|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3101 |
4.6.2026 |
Avviż sommarju skont l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) 2022/2560 dwar il-bidu ta’ investigazzjoni fil-fond fil-każ FS.100253 — JD.COM / CECONOMY
(C/2026/3101)
Fit-28 ta’ Mejju 2026, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (l-“FSR”), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond fil-każ imsemmi hawn fuq wara li sabet, abbażi ta’ rieżami preliminari, biżżejjed indikazzjonijiet li mill-inqas waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata deskritta hawn taħt ingħatat sussidju barrani li joħloq distorsjoni fis-suq intern. Il-bidu tal-investigazzjoni fil-fond fir-rigward tal-konċentrazzjoni notifikata huwa mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali f’dan il-każ.
1. Konċentrazzjoni notifikata
Fis-17 ta’ April 2026, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 21 tal-FSR, li permezz tagħha JINGDONG HOLDING GERMANY GmbH (“JHG” ikkontrollata minn Jd.com, Inc. (JD.com)) takkwista, fis-sens tal-Artikolu 20(1), il-punt (b) tal-FSR, il-kontroll uniku ta’ CECONOMY AG (“CECONOMY” jew l-“Impriża fil-Mira” u, flimkien ma’ JHG” jew “il-Partijiet”) (it-“Tranżazzjoni”).
L-attivitajiet kummerċjali tal-Partijiet fil-konċentrazzjoni notifikata huma kif ġej:
|
— |
JHG hija sussidjarja indirettament proprjetà sħiħa ta’ Jd.com u parti minn grupp finalment ikkontrollat mis-Sur Richard Qiangdong Liu (il-“Grupp JD”). L-operazzjonijiet ewlenin tal-Grupp JD huma n-negozju bl-imnut u pjattaforma tas-suq tal-kummerċ elettroniku, primarjament fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”). Barra minn hekk, il-Grupp JD joffri servizzi teknoloġiċi, finanzjarji u loġistiċi. Fl-UE, l-attivitajiet ekonomiċi tal-Grupp JD jinkludu n-negozju tal-bejgħ bl-imnut, prinċipalment taħt il-marka “Joybuy”, kif ukoll is-servizzi tal-loġistika u tal-ħżin. |
|
— |
CECONOMY hija bejjiegħ bl-imnut ta’ prodotti elettroniċi għall-konsumatur u apparat domestiku. CECONOMY tipprovdi wkoll servizzi komplementari u topera pjattaforma tas-suq tal-kummerċ elettroniku. |
2. Indikazzjonijiet tal-preżenza ta’ sussidji barranin
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li JD Group seta’ rċieva s-sussidji barranin li ġejjin fis-sens tal-Artikolu 3 tal-FSR mogħtija mir-RPĊ fit-tliet snin ta’ qabel it-tħabbira tal-offerta ta’ akkwiżizzjoni pubblika:
|
— |
Il-finanzjament fil-forma ta’ strumenti ta’ dejn mogħtija lill-entitajiet tal-Grupp JD minn istituzzjonijiet finanzjarji li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lir-RPĊ, u li ngħataw b’termini preferenzjali li l-Grupp JD ma kienx jikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
— |
Il-miżuri tat-taxxa mogħtija mir-RPĊ lill-entitajiet ta’ JD Group li setgħu kienu limitati għal ċerti impriżi abbażi tar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħhom setgħu taw benefiċċju lill-Grupp JD fil-forma ta’ rinunzja għad-dħul li b’mod ieħor kien ikun dovut. |
|
— |
Għotjiet mogħtija lill-entitajiet ta’ JD Group mir-RPĊ li setgħu kienu limitati għal ċerti impriżi peress li jidhru li huma bbażati fuq skemi b’eliġibbiltà limitata jew li l-għoti tagħhom jidher li huwa bbażat fuq id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet tar-RPĊ. |
|
— |
Kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin oħra li jistgħu jikkwalifikaw bħala sussidji barranin tal-Grupp JD, li l-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina matul l-investigazzjoni fil-fond. |
3. Indikazzjonijiet ta’ distorsjoni fis-suq intern
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li s-sussidji identifikati b’mod preliminari fit-Taqsima 2 jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Partijiet fis-suq intern u, meta jagħmlu dan, effettivament jew potenzjalment jaffettwaw b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 4 tal-FSR, kif ġej.
Distorsjoni fil-proċess tal-akkwiżizzjoni
Is-sussidji barranin potenzjali setgħu tejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-Grupp JD fil-proċess tal-akkwiżizzjoni peress li setgħu:
|
— |
irrilaxxaw ir-riżorsi għall-finanzjament potenzjali tat-Tranżazzjoni; |
|
— |
ikkontribwew biex jiżguraw il-ġestjoni tal-Impriża fil-Mira u l-appoġġ tal-azzjonisti ewlenin għat-Tranżazzjoni billi offrewlhom primjum għoli u aċċess għall-kapaċitajiet loġistiċi u teknoloġiċi potenzjalment sussidjati tal-Grupp JD. |
Is-sussidji barranin potenzjali setgħu biddlu d-dinamika tan-negozjati u skoraġġew lil atturi ekonomiċi oħra milli jagħmlu offerti kompetittivi biex jakkwistaw l-Impriża fil-Mira.
Fl-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga aktar jekk, fost l-oħrajn, is-sussidji barranin setgħux iffaċilitaw l-offerta mill-Grupp JD ta’ termini aktar attraenti għall-akkwiżizzjoni, minn dawk li kienu jipprevalu f’kuntest normali tas-suq u, jekk dan kienx jaffettwa b’mod negattiv il-kompetizzjoni, pereżempju billi skoraġixxa lill-kompetituri potenzjali milli jippruvaw jakkwistaw l-Impriża fil-Mira.
Distorsjoni fl-attivitajiet tal-entità fuża wara t-Tranżazzjoni
Is-sussidji barranin potenzjali setgħu rrilaxxaw riżorsi finanzjarji u saħħew l-iżvilupp tal-kapaċitajiet loġistiċi u teknoloġiċi tal-Grupp JD, li jistgħu jiġu diretti u integrati fl-operazzjonijiet tal-entità kkombinata, u possibbilment jippermettulha ssegwi strateġiji kummerċjali li jagħmlu ħsara lil atturi ekonomiċi oħra.
Fl-investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni se tkompli tirrieżamina, fost affarijiet oħra, sa liema punt is-sussidji barranin fil-konċentrazzjoni jippermettu lill-entità kkombinata tadotta strateġiji li jkollhom impatt fuq il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq intern.
4. Konklużjonijiet
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed indikazzjonijiet li l-Grupp JD ingħata sussidji barranin li jistgħu joħolqu distorsjoni fis-suq intern, kif identifikat b’mod preliminari fit-Taqsimiet 2 u 3 rispettivament. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda investigazzjoni fil-fond f’konformtià mal-Artikolu 10(3) tal-FSR.
5. Stedina għal kummenti
F’konformità mal-Artikoli 10(3)(d) u 40(1) tal-FSR u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2023/1441 (l-“FSIR”) (2) il-Kummissjoni tistieden lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz li taw is-sussidji barranin identifikati fit-Taqsima 2 biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-FSIR, meta l-kummenti bil-miktub sottomessi jkunu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali, il-persuna li tissottomettihom għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni kunfidenzjali.
F’każijiet debitament ġustifikati, il-fornituri tal-kummenti jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni valida u espliċita murija fit-talba.
Sabiex jitqiesu bis-sħiħ fil-proċedura, jenħtieġ li l-kummenti jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż sommarju f’Il-Ġurnal Uffiċjali. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bl-email lil COMP-FSR-REGISTRY@ec.europa.eu, bir-referenza FS.100253 — JD.COM / CECONOMY.
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Dicembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1441 tal-10 ta’ Lulju 2023 dwar arranġamenti dettaljati għat-twettiq ta’ proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3101/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)