|
16.3.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
324 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/623/PESK
tal-15 ta’ Settembru 2006
dwar l-istabbiliment ta’ grupp ta’ l-UE biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet ta’ l-istabbiliment ta’ missjoni internazzjonali ċivili fil-Kosovo possibbli, inkluż komponent ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ICM/Grupp ta’ Preparazzjoni EUSR)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skond ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR), proċess biex jiddetermina l-istatus futur tal-Kosovo mmexxi mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU s-Sur Martti Ahtisaari kienet imnedija fil-bidu ta’ Novembru 2005. Is-suċċess ta’ dan il-proċess huwa essenzjali mhux biss biex tingħata perspettiva aktar ċara lill-poplu tal-Kosovo iżda wkoll għall-istabbiltà globali tar-reġjun. |
|
(2) |
In-Nazzjonijiet Uniti se tibqa' impenjata b'mod sħiħ fil-Kosovo sa tmiem l-UNSCR 1244. Madankollu, in-NU indikat li hi mhix se tibqa' tieħu t-tmexxija fi preżenza post-status. L-UE għandha interess vitali f'riżultat pożittiv ta’ dan il-proċess, kif ukoll ir-responsabbiltà u l-mezzi sabiex tikkontribwixxi għal tali riżultat. L-UE ddikjarat li hi tibqa' lesta ssaħħaħ ir-rwol tagħha fil-Kosovo wara ftehim dwar l-istatus. L-UE għalhekk se jkollha tassumi rwol importanti fil-Kosovo f'ambjent kumpless. |
|
(3) |
Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa qafas strateġiku għall-politika ta’ l-UE lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-isrumenti tiegħu huma miftuħa għall-Kosovo, inkluż sħubija Ewropea, djalogu politiku u tekniku taħt il-Mekkaniżmu ta’ Traċċar SAP, u programmi ta’ assistenza Komunitarji relatati. |
|
(4) |
Fit-12 ta’ Lulju 2006 s-SĠ/RGħ Solana u l-Kummissarju Rehn ippreżentaw ir-rapport tagħhom dwar “Ir-Rwol u l-Kontribut Futur ta’ l-UE fil-Kosovo” lill-Kunsill. Ir-rapport analizza n-natura, id-daqs u r-responsabbilitajiet ta’ impenn internazzjonali futur, ir-rwol ta’ l-UE wara ftehim dwar l-istatus, u l-mezzi prattiċi biex tinkiseb il-perspettiva futura ta’ l-EU dwar il-Kosovo, mingħajr preġudizzju għar-riżultat tan-negozjati ta’ l-Istatus. |
|
(5) |
Ir-Rapport saħaq li l-missjoni internazzjonali ċivili futura fil-Kosovo (ICM) għandha tkun ibbażata fuq Riżoluzzjoni UN SC. Huwa għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ aspetti mhux militari tal-ftehim dwar l-istatus. L-ICM se tibda taħdem ma' l-awtoritajiet tal-Kosovo biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus bl-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ intervenzjoni jekk meħtieġa. |
|
(6) |
Ir-Rapport jirrakkomanda li l-kap ta’ l-ICM, li se jkun ir-rappreżentant tal-komunità internazzjonali (ICR) nominat mill-UNSC, għandu jkollu “funzjoni doppja” bħala Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE (EUSR). L-ICR/EUSR ser jassumi r-rwol ta’ koordinazzjoni ċentrali ma' atturi internazzjonali oħrajn dwar il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus u jistabbilixxi mekkaniżmi xierqa. Huwa se ikun ċittadin ta’ l-UE maħtur fil-ħin tal-ftehim dwar l-istatus. Parti importanti mill-mandat tiegħu/tagħha għandu jkun li jkollu rwol ewlieni fl-istabbiliment ta’ l-ICM matul il-perijodu transitorju bejn id-deċiżjoni dwar l-istatus u t-tmiem tal-mandat ta’ l-UNMIK. |
|
(7) |
Ir-Rapport irrakomanda wkoll li grupp ta’ l-UE li jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet ta’ l-ICM, inkluż il-komponent EUSR, għandu jiġi stabbilit mill-iktar fis possibbli. Il-Kummissjoni Ewropea se tkun assoċjata bis-sħiħ ma' dan l-isforz. Il-preparazzjonijiet ICM għandhom jittwettqu b'kooperazzjoni mill-qrib ma' atturi ċentrali internazzjonali oħrajn (b'mod partikolari UNOSEK, UNMIK, US). |
|
(8) |
F'ittra lis-SĠ/RGħ fil-11 ta’ Awwissu 2006, l-acting SR/SGħ tan-NU għall-Kosovo Steven P. Schook laqa' l-impenn ta’ l-UE fid-diskussjonijiet dwar l-impenn internazzjonali futur fil-Kosovo u stieden lill-UE biex tibgħat Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR fi Pristina. |
|
(9) |
Fl-10 ta’ April 2006, il-Kunsill adotta Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK (1) dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo), rigward operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi ta’ l-UE fil-Kosovo; l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/UERS għandu jiġi kkoordinat mill-qrib ma' dawk ta’ l-EUPT Kosovo. |
|
(10) |
Skond il-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Nizza tas-7 u d-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ, skond l-Artikoli 18(3) u 26 tat-Trattat. |
|
(11) |
L-Artikolu 14(1) tat-Trattat jagħmel sejħa għall-indikazzjoni ta’ ammont finanzjarju ta’ referenza għall-perijodu kollu ta’ implementazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea turi r-rieda ta’ l-awtorità leġislattiva u hi soġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena tal-baġit rispettiva. |
|
(12) |
Il-mandat tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR ta’ l-UE se jiġi implementat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li fiha mhuwiex żgurat bis-sħiħ l-istat tad-dritt u li tista’ tkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Objettivi
1. L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixi grupp biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet ta’ l-istabbiliment ta’ missjoni internazzjonali ċivili possibbli fil-Kosovo possibbli, inkluż il-komponent ta’ Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR). Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkun operattiv sa mhux aktar tard minn tmiem Settembru 2006.
2. L-objettivi tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandhom ikunu:
|
— |
li jikkontribwixxu għall-preparazzjoni ta’ l-istabbiliment ta’ missjoni internazzjonali ċivili possibbli, f'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Kosovo, u f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-UNMIK fir-rigward kemm tal-pjanijiet tagħha biex tiġi kompluta l-implimentazzjoni ta’ l-UNSCR 1244 u kwalunkwe arranġament transitorju meħtieġ lejn ICM possibbli. |
|
— |
li jippreparaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll f'konsultazzjoni mal-komunità internazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Kosovo, l-elementi għall-futur ta’ kontribut ta’ l-UE għal ICM possibbli. |
|
— |
li jiżguraw, mingħajr preġudizzju għal kompetenzi Komunitarji u għall-mandat tal-Kosovo EUPT, rwol ta’ l-UE fil-Kosovo li jkun komprensiv, koerenti u integrat fir-rigward tal-preparazzjoni f'waqtha ta’ l-appoġġ ta’ l-UE għall-implimentazzjoni ta’ ftehim dwar l-istatus. |
Artikolu 2
Kompiti
Sabiex iwettaq l-objettivi tiegħu l-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jiffoka fuq dawn il-kompiti li ġejjin:
|
1) |
Imexxi djalogu mill-qrib, b'mod partikolari permezz tat-task force informali ta’ l-ICM, ma' l-imsieħba internazzjonali u lokali ċentrali kollha dwar il-fehmiet tagħhom fir-rigward tal-preparazzjonijiet għal ICM possibbli. |
|
2) |
Jibda, ma' imsieħba internazzjonali u f'konsultazzjoni ma' l-UNOSEK, ħidma fuq l-identifikazzjoni ta’ elementi possibbli għal funzjonijiet, struttura u saħħa tal-persunal għal ICM possibbli, inkluż qsim ta’ responsabbiltajiet u kontributi fost atturi internazzjonali u arranġamenti transitorji oħrajn. |
|
3) |
Jibda ħidma fuq l-identifikazzjoni ta’ l-elementi kollha meħtieġa għall-kontribut ta’ l-UE għal ICM possibbli, inkluż komponent EUSR. |
|
4) |
Imexxu koordinazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba lokali u internazzjonali rilevanti kollha, kif imniżżel fl-Artikolu 10. |
Artikolu 3
Struttura
Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkollu uffiċċju tal-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR fi Pristina, grupp ta’ konsulenti u grupp ta’ amminintrazzjoni. Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR se jkun skjerat gradwalment, b'kont meħud tal-progress tat-taħdidiet dwar l-istatus.
Artikolu 4
Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni u l-persunal ta’ l-ICM/EUSR
1. Is-Sur Torbjörn Sohlström huwa b'dan maħtur Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
2. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ta’ l-ICM/EUSR.
3. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jassumi l-ġestjoni ta’ kuljum tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR u għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet ta’ persunal u dixxiplina. Għal persunal sekondat, azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-UE konċernata.
4. Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jikkonsisti primarjament minn persunal ċivili sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom inklużi l-pagi, l-assigurazzjoni medika, l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mill-Kosovo, u allowances oħra minn barra dawk per diem.
5. It-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR jista’ wkoll jirrekluta persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ.
6. Filwaqt li jibqa' taħt l-awtorità ta’ l-Istati Membri li jibagħtu jew ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE, il-persunal kollu fil-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess uniku ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-UE. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill dwar is-sigurtà (2) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “r-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill”).
Artikolu 5
Linja ta’ Kmand
1. L-istruttura tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata.
2. Il-KPS għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika lill-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
3. L-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
4. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jmexxi lill-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR u jassumi l-ġestjoni tiegħu ta’ kuljum.
5. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ.
Artikolu 6
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
2. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jinħatar Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR, fuq proposta mis-SĠ/RGħ. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-terminazzjoni tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.
3. Il-KPS għandu jirċievi rapporti f'intervalli regolari u jista’ jitlob rapporti speċifiċi mill-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR dwar l-implimentazzjoni ta’ kompiti msemmija fl-Artikolu 2 u dwar il-koordinazzjoni ma' atturi oħra msemmija fl-Artikolu 10. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.
4. Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.
Artikolu 7
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali unitarju tagħha, l-Istati aderenti għandhom jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR sakemm iħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni kontra r-riskji kbar, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR, skond il-ħtieġa.
Artikolu 8
Sigurtà
1. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR u għandu, f'konsultazzjoni ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ikun responsabbli sabiex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-missjoni.
2. Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkollu Uffiċjal ta’ Sigurtà dedikat li jirraporta lill-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
Artikolu 9
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkun EUR 869 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-UE, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.
3. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jirrapporta b'mod sħiħ lil, u jkun issorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
4. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operattivi tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR.
5. In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
Artikolu 10
Koordinazzjoni ma' atturi oħra
1. Il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu, flimkien ma' msieħba internazzjonali, u f'kollobarazzjoni mill-qrib ma' l-UNMIK, imexxi l'quddiem il-ħidma fit-Task Force informali ta’ l-ICM.
2. Il-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jiltaq' regolarment mal-Kosovo EUPT u ma' atturi oħrajn ta’ l-UE sabiex jiżgura koordinazzjoni u koerenza mill-qrib fil-preparazzjoni ta’ l-ippjanar għal impenn post-status ta’ l-UE.
3. Koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-atturi rilevanti kollha, inklużi n-NU/UNMIK, l-UNOSEK, l-OSCE, in-NATO/KFOR kif ukoll atturi prinċipali oħra bħall-US u r-Russja, ser ikomplu jiżguraw il-komplementarjetà u s-sinerġija ta’ l-isforzi tal-komunità internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jkollu rwol attiv fil-Bord ta’ Tmexxija informali għal arranġamenti futuri fi Pristina.
4. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu/tagħha l-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandu jipparteċipa fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ta’ l-UE stabbiliti fi Pristina, Kosovo.
5. L-Istati Membri ta’ l-UE kollha għandhom jinżammu infurmati b'mod sħiħ dwar il-proċess ta’ koordinazzjoni.
Artikolu 11
Status tal-persunal tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR
1. Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR fil-Kosovo, inkluż fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR għandhom jiġu miftiehma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Is-SĠ/RGħ, li jassisti l-Presidenza, jista’ jinnegozja tali ftehim f'ismu.
2. L-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-UE wara li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kwalunkwe talba marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat Membru ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandu jkun responsabbli biex iġib kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.
3. Il-kondizzjonijiet ta’ impjieg u d-drittijiet u l-obbligi ta’ persunal lokali u internazzjonali kontrattat għandhom ikunu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ta’ l-ICM/EUSR u l-membru tal-persunal.
Artikolu 12
Azzjoni Komunitarja
Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed minnhom skond il-poteri rispettivi tagħhom, jiżguraw konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan il-għan.
Artikolu 13
Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata
1. Is-SG/RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirilaxxa informazzjoni klassifikata NATO/KFOR UE u dokumenti sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerata għall-finijiet ta’ l-azzjoni, skond ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill.
2. Is-SG/RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa informazzjoni klassifikata UN/UNMIK u l-OSCE, skond il-ħtiġijiet operattivi tal-Grupp ta’ Preparazzjoni ICM/EUSR, informazzjoni klassifikata UE u dokumenti sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-azzjoni, skond ir-regoli ta’ sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitfasslu għal dan il-għan.
3. Is-SĠ/RĠħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta ta’ l-UE dokumenti mhux klassifikati marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-azzjoni koperta bl-obbligu ta’ segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta’ Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u skadenza
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.
2. Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2007 jew fil-jum tal-ħatra ta’ UESR għal Kosovo jekk il-ħatra ta’ UESR iseħħ qabel il-31 ta’ Marzu 2007.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussel, 15 ta’ Settembru 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
E. TUOMIOJA
(1) ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19.
(2) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).
(3) ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/34/KE, Euratom (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 32).