta’ reġistrazzjoni, taxxa tal-boll, imposta ipotekarja u taxxa fuq il-proprjetà immobbli, kif ukoll taxxa fuq il-konċessjonijiet tal-gvern. Din l-għażla għandha ssir bil-miktub fil-kuntratt ta’ kreditu.”

16      Fil-fehma tal- Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo), il-Bank tal-Italja stabbilixxa r-regoli u l-kontenut tal-informazzjoni prekuntrattwali li japplikaw għall-kreditu għall-konsum.

17      B’hekk, skont iċ-ċirkulari tal-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) tal‑10 ta’ Novembru 2009, Nru 192691, it-tieni sentenza, paġna 5:

“Sabiex jiġi evitat, minn naħa, li l-klijent ma jkunx jaf bid-dritt tiegħu li jiġi rrimborsat is-somom dovuti fil-każ ta’ xoljiment antiċipat [tal-kuntratt] u, min-naħa l-oħra, li dan il-prinċipju ma jiġix applikat fil-prattika, għandha tiġi enfasizzata l-importanza li r-regoli ta’ trasparenza jiġu osservati b’reqqa. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li l-iskedi informattivi u l-kuntratti ta’ kreditu jkun fihom indikazzjoni ċara tal-varji elementi tal-ispiża għall-klijenti, b’mod partikolari dawk dovuti progressivament maż-żmien (pereżempju, l-interessi dovuti lill-mutwant, l-ispejjeż ta’ ġestjoni u ta’ rkupru, il-kummissjonijiet li jirrappreżentaw id-dħul mill-għoti tal-garanzija ‘ta’ ħlas u mhux ta’ ġbir’ affavur ta’ ‘entitajiet li jiffinanzjaw’, eċċ.). L-obbligu li jiġu indikati l-varji elementi tal-ispiża japplika wkoll għall-kumpens dovut għall-varji komponenti tan-network ta’ distribuzzjoni (il-persuni msemmija fl-Artikoli 106 u 107 tat‑TUB, sensara, aġenti)”.

18      Skont il-punt (e) tal-Komunikazzjoni tal-Bank tal-Italja tas‑7 ta’ April 2011, Nru 139180, dwar il-kuntratti ta’ kreditu b’ċessjoni ta’ 20 % (cessione del quinto), l-intermedjarji bankarji u finanzjarji huma obbligati:

“jiddefinixxu korrettament – skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-kreditu lill-konsumaturi – kif jinqasmu l-kummissjonijiet ‘inizjali’ (up front) u ‘rikorrenti’ (recurring), billi jinkludu f’tat-tieni l-komponenti ekonomiċi dovuti maż-żmien.”

19      In-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, tal-punt 5.2.1(q) tat-Taqsima VII tad-deċiżjoni tal-Bank tal-Italja tad‑9 ta’ Frar 2011, intitolata “Trasparenza tat-tranżazzjonijiet u tas-servizzi bankarji u finanzjarji – Lealtà fir-relazzjonijiet bejn l-intermedjarji u l-klijenti – Traspożizzjoni tad-[Direttiva 2008/48] dwar il-kreditu għall-konsum” (GURI Nru 38 tas‑16 ta’ Frar 2011) tippreċiża:

“Fil-kuntratti ta’ kreditu li jipprevedu ċ-ċessjoni ta’ 20 % tal-paga, tas-salarju jew tal-pensjoni u fil-każijiet assimilati, ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu tat-tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu li l-konsumatur għandu dritt għalih fil-każ ta’ rimbors antiċipat għandhom jindikaw l-ispejjeż li jkunu dovuti matul ir-relazzjoni kuntrattwali u l-elementi tagħhom, li ma jkunux għadhom dovuti, għandhom, għalhekk, jiġu rrimborsati, mill-mutwant jew minn terzi, lill-konsumatur, jekk dan tal-aħħar ikun ħallashom antiċipatament lill-mutwant.”

20      Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tal-punt 2 tat-Taqsima XI ta’ din id-deċiżjoni:

“Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kuntratti ta’ kreditu li jinvolvu ċ-ċessjoni ta’ 20 % tal-paga, tas-salarju, jew tal-pensjoni u l-każijiet assimilati, il-proċeduri għandhom ukoll jikkwantifikaw b’mod ċar, iddettaljat u inekwivoku l-ispejjeż dovuti matul ir-relazzjoni kuntrattwali u l-elementi tagħhom, li ma jkunux għadhom dovuti, għandhom jiġu rrimborsati, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, mill-mutwant jew minn terzi, lill-konsumatur, jekk dan tal-aħħar ikun ħallashom antiċipatament lill-mutwant.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑239/25

21      Fl‑2018, LF ikkonkluda kuntratt ta’ kreditu ma’ Fincontinuo għall-ammont ta’ EUR 31 200, rimborsabbli f’perijodu ta’ għaxar snin, bi tnaqqis ta’ EUR 260 kull xahar mill-pensjoni tal-irtirar tiegħu. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola dan il-kuntratt ta’ kreditu speċifiku tipprevedi, affavur ta’ ċerti kategoriji ta’ impjegati jew pensjonanti tas-settur privat jew pubbliku, il-possibbiltà li jinkiseb self b’rati fissi, rimborsabbli bi tnaqqis mensili li ma jaqbiżx l‑20 % tal-paga jew tal-pensjoni, liema somom hekk imnaqqsa jitħallsu direttament lill-mutwant mill-persuna li timpjega jew mill-organu li jiġġestixxi l-pensjonijiet (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu b’ċessjoni ta’ 20 %”). Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jeħtieġ li l-mutwatarju jbati kemm l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt u kif ukoll l-ispejjeż marbuta mat-tul tiegħu.

22      Billi LF irrimborsa l-kreditu tiegħu antiċipatament, Fincontinuo ħallsitu somma li tikkorrispondi għall-ispejjeż u għall-interessi li ma kinux għadhom dovuti taħt il-kuntratt ta’ kreditu. Billi, fil-fehma tiegħu, din is-somma ma kinitx biżżejjed, LF ippreżenta rikors quddiem l-Arbitro bancario finanziario di Palermo (l-Arbitru Bankarju u Finanzjarju ta’ Palermo, l-Italja) li, fid-dawl tas-sentenza Lexitor, ikkundanna lil Fincontinuo tħallas lil LF is-somma ta’ EUR 900.66, ikkalkolata skont ir-regola tal-prorata temporis, minnhom EUR 300.22 bħala spejjeż u EUR 600.44 bħala kummissjonijiet ta’ intermedjazzjoni.

23      Fincontinuo adixxiet lill-Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo) b’rikors sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni mogħtija mill-Arbitro bancario finanziario di Palermo (l-Arbitru Bankarju u Finanzjarju ta’ Palermo).

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ rimbors antiċipat ta’ kreditu, il-konsumatur ikollux id-dritt, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, li jiġi rrimborsat mhux biss l-ispejjeż li jkunu jiddependu mit-tul tal-kreditu skont ir-regola tal-prorata temporis, iżda wkoll l-ispejjeż li ma jkunux marbuta ma’ dan it-tul.

25      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, fis-sentenza Lexitor, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, jinkludi l-ispejjeż kollha ċċarġjati lilu. Dik is-sentenza ġiet allegatament interpretata mill-qrati Taljani fis-sens li l-mutwant għandu jirrimborsa l-ispejjeż kollha, kemm dawk li huma marbuta mat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u kemm dawk li ma humiex. Barra minn hekk, sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija sentenza, ir-Repubblika Taljana allegatament emendat il-leġiżlazzjoni tagħha sabiex tirrikonċilja s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

26      Issa, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jidher li hemm kunflitt bejn is-sentenza Lexitor u s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza UniCredit Bank Austria”, EU:C:2023:78), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja żammet li, fejn jidħol ir-rimbors antiċipat ta’ kreditu rregolat mid-Direttiva 2014/17, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata tal-obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni li din id-direttiva timponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu japplika biss għall-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li diversi qrati Taljani qiesu li s-sentenza UniCredit Bank Austria kienet tbiegħdet mis-sentenza Lexitor u, konsegwentement, applikaw ukoll is-soluzzjoni adottata fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi għall-kuntratti ta’ kreditu rregolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2008/48.

27      Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Santander Bank Polska (C‑76/22, EU:C:2024:890), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/17, meta istituzzjoni bankarja ma tipprovdix lill-konsumatur l-informazzjoni neċessarja hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina jekk kummissjoni taqax jew le fl-iskop tal-ispejjeż rikorrenti, il-qorti nazzjonali għandha tqis li din il-kummissjoni taqa’ fl-iskop tal-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt u li hija, għalhekk, koperta mid-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 25(1) ta’ din id-direttiva.

28      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn il-mutwant jipprovdi lill-konsumatur informazzjoni xierqa hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jidentifika n-natura tal-ispejjeż kuntrattwali ċċarġjati lilu, l-ispejjeż kollha, kemm dawk li jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u kemm dawk li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, jaqgħux neċessarjament fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat, mingħajr ma l-qorti nazzjonali tkun tista’ titbiegħed minn din is-soluzzjoni. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv, hekk li l-qorti nazzjonali tista’ tapplika s-soluzzjoni adottata fis-sentenza UniCredit Bank Austria meta l-garanziji ta’ trasparenza previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/17.

29      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, l-ispejjeż, bħall-kummissjonijiet tal-intermedjarji jew tal-aġenti, relatati ma’ servizzi pprovduti kompletament minn dawn it-terzi fil-mument ta’ dan ir-rimbors, ma għandhomx jaqgħu fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu. Dik il-qorti jidhrilha li huwa neċessarju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, inkwantu s-sentenza Lexitor ma ttrattatx din il-kwistjoni u inkwantu, fis-sentenza UniCredit Bank Austria, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, fil-fehma tagħha, li dan it-tip ta’ spejjeż ma jaqax fl-iskop ta’ tali dritt previst fid-Direttiva 2014/17 fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu.

30      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li li kellu l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt, dovuti għal servizzi li jkunu ġew ipprovduti fil-mument tar-rimbors antiċipat tal-kreditu, jaqgħu fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, din l-interpretazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, fid-dawl tal-vantaġġ li l-konsumatur ikun diġà bbenefika minnu mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

31      Fil-fehma ta’ dik il-qorti, il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 16(2) u (4) tad-Direttiva 2008/48, previst affavur tal-mutwant fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, ma għandux l-għan li jikkumpensa lil dan tal-aħħar meta dan ikun obbligat jirrimborsa l-ispejjeż iċċarġjati lill-konsumatur. Fil-fatt, l-għan ta’ dan il-kumpens huwa, fil-fehma tagħha, li jikkumpensa l-“lucrum cessans” li jġarrab il-mutwant meta r-rata tal-interessi tas-suq tkun inqas, fil-mument tar-rimbors antiċipat, minn dik miftiehma fil-kuntratt ta’ kreditu.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[(1)] Fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi strumenti ta’ trasparenza u ta’ verifika li jimponu l-obbligu, fuq l-entitajiet li jsellfu, ta’ kwantifikazzjoni u ta’ tqassim tal-ispejjeż, b’mod trasparenti, fuq il-bażi tan-natura tagħhom, irrispettivament minn jekk jiddependux jew le fuq it-tul tal-ftehim, u li jinformaw bil-quddiem lill-konsumatur, inter alia, permezz tal-formola SECCI (Standard European Consumer Credit Information), l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2004/48], hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-[sentenza Lexitor] kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji espressi mill-istess Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi [Unicredit Austria u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Santander Bank Polska (C-76/22, EU:C:2024:890)], jipprekludi interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuq il-bażi tagħha r-restituzzjoni dovuta lill-konsumatur tal-‘ispiża totali tal-kreditu’ tinkludi biss l-ispejjeż indikati bħala dipendenti fuq it-tul tal-ftehim ta’ finanzjament fid-dokumentazzjoni ta’ trasparenza pprovduta lill-konsumatur?

[(2)]      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/48] jipprekludi interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li, fil-każ ta’ restituzzjoni lill-konsumatur tal-‘ispiża totali tal-kreditu’, l-entità li ssellef ma jkollhiex obbligu tnaqqas proporzjonalment l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet imwettqa minn terzi fl-istadju prekuntrattwali, kemm fil-każ fejn l-ammonti relatati jitħallsu direttament mill-konsumaturi kif ukoll fil-każ fejn dawn jitħallsu indirettament permezz tal-entità li ssellef?

[(3)]      Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/48] jipprekludu interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li r-restituzzjoni dovuta lill-konsumatur tal-‘ispiża totali tal-kreditu’ tinkludi wkoll l-ispejjeż li ma jiddependux fuq it-tul tal-ftehim u li huma dovuti għal servizzi li diġà ġew eżegwiti kompletament fil-mument ta’ tmiem antiċipat tal-kreditu, anki fid-dawl ta’ provvista ta’ informazzjoni trasparenti u ddettaljata?”

 Il-Kawża C‑355/25

33      Fit‑2 ta’ Lulju 2018, QJ ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ IBL għall-ammont ta’ EUR 63 000, rimborsabbli f’perijodu ta’ għaxar snin, bi tnaqqis ta’ EUR 525 kull xahar mill-paga tagħha. Dan il-kuntratt ta’ kreditu b’ċessjoni ta’ 20 % kien jipprevedi li l-mutwatarju kellu jħallas is-somma ta’ EUR 680 bħala spejjeż amministrattivi, is-somma ta’ EUR 130.25 bħala piżijiet fiskali u s-somma ta’ EUR 3 780 bħala kummissjoni mogħtija lis-sensar li serva bħala intermedjarju fit-tranżazzjoni ta’ kreditu. Dawn il-piżijiet fiskali kienu jikkorrispondu għat-taxxa sostituttiva imposta minn liġi nazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u applikata b’rata ta’ 0.25 % tal-kapital misluf. Is-somma mħallsa f’dan ir-rigward lil IBL kienet imbagħad, allegatament, tħallset lit-Teżor Pubbliku Taljan. Il-kuntratt ta’ kreditu ma kienx jipprevedi li l-mutwatarju kellu jbati l-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt.

34      Billi QJ irrimborsat antiċipatament il-kreditu tagħha, hija rċeviet mingħand IBL is-somma ta’ EUR 3 821.34 bħala interessi mhux dovuti. Billi, fil-fehma tagħha, hija kellha dritt għar-rimbors ta’ somma addizzjonali li tikkorrispondi, b’mod partikolari, għall-piżijiet fiskali u għall-kummissjoni mħallsa lill-intermedjarju, QJ ippreżentat rikors quddiem l-Arbitro bancario finanziario di Palermo (l-Arbitru Bankarju u Finanzjarju ta’ Palermo).

35      Fid-dawl tas-sentenza Lexitor, dan tal-aħħar ikkundanna lil IBL tħallas lil QJ parti mill-ispejjeż amministrattivi kif ukoll parti minn din il-kummissjoni u ċaħdet it-talba għar-rimbors tal-piżijiet fiskali.

36      QJ adixxiet lill-Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo), il-qorti tar-rinviju, li, b’ordni ta’ ħlas tas‑16 ta’ Jannar 2024, ikkundannat lil IBL tħallasha s-somma ta’ EUR 1 643.62, flimkien mal-interessi, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċedura. IBL ressqet oppożizzjoni għal din l-ordni u, fil-kuntest tal-proċedura li nfetħet wara din l-oppożizzjoni, QJ talbet li l-bank jiġi kkundannat iħallasha s-somma ta’ EUR 2 639.39, ikkalkolata skont ir-regola tal-prorata temporis u li tkopri l-ispejjeż kollha msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

37      Dik il-qorti tirrileva li d-domandi preliminari magħmula fil-Kawża C‑239/25 huma rilevanti wkoll fil-Kawża C‑355/25 u tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet imfissra f’din l-ewwel kawża. Madankollu, jidhrilha li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita għat-tieni darba inkwantu l-Kawża C‑355/25 tqajjem kwistjoni ġdida, jiġifieri dik tar-rimbors ta’ piżijiet fiskali.

38      Fil-fehma tal-imsemmija qorti, in-natura speċifika ta’ din il-kwistjoni għandha x’taqsam mal-fatt li dawn il-piżijiet la huma marbuta mal-attività tal-intermedjarji tal-kreditu u lanqas mal-ispejjeż operattivi tal-mutwant. Dawn huma imposti mil-liġi, li tiddetermina l-ammont tagħhom, u s-somom hekk miġbura jitħallsu mill-mutwant lit-Teżor Pubbliku Taljan.

39      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubju jekk dawn il-piżijiet jistgħux jaqgħu fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretat fis-sentenza Lexitor fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu. Li kellha din id-direttiva tiġi interpretata b’mod kuntrarju jiġri li din tal-aħħar tipprevedi soluzzjonijiet differenti f’żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli, jiġifieri dik li fiha l-konsumatur jeżerċita, minn naħa, id-dritt li jirrimborsa antiċipatament il-kreditu miftiehem, previst fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ rtirar, previst fl-Artikolu 14(3)(b) tal-istess direttiva. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, fil-każ li l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, it-taxxi ma jistgħux jiġu rrimborsati.

40      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rimbors lill-konsumatur tal-piżijiet fiskali jikser il-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, is-somom li jikkorrispondu għal dawn il-piżijiet għandhom jitħallsu lit-Teżor Pubbliku Taljan fil-mument li fih jingħata l-kreditu u mhux fil-mument li fih jiġi rrimborsat antiċipatament. Barra minn hekk, l-għan tal-kumpens previst fl-Artikolu 16(2) u (4) tad-Direttiva 2008/48 ma huwiex li jikkumpensa lill-mutwant fil-każ li jiġu rrimborsati l-imsemmija piżijiet.

41      B’hekk, inkwantu l-mutwant jiġi mġiegħel jirrimborsa lill-konsumatur somma flus li huwa qatt ma seta’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, dan tal-aħħar jarrikkixxi ruħu indebitament.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Palermo (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Palermo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[(1)] L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/48] interpretat fid-dawl tas-[sentenza Lexitor] jipprekludi interpretazzjoni tal-espressjoni ‘[]spiża totali tal-kreditu’ li għat-tnaqqis tagħha għandu dritt il-konsumatur fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, li ma jinkludix l-oneri fiskali li l-ammont tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, ma jiddependix mit-tul tal-kreditu u jitħallas mill-kreditur fil-mument tal-għoti tal-kreditu?

[(2)] Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu applikat għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [2008/48] jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 li tobbliga, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu u rimbors lill-konsumatur tal-‘ispiża totali tal-kreditu’, li jiġu rrimborsati lill-konsumatur ukoll l-oneri fiskali li l-ammont tagħhom ma jiddependix mit-tul tal-finanzjament u li l-kreditur għandu jiddepożita fit-Teżor pubbliku fil-mument tal-għoti tal-kreditu?”

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2026, il-Kawżi C‑239/25 u C‑355/25 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑533/25

44      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, jaqgħu biss fl-iskop tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu l-ispejjeż kuntrattwali li jkunu jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, meta din il-leġiżlazzjoni tkun timponi fuq il-kreditur obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali dwar l-analiżi tal-ispejjeż iċċarġjati lill-konsumatur, hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina jekk dawn l-ispejjeż ikunux jiddependu minn dan it-tul jew le.

45      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tagħha, jipprevedi d-dritt tal-konsumatur li jirrimborsa antiċipatament il-kuntratt u li jibbenefika minn tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, li jikkorrispondi għall-interessi u għall-ispejjeż dovuti għall-bqija tal-perijodu tal-kuntratt (sentenza Lexitor, punt 22).

46      Fil-punt 36 tas-sentenza Lexitor, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat jinkludi l-ispejjeż kollha ċċarġjati lill-konsumatur.

47      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet, fl-ewwel lok, fuq interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni billi rrilevat, fil-punt 29 tas-sentenza Lexitor, li d-Direttiva 2008/48 tfittex li tiggarantixxi protezzjoni għolja tal-konsumatur. Is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mal-kummerċjant kemm fejn tidħol is-setgħa tiegħu ta’ negozjar u kif ukoll fejn jidħol l-livell ta’ konoxxenza tiegħu.

48      Sabiex tiġi ggarantita din il-protezzjoni, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2008/48 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li huma jadottaw għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkunux jistgħu jiġu evitati bil-mod kif jinkitbu l-kuntratti inkwistjoni (sentenza Lexitor, punt 30).

49      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, fil-punti 31 sa 33 tas-sentenza Lexitor, li l-effettività tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu tiġi mminata jekk dan it-tnaqqis jista’ jieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż li l-mutwant jippreżenta bħala spejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt. Fil-fatt, billi l-ispejjeż u l-analiżi tagħhom jiġu ddeterminati unilateralment mill-mutwant, dan tal-aħħar jista’ jitħajjar inaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż li jiddependu mit-tul tal-kuntratt u b’hekk jiċċarġja lill-konsumatur pagamenti mhux rikorrenti ogħla mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, u b’hekk isib kif jaħrab dan id-dritt. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-marġni ta’ manuvra li għandhom il-mutwanti fil-mod kif jiffatturaw u fl-organizzazzjoni interna tagħhom jagħmel l-evalwazzjoni tan-natura rikorrenti jew le tal-ispejjeż inkwistjoni diffiċli ħafna, fil-prattika, għal konsumatur jew għal qorti.

50      Madankollu, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, bil-għan li jiġu żgurati l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, il-konsistenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing, C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 77).

51      Din il-proċedura hija, għalhekk, strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bih tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun meħtieġa sabiex tissolva t-tilwima li dawn ikunu ntalbu jiddeċiedu (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Stogenchev, C‑342/25, EU:C:2026:469, punt 56).

52      Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li, meta tirrispondi għal domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġuriżdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv ta’ dawn id-domandi, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑2/17, EU:C:2017:936, punt 24).

53      Issa, il-kuntest leġiżlattiv ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza Lexitor. Fil-fatt, mill-punt 17 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tal-aħħar kienet hija stess semmiet ir-riskju ta’ aġir abbużiv tal-mutwant fil-mod kif ippreżenta l-ispejjeż kuntrattwali ċċarġjati lill-konsumatur. Min-naħa l-oħra, mill-istess sentenza ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kienet tipprevedi, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, obbligu tal-mutwant li jagħti informazzjoni prekuntrattwali hekk li l-konsumatur ikun jista’ jiddetermina jekk l-ispejjeż kuntrattwali inkwistjoni kinux jiddependu jew le mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu.

54      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm il-qorti tar-rinviju setgħet tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkolarijiet u d-deċiżjoni tal-Bank tal-Italja msemmija fil-punti 18 sa 21 ta’ din is-sentenza, hija tista’ tivverifika, essenzjalment, jekk, f’dan il-każ, il-konsumatur jistax jibbenefika mill-istess garanziji ta’ trasparenza bħal dawk mogħtija, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-Direttiva 2014/17 permezz tal-FISE u, għaldaqstant, jekk setax jiddetermina jekk l-ispejjeż iċċarġjati lilu kinux jiddependu jew le mit-tul tal-kuntratt.

55      Sa fejn għandha x’taqsam din id-direttiva, mill-punti 31 sa 35 tas-sentenza UniCredit Bank Austria jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mid-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu, previst fl-Artikolu 25 tagħha, l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-kuntratt, il-konsumatur għandu jħallas lill-mutwant jew lil terzi għal servizzi li jkunu diġà ġew ipprovduti kompletament fil-mument tar-rimbors antiċipat. Fil-fatt, id-Direttiva 2014/17 timponi fuq il-mutwant obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali li jistgħu jillimitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fejn jidħlu l-mod kif dan jiffattura u l-organizzazzjoni interna tiegħu, billi tipprevedi, b’mod partikolari, li dan tal-aħħar għandu jibgħat lill-konsumatur analiżi tal-ispejjeż kuntrattwali ċċarġjati lilu, hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jivverifika jekk dawn l-ispejjeż jiddependux oġġettivament jew le mit-tul tal-kuntratt.

56      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punt 36 tas-sentenza UniCredit Bank Austria, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-riskju ta’ aġir abbużiv tal-mutwant, imsemmi fil-punti 31 sa 33 tas-sentenza Lexitor, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, ma jistax jiġġustifika li l-ispejjeż li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt jaqgħu fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17.

57      Dan ifisser li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli timponi fuq il-kreditur obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali ekwivalenti għal dawk previsti fid-Direttiva 2014/17, hekk li r-riskju rrilevat fis-sentenza Lexitor ikun nieqes, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu jaqgħu neċessarjament fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat ta’ dan tal-aħħar.

58      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-riskju ta’ aġir abbużiv tal-mutwant fejn jidħlu l-ispejjeż kuntrattwali ċċarġjati lill-konsumatur, li ġġustifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 adottata mis-sentenza Lexitor, huwiex effettivament eskluż, bis-saħħa ta’, b’mod partikolari, iċ-ċirkolarijiet u d-deċiżjoni li jinsabu fil-punti 17 sa 20 tal-preżenti sentenza u jekk, konsegwentement, il-konsumatur setax jevalwa n-natura tal-ispejjeż kuntrattwali inkwistjoni, jiġifieri jekk dawn jiddependux jew le mit-tul tal-kreditu. B’mod partikolari, din il-verifika teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija ċirkolarijiet u l-imsemmija deċiżjoni japplikawx għall-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari fil-Kawża C‑239/25 għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, jaqgħu biss fl-iskop tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu l-ispejjeż kuntrattwali li jkunu jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, kemm‑il darba din il-leġiżlazzjoni tkun timponi fuq il-mutwant obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali dwar l-analiżi tal-ispejjeż iċċarġjati lill-konsumatur, hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina jekk dawn l-ispejjeż ikunux jiddependu minn dan it-tul jew le.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑239/25 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑355/25

60      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 jipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li spejjeż kuntrattwali li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u li jkunu relatati ma’ servizzi pprovduti minn terzi matul il-fażi prekuntrattwali, jew ma’ piżijiet fiskali li l-ammont tagħhom, li jkun tħallas mill-konsumatur, jitħallas mill-mutwant lit-Teżor pubbliku fil-mument li fih jingħata l-kreditu, ma jaqgħux fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu.

61      Sa fejn għandu x’jaqsam, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “spiża totali ta’ kreditu għall-konsumatur”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48 b’mod wiesa’ (ara, b’analoġija, is-sentenza UniCredit Bank Austria, punt 23).

62      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li din l-ispiża tinkludi l-ispejjeż kollha li l-konsumatur għandu jħallas taħt il-kuntratt ta’ kreditu u li jkun jaf bihom il-mutwant. Huma esklużi espliċitament biss l-ispejjeż notarili.

63      F’dan il-każ, skont il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-ispejjeż imfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza ma jikkorrispondux għal servizz ipprovdut mill-mutwant. Fil-Kawża C‑239/25, dan huwa l-intervent ta’ intermedjarju matul il-fażi prekuntrattwali. Fil-Kawża C‑355/25, dawn huma l-piżijiet fiskali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-mutwant jirċievi mingħand il-konsumatur mal-għoti tal-kreditu u li huwa jħallas l-ammont tagħhom lit-Teżor Pubbliku Taljan.

64      Hija, għalhekk, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-tipi ta’ spejjeż imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza humiex spejjeż li l-konsumatur għandu jħallas taħt il-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma magħrufa mill-mutwant, u, jekk ikun il-każ, jekk dawn jaqgħux fl-iskop tal-eċċezzjoni dwar l-ispejjeż notarili.

65      Sa fejn għandha x’taqsam, fit-tieni lok, il-portata tal-kunċett ta’ “tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu” għall-konsumatur imsemmi fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 36 tas-sentenza Lexitor jirriżulta li l-ispejjeż li jaqgħu fl-iskop ta’ dan il-kunċett huma dawk “iċċarġjati” lill-konsumatur mill-mutwant.

66      F’dik is-sentenza, ir-riskju ta’ aġir abbużiv tal-mutwant fejn jidħlu l-ispejjeż kuntrattwali ċċarġjati lill-konsumatur kien iġġustifika l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li l-ispejjeż kuntrattwali kollha, kemm dawk li jiddependu mit-tul tal-kuntratt u kemm dawk li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt, kienu jaqgħu fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu. Konsegwentement, għandu jitqies li l-punt 36 tas-sentenza Lexitor jirreferi għall-ispejjeż kuntrattwali fil-kontroll tal-mutwant, billi jiddetermina unilateralment l-eżistenza tagħhom, l-ammont tagħhom jew il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

67      Din il-konklużjoni hija kkorroborata, sa fejn għandha x’taqsam l-interpretazzjoni tal-kuntest tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, mill-kontenut tad-Direttiva 2023/2225, li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2008/48 b’effett mix-xahar ta’ Novembru 2026 u li, kif jirriżulta mill-premessa 70 tagħha, tirreferi għall-interpretazzjoni, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lexitor, tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat. Skont din il-premessa 70, minn naħa, dan id-dritt “jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur” u, min-naħa l-oħra, ma jinkludix it-taxxi u l-ispejjeż imposti minn parti terza u mħallsa direttament lil din tal-aħħar u li ma jiddependux mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, “peress li dawk il-kostijiet mhumiex imposti mill-kreditur [mutwant] u għalhekk ma jistgħux jinbidlu unilateralment mill-kreditur”.

68      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-fatti kollha rilevanti, jekk l-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jitqiesu li huma ċċarġjati lill-konsumatur mill-mutwant, fis-sens imfisser fil-punt 67 ta’ din is-sentenza.

69      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tipprovdi gwida li tgħin lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha.

70      Fl-ewwel lok, fejn jidħlu l-ispejjeż li jikkonċernaw servizz ipprovdut minn terz, inkwistjoni fil-Kawża C‑239/25, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk dan ikunx jikkorrispondi għal servizz anċillari marbut mal-kuntratt ta’ kreditu, billi l-konklużjoni ta’ kuntratt għal dan is-servizz hija prerekwiżit għalbiex jinkiseb il-kreditu nnifsu jew għalbiex dan tal-aħħar jinkiseb taħt ċerti kundizzjonijiet. It-tieni, għandu jiġi eżaminat jekk il-mutwant għandux id-dritt li jbiddel unilateralment l-ammont jew il-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż jew ukoll jekk parti minnhom tkunx sussegwentement tħallset lill-mutwant mit-terz inkwistjoni. Fl-aħħar nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni kuntrattwali jew ta’ xogħol bejn dan it-terz u l-mutwant, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika li torbtu ma’ dan il-mutwant, jekk l-attività tiegħu ssirx taħt il-kontroll tal-imsemmi mutwant jew jekk dan jaġixxix bħala intermedjarju.

71      Fit-tieni lok, fejn jidħlu l-piżijiet fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑355/25, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont irrappreżentat minn dawn il-piżijiet għandu, wara li jkun tħallas mill-konsumatur lill-mutwant, jitħallas minn dan tal-aħħar lit-Teżor Pubbliku Taljan u li s-sistema legali tal-imsemmija piżijiet hija ddeterminata mil-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-kuntratti ta’ kreditu b’ċessjoni ta’ 20 %. Għaldaqstant, bla ħsara tal-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-mutwant la jidher li għandu s-setgħa li jiddisponi mill-ammont miġbur bħala piżijiet fiskali u lanqas li jbiddel unilateralment il-kundizzjonijiet li fihom dawn jiġu ddeterminati u rkuprati.

72      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑239/25 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑355/25 għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li spejjeż kuntrattwali li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u li jkunu relatati ma’ servizzi pprovduti minn terzi matul il-fażi prekuntrattwali jew ma’ piżijiet fiskali li l-ammont tagħhom, li jkun tħallas mill-konsumatur, jitħallas mill-mutwant lit-Teżor pubbliku mal-għoti tal-kreditu, ma jaqgħux fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, u dan sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jitqiesu li ġew iċċarġjati mill-mutwant.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑239/25 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑355/25

73      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-prinċipju li jipprojbixxi l-arrikkiment indebitu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-mutwant, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, jirrestitwixxi s-somom li huwa jkun irċieva bħala spejjeż li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u li jkunu relatati ma’ servizzi pprovduti minn terzi matul il-fażi kuntrattwali jew ma’ piżijiet fiskali li l-ammont tagħhom, li jkun tħallas mill-konsumatur, jitħallas mill-mutwant lit-Teżor pubbliku mal-għoti tal-kreditu.

74      Għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, b’rabta mat-tipi ta’ spejjeż li jinsabu fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kienet diġà s-suġġett tat-tieni domanda fil-Kawża C‑239/25 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑355/25. Konsegwentement, ma hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata wkoll fil-kuntest tad-domandi msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipji li jeżistu fid-drittijiet tal-Istati Membri kollha, persuna li tkun ġarrbet telf li jarrikkixxi persuna oħra mingħajr ma jkun hemm ebda bażi legali għal dan l-arrikkiment għandha, bħala regola ġenerali, id-dritt għar-restituzzjoni sal-ammont ta’ dan it-telf min-naħa tal-persuna arrikkita. Sabiex l-azzjoni ta’ arrikkiment indebitu tirnexxi, huwa essenzjali li l-arrikkiment ikun nieqes minn kull bażi legali valida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 44 u 46).

76      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li li kellha l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-ispejjeż imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza ma jaqgħux fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, il-konsumatur ma jirċievi ebda somma f’dan is-sens u, bl-istess mod, ma jarrikkixxi ruħu b’ebda mod.

77      Min-naħa l-oħra, li kellha l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li dawn l-ispejjeż jaqgħu fl-iskop ta’ dan id-dritt, l-arrikkiment tal-konsumatur li jirriżulta ikun sar fuq bażi legali valida. Konsegwentement, f’dan il-każ, l-arrikkiment ma jkunx sar mingħajr raġuni.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi msemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE,

2)      għandu jiġi interpretat fis-sens li:

3)      ma jipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, jaqgħu biss fl-iskop tad-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu l-ispejjeż kuntrattwali li jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, kemm‑il darba din il-leġiżlazzjoni tkun timponi fuq il-mutwant obbligi ta’ għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali dwar l-analiżi tal-ispejjeż iċċarġjati lill-konsumatur, hekk li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina jekk dawn l-ispejjeż ikunux jiddependu minn dan it-tul jew le.

4)      L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48

5)      għandu jiġi interpretat fis-sens li:

6)      ma jipprekludix interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li spejjeż kuntrattwali li ma jkunux jiddependu mit-tul tal-kuntratt ta’ kreditu u li jkunu relatati ma’ servizzi pprovduti minn terzi matul il-fażi prekuntrattwali jew ma’ piżijiet fiskali li l-ammont tagħhom, li jkun tħallas mill-konsumatur, jitħallas mill-mutwant lit-Teżor pubbliku mal-għoti tal-kreditu, ma jaqgħux fl-iskop tad-dritt għal tnaqqis fl-ispiża totali tal-kreditu fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu, u dan sakemm dawn l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jitqiesu li ġew iċċarġjati mill-mutwant.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.