KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fl‑1 ta’ Awwissu 2025 ( 1 )
Kawża C‑313/25 PPU [Adrar] ( i )
GB
vs
Minister van Asiel en Migratie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Politika ta’ immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fi Stat Membru – Direttiva 2008/115/KE – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Artikolu 5 – Prinċipju ta’ non‑refoulement – L-aħjar interessi tat-tfal u tal-ħajja tal-familja – Artikolu 15 – Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija – Stħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ din id-detenzjoni”
Introduzzjoni
|
1. |
L-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, prinċipju assolut li jirrifletti wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tagħha, kif ukoll tal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE ( 2 ), tqajjem kwistjonijiet delikati meta, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tkun saret definittiva, is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolament tkun evolviet. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, meta awtorità ġudizzjarja responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni ta’ tali ċittadin tirrileva li dan il-prinċipju u dawn l-interessi ma kinux invokati jew eżaminati qabel matul il-proċedura ta’ ritorn. |
|
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 13(1) u (2) u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 li jiggarantixxu rispettivament l-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement u ta’ ċerti interessi taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment, protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dawl ta’ deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn, kif ukoll kundizzjonijiet u modalitajiet stretti relatati mal-adozzjoni ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà. |
|
3. |
Din it-talba tressqet mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kuntest ta’ tilwima bejn GB u l-Minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jqiegħed lil GB f’detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
4. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non‑refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jipprevedi: “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:
jirrispettaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement.” |
|
5. |
L-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:
|
|
6. |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza. 2. L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.” |
|
7. |
L-Artikolu 15 tal-istess direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jistabbilixxi, f’dawn il-paragrafi 1 sa 5: “1. Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:
Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta. 2. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji. Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt. Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:
Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali. 3. F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja. 4. Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih. 5. Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.” |
Id-dritt Olandiż
|
8. |
L-Artikolu 59(1)(a) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin), tat‑23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, [il-Ministru] jista’ jqiegħed f’detenzjoni, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu, iċ-ċittadin barrani li […] ma huwiex f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari.” |
Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
9. |
Fil‑11 ta’ Settembru 2024, GB, li jindika li huwa ta’ nazzjonalità Alġerina, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa ma deherx għas-smigħ dwar ir-raġunijiet għal din l-applikazzjoni. |
|
10. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2024, il-Ministru ċaħad din l-applikazzjoni u ħa deċiżjoni li tikkostitwixxi wkoll deċiżjoni ta’ ritorn (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ritorn”). Fl-assenza ta’ rikors ippreżentat minn GB fit-terminu mogħti għal dan il-għan, id-deċiżjoni ta’ ritorn saret definittiva u GB ma kkonformax ruħu volontarjament mal-obbligu ta’ ritorn li kien jirriżulta minnha. |
|
11. |
Fis‑26 ta’ Marzu 2025, GB ġie ttrasferit lejn il-Pajjiżi l-Baxxi mill-awtoritajiet Franċiżi b’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, imsejjaħ “Regolament Dublin III” ( 3 ). Imbagħad GB tqiegħed f’detenzjoni abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 4 ). |
|
12. |
Fl-istess jum, GB ippreżenta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, applikazzjoni oħra għal protezzjoni internazzjonali, li kellha l-effett li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Huwa ddikjara wkoll biża’ li għandu riskju serju li jkun suġġett għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti jekk huwa jirritorna l-Alġerija. Fis‑7 ta’ April 2025, GB instema’ dwar ir-raġunijiet għal din l-applikazzjoni u ġie informat bl-intenzjoni li l-imsemmija applikazzjoni tiġi miċħuda bħala manifestament infondata. Fid‑9 ta’ April 2025, qabel ma ngħatat deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, GB irtiraha. Għalhekk, is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn intemmet ipso jure. |
|
13. |
Fl‑10 ta’ April 2025, il-miżura ta’ detenzjoni li kienet ġiet imposta fis‑26 ta’ Marzu 2025 abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33 tneħħiet. Madankollu, miżura oħra ta’ detenzjoni ġiet ordnata fil-konfront ta’ GB sabiex titwettaq it-tneħħija tiegħu lejn l-Alġerija b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. Waqt is-smigħ ta’ qabel din id-detenzjoni, li nżamm fl-istess jum, GB iddikjara li huwa kellu biża’ li jkun suġġett għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ ritorn fl-Alġerija u li huwa kien il-missier ta’ tifel imwieled fi Franza fit‑18 ta’ Settembru 2024, li huwa xtaq li jieħu ħsieb. |
|
14. |
Fis‑16 ta’ April 2025, GB ippreżenta rikors kontra d-detenzjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
15. |
Din il-qorti tistaqsi jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, għandhiex, waqt li tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni, tevalwa, jekk ikun il-każ ex officio, il-punt dwar jekk il-prinċipju ta’ non‑refoulement kif ukoll l-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludux it-tneħħija ta’ GB lejn l-Alġerija, jekk ikunu jeżistu ċirkustanzi u fatti rilevanti li seħħew jew li ħarġu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva. |
|
16. |
Skont id-dritt Olandiż u l-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) ( 5 ), il-qorti tar-rinviju hija pprojbita milli twettaq tali evalwazzjoni. Japplika mod ieħor biss jekk rikors awtonomu jkun ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, u jekk l-istħarriġ tad-detenzjoni u l-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn iseħħu fil-kuntest tal-istess proċedura. |
|
17. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li hija l-unika awtorità ġudizzjarja li tista’ tevalwa jekk it-tneħħija ta’ GB lejn l-Alġerija hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ non‑refoulement u mal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. |
|
18. |
Fil-fatt, fl-ebda mument tal-proċedura ma kien ġie evalwat jekk dan il-prinċipju u dawn l-interessi jipprekludux it-tneħħija ta’ GB. B’mod partikolari, tali evalwazzjoni ma kinitx seħħet waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, peress li GB ma kienx preżenta ruħu għas-smigħ fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, il-legalità ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx mistħarrġa ulterjorment minn awtorità ġudizzjarja. |
|
19. |
Evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ non‑refoulement u tal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 lanqas ma saret waqt id-detenzjoni ta’ GB għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu, peress li waqt is-smigħ ta’ qabel id-detenzjoni tiegħu, fl‑10 ta’ April 2025, GB kien invoka, essenzjalment, bidla sinjifikattiva taċ-ċirkustanzi billi ddikjara l-biża’ tiegħu li jkun suġġett għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ ritorn fl-Alġerija u billi allega li huwa xtaq jieħu ħsieb it-tifel tiegħu. |
|
20. |
Tali evalwazzjoni lanqas ma setgħet issir fi stadju ieħor tal-proċedura. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Olandiża ma tipprevedix il-verifika u lanqas l-eżami mill-ġdid perijodiku tad-deċiżjoni ta’ ritorn, fir-rigward tal-prinċipju ta’ non‑refoulement jew tal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, anki jekk ikun għadda ċertu żmien bejn l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u l-eżekuzzjoni tagħha. Japplika mod ieħor biss fil-każ li jiġi indikat pajjiż terz ieħor bħala pajjiż ta’ ritorn jew meta deċiżjoni tittieħed wara l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali. |
|
21. |
Il-leġiżlazzjoni Olandiża ma tipprevedix rimedju ġudizzjarju awtonomu kontra l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva. Ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment jista’ biss iressaq ilment kontra “tneħħija effettiva” prevista u ppjanata, ladarba jkunu ġew ikkomunikati lilu d-data u l-ħin tagħha. Madankollli, tali lment ma jippermettix li tiġi prekluża detenzjoni li tirriżulta inġustifikata. Barra minn hekk, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat), dan ikun possibbli biss jekk “is-sitwazzjoni fil-mument tat-tneħħija effettiva tkun differenti f’dan l-istadju minn dik li kienet teżisti fil-mument tad-deċiżjoni li minnha tirriżulta s-setgħa ta’ tneħħija li l-legalità tal-intenzjoni ta’ tneħħija effettiva ma tistax iktar titqies bħala fatt mingħajr riżervi”. Barra minn hekk, dan l-ilment jirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn u ma tagħtix lok għal evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ non‑refoulement jew tal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ( 6 ). |
|
22. |
Issa, id-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija ma tistax tkun iġġustifikata u ma tibqax tissodisfa l-iskop tagħha jekk it-tneħħija ma tkunx tista’ sseħħ minħabba l-prinċipju ta’ non‑refoulement jew l-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. F’tali każ, b’konformità mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, il-parti kkonċernata għandha tinħeles immedjatament. Għalhekk, qabel ma ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu, għandu jiġi vverifikat jekk it-tneħħija hijiex permessa. |
|
23. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk id-dritt tal-Unjoni jimponilhiex li twettaq evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ non‑refoulement u tal-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115. |
|
24. |
F’dan ir-rigward, din il-qorti targumenta li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha li josservaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn. Id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu timplimenta l-imsemmija direttiva u tikkostitwixxi “stadju tal-proċedura ta’ ritorn”. |
|
25. |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ), jirriżulta li deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tikkoeżisti ma’ posponiment ta’ tneħħija, b’tali mod li l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata preċedentement u li eventwalment saret definittiva ma tipprekludix l-istħarriġ tal-kompatibbiltà tat-tneħħija, b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, mal-prinċipju ta’ non‑refoulement. |
|
26. |
Il-qorti tar-rinviju żżid li d-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u kkonkretizzat fl-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115, jeħtieġ li l-qorti mitluba tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tad-detenzjoni għall-finijiet tat-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, tista’ tivverifika jekk il-prinċipju ta’ non‑refoulement u l-interessi previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprekludux din it-tneħħija. Tali approċċ ikun iktar neċessarju fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv ieħor. |
|
27. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
28. |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
29. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2025, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ din it-talba. |
|
30. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, GB u l-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta li nżammet fl‑1 ta’ Lulju 2025. |
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
|
31. |
L-għan tad-Direttiva 2008/115 jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, fl-istabbiliment ta’ politika effettiva tat-tneħħija u tar-ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u f’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tad-dinjità tagħhom ( 9 ). |
|
32. |
Għalhekk, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jaqa’, bħaċ-ċittadin fil-kawża prinċipali, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għar-regoli u għall-proċeduri komuni previsti minnha fir-rigward tar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza tiegħu ma tkunx ġiet, jekk ikun il-każ, irregolarizzata ( 10 ). F’dan ir-rigward, infakkar li, meta tiġi ordnata għall-finijiet ta’ tneħħija, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn ( 11 ). |
|
33. |
Peress li kull detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tikkostitwixxi ndħil gravi fid-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jqiegħdu f’detenzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija strettament limitata. Għalhekk, miżura ta’ detenzjoni ma tistax tiġi ordnata jew estiża ħlief b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet, li jinsabu, fost oħrajn, fil-paragrafu 1, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 u fil-paragrafi 4 sa 6 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ( 12 ). |
|
34. |
Għalhekk, b’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċaħda ta’ libertà li tikkostitwixxi d-detenzjoni ta’ persuna għall-finijiet ta’ tneħħija tista’ tiġi imposta biss fl-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet sostantivi, li jirrigwardaw l-assenza ta’ miżuri oħra inqas vinkolanti mid-detenzjoni kif ukoll il-każ fejn din it-tneħħija tirriskja li tkun kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, id-detenzjoni għandha tkun qasira kemm jista’ jkun u ddum biss sakemm id-deċiżjoni ta’ tneħħija tkun qiegħda tiġi implimentata u eżegwita bid-diliġenza kollha meħtieġa. Skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ din id-dispożizzjoni, din iċ-ċaħda ta’ libertà hija suġġetta għal eżami mill-ġdid f’intervalli raġonevoli u għandha tintemm meta jkun jidher li ma għadhiex teżisti perspettiva raġonevoli ta’ tneħħija, li għandha tinftiehem bħala li timponi l-eżistenza ta’ perspettiva reali li t-tneħħija tista’ sseħħ b’suċċess fit-termini massimi taċ-ċaħda ta’ libertà, iffissati fl-Artikolu 15(5) u (6) ta’ din id-direttiva u li huma imposti fuq l-Istati Membri kollha ( 13 ). |
|
35. |
Meta jirriżulta li l-kundizzjonijiet sostantivi li servew bħala bażi għad-deċiżjoni inizjali ta’ detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat ma kinux jew ma jkunux għadhom ssodisfatti, jew li t-tul massimu ta’ detenzjoni jkun intlaħaq, il-persuna kkonċernata għandha, kif barra minn hekk jindika espressament il-leġiżlatur tal-Unjoni fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, tinħeles immedjatament ( 14 ). |
|
36. |
Fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz imqiegħda f’detenzjoni għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi regoli komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni ġudizzjarja. Skont din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi materjalizzazzjoni, fil-qasam ikkunsidrat, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, kull Stat Membru għandu jipprevedi, meta t-tqegħid f’detenzjoni jkun ġie ordnat minn awtorità amministrattiva, stħarriġ ġudizzjarju “rapid[u]”, jew ex officio, jew fuq talba tal-persuna kkonċernata, tal-legalità ta’ dan it-tqegħid f’detenzjoni ( 15 ). |
|
37. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, tqum b’mod iktar partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-qorti mitluba tistħarreġ kemm il-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, tistax jew għandhiex tevalwa jekk il-prinċipju ta’ non‑refoulement, minn naħa, kif ukoll l-interessi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, u b’mod iktar speċifiku l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja, min-naħa l-oħra, jipprekludux din it-tneħħija, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn definittiva tkun ġiet adottata fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin u d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtorità amministrattiva mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ta’ dan minn qabel. Huwa f’din l-ordni li ser neżamina suċċessivament iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ewwel domanda
|
38. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 5 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ( 16 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 6, l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja mitluba tistħarreġ il-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, għandhiex tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, li l-prinċipju ta’ non‑refoulement ma jipprekludix din it-tneħħija, meta dan il-prinċipju ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni qabel. |
|
39. |
Qabelxejn, infakkar li l-prinċipju ta’ non‑refoulement huwa prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, li permezz tiegħu “[ħ]add ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”. Dan il-prinċipju huwa moqri wkoll fl-Artikolu 18 tal-Karta li jistabbilixxi d-dritt għall-ażil, kif ukoll fl-Artikolu 4 tal-Karta dwar il-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, u għandu natura assoluta ( 17 ). |
|
40. |
Fid-Direttiva 2008/115, il-prinċipju ta’ non‑refoulement huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li, waqt l-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement ( 18 ). |
|
41. |
Imbagħad bilfors għandu jiġi kkonstatat li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-għan tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva. Barra minn hekk, huwa għandu effett dirett u għalhekk jista’ jiġi invokat minn individwu u applikat mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri ( 19 ). |
|
42. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-prinċipju ta’ non‑refoulement kif jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, ċerti drabi, li dan il-prinċipju ma kienx jipprekludi sistematikament l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u ta’ eventwali deċiżjoni ta’ tneħħija fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment ( 20 ), iżda kien jiġġustifika biss il-posponiment tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, kif jipprevedi l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115 ( 21 ). |
|
43. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprevedi li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, hija għandha, b’mod partikolari, tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement ( 22 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex tippreċiża li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti tosserva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn, il-prinċipju ta’ non‑refoulement, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn meta jkun stabbilit li tneħħija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija, skont il-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat ( 23 ). |
|
44. |
Iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement hija imposta qabel l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Fil-każ fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti tasal għall-konklużjoni li t-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tesponih għal riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għall-pieni jew trattamenti inumani u degradanti, din l-awtorità għandha tipposponi din it-tneħħija sakemm jippersisti tali riskju,, b’konformità mal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju hija imposta sal-mument tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-eżekuzzjoni ( 24 ). |
|
45. |
Sabiex isir dan, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, li tkun tali li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ( 25 ). |
|
46. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta minħabba li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi, l-awtorità nazzjonali għandha twettaq, qabel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, evalwazzjoni aġġornata tar-riskji li għandu ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun espost għal trattamenti pprojbiti f’termini assoluti mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta. Din l-evalwazzjoni, li għandha tkun distinta u awtonoma meta mqabbla ma’ dik imwettqa fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn, għandha tippermetti lill-awtorità nazzjonali tiżgura, billi tieħu inkunsiderazzjoni kull bidla fiċ-ċirkustanzi li tkun seħħet kif ukoll kull element ġdid li seta’ jressaq dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu li wieħed jemmen li l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikun espost, fil-każ ta’ ritorn f’pajjiż terz, għal riskju reali li jkun suġġett, f’dan tal-aħħar, għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti. Fil-fatt, tali evalwazzjoni aġġornata hija l-unika waħda tali li tippermetti lil din l-awtorità tiżgura ruħha li t-tneħħija tkun konformi mal-kundizzjonijiet legali meħtieġa, u b’mod partikolari mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ( 26 ). |
|
47. |
Barra minn hekk, waqt li ddeċidiet dwar id-dmir ta’ eżami ex officio ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni meta awtorità ġudizzjarja tistħarreġ il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata minn awtorità amministrattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tivverifika din il-legalità, u tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali kif ukoll il-provi u l-osservazzjonijiet li eventwalment jiġu prodotti lilha mill-persuna kkonċernata. Hija għandha tkun f’pożizzjoni wkoll li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-importanza tad-dritt għal-libertà ggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta kif ukoll għall-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li tikkostitwixxi d-detenzjoni u għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja ta’ livell għoli ( 27 ). |
|
48. |
Mill-ġurisprudenza kollha ċċitata fil-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jeżiġi mill-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement “fl-istadji kollha tal-proċedura”, u dan sat-tneħħija, li tikkonsisti fit-“trasferiment fiżiku barra mill-Istat Membru” tal-persuna kkonċernata ( 28 ). Skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ jew l-istadju tal-proċedura li fih jitwettaq l-eżami ta’ riskju reali u serju li wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun espost, fil-każ ta’ ritorn, għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti, il-prinċipju ta’ non‑refoulement jipprekludi għalhekk li dan iċ-ċittadin ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew, jekk ikun il-każ, jiġġustifika biss il-posponiment tat-tneħħija, sakemm idum ir-riskju inkwistjoni. |
|
49. |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li kienet adottata fis‑7 ta’ Ottubru 2024. Din id-deċiżjoni saret definittiva u ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn kienet illegali fid-dawl tal-prinċipju ta’ non‑refoulement minkejja li, peress li r-rikorrent ma deherx sabiex jinstema’, din id-deċiżjoni kienet adottata mingħajr ma saret evalwazzjoni sostantiva tal-eventwali kuntrarjetà ta’ tneħħija ma’ dan il-prinċipju. Il-kawża prinċipali tirrigwarda għalhekk l-osservanza tal-prinċipju ta’ non‑refoulement u l-eżami ex officio tal-qorti fil-kuntest mhux tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, iżda tal-eżekuzzjoni tagħha waqt it-tkomplija tal-proċedura ta’ ritorn permezz tad-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat. |
|
50. |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dmir ta’ eżami ex officio tal-prinċipju ta’ non‑refoulement kien irrikonoxxut meta l-awtorità nazzjonali tipprevedi li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn jew qabel l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod partikolari fil-każ ta’ bidla taċ-ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ritorn ta’ natura li jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, kif ukoll meta awtorità ġudizzjarja tistħarreġ il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni ordnata minn awtorità amministrattiva waqt l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn. |
|
51. |
Għalhekk, dan japplika wkoll fl-istadju tal-proċedura ta’ ritorn li jirrigwarda l-istħarriġ, minn awtorità ġudizzjarja, tal-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, ordnata sabiex titwettaq it-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. |
|
52. |
Barra minn hekk, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l-prinċipju ta’ non‑refoulement ma kienx is-suġġett ta’ eżami la mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel adottat id-deċiżjoni ta’ ritorn u lanqas mill-awtorità amministrattiva qabel ordnat id-detenzjoni, il-qorti tar-rinviju indikat li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju effettiv li permezz tiegħu s-sitwazzjoni aġġornata taċ-ċittadin tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. |
|
53. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li GB invoka riskju ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ ritorn lejn l-Alġerija jwassalni sabiex nikkunsidra li l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tivverifika, f’dan l-istadju tal-proċedura, jekk ikun il-każ ex officio, jekk GB jistax jiġi espost għal tali riskju fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst. |
|
54. |
Fil-fatt, il-protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta la tkun effettiva u lanqas kompleta jekk il-qorti nazzjonali ma jkollhiex l-obbligu li tikkonstata ex officio l-ksur tal-prinċipju ta’ non‑refoulement, peress li l-elementi tal-proċess miġjuba għal attenzjoni tagħha, kif ikkompletati jew iċċarati matul il-proċedura kontradittorja quddiemha, donnhom juru li d-deċiżjoni ta’ ritorn hija bbażata fuq evalwazzjoni antika tar-riskji ta’ trattamenti pprojbiti minn dan il-prinċipju, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikollu jekk huwa jirritorna fil-pajjiż terz inkwistjoni ( 29 ). |
|
55. |
Madankollu, jidhirli li huwa essenzjali li jiġi ppreċiżat li dan ma jfissirx neċessarjament, li l-awtorità responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni, tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn adottata preċedentement, li setgħet ġiet adottata b’mod validu mill-awtorità nazzjonali kompetenti u li saret definittiva, u lanqas li tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha għal dik ta’ din tal-aħħar ( 30 ). Il-modalitajiet tal-estensjoni tal-istħarriġ tal-qorti responsabbli mill-verifika tal-legalità tad-detenzjoni jaqgħu bħala prinċipju taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, l-istess bħall-għażla tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jevalwaw ir-riskji li jkun hemm fil-każ ta’ tneħħija ( 31 ). Issa, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex tadotta jew tistħarreġ deċiżjoni ta’ ritorn hija differenti minn dik li tistħarreġ il-legalità tad-detenzjoni. Għalhekk, din tal-aħħar ma għandhiex il-kompetenza li teżamina mill-ġdid jew tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, u tista’ tikkonstata biss l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni. |
|
56. |
Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxippreċiża li l-qorti responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk teżistix perspettiva raġonevoli ta’ tneħħija, b’konformità mal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115, li tinkludi l-eżami dwar jekk l-awtorità li ordnat il-miżura ta’ detenzjoni “ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni” l-prinċipju ta’ non‑refoulement, “evalwatx b’mod korrett” id-dikjarazzjonijiet taċ-ċittadin f’dan ir-rigward jew “qisitx dan l-element” b’mod xieraq. Madankollu, dan il-gvern żied li tali eżami huwa limitat u li hija biss l-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tista’ twettaq stħarriġ komplet tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, inkluż fir-rigward tal-prinċipju ta’ non‑refoulement. Għalhekk, jekk tali eżami ma jkunx twettaq minn din l-awtorità amministrattiva, ma hijiex il-qorti li għandha twettaq dan l-eżami għall-ewwel darba, iżda huwa ċ-ċittadin li għandu jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li r-rikors distint u speċifiku li jista’ jiġi ppreżentat miċ-ċittadin ikkonċernat meta t-tneħħija hija prevista de facto jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti. |
|
57. |
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jissuġġerixxi l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma jistax jiġi meħtieġ miċ-ċittadin ikkonċernat li huwa jagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali oħra sabiex tiġi ggarantita l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ non‑refoulement previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) tal-Karta ( 32 ). Bl-istess mod, ma jistax jiġi mistenni li min-naħa tiegħu jressaq ilment kontra “tneħħija effettiva”, peress li dan jista’ jsir biss wara komunikazzjoni tad-data u l-ħin tat-tkeċċija, u kif tindika l-qorti tar-rinviju, ma jagħtix sistematikament lok għal evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ non‑refoulement u ma jippermettix li tiġi prekluża detenzjoni li tista’ tirriżulta inġustifikata. |
|
58. |
Għalhekk, meta l-awtorità ġudizzjarja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità tad-detenzjoni, hija għandha tiġi rrikonoxxuta stħarriġ sħiħ u intier f’dan ir-rigward. Minkejja li dan l-istadju ma jirrigwardax l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, il-qorti responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni għandha tkun tista’ twettaq evalwazzjoni kompleta u aġġornata tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin u tar-riskji li jkollu fil-każ ta’ ritorn fir-rigward tal-prinċipju ta’ non‑refoulement meta dan il-prinċipju jkun għadu qatt ma ttieħed inkunsiderazzjoni qabel. Barra minn hekk dan japplika iktar u iktar fil-każ ta’ bidla taċ-ċirkustanzi li seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat fid-dawl tal-prinċipju ta’ non‑refoulement. |
|
59. |
Inżid li, jekk, wara evalwazzjoni tas-sitwazzjoni aġġornata taċ-ċittadin ikkonċernat, l-awtorità ġudizzjarja responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni tasal għall-konklużjoni li t-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin tesponih għal riskju serju li jkun suġġett għal pieni jew trattamenti inumani u degradanti, din l-awtorità għandha, b’konformità mal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, tissospendi t-tneħħija sakemm idum tali riskju, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
60. |
Barra minn hekk, la mid-Direttiva 2008/115 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwa dedott li, fil-każ ta’ posponiment ta’ tneħħija, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment għandu jiġi meħlus immedjatament, peress li t-tneħħija tista’ tiġi posposta sakemm idum ir-riskju inkwistjoni. Barra minn hekk, kull posponiment tat-tneħħija ma huwiex ta’ natura li jivvizzja sistematikament b’illegalità l-miżura ta’ detenzjoni. Jista’ jkun li, skont iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti jipprevedu li jipproċedu bi tneħħija fi stadju ulterjuri, b’mod partikolari meta r-raġunijiet li għalihom il-prinċipju ta’ non‑refoulement jipprekludi t-tneħħija attwali jirriżultaw temporanji ( 33 ). |
|
61. |
Madankollu, nenfasizza li, sabiex il-persuna kkonċernata tinżamm f’detenzjoni b’applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, dan għandu jsir taħt il-kundizzjonijiet stretti li l-prinċipju ta’ non‑refoulement japplika bis-saħħa tiegħu kollha u li r-regoli u l-garanziji imposti mill-imsemmija direttiva jkunu osservati, inkluż għal dak li jirrigwarda t-tul massimu ta’ detenzjoni, li huwa impost fuq l-Istati Membri kollha. Issa, nikkonstata li l-posponiment tat-tneħħija minħabba l-prinċipju ta’ non‑refoulement ma jagħmilx parti mir-raġunijiet li għalihom id-detenzjoni tista’ tiġi estiża għal perijodu li jaqbeż is-sitt xhur, skont l-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115. |
|
62. |
Għalhekk, minkejja li l-awtorità ġudizzjarja tikkunsidra, skont ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża u wara eżami tas-sitwazzjoni aġġornata taċ-ċittadin ikkonċernat, li tneħħija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni previst hija, skont il-prinċipju ta’ non‑refoulement, eskluża għal żmien indeterminat, b’tali mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-proċess ta’ tneħħija għadu fis-seħħ, jew li ma tistax teżisti perspettiva reali li t-tneħħija tista’ sseħħ fid-dawl tat-termini massimi stabbiliti mid-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni ma tibqax iġġustifikata u dan iċ-ċittadin għandu jinħeles immedjatament. |
|
63. |
Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja mitluba tistħarreġ il-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terzi li jirrisjedi irregolarment, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, għandha tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, li l-prinċipju ta’ non‑refoulement ma jipprekludix din it-tneħħija, meta dan il-prinċipju ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni qabel, u dan iktar u iktar fil-każ ta’ bidla ta’ ċirkustanzi li sseħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat fid-dawl tal-prinċipju ta’ non‑refoulement. |
Fuq it-tieni domanda
|
64. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ( 34 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 6, l-Artikolu 7, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja mitluba tistħarreġ il-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, għandhiex tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, li l-ħajja tal-familja u l-aħjar interessi tat-tfal, kif previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, ma jipprekludix tali tneħħija, meta dawn ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni qabel. |
|
65. |
Infakkar li, meta jimplimentaw id-Direttiva 2008/115, inkluż meta jipprevedu li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, l-Istati Membri għandhom josservaw id-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti lil dan iċ-ċittadin mill-Karta. |
|
66. |
Dan japplika, b’mod partikolari, għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jista’ jinvoka ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li huwa l-missier ta’ wild minuri, u li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, intiż sabiex jiżgura li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha relatati mat-tfal, kemm jekk imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn istituzzjonijiet privati ( 35 ). Madankollu, għall-kuntrarju tal-protezzjoni minn kull trattament inuman u degradanti, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 24 ta’ din tal-aħħar ma humiex ta’ natura assoluta ( 36 ). |
|
67. |
Barra minn hekk, mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola ġenerali, li ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv, u tittrasponi fil-qasam tal-imsemmija direttiva l-obbligu previst fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal fl-istadji kollha tal-proċedura, qabel jadottaw deċiżjonijiet, bħal deċiżjoni ta’ ritorn, jekk ikun il-każ akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul, li għandhom konsegwenzi importanti għal dan il-minuri, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma huwiex il-minuri iżda wieħed mill-ġenituri tiegħu ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-istess japplika għal miżura ta’ tneħħija li ma tistax tiġi adottata jekk hija tmur kontra l-ħajja tal-familja u d-dritt tar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadin ikkonċernat ( 38 ). |
|
68. |
Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludi li deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni, minn qabel, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu, u min-naħa l-oħra, li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aħjar interessi tat-tfal jistgħu eventwalment iwasslu sabiex awtorità ġudizzjarja tastjeni milli tipproċedi bi tneħħija. |
|
69. |
Għalhekk, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aħjar interessi tat-tfal għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-istadju tal-istħarriġ tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni, ordnata sabiex titwettaq it-tneħħija, meta dawn l-interessi ma kinux is-suġġett ta’ ebda eżami qabel matul il-proċedura ta’ ritorn u meta ma jkun jeżisti ebda rimedju effettiv ieħor. |
|
70. |
Inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża wħud mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat ir-riskju li l-wild ikkonċernat ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun forzat jirritorna. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt dwar min huwa l-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva tal-wild u jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza effettiva bejnu u l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk il-kustodja legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan il-wild taqax f’idejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz jew anki l-fatt li l-ġenitur l-ieħor tal-wild realment jista’ – u huwa lest – jerfa’ waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild. Tali konstatazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-intensità tar-relazzjoni affettiva tiegħu mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni minn dan tal-aħħar tkun tinvolvi għall-ekwilibriju ta’ dan il-wild. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li r-raġunijiet ekonomiċi jew ir-rieda li tinżamm l-unità tal-familja fit-territorju tal-Unjoni waħedhom, ma humiex suffiċjenti, l-istess bħall-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm ta’ natura bijoloġika jew legali ( 39 ). |
|
71. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-persuna kkonċernata għandha obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtorità nazzjonali kompetenti, li jobbligaha tikkoopera magħha sabiex tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni personali u tal-familja tagħha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tinformaha mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe żvilupp rilevanti tal-ħajja tal-familja tagħha. Fil-fatt, id-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni familjari tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni ma jistax jiġi strumentalizzat sabiex terġa’ tinfetaħ jew tiġi estiża b’mod indefinit il-proċedura ta’ ritorn ( 40 ). |
|
72. |
F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-wild li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jallega li huwa l-missier tiegħu twieled fit‑18 ta’ Settembru 2024, li dan iċ-ċittadin għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil‑11 ta’ Settembru 2024 u li huwa ma deherx għas-seduta dwar ir-raġunijiet għal din l-applikazzjoni. Id-deċiżjoni ta’ ritorn kienet adottata fis‑7 ta’ Ottubru 2024 u l-imsemmi ċittadin ma ppreżenta ebda rikors kontra din id-deċiżjoni. |
|
73. |
Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti li adottat id-deċiżjoni ta’ ritorn ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-aħjar interessi tat-tfal jew tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadin ikkonċernat, dan jirriżulta, għalhekk, mhux minn bidla ta’ ċirkustanzi fattwali, peress li l-wild kien twieled qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, iżda mill-fatt li dan iċ-ċittadin ma deherx għas-seduta dwar ir-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u ma ppreżentax rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn. Is-sempliċi fatt li invoka fi stadju ulterjuri tal-proċeduri elementi fattwali li kienu diġà jeżistu ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bidla ta’ ċirkustanzi. |
|
74. |
Mill-preċedenti jirriżulta li, peress li ċ-ċittadin ikkonċernat ma jistax jiġi kkunsidrat li naqas mill-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-importanza li d-dritt tal-Unjoni tagħti lit-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, inqis li l-aħjar interessi tat-tfal u l-ħajja tal-familja taċ-ċittadin għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati qabel ma titwettaq it-tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin. Il-qorti responsabbli mill-istħarriġ tal-legalità tad-detenzjoni għandha għalhekk tkun tista’ teżamina jekk dawn l-interessi jipprekludux din it-tneħħija. |
|
75. |
Fil-fatt, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika l-provi li jistabbilixxu li ċ-ċittadin ikkonċernat huwa l-missier tal-wild, li miegħu teżisti relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun forzat jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, u tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-wild diġà għandu ġenitur li ngħata permess ta’ residenza fi Stat Membru tal-Unjoni ( 41 ). Jekk ikun il-każ, jista’ jirriżulta li t-tneħħija għandha tiġi posposta sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li tista’ tippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-wild, jew anki li ċ-ċittadin ikkonċernat għandu jinħeles. |
|
76. |
Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, l-Artikolu 7, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja mitluba tistħarreġ il-legalità tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li saret definittiva, għandha tiżgura, jekk ikun il-każ ex officio, li l-ħajja tal-familja u l-aħjar interessi tat-tfal, kif previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, ma jipprekludux din it-tneħħija, meta ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni qabel u barra minn hekk li ċ-ċittadin ikkonċernat ma jistax jiġi kkunsidrat li naqas mill-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. |
Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Roermond (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 96).
( 5 ) Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenzi tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), Nru 201904771/2/V3, tas‑26 ta’ Lulju 2023 (NL:RVS:2023:2829), u Nru 202204434/1/V3, tat‑12 ta’ Diċembru 2023 (NL:RVS:2023:4578).
( 6 ) Sentenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), Nru 201306899/1/V2, tat‑12 ta’ Ġunju 2015 (NL:RVS:2015:1995).
( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat (C‑156/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ararat”, EU:C:2024:892, punt 35).
( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Westerwaldkreis”, EU:C:2021:432); tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika) (C‑69/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tneħħija – Kannabis terapewtika”, EU:C:2022:913); u Ararat.
( 9 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi (C‑146/14 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mahdi”, EU:C:2014:1320, punt 38); tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gnandi, EU:C:2018:465, punt 48); u Tneħħija – Kannabis terapewtika (punt 88).
( 10 ) Ara s-sentenza Ararat (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Politsei- ja Piirivalveamet (Detenzjoni – Riskju li jitwettaq reat kriminali) (C‑241/21, EU:C:2022:753, punti 31, 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eżami ex officio tad-detenzjoni, EU:C:2022:858, punt 74).
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Landkreis Gifhorn (C‑519/20, EU:C:2022:178, punt 62); Eżami ex officio tad-detenzjoni (punti 72, 73, 75 sa 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bouskoura (C‑387/24 PPU, EU:C:2024:868, punti 41 sa 45).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 40), u Mahdi (punt 60), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat għas-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 65).
( 14 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 60); Eżami ex officio tad-detenzjoni (punt 79); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bouskoura (C‑387/24 PPU, EU:C:2024:868, punt 44).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, EU:C:2020:367, punt 289), u Eżami ex officio tad-detenzjoni (punti 81 sa 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Rimedji”, jistabbilixxi dritt għal rimedju ġudizzjarju speċifiku kontra d-deċiżjonijiet marbutin mar-ritorn previsti fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni ssemmi biss id-deċiżjonijiet ta’ ritorn, id-deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ dħul kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija. Għalhekk, deċiżjoni ta’ detenzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva.
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tneħħija – Kannabis terapewtika (punt 57); tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt gravi) (C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 36); u Ararat (punti 35, 36, 49 u 50).
( 18 ) Il-prinċipju ta’ non‑refoulement jinsab ukoll fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2008/115, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija fil-każ li hija tikser dan il-prinċipju.
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tneħħija – Kannabis terapewtika (punt 55), u Ararat (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara s-sentenza Gnandi (punti 59 sa 67).
( 21 ) Ara s-sentenza Westerwaldkreis (punti 58 u 59), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:105, punt 87).
( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 48 u 49), u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tneħħija – Kannabis terapewtika (punti 55, 56 u 59). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat essenzjalment li l-istess japplika, b’mod partikolari, meta l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin huwa partikolarment gravi u meta r-ritorn jista’, huwa stess, iwassal, għall-parti kkonċernata, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Madankollu, hija żiedet li l-Artikolu 7 tal-Karta ma jistax jimponi fuq Stat Membru li jirrinunzja għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ miżura ta’ tneħħija fir-rigward ta’ ċittadin, sempliċement minħabba r-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, meta dawn il-kundizzjonijiet stretti ma jkunux issodisfatti (punti 60 sa 71, 101 u 102). Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt gravi) (C‑663/21, EU:C:2023:540, punti 36 u 52), li minnha jirriżulta li ċ-ċittadin ikkonċernat kien ser ikun espost għal riskju ta’ tortura jew ta’ mewt fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (punt 21).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ararat (punti 38, 39 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gnandi (punt 64), u Ararat (punt 37).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ararat (punt 38).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eżami ex officio tad-detenzjoni (punti 87 u 88). Ninnota li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat barra minn hekk, li l-qafas strett, stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tat-tqegħid f’detenzjoni u taż-żamma ta’ miżura ta’ detenzjoni jwassal għal sitwazzjoni li ma hijiex simili f’kull aspett għal proċeduri amministrattivi li fihom l-inizjattiva u d-delimitazzjoni tat-tilwima jappartjenu lill-partijiet (punt 92 ta’ din is-sentenza). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Ararat (C‑156/23, EU:C:2024:413, punt 45).
( 28 ) Ara l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2008/115; ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Ararat (C‑156/23, EU:C:2024:413, punt 36).
( 29 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Eżami ex officio tad-detenzjoni (punt 88) u Ararat (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Mhux l-istess japplika meta l-awtorità ġudizzjarja tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha għal dik tal-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni, jew fil-każ ta’ estensjoni tad-detenzjoni, għal dik tal-awtorità li ordnat id-detenzjoni inizjali (ara s-sentenzi Mahdi (punt 62) u Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (punt 293)).
( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Mahdi (punt 50); ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawżi magħquda Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni) (C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:489, punti 73 sa 76); kif ukoll fil-kawża Ararat (C‑156/23, EU:C:2024:413, punt 52).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ararat (punti 40 u 41).
( 33 ) Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ opponent tas-sistema politika attwali tal-pajjiż tiegħu meta tkun ser isseħħ bidla ta’ din is-sistema.
( 34 ) Kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-legalità tad-detenzjoni li jqumu fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115.
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 45), u tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri”, EU:C:2021:197, punti 36 u 41).
( 36 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Unità tal-familja – Protezzjoni diġà mogħtija) (C‑483/20, EU:C:2022:103, punt 36).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju) (C‑82/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju, EU:C:2018:308, punt 104); tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat) (C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 44); Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri (punti 31 sa 43); u tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija) (C‑528/21, EU:C:2023:341, punti 89 sa 91).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tneħħija – Kannabis terapewtika (punti 91 u 92).
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju (punti 70 sa 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u Ritorn ta’ ġenitur ta’ minuri (punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju (punti 103 u 105). Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, u barra minn hekk, matul din l-ewwel proċedura, huwa seta’ jinvoka l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, li diġà kienu jeżistu f’dak iż-żmien u li huma l-bażi tal-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ma jistax jiġi lmentat li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura ta’ ritorn mibdija sussegwentement, l-imsemmija elementi, li kellhom jiġu invokati mill-persuna kkonċernata fi stadju preċedenti tal-proċedura (punti 106 u 107 ta’ din is-sentenza).
( 41 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent iddikjara li l-ex sieħba tiegħu u l-wild tiegħu diġà għandhom permess ta’ residenza fi Franza.