|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/325 |
19.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/325
tat-18 ta’ Frar 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1776 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-melamina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ
|
(1) |
Wara investigazzjoni (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), miżuri anti-dumping definittivi fuq importazzjonijiet tal-melamina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ” jew “iċ-Ċina”). Il-miżuri ġew imposti fil-forma ta’ dazju fiss ta’ EUR 415/tunnellata fuq l-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ bl-eċċezzjoni tat-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, Sichuan Golden-Elephant Sincerity Chemical Co. Ltd (“Sichuan”), Shandong Holitech Chemical Industry Co. Ltd (“Shandong”) u Henan Junhua Development Company Ltd (“Henan”) li l-esportazzjonijiet tagħhom saru soġġetti għal prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) ta’ EUR 1 153/tunnellata. |
|
(2) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1171 (3), il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid dawn il-miżuri wara rieżami ta’ skadenza (“l-ewwel rieżami ta’ skadenza”). Wara t-tieni rieżami ta’ skadenza (“it-tieni rieżami ta’ skadenza”), il-Kummissjoni reġgħet imponiet mill-ġdid dawn il-miżuri permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1776 (4). |
|
(3) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2653 (5) u wara rieżami ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat il-miżuri msemmija fil-premessa (2) hawn fuq billi imponiet prezz minimu tal-importazzjoni ta’ EUR 1 346/tunnellata fuq l-importazzjonijiet tal-melamina manifatturata minn Xinjiang Xinlianxin Energy Chemical Co. Ltd. (“Xinjiang”) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
1.2. Talba għal rieżami interim parzjali
|
(4) |
Fit-13 ta’ Novembru 2023, LAT Nitrogen Linz GmbH u LAT Nitrogen Piesteritz GmbH (flimkien, LAT Nitrogen (6)), OCI Nitrogen BV u Grupa Azoty Zaklady Azotowe Pulawy SA (“l-applikanti”), li jaġixxu f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-melamina, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, ressqu talba għall-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-RPĊ, limitata għall-forma tal-miżuri. |
|
(5) |
B’mod partikolari, l-applikanti talbu li l-forma tal-miżuri attwali tinbidel minn dazju fiss u minn PMI għal dazji ad valorem fuq il-bażi li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw il-forma tad-dazji oriġinali jkunu nbidlu b’mod sinifikanti u dejjiemi; li bidliet dejjiema oħra fiċ-ċirkostanzi jfissru li d-dazju fiss u l-PMI ma għadhomx adattati għall-iskop tagħhom; u fl-aħħar nett, li l-applikazzjoni ta’ dazju fiss u tal-PMI qed tikkawża dannu serju lill-applikanti. |
1.3. Bidu ta’ rieżami interim
|
(6) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Notifika tal-Bidu”) (7), il-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(7) |
Ir-rieżami interim parzjali kien limitat għall-forma tal-miżuri, b’mod partikolari jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri attwalment fis-seħħ fil-forma ta’ PMI u dazji fissi. |
1.4. Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
|
(8) |
L-investigazzjoni tar-rieżami kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). Il-perjodu kkunsidrat dam mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. |
1.5. Partijiet interessati
|
(9) |
Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bil-għan li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikanti, lill-produtturi magħrufin oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufin fir-RPĊ, lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi, l-utenti, lin-negozjanti magħrufin, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati dwar il-bidu u stednithom jipparteċipaw. |
|
(10) |
Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
|
(11) |
Diversi partijiet talbu seduti ta’ smigħ u pprovdew kummenti mal-bidu. Il-Kummissjoni organizzat seduti ta’ smigħ mal-European Panel Federation (“EPF”), mal-European Producers of Laminate Flooring (“EPLF”) u maċ-China Chamber of Commerce for Metals, Minerals and Chemicals Importers & Exporters (“CCCMC”). Is-sottomissjonijiet tas-seduti tas-smigħ kienu jirriflettu s-sottomissjonijiet bil-miktub minn dawn il-partijiet wara l-bidu u huma ttrattati fit-Taqsima 3 ta’ dan ir-Regolament. |
1.6. Kampjunar
|
(12) |
Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni u ta’ importaturi mhux relatati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
1.6.1. Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni
|
(13) |
Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun ta’ tliet produtturi tal-Unjoni, li jinsabu fi tliet Stati Membri differenti. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-akbar volum tal-produzzjoni fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023 irrapportat mill-produtturi tal-Unjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-valutazzjoni permanenti ta’ qabel il-bidu. Il-kampjun kien jammonta għal 83 % tal-produzzjoni stmata fl-Unjoni tal-prodott simili. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju tagħha. Ma wasal l-ebda kumment, u l-kampjun tqies bħala rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni. |
1.6.2. Kampjunar ta’ importaturi mhux relatati
|
(14) |
Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Importatur mhux relatat wieħed biss, jiġifieri Borghi SpA, Grandate/l-Italja, ippreżenta ruħu. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ u talbet lil Borghi SpA biex jimla l-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati. |
1.7. Tweġibiet għall-kwestjonarju
|
(15) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, lil importatur mhux relatat wieħed li ppreżenta ruħu matul il-proċedura tal-kampjunar, u lill-utenti magħrufa kollha tal-melamina. Barra minn hekk, il-kwestjonarji applikabbli kollha kienu disponibbli wkoll fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (8) fil-jum tal-bidu. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikanti fejn talbet data makroekonomika tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(16) |
Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, importatur wieħed mhux relatat u ħames utenti, li tnejn minnhom huma relatati ma’ xulxin. |
1.8. Verifika
|
(17) |
Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ jekk kienx fl-interess tal-Unjoni jew le, li tinbidel il-forma tal-miżuri anti-dumping eżistenti. |
|
(18) |
Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:
|
1.9. Proċedura sussegwenti
|
(19) |
Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha tibdel il-forma tad-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ġew mogħtija skadenza li fiha setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ. |
|
(20) |
Il-kummenti wasslu mill-applikanti, Sichuan Golden-Elephant Sincerity Chemical Co., Ltd. (“SGE”), Kronospan Polska Sp.z.o.o. (“KRP”), Unilin Group, CCCMC u EPF. SGE, Unilin Group u EPF talbu seduta ta’ smigħ. |
2. PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI
2.1. Prodott taħt rieżami
|
(21) |
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa l-melamina (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2933 61 00 . |
|
(22) |
Il-melamina hija trab abjad kristallin prodott b’mod predominanti mill-urea u tintuża prinċipalment għall-produzzjoni tal-laminati, tar-reżini, tal-adeżivi għall-injam, komposti għall-forom, u tat-trattamenti għall-karti u t-tessuti. |
2.2. Prodott ikkonċernat
|
(23) |
Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami li joriġina miċ-Ċina. |
2.3. Prodott simili
|
(24) |
Kif muri fl-investigazzjoni oriġinali li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ (9), il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:
|
|
(25) |
Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
3. INTERESS TAL-UNJONI
3.1. Introduzzjoni
|
(26) |
F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bidla fil-forma tal-miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi mhux relatati u tal-utenti. |
|
(27) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat jekk iċ-ċirkostanzi sottostanti għall-applikazzjoni ta’ dazju fiss u l-PMI nbidlux b’mod sinifikanti u fuq bażi dejjiema, u jekk id-dazju fiss u l-PMI humiex qed jikkawżaw dannu serju u sostnut lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(28) |
Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku. |
3.2. Bidla fiċ-ċirkostanzi u n-natura dejjiema
3.2.1. Sfond
|
(29) |
Kif imsemmi fil-premessi (1) u (3) hawn fuq, il-forma tal-miżuri anti-dumping soġġetti għal dan ir-rieżami hija prezz minimu tal-importazzjoni ta’ EUR 1 153 għal kull tunnellata għal tliet produtturi esportaturi Ċiniżi, prezz minimu tal-importazzjoni ta’ EUR 1 346 għal kull tunnellata għar-raba’ produttur esportatur Ċiniż u dazju fiss ta’ EUR 415 għal kull tunnellata għall-produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħrajn kollha. Dawn id-dazji kienu bbażati fuq data tal-valur normali vvalutata għall-perjodu ta’ investigazzjoni applikabbli dak iż-żmien (mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009) fil-pajjiż analogu użat dak iż-żmien, jiġifieri l-Indoneżja (ara l-premessi (78) u (79) tar-Regolament oriġinali). |
|
(30) |
Ir-raġunijiet sottostanti għal din il-forma tal-miżuri ġew spjegati fit-Taqsima 3.3 tar-Regolament oriġinali. B’mod partikolari, instab li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-melamina wara l-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jvarjaw bejn EUR 1 200 u EUR 1 500 għal kull tunnellata, li kien bejn EUR 300 u EUR 600 ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ fil-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ dik l-investigazzjoni. Dazju speċifiku bbażat fuq il-prezzijiet prevalenti f’dak il-perjodu ta’ investigazzjoni “[j]illimita kwalunkwe żieda oħra fil-prezz tal-melamina li tkun taffettwa serjament il-kummerċ tal-utenti b’mod ġenerali” (10). |
|
(31) |
F’konformità mar-raġunijiet għar-rieżami kif imsemmi fil-punt 4 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni għalhekk investigat jekk iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżura anti-dumping fil-forma attwali tagħha (PMI u dazju speċifiku) għadhomx preżenti. Il-Kummissjoni investigat ukoll jekk dik il-forma tal-miżura anti-dumping għadhiex tikkumpensa għall-effetti tad-dumping li nstab f’investigazzjonijiet preċedenti u b’hekk tipprevjeni dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
3.2.2. Bidla fiċ-ċirkustanzi
3.2.2.1. Żidiet sinifikanti fil-kost tal-produzzjoni
3.2.2.1.1. Żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass
|
(32) |
Il-kost tal-melamina huwa fil-biċċa l-kbira stabbilit mill-prezz tal-gass. Il-melamina tista’ tiġi prodotta jew mill-urea jew mill-ammonijaka. Fl-investigazzjoni oriġinali, li minnha rriżultaw il-miżuri attwali, ġie rrapportat li l-gass jirrappreżenta kważi 50 % tal-kost tal-produzzjoni tal-melamina (11). |
|
(33) |
Fl-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni sabet li, mill-impożizzjoni tar-Regolament oriġinali, seħħew bidliet strutturali fis-swieq tal-gass Ewropej. Fid-dawl tas-sehem tal-gass fil-kost tal-melamina, dawn il-bidliet kellhom impatt qawwi fuq il-kost tal-produzzjoni tal-melamina. |
|
(34) |
Sal-2021, ir-Russja kienet responsabbli għal parti sinifikanti tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni. Tabilħaqq, is-sehem tal-gass mill-pipelines tar-Russja fl-importazzjonijiet tal-UE naqas minn aktar minn 40 % fl-2021 għal madwar 8 % fl-2023 (12). Fil-perjodu twil preċedenti ta’ bejn l-2010 u l-2021, is-sehem tal-gass Russu fl-importazzjonijiet tal-gass tal-UE kien fil-medda ta’ bejn 30 % u 45,5 % (13). B’konsegwenza ta’ dan, l-utenti tal-gass fl-UE kienu ggarantiti prezzijiet relattivament stabbli. Il-Kummissjoni sabet li fil-perjodu ta’ 9 xhur, bejn April 2010 sa Diċembru 2010, qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni oriġinali, il-gass ġie nnegozjat b’medja ta’ EUR 19,08/MWh fil-kambju Netherlandiż TTF (it-“TTF”, Title Transfer Facility) (14). Bejn l-2011 u l-2020, il-prezzijiet tal-gass varjaw bejn EUR 6/MWh u EUR 28/MWh. Mit-tieni nofs tal-2021, il-prezzijiet tal-gass tal-UE bdew jitilgħu għal livelli ħafna ogħla li qatt ma kienu ntlaħqu qabel. Din ix-xejra ġiet aggravata wara l-aggressjoni militari mhux provokata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna minn Marzu 2022. Minn dak iż-żmien, l-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja, ittrasportati permezz tal-pipelines, fil-biċċa l-kbira ġew sostitwiti minn importazzjonijiet tal-gass fil-forma ta’ LNG minn pajjiżi oħra ta’ oriġini, jew minn importazzjonijiet tal-gass naturali b’mod partikolari min-Norveġja (15). Din il-bidla fl-infrastruttura tal-provvista tal-gass kienet fattur ieħor li kkontribwixxa biex il-prezzijiet tal-gass jiżdiedu b’mod rapidu. Fit-22 ta’ Awwissu 2022, il-prezzijiet tal-gass żdiedu b’mod qawwi ħafna għal livell għoli ta’ EUR 339,20/MWh għall-gass innegozjat fit-TTF (16). Barra minn hekk, l-investimenti magħmula fl-infrastruttura tal-LNG huma, fid-dawl tad-daqs tagħhom, meqjusa irriversibbli. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, anki meta tintemm l-aggressjoni militari msemmija, huwa improbabbli li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jerġgħu jibdew jixtru l-gass bi prezzijiet baxxi daqskemm kienu meta twettqet l-investigazzjoni oriġinali u l-istabbiliment tal-PMI, sa u inkluż l-2020. |
|
(35) |
Barra minn hekk, anki wara li l-prezzijiet tal-gass bdew jistabbilizzaw kmieni fl-2023, il-prezz medju tal-gass baqa’ ogħla mil-livelli konsistenti ta’ qabel l-2021. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-gass ġie nnegozjat b’medja ta’ EUR [50-60]/MWh (17), li huwa madwar tliet darbiet ogħla mill-prezz medju tal-perjodu minn April sa Diċembru 2010. Fid-29 ta’ Settembru 2023, l-aħħar jum ta’ negozjar tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-gass naturali ġie nnegozjat għal EUR 41,86/MWh fit-TTF (18). Dan huwa ferm inqas mill-prezz għoli osservat f’Awwissu 2022 iżda xorta konsiderevolment ogħla mil-livelli li dehru sa (u inkluż) l-ewwel nofs tal-2021. |
|
(36) |
Fil-perjodu kkunsidrat użat fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2009, il-kost tal-produzzjoni mġarrab mill-industrija tal-Unjoni varja minn EUR 1 054 sa EUR 1 229 għal kull tunnellata (19). Mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Marzu 2016, il-perjodu kkunsidrat użat fl-ewwel rieżami ta’ skadenza, kien ivarja bejn EUR 1 036 u EUR 1 144 għal kull tunnellata (20). Fl-2019, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien ta’ EUR 980 għal kull tunnellata (21). Għalhekk, fil-perjodi kollha investigati mill-Kummissjoni bejn l-2006 u l-2019, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għal kull tunnellata ta’ melamina baqa’ stabbli b’mod notevoli, bid-differenza bejn l-aktar baxx (EUR 980) u l-ogħla (EUR 1 229), tkun ta’ 25,4 % biss. |
|
(37) |
B’kuntrast ma’ dan, matul l-akbar parti tal-perjodu kkunsidrat, mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Settembru 2023, il-kost tal-produzzjoni mġarrab mill-industrija tal-Unjoni varja bejn EUR 1 611 u EUR 3 132 għal kull tunnellata. Din il-perspettiva ma tinkludix is-sena 2020, l-ewwel sena tal-perjodu kkunsidrat minħabba li l-kost pjuttost baxx f’dik is-sena twettaq minħabba reċessjoni ekonomika relatata mal-pandemija tal-COVID. Dan juri sa liema punt sinifikanti l-kostijiet tal-gass li qed jiżdiedu b’mod rapidu (ara l-premessa (34)) affettwaw il-kost totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(38) |
L-applikanti sostnew li l-gass naturali, il-materjali ewlenin tal-input ibbażati fuq il-gass naturali u l-fwar flimkien, meta jitqiesu l-prezzijiet tal-gass prevalenti bħalissa, ammontaw għal 80 % – 90 % tal-kostijiet tal-produzzjoni totali stmati tal-produtturi tal-Unjoni. Is-CCCMC ma kkontestatx dan (22). |
|
(39) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-investigazzjoni oriġinali, il-kostijiet tal-gass żdiedu b’mod sinifikanti, f’termini assoluti u konsegwentement f’termini relattivi, li huwa meqjus bħala bidla rilevanti fiċ-ċirkostanzi skont it-tifsira tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
3.2.2.1.2. Fatturi oħra li jżidu b’mod sinifikanti l-kost tal-produzzjoni
|
(40) |
L-applikanti sostnew li mill-investigazzjoni oriġinali, il-kostijiet tal-konformità mal-qafas ambjentali Ewropew żdiedu. L-aktar skema ambjentali importanti li l-industrija tal-Unjoni hija soġġetta għaliha hija s-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System). L-ETS inizjalment ġiet stabbilita fl-2005. Dan ifisser li l-ETS kienet diġà teżisti fiż-żmien tal-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, minn dak iż-żmien ’l hawn seħħew bidliet sinifikanti fl-ETS, li rriżultaw direttament f’kostijiet tal-produzzjoni ferm ogħla li kellhom jiġġarrbu mill-produtturi tal-Unjoni. |
|
(41) |
Is-CCCMC innotat li s-sehem ta’ kwalunkwe kost ta’ konformità ambjentali bħal dan fil-kost totali tal-produzzjoni ma kienx evidenti mit-talba u ġeneralment iddubitat is-sinifikat ta’ tali kostijiet. F’dan il-kuntest, is-CCCMC aċċenat id-disponibbiltà ta’ kwoti bla ħlas taħt l-iskema tal-ETS. Is-CCCMC sostniet ukoll li kwalunkwe kost li jirriżulta mill-konformità mal-ETS jenħtieġ li jiġi kkumpensat mill-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM, Carbon Border Adjustment Mechanism) li għadu kif ġie introdott (23). |
|
(42) |
Skont l-evidenza u l-projezzjonijiet ippreżentati mill-applikanti, il-kostijiet imġarrba għad-drittijiet ta’ emissjoni tas-CO 2 sal-2026 se jaqbżu l-benefiċċju mill-kwoti bla ħlas disponibbli fuq l-emissjonijiet ikkawżati mill-produzzjoni tal-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-melamina. Id-data rrapportata fit-Talba wriet li l-projezzjonijiet tal-prezzijiet fuq l-emissjonijiet totali ta’ inkwinanti tal-kumpaniji se jiżdiedu bejn [55 % u 135 %] (24) bejn l-2021 u l-2026. |
|
(43) |
Fir-rigward tal-kostijiet ambjentali, is-CCCMC sostniet li d-divulgazzjoni mill-Kummissjoni ta’ bidla perċentwali biss mingħajr ma pprovdiet kuntest tal-valuri ta’ bażi jew tal-kost rilevanti, ma kinitx tagħmel sens. |
|
(44) |
Il-Kummissjoni tenniet li l-firxa pprovduta kienet tinkludi l-inqas u l-ogħla żieda stmata tal-kostijiet ambjentali fost il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Mhuwiex rari li r-rati ta’ żieda jvarjaw b’mod sinifikanti bejn kumpaniji b’politiki differenti ta’ xiri tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, iċ-ċifri preċiżi għal kull kumpanija tqiesu bħala informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. |
|
(45) |
Fir-rigward ta’ kwalunkwe tpaċija tal-kostijiet imġarrba mill-industrija tal-Unjoni skont is-CBAM, il-Kummissjoni qablet mal-applikanti u kkonfermat li tabilħaqq il-melamina mhijiex eliġibbli għall-protezzjoni skont is-CBAM. |
|
(46) |
L-applikanti indikaw ukoll li mill-investigazzjoni oriġinali, ġiet innotata inflazzjoni ġenerali tal-prezzijiet. Il-fatturi li wasslu għall-inflazzjoni kienu jinkludu qabel kollox il-bidliet strutturali fis-swieq tal-gass spjegati fil-premessa (34) iżda wkoll il-konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista u ż-żieda fid-domanda. Li kieku l-prezz minimu tal-importazzjoni ta’ EUR 1 153 għal kull tunnellata impost fl-investigazzjoni oriġinali ġie aġġustat bir-rati annwali tal-inflazzjoni ppubblikati mill-Eurostat, dan kien jirriżulta fi prezz minimu tal-importazzjoni ta’ mill-inqas EUR 1 474 għas-sena 2022. Il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-melamina tal-industrija tal-Unjoni telgħu sa EUR 3 196 għal kull tunnellata (medja ta’ 2022, ara t-Tabella 7) u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi laħqu EUR 1 990 għal kull tunnellata (medja ta’ 2022, ara t-Tabella 3). Għalkemm il-prezzijiet sussegwentement naqsu fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, huwa nnotat li l-kost tal-produzzjoni mġarrab mill-industrija tal-Unjoni xorta kien ta’ EUR 3 069 fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (ara t-Tabella 7). |
|
(47) |
Is-CCCMC qieset li r-rata tal-inflazzjoni tal-Unjoni laħqet il-quċċata tagħha fl-2022 iżda sussegwentement naqqset minħabba li l-kawżi sottostanti li jwasslu għal inflazzjoni, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u d-domanda tal-melamina wara l-pandemija tal-COVID, kienu sparixxew. Il-Kummissjoni qablet dwar il-fatt li l-inflazzjoni ġenerali tal-prezzijiet laħqet il-quċċata tagħha fl-2022 u li minn dak iż-żmien ’l hawn ir-rati tal-inflazzjoni naqsu. Madankollu, il-prezzijiet, u għalhekk il-kostijiet, għadhom f’livell li huwa ferm ogħla mil-livell tal-2009, il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-impatt ġenerali tal-inflazzjoni fuq il-prezzijiet mill-2009 aktarx li jitreġġa’ lura. |
3.2.2.2. Is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-Unjoni
|
(48) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, tqajjem tħassib mill-utenti fir-rigward tas-sigurtà ta’ provvista suffiċjenti tal-melamina bi prezzijiet affordabbli (25). |
3.2.2.2.1. Kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni
|
(49) |
Fit-talba, l-applikanti sostnew li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija madwar 60 % ogħla mill-konsum tal-Unjoni u li mill-2009 żdiedet b’mod sinifikanti. Huma sostnew ukoll li jagħtu prijorità lill-bejgħ lejn is-suq tal-Unjoni fuq is-swieq tal-esportazzjoni u għalhekk, ikunu jistgħu jfornu s-suq kollu tal-UE jekk ikun hemm bżonn. |
|
(50) |
Tabilħaqq, l-investigazzjoni sabet li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b’aktar minn 20 % bejn is-sena 2009, jiġifieri l-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali, u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami attwali. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet tammonta għal 476 874 tunnellata, kif muri fit-Tabella 5, filwaqt li l-konsum kien ta’ 339 676 tunnellata (ara t-Tabella 1). L-industrija tal-Unjoni hija għalhekk kapaċi tforni s-suq kollu tal-Unjoni jekk ikun hemm bżonn. |
|
(51) |
Is-CCCMC argumentat li mill-2006 il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni qabżet kontinwament il-konsum tal-Unjoni u għalhekk ma rat l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi relatati mal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tforni s-suq tal-Unjoni (26). |
|
(52) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument magħmul mis-CCCMC u l-approċċ li titqies il-kapaċità ta’ riżerva totali tal-industrija tal-Unjoni mit-2009 f’iżolament minn fatturi rilevanti oħra. Kif indikat fil-premessa (57) hawn taħt, is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-Unjoni tjiebet b’mod ġenerali fid-dawl taż-żieda fil-kapaċità ta’ industrija tal-Unjoni flimkien ma’ importazzjonijiet akbar u bi prezz ġust minn pajjiżi terzi. |
3.2.2.2.2. Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni
|
(53) |
Mill-2006 sal-2009, jiġifieri l-perjodu ta’ referenza tal-investigazzjoni oriġinali, is-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni kien bħala medja ta’ 80 % u qatt ma waqa’ taħt l-74 %. Bl-istess mod, bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u l-31 ta’ Marzu 2016, dan is-sehem mis-suq kien bħala medja ta’ 77 % (ara t-Tabella 6 tar-Regolament (UE) 2017/1171), filwaqt li fis-sena 2019, jiġifieri s-sena li ntemmet qabel ma beda l-perjodu ta’ referenza ta’ din l-investigazzjoni, kien ta’ 73 % (ara t-Tabella 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2653). |
|
(54) |
Fit-talba, l-applikanti sostnew li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien naqas drastikament minħabba l-ipprezzar aggressiv mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Tabilħaqq, peress li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien bejn 73 % u 80 % għal perjodu twil ta’ żmien, kif spjegat fil-premessa (53) hawn fuq, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami attwali kien biss ta’ 48,6 % (ara t-Tabella 6) li jirrappreżenta ċirkostanza mibdula b’mod sinifikanti. Il-Kummissjoni nnotat li, b’kuntrast, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied minn 6,5 % biss fl-2009 għal 29,2 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami attwali. Kif imsemmi fil-premessa (56) hawn taħt, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu wkoll u b’hekk ikkontribwew għat-telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni iżda sa ċertu punt inqas milli għamlu l-importazzjonijiet Ċiniżi. |
3.2.2.2.3. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
|
(55) |
Fit-talba l-applikanti sostnew li f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jistgħu jimlew kwalunkwe lakuna minħabba kwalunkwe żieda fil-konsum. |
|
(56) |
Il-Kummissjoni nnotat li s-sehem mis-suq totali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr iċ-Ċina kien ta’ 6,2 % fl-2009 (ara t-Tabella 12 tar-Regolament (UE) Nru 1035/2010) u li l-livell ta’ dan is-sehem mis-suq, flimkien mas-sehem mis-suq ta’ dak iż-żmien ta’ 85 % tal-industrija tal-Unjoni, kien waħda mir-raġunijiet ewlenin li fuqhom ġiet ibbażata l-bidla fil-forma tad-dazju għal dazju fiss (27). Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żdied b’mod sinifikanti minn dak iż-żmien ’l hawn u ammonta għal 22,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li juri li l-produtturi ta’ pajjiżi terzi bnew kapaċitajiet li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi ssodisfat il-konsum fis-suq tal-Unjoni u tiġi żgurata sitwazzjoni kompetittiva b’saħħitha b’kundizzjonijiet ekwi. |
3.2.2.2.4. Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-provvista
|
(57) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-Unjoni nbidlet b’mod sinifikanti mill-investigazzjoni oriġinali. Filwaqt li fl-2009, l-uniku sors sinifikanti ta’ importazzjonijiet kien iċ-Ċina, u fiż-żmien tal-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, in-nuqqas ta’ melamina fis-suq tal-Unjoni seta’ wassal għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet (ara l-premessa (63) tar-Regolament oriġinali), kien evidenti li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami din is-sitwazzjoni kienet differenti, b’diversi sorsi importanti ta’ importazzjonijiet (li jipprovdu pressjoni kompetittiva ġusta) kif ukoll kapaċità tal-produzzjoni ferm ogħla fl-industrija tal-Unjoni. |
3.2.2.3. Konklużjoni
|
(58) |
Fl-investigazzjoni attwali, il-Kummissjoni stabbiliet li nbidlu diversi ċirkostanzi mill-investigazzjoni oriġinali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kost tal-produzzjoni mġarrab mill-industrija tal-Unjoni iżda wkoll min-naħa tal-provvista. Mill-2021 kien hemm żieda qawwija fil-kost tal-produzzjoni fl-Unjoni, u b’riżultat ta’ dan, id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping ma setax jiġi evitat b’mod effettiv mill-prezzijiet minimi tal-importazzjoni u d-dazju speċifiku applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha, abbażi tal-kostijiet u l-prezzijiet tal-2009. Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu kif konkluż fil-premessa (134). Fl-istess ħin, filwaqt li t-tħassib fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ provvista suffiċjenti tal-melamina lill-utenti kienet ir-raġuni ewlenija għall-impożizzjoni tal-miżuri fil-forma attwali tagħhom fl-investigazzjoni oriġinali, is-sigurtà tal-provvista lill-industrija tal-utenti tjiebet ħafna mill-2009. |
3.2.3. Natura Dejjiema
3.2.3.1. Introduzzjoni
|
(59) |
F’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk iċ-ċirkostanzi mibdula osservati fit-Taqsima 3.5.2 setgħux jitqiesu b’mod raġonevoli li huma ta’ natura dejjiema. |
|
(60) |
Diversi partijiet esprimew dubji fis-sottomissjonijiet tagħhom jekk il-bidliet fiċ-ċirkostanzi jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura dejjiema. Xi wħud mis-sottomissjonijiet ġew ippreżentati qabel id-divulgazzjoni tal-fatti essenzjali. Dawn l-affermazzjonijiet kollha huma miġbura fil-qosor f’din it-Taqsima. |
3.2.3.2. Valutazzjoni tan-natura dejjiema
3.2.3.2.1. Żidiet sinifikanti fil-kost tal-produzzjoni
|
(61) |
Fir-rigward taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass, is-CCCMC sostniet li lejn tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet tal-gass naturali kienu naqsu b’mod sinifikanti mill-ogħla livelli preċedenti. Dan l-iżvilupp, skont is-CCCMC, wera li kwalunkwe bidla fiċ-ċirkostanzi, f’dan il-każ iż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-gass, kienet biss ta’ natura temporanja. Barra minn hekk, is-CCCMC sostniet li l-prezzijiet tal-gass naturali, l-input ewlieni għall-produzzjoni tal-melamina, kienu naqsu għal kważi l-istess livelli kif osservat qabel nofs l-2021. |
|
(62) |
Bl-istess mod, il-European Panel Federation (“EPF”) fakkret li l-fattur ewlieni li kellu impatt fuq il-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-melamina kien il-kost tal-gass naturali. Mill-2023, il-prezzijiet tal-gass naturali naqsu b’mod rapidu u sostanzjali skont l-EPF. Hija nnotat li l-prezzijiet spot tal-gass naturali fl-Ewropa kienu f’livelli ta’ bejn EUR 28 u EUR 32/MWh f’Jannar 2024 filwaqt li fl-2018, il-prezzijiet spot medji tal-gass naturali fl-Ewropa kienu madwar EUR 22 sa EUR 23/MWh. Skont l-EPF, is-swieq finanzjarji pproġettaw li l-prezzijiet tal-gass se jkunu qrib ħafna tal-livelli storiċi bejn l-2024 u l-2026. L-EPF affermat li l-prezzijiet tal-gass reġgħu lura għal livelli normali storiċi u li l-applikanti setgħu jerġgħu jikkompetu skont il-forma attwali tal-miżuri. |
|
(63) |
Il-European Producers of Laminate Flooring (“EPLF”) ipprovdiet projezzjoni simili dwar l-iżvilupp tal-prezz tal-gass. L-EPLF żiedet li meta l-prezzijiet tal-gass jistabbilizzaw kif mistenni, sussegwentement jonqsu r-rati tal-inflazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rati tal-inflazzjoni jonqsu, il-banek ċentrali ewlenin ikunu mistennija jibdew inaqqsu r-rati tal-imgħax. Rati tal-imgħax aktar baxxi jagħmlu s-self ipotekarju orħos. B’riżultat ta’ dan, il-proprjetà immobbli ssir aktar affordabbli, u dan iwassal għal irkupru mistenni tas-settur tal-kostruzzjoni, li huwa utent ewlieni tal-prodotti tal-melamina. |
|
(64) |
Il-Kummissjoni ma qablitx mal-affermazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni qieset li huwa improbabbli ħafna li l-prezzijiet tal-gass naturali jerġgħu lura għall-firxiet tal-prezzijiet osservati sal-2020. |
|
(65) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni mfakkra fil-premessa (62) hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-gass ta’ bejn EUR 28 u EUR 32/MWh, kif osservat mill-EPF f’Jannar 2024 kienu għadhom kunsiderevolment ogħla mill-prezzijiet osservati mill-EPF fl-2019 ta’ bejn EUR 22 u EUR 23. Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz medju tal-gass tat-TTF fl-ewwel nofs tal-2024 kien ta’ EUR 29,82/MWh, (28) li huwa 56 % ogħla mill-prezz medju tal-gass tat-TTF ta’ EUR 19,08/MWh, mill-medja tal-perjodu minn April sa Diċembru 2010 (ara n-nota 16 f’qiegħ il-paġna ta’ dan ir-Regolament), u wkoll ferm ogħla mill-prezz medju tal-gass tat-TTF matul il-perjodu 2011-2020. Għalhekk, anki jekk is-sitwazzjoni tal-prezz tal-gass fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jenħtieġ li titqies bħala eċċezzjonali, il-prezzijiet tal-gass għadhom kunsiderevolment ogħla mill-prezz medju sa u inkluż l-2020. |
|
(66) |
Il-projezzjonijiet allegati tal-prezzijiet probabbli tal-gass sas-sena 2026 ma ġewx issostanzjati aktar mill-EPF. Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-premessi (61) sa (63), il-Kummissjoni qieset li huwa improbabbli, fid-dawl tal-bidliet fis-sitwazzjoni ġeopolitika, li l-prezzijiet tal-gass se jistabbilizzaw bis-sħiħ fil-livelli li dehru sa Ġunju 2021. Mill-2021, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jakkwistaw il-gass naturali direttament mir-Russja permezz tal-pipelines bdew inaqqsu dawn l-importazzjonijiet. Bħala riżultat tal-aggressjoni mhux ġustifikata u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri saħħew u aċċelleraw il-miżuri biex isiru inqas dipendenti fuq il-gass Russu. Bħala parti minn dan, ġew ippjanati jew qed jinbnew mill-inqas 17-il terminal tal-LNG (29). Minħabba l-investimenti estremament importanti meħtieġa biex jinbnew terminals tal-LNG u l-infrastruttura kollha tal-provvista u l-impenn tal-Unjoni biex tintemm id-dipendenza fuq il-gass Russu (30), huwa estremament improbabbli li l-Unjoni terġa’ lura għax-xiri tal-gass mill-pipelines Russi fil-volumi u bil-prezzijiet ta’ qabel l-2021 u għalhekk is-suq x’aktarx li jkompli jara prezzijiet ferm ogħla minn dawk osservati sal-ewwel nofs tal-2021. |
|
(67) |
Wara d-divulgazzjoni, is-CCCMC ressqet il-kritika li għal skopijiet ta’ tqabbil, il-Kummissjoni kienet qagħdet fuq il-prezz tal-gass tal-aħħar jum tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li ġie rreġistrat għal EUR 41,86/MWh fit-TTF u fuq il-prezz medju tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li, fil-fehma tas-CCCMC, ma kinux rappreżentattivi, minħabba l-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin f’dak il-perjodu, inkluż l-ogħla livell ta’ EUR 339,20/MWh, milħuq fit-22 ta’ Awwissu 2022 (ara l-premessi (34) u (35)). Is-CCCMC żiedet li, fid-dawl tal-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tal-gass naturali u l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, dawn il-kostijiet tal-produzzjoni diġà reġgħu lura għal-“livelli ta’ qabel il-kriżi”, jew huma mistennija li jerġgħu lura għal dawk il-livelli dalwaqt. |
|
(68) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet. Hija fakkret li għall-fini tal-valutazzjoni tan-natura dejjiema tal-bidla misjuba fiċ-ċirkostanzi, kienet irreferiet ukoll għall-prezz medju tal-gass TTF fl-ewwel nofs tal-2024 (ara l-premessa (65)), li kien perjodu meta l-prezzijiet kienu naqsu b’mod evidenti mill-ogħla livelli preċedenti u eċċezzjonali iżda kienu qed jistabbilizzaw f’livelli ferm ogħla minn dak ta’ qabel l-ewwel nofs tal-2021. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li fit-tieni nofs tal-2024, il-prezz medju tal-gass TTF kien ta’ EUR 29,82/MWh, li huwa ferm ogħla mill-prezz medju tal-gass TTF matul il-perjodu 2011-2020 (ara l-premessa (65)). Minn dan isegwi li ma hemm l-ebda sinjal li l-kost tal-produzzjoni mġarrab mill-industrija tal-Unjoni huwa mistenni li jistabbilizza f’livelli simili għal dawk prevalenti matul il-perjodu mill-impożizzjoni tal-miżuri sal-ewwel nofs tal-2021. |
|
(69) |
Wara d-divulgazzjoni, l-EPF tenniet li l-livelli tal-prezzijiet tal-gass naturali previsti għat-tieni nofs tal-2026 għandhom ikunu qrib il-prezzijiet reali tal-gass irreġistrati f’Lulju 2023 (EUR 23-25/MWh). Dan ma jkunx ’il bogħod mil-livelli li ġew osservati fl-2021. F’dan il-kuntest, l-EPF irreferiet għall-aħħar Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2024 (31). |
|
(70) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-gass naturali previsti għall-perjodu mit-tieni trimestru tal-2025 sal-ewwel trimestru tal-2026 ivarjaw bejn EUR 43,5 u EUR 47,25/MWh (32). Dawn il-prezzijiet huma mill-inqas 46 % ogħla mill-prezz medju tal-gass TTF irreġistrat fl-ewwel nofs tal-2024 (ara l-premessa (65)). |
|
(71) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-bidla fix-xejra tax-xiri u tal-provvista u l-kostijiet ogħla tal-gass naturali li jirriżultaw imġarrba mill-produtturi tal-Unjoni jitqiesu li huma ta’ natura dejjiema. |
|
(72) |
Fir-rigward tal-kostijiet tal-konformità ambjentali li għandhom jiġġarrbu mill-industrija tal-Unjoni (ara l-premessa (40)), ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn l-obbligi regolatorji ambjentali se jitreġġgħu lura fi żmien qasir. Fil-fatt, l-enfasi dejjem akbar fuq is-sostenibbiltà ambjentali – speċjalment permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – x’aktarx li tirriżulta f’kostijiet dejjem ogħla tal-konformità industrijali għall-produtturi tal-Unjoni. Il-projezzjonijiet li s’issa saru disponibbli mill-produtturi tal-Unjoni (ara l-premessa (42)) jikkonfermaw din id-dikjarazzjoni. Il-bidla osservata fiċ-ċirkostanzi hija għalhekk mistennija li tkun ta’ natura dejjiema. |
|
(73) |
Wara d-divulgazzjoni, is-CCCMC talbet li ssir taf is-sinifikat relattiv tal-allegati kostijiet tal-konformità vis-à-vis il-kostijiet totali tal-produzzjoni ta’ unità tal-melamina, li baqgħet kwistjoni kruċjali fil-valutazzjoni tas-sinifikat reali taż-żieda perċentwali. |
|
(74) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-kostijiet ambjentali li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tiffaċċja, irrappreżentaw sehem iżgħar tal-kostijiet totali tal-produzzjoni tal-melamina milli kellhom l-kostijiet tal-gass. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-bidliet osservati kienu għadhom sinifikanti u dejjiema fin-natura tagħhom. |
|
(75) |
Fir-rigward tal-inflazzjoni (ara l-premessa (46)), il-Kummissjoni nnotat li n-natura dejjiema taż-żidiet fl-elementi ta’ kost (kostijiet tal-gass u ambjentali) inevitabbilment se tirriżulta fi prezzijiet ogħla tal-prodott tal-output, il-melamina. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni se tkun tixtieq tirrifletti l-bażi tal-kost miżjuda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha ladarba jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ekwi minħabba li ma tistax iġġarrab it-telf li esperjenzat fl-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami fit-tul. Huwa għalhekk mistenni li l-livell ogħla tal-prezz tal-melamina, meta mqabbel mal-livelli tal-prezzijiet osservati fl-investigazzjoni oriġinali, ikun ta’ natura dejjiema. |
|
(76) |
Wara d-divulgazzjoni, is-CCCMC ikkontestat li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien ogħla fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami milli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u li l-livell ta’ kost ogħla kien mistenni li jkun ta’ natura dejjiema. |
|
(77) |
Il-Kummissjoni rreferiet għall-konfutazzjoni dwar in-natura dejjiema taż-żieda fil-kostijiet tal-gass (ara l-premessa (70)), li, minħabba l-piż tal-kostijiet tal-gass fuq il-kost ġenerali tal-produzzjoni tal-melamina, huma mistennija li jirriżultaw f’żieda ugwalment dejjiema fil-kostijiet totali. |
3.2.3.2.2. Is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-Unjoni
|
(78) |
Fir-rigward taż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-investigazzjoni ma indikat l-ebda pjan tal-produtturi tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet fil-futur qrib. Għalhekk, iż-żieda globali fil-kapaċità titqies li hija ta’ natura dejjiema. |
|
(79) |
Madankollu, is-CCCMC argumentat li ma kien hemm l-ebda bidla sinifikanti (jew dejjiema) fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni jew fil-kapaċità li tforni s-suq tal-UE. |
|
(80) |
Il-Kummissjoni ċċarat li l-industrija tal-Unjoni għandha biżżejjed kapaċità biex tissodisfa l-konsum tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rreferiet għad-data miġbura f’din l-investigazzjoni (ara t-Tabelli 1 u 5). Filwaqt li l-konsum qatt ma qabeż l-427 309 tunnellata fis-sena (osservat fl-2021), il-kapaċità kienet ta’ mill-inqas 476 874 tunnellata fis-sena (osservata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami). |
|
(81) |
Is-CCCMC żiedet li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni għal inqas minn 30 % matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 ma kienx ta’ natura dejjiema minħabba li kien ikkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali bħal diffikultajiet fil-produzzjoni fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni u żieda fid-domanda mill-utenti fl-istess ħin. Biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ provvista, l-utenti kellhom jiddependu fuq importazzjonijiet akbar, l-aktar miċ-Ċina. |
|
(82) |
Il-Kummissjoni nnotat li t-tnaqqis sinifikanti fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien fattwali u bħala tali mhux ikkontestat mis-CCCMC. Il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq kien dovut l-aktar għaż-żieda esponenzjali tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping Ċiniżi li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara l-premessa (102)). |
|
(83) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kummenti tas-CCCMC ġew miċħuda. |
|
(84) |
Wara d-divulgazzjoni, SGE affermat li ċ-ċirkostanzi li fuqhom huma bbażati l-miżuri eżistenti fil-forma ta’ dazju fiss u l-PMI ma nbidlux b’mod sinifikanti u dejjiemi. Fir-rigward tad-disponibbiltà tal-importazzjonijiet tal-melamina minn pajjiżi terzi, SGE kkummentat li f’ċerti żminijiet il-prezzijiet minn pajjiżi terzi kienu aktar baxxi minn dawk miċ-Ċina, u li l-provvista minn pajjiżi terzi ma kinitx stabbli u ma setgħetx tissostitwixxi l-importazzjonijiet miċ-Ċina. |
|
(85) |
Il-Kummissjoni nnotat li b’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi segwew ix-xejriet tas-suq matul il-perjodu kkunsidrat. Aktar importanti minn hekk, kif muri fit-Tabella 4, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet totali tal-pajjiżi terzi baqa’ f’firxa relattivament qrib ta’ bejn 19,2 % u 22,3 % matul il-perjodu kkunsidrat, fi kliem ieħor, il-prezzijiet ma kinux ta’ detriment għall-ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni bl-istess mod bħall-prezzijiet Ċiniżi (ara t-Tabella 2). L-ishma mis-suq ta’ bejn 19,2 % u 22,3 % huma wkoll ferm ogħla mill-ishma mis-suq Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat fl-investigazzjoni li wasslu għall-miżuri taħt rieżami, u għalhekk il-Kummissjoni ma qablitx ma’ SGE. Il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet totali ta’ pajjiżi terzi kienu jikkostitwixxu fattur alternattiv stabbli ta’ provvista lejn is-suq tal-Unjoni. |
|
(86) |
SGE tenniet allegazzjoni magħmula mill-utent KRP fit-30 ta’ Ottubru 2024 (33), fejn intqal li l-kapaċità tal-produzzjoni Ewropea waħedha ma setgħetx tissodisfa d-domanda. Bl-istess mod, fil-kummenti tad-divulgazzjoni tagħha, l-EPF esprimiet dubji dwar iċ-ċifri tal-kapaċità vvalutati mill-Kummissjoni u rrapportati fit-Tabella 5 hawn taħt. L-EPF allegat li żewġ impjanti tal-melamina ta’ BASF f’Ludwigshafen ingħalqu b’mod permanenti fl-aħħar ta’ April 2023 (34). Barra minn hekk, l-EPF irreferiet għal informazzjoni dwar is-suq mill-membri tagħha, li skontha kienu biss OCI u LAT Nitrogen li pproduċew il-melamina fl-2024 b’kapaċità mnaqqsa. Il-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni ta’ dawn il-manifatturi kienet tammonta għal total ta’ 290 000 tunnellata fis-sena skont l-EPF. |
|
(87) |
Sabiex tipproteġi l-informazzjoni meqjusa bħala kummerċjali kunfidenzjali, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddivulga ċ-ċifri tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi individwali tal-Unjoni. Madankollu, hija kkonfermat li ċ-ċifri tal-kapaċità tal-produzzjoni fit-Tabella 5 kienu ġew ivverifikati kif xieraq. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-impjanti rilevanti ta’ BASF ma kinux magħluqa b’mod permanenti, kif allegat EPF, iżda offruti għall-bejgħ fis-suq (35). Barra minn hekk, l-approċċ tal-EPF li tħalli barra kapaċitajiet li temporanjament inżammu inattivi jew ġew offruti għall-bejgħ huwa inkonsistenti mal-prattika kostanti tal-każijiet tal-Kummissjoni. Il-fatt li l-produtturi tal-Unjoni naqqsu l-output minħabba li ma kinux kapaċi jlaħħqu mal-importazzjonijiet bi prezz inġust miċ-Ċina, li ppenetraw is-suq tal-Unjoni f’volumi għoljin mingħajr preċedent, jenħtieġ li ma jiġix imfixxkel mat-tnaqqis permanenti fil-kapaċità tal-produzzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ta’ EPF ġiet miċħuda. L-affermazzjoni ta’ KRP ma ġietx issostanzjata aktar u, għal din ir-raġuni, ġiet miċħuda wkoll. |
3.2.4. Konklużjoni
|
(88) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li ċ-ċirkostanzi msemmija fit-Taqsima 3.2.2 inbidlu mill-investigazzjoni oriġinali u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. |
3.3. Dannu
3.3.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(89) |
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fit-talba, il-prodott simili ġie manifatturat, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami, mit-tliet applikanti u minn żewġ produtturi oħrajn. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Iż-żewġ produtturi mhux inklużi fil-kampjun identifikati fit-talba huma BASF AG, Ludwigshafen (il-Ġermanja) u S.C. Azomures, Targu Mures (ir-Rumanija). BASF biss irreġistrat bħala parti interessata. L-ebda wieħed miż-żewġ produtturi inkwistjoni ma ppreżenta kummenti jew għamel rappreżentazzjoni matul l-investigazzjoni. |
|
(90) |
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet stabbilita għal 175 786 tunnellata. Iċ-ċifra ġiet ikkalkulata abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u t-tweġiba għall-kwestjonarju tal-makroindikaturi sottomessa mill-applikanti. |
|
(91) |
Kif imsemmi fil-premessa (13), il-Kummissjoni għażlet kampjun definittiv tal-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżenta madwar 83 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni tal-prodott simili. It-tliet produtturi fil-kampjun huma l-applikanti. |
3.3.2. Konsum tal-Unjoni
|
(92) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi ta’: (a) id-data tal-applikanti dwar il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili, parzjalment kontroverifikata mal-volumi tal-bejgħ irrapportati mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun; u (b) l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi terzi kollha kif irrapportat fil-bażi tad-data Comext (Eurostat). |
|
(93) |
Abbażi ta’ dan, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej: Tabella 1 Konsum tal-Unjoni (tunnellati)
|
||||||||||||||||||||||
|
(94) |
Ir-rieżami wera li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 18 % mill-2020 sal-2021 wara rkupru minn wara l-pandemija tal-COVID-19. B’mod ġenerali, il-konsum tal-Unjoni naqas b’7 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. |
3.3.3. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
3.3.3.1. Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
|
(95) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat abbażi tal-istatistika tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq taċ-Ċina ġie stabbilit billi ġew imqabbla l-importazzjonijiet mal-konsum tal-Unjoni kif huwa stabbilit fit-Tabella 2. |
|
(96) |
L-importazzjonijiet mir-RPĊ żviluppaw kif ġej: Tabella 2 Volum tal-importazzjoni u sehem mis-suq
|
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(97) |
Il-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b’aktar minn tmenin darba mill-2020 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Anki jekk is-sena 2020 tista’ ma titqiesx bħala rappreżentattiva minħabba r-reċessjoni ekonomika wara l-pandemija tal-COVID-19, mill-2021 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet miċ-Ċina xorta żdiedu bi kważi erba’ darbiet. |
|
(98) |
F’termini relattivi (ara l-indiċijiet fit-Tabella 2 ta’ hawn fuq), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied saħansitra aktar mill-volum ta’ dawk l-importazzjonijiet biex laħaq kważi 30 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Meta mqabbel mal-2021, is-sehem mis-suq żdied b’aktar minn erba’ darbiet. |
3.3.3.2. Prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u twaqqigħ tal-prezz.
3.3.3.2.1. Prezzijiet
|
(99) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina abbażi tal-istatistika tal-Eurostat. |
|
(100) |
Il-prezz medju peżat tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żviluppa kif ġej: Tabella 3 Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)
|
||||||||||||||||||||||
|
(101) |
Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet tal-melamina miċ-Ċina żdiedu b’108 % bejn l-2020 u l-2022. Il-prezzijiet naqsu drastikament mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami b’32 %. |
3.3.3.2.2. Twaqqigħ tal-prezz
|
(102) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-twaqqigħ tal-prezz billi qabblet (a) il-prezzijiet statistiċi medji peżati tal-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, stabbiliti fuq bażi CIF, b’aġġustamenti xierqa għar-rata konvenzjonali tad-dazju doganali, tad-dazju anti-dumping (36) u tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, u (b) il-prezzijiet tal-bejgħ medji peżati tat-tliet produtturi tal-Unjoni mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni. Il-marġini tat-twaqqigħ ikkalkulat b’dan il-mod ammonta għal 8,5 %. |
|
(103) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll effetti oħrajn fuq il-prezzijiet, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni osservat li t-tnaqqis fil-prezzijiet seħħ sal-punt fejn l-industrija tal-Unjoni kellha tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha b’madwar 53 % mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (ara t-Tabella 7), ferm taħt il-kostijiet tal-produzzjoni tagħha u b’hekk wasslet għal telf ta’ – 100,1 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (ara t-Tabella 10). |
3.3.4. Volumi u prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
|
(104) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li japplikaw l-istess metodoloġija bħal dik għar-RPĊ (ara t-Taqsima 3.3.3.1). |
|
(105) |
Il-volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi żviluppa matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Tabella 4 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(106) |
L-aktar sorsi importanti ta’ importazzjonijiet barra miċ-Ċina kienu jinkludu l-Qatar, Trinidad u Tobago u l-Indja. L-importazzjonijiet minn kull wieħed minn dawn il-pajjiżi żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, b’mill-inqas 54 % (il-Qatar) u sa 360 % (l-Indja). Madankollu, fl-2020, l-Indja bdiet minn livell ħafna aktar baxx miż-żewġ pajjiżi l-oħra. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi terzi kollha, minbarra ċ-Ċina, żdied b’5 % biss matul il-perjodu kkunsidrat. |
|
(107) |
Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni tat-tliet sorsi l-aktar importanti għajr iċ-Ċina kienu kollha ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjoni mir-RPĊ. Il-prezzijiet tal-importazzjoni minn Trinidad u Tobago biss kienu relattivament qrib għalkemm xorta ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina (EUR 1 379/tunnellata meta mqabbla ma’ EUR 1 361/tunnellata). Madankollu, il-volum tal-importazzjoni li ġej minn Trinidad u Tobago kien inqas minn 20 % tal-volum li ġej miċ-Ċina fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. |
|
(108) |
Iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-pajjiżi terzi bi 2,5 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat, hija mċekkna b’mod ċar miż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, li ammontat għal 28,9 punt perċentwal. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kien ferm ogħla kemm mill-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (ara t-Tabella 7) kif ukoll mill-prezz medju tal-importazzjoni miċ-Ċina (ara t-Tabella 3). |
3.3.5. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
3.3.5.1. Kummenti ġenerali
|
(109) |
Għall-valutazzjoni ta’ jekk kienx hemm dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data u l-informazzjoni li jinsabu fit-tweġiba għall-kwestjonarju tal-applikanti, kontroverifikata kif xieraq mal-informazzjoni fit-talba u mat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, u l-istatistika tal-Eurostat. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. |
|
(110) |
L-indikaturi makroekonomiċi f’dan il-każ huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi u l-produttività. |
|
(111) |
L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġenerat il-kapital. |
3.3.5.2. Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità
|
(112) |
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 5 Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(113) |
Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqqset b’56 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet kważi stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, bi tnaqqis minimu ta’ 1 %. Bħala konsegwenza, l-użu tal-kapaċità naqas b’56 %. |
3.3.5.3. Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
|
(114) |
Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 6 Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
|
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(115) |
Il-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati żdiedu b’9 % mill-2020 sal-2021 iżda naqsu bi 52 punt perċentwal bejn l-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għal livell ta’ 43 % taħt il-livell tal-2020. |
|
(116) |
Bl-istess xejra, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 79,9 % għal 48,6 %. |
3.3.5.4. Tkabbir
|
(117) |
Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas b’7 % (ara t-Tabella 1), u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas bi 43 % (ara t-Tabella 6). Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni tilfet ishma importanti mis-suq (ara t-Tabella 6) meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi (ara t-Tabella 2). |
3.3.5.5. Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
|
(118) |
Il-prezzijiet medji peżati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni u l-kost unitarju tal-produzzjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej: Tabella 7 Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni u l-Kost tal-produzzjoni
|
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(119) |
Il-kost unitarju tal-produzzjoni kiber b’mod esponenzjali għal livell li fl-2022 kien ta’ 250 % u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami baqa’ xorta 239 % ogħla mil-livell irreġistrat fl-2020. Din iż-żieda qawwija fil-kost tal-produzzjoni kienet ikkawżata primarjament miż-żieda qawwija ħafna fil-prezzijiet tal-gass li bdiet mill-2021. |
|
(120) |
Il-prezzijiet tal-bejgħ segwew xejra simili sal-2022, meta laħqu livell li kien 244 % ogħla mil-livell tal-2020. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet tal-bejgħ naqsu b’aktar min-nofs, meta mqabbla mal-2022. F’sottomissjoni ppreżentata fit-23 ta’ Awwissu 2024, (37) l-applikanti enfasizzaw li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien naqas għal livelli mhux sostenibbli għall-kuntrarju ta’ żieda sinifikanti fil-bażijiet tal-kostijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. |
3.3.5.6. Impjiegi u produttività
|
(121) |
L-impjiegi, il-produttività u l-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 8 Impjiegi u produttività
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(122) |
L-għadd ta’ impjegati naqas b’aktar minn 9 % mill-2021 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, hekk kif l-industrija tal-Unjoni bdiet tnaqqas il-forza tax-xogħol f’sitwazzjoni negattiva tas-suq. |
|
(123) |
Il-produttività tax-xogħol naqset b’56 % matul il-perjodu kkunsidrat f’konformità mat-tnaqqis qawwi fil-produzzjoni (ara t-Tabella 5). |
|
(124) |
Il-kostijiet lavorattivi medji żdiedu bi 23 % matul il-perjodu kkunsidrat, minħabba li l-pagi u s-salarji ġew adattati f’konformità mal-inflazzjoni u mat-tkabbir preċedenti. |
3.3.5.7. Inventarji
|
(125) |
Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 9 Inventarji
|
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(126) |
Il-livelli tal-istokks varjaw b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-2021, il-livell kien 56 % taħt il-livell tal-2020. Fl-2022, il-livell kien 165 % ogħla mil-livell tal-2020. L-istokk tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni kiber bi kważi ħames darbiet mill-2020 sal-2022 u b’aktar minn tliet darbiet mill-2020 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Din hija indikazzjoni addizzjonali li lejn tmiem il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni kellha diffikultajiet dejjem akbar biex tbigħ il-produzzjoni tagħha fid-dawl ta’ importazzjonijiet li żdiedu b’mod drammatiku miċ-Ċina. |
3.3.5.8. Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital
|
(127) |
Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Tabella 10 Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(128) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-profitt tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitti nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tagħha tal-melamina lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat tal-bejgħ sottostanti. L-industrija tal-Unjoni għamlet profitt biss fl-2021, bi 12,3 %. Fl-2020 u l-2022, il-bejgħ sottostanti kien qed jagħmel it-telf, b’rati ta’ –4,1 % u –5,6 % rispettivament. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, it-telf kien ta’ –100,1 %. |
|
(129) |
Il-fluss tal-flus nett huwa l-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Fl-2021, l-iżvilupp tal-fluss tal-flus kien pożittiv. Fl-2022 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-industrija tal-Unjoni ġġenerat fluss tal-flus negattiv wara x-xejra negattiva tal-profittabbiltà. |
|
(130) |
Il-livell ta’ investiment tal-industrija tal-Unjoni kiber b’194 % matul il-perjodu kkunsidrat. Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni, l-investimenti kienu jikkonċernaw kważi sostituzzjonijiet ta’ assi kompletament deprezzati u użati biss. Kien pjuttost aċċidentali li dawn l-investimenti kienu kkonċentrati fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Barra minn hekk, l-investimenti kienu relattivament żgħar fi proporzjon ma’ indikaturi oħrajn, bħall-valuri tal-bejgħ totali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tqisx li dan l-indikatur huwa sinifikanti ħafna għal dan il-każ partikolari. |
|
(131) |
Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti, u x-xejra segwiet dik tar-rati ta’ profittabbiltà analizzati. |
3.3.5.9. Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
|
(132) |
F’kuntest ta’ kost tal-produzzjoni u volatilità tal-prezzijiet li qed jiżdiedu, l-industrija tal-Unjoni tilfet ishma sinifikanti mis-suq għar-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat. Il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’mod esponenzjali u daħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li jwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Kontra tali pressjoni, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħaddi ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha u sussegwentement ġarrbet telf kbir f’livelli mingħajr preċedent u mhux sostenibbli. |
|
(133) |
Bażikament, l-indikaturi kollha tad-dannu, bħall-produzzjoni, ir-rati tal-użu tal-kapaċità, il-volumi tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-unità, l-ishma mis-suq, il-profittabbiltà u l-fluss tal-flus urew xejriet negattivi ħafna matul il-perjodu kkunsidrat. |
|
(134) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu kkunsidrat. |
3.3.6. Kawżalità
|
(135) |
Wara li kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali u b’referenza għall-premessa (27), il-Kummissjoni eżaminat jekk il-PMI applikabbli u d-dazju fiss kinux qed jikkawżaw dannu serju u sostnut lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(136) |
Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni fakkret li d-disinn tal-PMI huwa tali li ladarba l-prezzijiet jilħqu livelli ogħla sew mill-PMI, il-produtturi esportaturi jistgħu jesportaw volumi prattikament bla limitu tal-prodott ikkonċernat mingħajr ma jiffaċċjaw dazji anti-dumping fl-Unjoni. Dan ix-xenarju ġie kkonfermat li huwa minnu fl-2022 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta l-prezzijiet tas-suq kienu qed jilħqu tali livelli (ara t-Tabella 2 u l-premessi (97) u (98)). |
|
(137) |
Fit-tieni pass, il-Kummissjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, dawn l-importazzjonijiet żdiedu b’mod esponenzjali, jiġifieri b’8013 % matul il-perjodu kkunsidrat (ara t-Tabella 2) li wassal għal żieda sinifikanti fl-ishma mis-suq, jiġifieri minn 0,3 % fl-2020 għal 29,2 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni li tilfet l-ishma mis-suq, minn 79,9 % għal 48,6 % matul l-istess perjodu. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet miċ-Ċina saru bi prezzijiet li qed jonqsu (ara t-Tabella 3, mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) u mwaqqa’ (ara l-premessa (102)), li kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Huma eżerċitaw ukoll pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, mill-2021 dawn kienu ferm taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u, aktar importanti minn hekk, mill-2022 ’l hawn taħt il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Minħabba din l-osservazzjoni tat-trażżin tal-prezzijiet, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami f’konformità maż-żieda fil-kostijiet tagħha li rriżultat f’telf sinifikanti. Fatturi oħra, bħall-prezzijiet tal-gass, li kienu l-kawża ewlenija ta’ żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni lil hinn mill-prezzijiet tal-bejgħ (ara d-data tat-Tabella 7 għall-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami), ikkontribwew bl-istess mod għal dak id-dannu iżda ma naqqsux ir-rabta ta’ kawżalità li nstabet. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi kiber bi 13 % matul il-perjodu kkunsidrat (ara t-Tabella 4) li huwa mċekken miż-żieda ta’ aktar minn tmenin darba tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-istess perjodu (ara t-Tabella 2). Bl-istess mod, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet totali l-oħra ta’ pajjiżi terzi kienu bħala medja ta’ kważi EUR 200 għal kull tunnellata aktar għaljin mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Konsegwentement, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma naqqsux ir-rabta ta’ kawżalità li nstabet bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina u d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(138) |
Mad-divulgazzjoni, is-CCCMC affermat li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tas-suq intern tal-UE li seħħew fit-tieni nofs tal-2022 u fl-2023, u mhux l-importazzjonijiet Ċiniżi, kienu r-raġuni ewlenija għaliex il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jgħollu aktar l-prezzijiet tagħhom biex ikopru l-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom u jżommu l-profittabbiltà. |
|
(139) |
Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni. L-investigazzjoni wriet li fis-sena 2021, u sa ċertu punt anke fl-2022, l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid il-prezzijiet f’konformità mal-kost tal-produzzjoni li kien qed jiżdied, fejn l-importazzjonijiet Ċiniżi daħlu fis-suq bi prezzijiet tal-importazzjoni ta’ EUR 1 627 u EUR 1 990 għal kull tunnellata. Kien biss fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta l-prezzijiet tal-importazzjoni naqsu għal EUR 1 361 għal kull tunnellata, li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibqa’ tbigħ bi prezzijiet li jkopru l-kostijiet. Dan wera b’mod ċar li l-miżuri ma kisbux l-effett maħsub tagħhom peress li l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet irħas f’volumi akbar kienu l-kawża ewlenija ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. |
|
(140) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-disinn tal-PMI essenzjalment ippermetta lill-produtturi Ċiniżi jżidu l-volumi tal-esportazzjoni bi prezzijiet aktar baxxi, li min-naħa tiegħu kkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. |
3.4. Interess ta’ importaturi u utenti mhux relatati
|
(141) |
L-importaturi u l-utenti magħrufa kollha mhux relatati ġew infurmati dwar il-bidu tar-rieżami. |
|
(142) |
Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba għall-kwestjonarju mingħand importatur mhux relatat wieħed, madankollu, dik il-parti rrifjutat li tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġiba tagħha. Għalhekk, l-informazzjoni pprovduta ma setgħetx tiġi analizzata. |
|
(143) |
Tliet utenti u l-Unilin Group (li jikkonsisti minn żewġ utenti) ipprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju. It-tliet utenti naqsu milli jissottomettu verżjonijiet miftuħa u sinifikanti tat-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju u għalhekk dawn is-sottomissjonijiet ma setgħux jiġu analizzati. Huwa biss l-Unilin Group li kompla jikkoopera matul l-investigazzjoni, anki billi ppermetta verifika fuq il-post fil-bini tiegħu (kif spjegat fil-premessa (18) hawn fuq). |
|
(144) |
Madankollu, l-Unilin Group sostna li ma setax jippreżenta verżjoni mhux kunfidenzjali sħiħa tas-sottomissjonijiet tiegħu minħabba li minn perspettiva ta’ kompetizzjoni, ma kienx komdu li juri ċertu informazzjoni lil udjenza usa’. L-Unilin Group għalhekk invoka “ċirkostanzi eċċezzjonali” fid-dawl tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ħadet nota tal-affermazzjoni tal-Unilin Group. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, hija setgħet sempliċiment tistabbilixxi li kemm ix-xiri tal-Unilin Group mill-industrija tal-Unjoni, kif ukoll l-importazzjonijiet tiegħu miċ-Ċina ma kinux rappreżentattivi għas-settur tal-utenti kollu kemm hu u li t-tibdil fil-forma tal-miżuri ma kienx se jagħmel ħsara bla bżonn lill-parti kkonċernata. |
|
(145) |
Wara d-divulgazzjoni, l-EPF esprimiet tħassib dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-utenti, peress li dehret li qiegħda tiddependi biss fuq iż-żewġ tweġibiet għall-kwestjonarju ppreżentati mill-Unilin Group. L-EPF żiedet li l-kostijiet tal-melamina li kienu qed jiżdiedu bejn Novembru 2022 u Novembru 2023 wasslu għal żieda enormi fid-differenzjal bejn il-pannelli mhux ipproċessati u dawk miksija, li żdiedet minn medja ta’ 30-50 % għal 60-124 %. |
|
(146) |
Il-Kummissjoni ċċarat li fil-valutazzjoni tagħha tista’ tiddependi biss fuq data verifikabbli pprovduta minn partijiet interessati li kkooperaw. Madwar 80 utent ġew ikkuntattjati u mgħarrfa dwar ir-rieżami sa mill-bidu tiegħu. Eventwalment, id-data pprovduta mill-Unilin Group kienet l-unika sottomissjoni verifikabbli tal-utent disponibbli għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma estendietx il-konklużjoni milħuqa fir-rigward ta’ Unilin għall-utenti kollha, iżda, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn utenti oħra, ma kellha l-ebda informazzjoni oħra disponibbli għall-analiżi. |
|
(147) |
Barra minn hekk, l-approċċ tal-EPF li tiddeduċi l-kostijiet tal-input tal-melamina minn differenzjal tal-prezz tal-prodotti tal-output jitqies bħala difettuż. Id-differenzjali tal-prezzijiet jistgħu jiġu attribwiti għal diversi raġunijiet oħra, bħall-perċezzjoni tal-klijenti eċċ., iżda mhux neċessarjament u mhux biss għal żieda ta’ element ta’ kost wieħed. |
|
(148) |
Wara l-bidu tal-proċediment, l-EPF sostniet li l-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam ammontaw għal fatturat ta’ aktar minn EUR 500 biljun fis-sena u pprovdew 4 miljun impjieg dirett fl-Unjoni. L-industrija tal-pannelli, li tirrappreżenta 9 % ta’ dan il-fatturat, kellha rwol ewlieni billi tat valur lil prodotti sekondarji mit-tagħlil u l-ipproċessar tal-injam, billi jiġu pprovduti prodotti ta’ kwalità għolja, ħfief u affordabbli għas-setturi tal-għamara u tal-kostruzzjoni. Konsegwentement, kwalunkwe bidla fil-forma tal-miżuri, ħafna drabi jkollha impatt negattiv fuq aktar impjegati (dawk tal-produtturi tal-pannelli bbażati fuq l-injam tal-UE u l-katina tal-valur tal-utenti downstream tagħhom) milli tkun ta’ benefiċċju għall-impjegati tal-produtturi tal-melamina tal-Unjoni. |
|
(149) |
Il-Kummissjoni qieset li l-EPF naqset milli turi liema parti mill-allegat fatturat annwali kienet relatata mal-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw il-melamina, kemm kien rilevanti l-kost tal-melamina f’dawk il-prodotti, u kemm-il impjieg ikkontribwixxa għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ tali prodotti. Konsegwentement, l-impatt tal-bidla fil-forma tal-miżura ma setax jiġi ddeterminat u għalhekk, hija ċaħdet l-affermazzjoni. |
|
(150) |
Wara d-divulgazzjoni, l-EPF ikkalkulat li madwar 650 000 impjieg fl-industrija tal-pannelli bbażati fuq l-injam u s-setturi relatati tul il-katina tal-provvista kienu relatati mal-użu tal-melamina u li dawn l-impjiegi kollha jkunu mhedda b’mod sinifikanti jekk il-forma tal-miżuri tinbidel. Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni, peress li l-EPF ma ssostanzjatx għaliex id-dazji ad valorem fuq materja prima waħda minn pajjiż speċifiku wieħed, għall-kuntrarju ta’ dazju fiss u PMI, ikunu ta’ detriment għal dawn is-setturi ekonomiċi. |
|
(151) |
L-EPLF sostniet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għad-dazju fiss ta’ EUR 415 għal kull tunnellata ma setgħux jesportaw lejn l-Unjoni minħabba li dak id-dazju kien projbittiv u li l-kapaċità totali tat-tliet produtturi Ċiniżi soġġetti għal prezz minimu tal-importazzjoni ma kinitx aktar minn 300 000 tunnellata, li ma kinitx biżżejjed biex tforni s-suq Ewropew. L-EPLF allegat ukoll li l-utenti tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiddependu biss fuq il-produzzjoni Ewropea tal-melamina, speċjalment meta s-suq jirkupra. |
|
(152) |
Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet magħmula mill-EPLF. Il-konsum qatt ma kien ogħla minn madwar 430 000 tunnellata fis-sena. Pereżempju, fl-2021, kien ta’ 427 185 tunnellata. Bil-kapaċità tagħha ta’ aktar minn 476 000 tunnellata (innotat fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, ara t-Tabella 5), l-industrija tal-Unjoni ċertament li se tkun tista’ tkopri dan il-konsum waħedha. |
|
(153) |
L-EPLF żiedet li l-membri tagħha kienu qed jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem aktar qawwija mit-Turkija minħabba li l-produtturi Torok tal-laminati setgħu jkomplu jimportaw il-melamina miċ-Ċina mingħajr ma jħallsu dazji anti-dumping u b’hekk iġarrbu kostijiet aktar baxxi mill-produtturi tal-laminati tal-Unjoni. |
|
(154) |
L-EPLF ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tappoġġa l-allegazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni aktar b’saħħitha mit-Turkija. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-utenti b’mod ġenerali issirilhom ħsara bla bżonn minn bidla fil-forma tal-miżuri (ara wkoll il-premessa (144)). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni. |
|
(155) |
SGE sostniet li jekk il-forma tal-miżura anti-dumping tinbidel għal dazji ad valorem, ir-rati tad-dazju li jirriżultaw iżidu b’mod sostanzjali l-kost tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami miċ-Ċina. Agħar minn hekk, rati għoljin bħal dawn jistgħu jagħmlu lill-esportaturi Ċiniżi mhux kompetittivi, u potenzjalment iġiegħluhom jirtiraw mis-suq tal-Unjoni. Jekk jiġri hekk, l-importaturi u l-utenti tal-Unjoni jispiċċaw b’għażliet ta’ sorsi ta’ provvista limitati, primarjament mill-Applikanti, li jirriżulta f’suq tal-UE inqas kompetittiv. Il-katina tal-provvista ssir żbilanċjata, u l-prezzijiet tax-xiri għall-melamina x’aktarx li jiżdiedu b’mod sinifikanti. |
|
(156) |
Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-prezzijiet tas-suq tal-melamina x’aktarx li jiżdiedu peress li l-prezzijiet osservati fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ma kinux sostenibbli għall-industrija tal-Unjoni u l-miżuri fil-forma ta’ PMI u ta’ dazju fiss ma kinux qed jipproteġu biżżejjed lill-industrija tal-Unjoni minn prattiki kummerċjali inġusti tal-produtturi esportaturi, u b’hekk naqqsu b’mod sever il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha (ara t-Tabella 7). Madankollu, il-Kummissjoni qieset ukoll li, permezz ta’ dazji ad valorem fis-seħħ li jvarjaw minn 12 % sa 65,2 % skont il-livell ta’ dumping stabbilit, b’mod ġenerali, l-utenti se jkunu jistgħu jixtru l-melamina Ċiniża bi prezzijiet li jinkludu dazji li huma f’kundizzjonijiet ekwi mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-utenti jistgħu wkoll jfittxu sorsi ta’ provvista minn pajjiżi oħra barra mill-Unjoni, kif għamlu matul il-perjodu kkunsidrat (ara t-Tabella 4). |
|
(157) |
Wara d-divulgazzjoni, l-EPF alludiet għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni limitati fiċ-Ċina. Skont l-EPF, l-esportazzjonijiet taċ-Ċina lejn l-Unjoni laħqu l-ogħla livell fl-2022, li jfisser li mhux probabbli li jiżdiedu lil hinn mill-kwantità rreġistrata f’dik is-sena. |
|
(158) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-EPF naqset milli tipprovdi data sostanzjata dwar il-kapaċitajiet reali u ta’ riżerva fiċ-Ċina. Fi kwalunkwe każ, il-kwantità tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni fl-2022 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami diġà kienu ta’ detriment kbir għall-industrija tal-Unjoni, kif muri l-aħjar miċ-ċifri tal-profittabbiltà fit-Tabella 10. |
|
(159) |
Wara d-divulgazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn KRP, utent tal-melamina li rreġistra bħala parti interessata, iżda ma ppreżentax tweġiba għall-kwestjonarju. |
|
(160) |
KRP afferma li l-PMI żgura kompetizzjoni leali billi pprovda prezz minimu. Dan ippermetta lill-produtturi tal-Unjoni jiksbu profitti filwaqt li żgura li l-utenti jkollhom aċċess għal provvisti stabbli u affordabbli. Għalhekk, skont il-KRP, iż-żamma tal-PMI kienet fl-interess tal-Unjoni. KRP sostna wkoll li jekk il-miżura attwali tiġi sostitwita b’dazji ad valorem, dawn jiffaċċjaw kostijiet tal-melamina ħafna ogħla, li jwasslu għal żieda sinifikanti fil-kostijiet tal-produzzjoni. Dan inaqqas il-kompetittività tagħhom mhux biss fis-suq domestiku iżda wkoll fis-swieq internazzjonali, u b’hekk ipoġġi n-negozju tagħhom f’riskju. |
|
(161) |
KPR ma ssostanzja l-ebda waħda mill-affermazzjonijiet sottomessi, u għalhekk iż-żewġ affermazzjonijiet ġew miċħuda. |
|
(162) |
Mingħajr kooperazzjoni addizzjonali mill-utenti u l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-utenti ma ssirilhomx ħsara bla bżonn minn bidla fil-forma tal-miżuri. |
|
(163) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-bidla proposta fil-forma tal-miżuri jkollha impatt negattiv fuq l-utenti u/jew l-importaturi, li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri. |
3.5. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(164) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li turi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tinbidel il-forma tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw miċ-Ċina. |
|
(165) |
Kif ġie konkluż fil-premessa (134), l-industrija tal-Unjoni kienet qed issofri minn dannu materjali fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Konsegwentement, il-forma attwali tal-miżuri ma għadhiex adegwata biex tipproteġi lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi, li daħlu fis-suq tal-Unjoni b’volumi għoljin bla preċedent u bi prezzijiet imwaqqa’. |
4. MIŻURI ANTI-DUMPING
4.1. Rabta bejn id-dannu u ċ-ċirkostanzi mibdula
|
(166) |
Fid-dawl tal-bidliet ivvalutati fiċ-ċirkostanzi, il-forma preżenti tal-miżuri, li, fir-rigward ta’ aktar minn 80 % tal-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina matul il-PIR, tikkonsisti f’dazju bbażat fuq PMI ta’ EUR 1 153/tunnellata, jiġifieri ma ġie impost l-ebda dazju, u għall-bqija tal-importazzjonijiet irrappreżentat dazju fiss ta’ EUR 415/tunnellata, ma tistax tibqa’ tirrimedja d-dannu materjali stabbilit imġarrab mill-industrija tal-Unjoni u kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi. B’mod partikolari, il-PMI ma setax jirrimedja t-twaqqigħ tal-prezz sinifikanti (ara l-premessa (102)) u t-tnaqqis fil-prezzijiet li nstab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. |
|
(167) |
Iż-żewġ rieżamijiet ta’ skadenza preċedenti kkonkludew li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx għadha qed iġġarrab dannu fid-dawl tal-protezzjoni effiċjenti pprovduta mill-miżuri eżistenti (ara l-premessa (128) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171 u l-premessa (277) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1776). B’kuntrast ma’ dan, skont ir-rieżami interim parzjali attwali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri fil-forma attwali tagħhom ma kinux għadhom biżżejjed biex jiġġieldu d-dumping li qed jikkawża dannu. |
|
(168) |
Mill-2020, il-volatilità tal-prezzijiet tal-melamina żdiedet b’mod sinifikanti flimkien mal-volatilità tal-prezzijiet tal-gass, l-input ewlieni għall-produzzjoni tal-melamina. F’ċerti żminijiet, il-prezzijiet tal-melamina laħqu livelli għoljin bla preċedent, mhux osservati mill-inqas sa mill-investigazzjoni oriġinali. Wara li laħqu dawk il-livelli għoljin, il-prezzijiet waqgħu malajr fid-dawl taż-żieda drastika fil-volumi tal-importazzjoni bi prezzijiet aktar baxxi miċ-Ċina. Dan ġiegħel lill-industrija tal-Unjoni tbigħ bi prezzijiet ferm aktar baxxi mill-kost tagħha. |
|
(169) |
Għalhekk, il-forma tal-miżuri ma setgħetx tibqa’ tipprovdi l-protezzjoni kif għamlet fil-perjodi investigati fir-rieżamijiet ta’ skadenza preċedenti u li wrew li kienet biżżejjed biex tagħti kenn lill-industrija tal-Unjoni milli ġġarrab dannu. Il-produtturi Ċiniżi biegħu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni bi prezzijiet li fl-istess ħin waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni iżda li qabżu l-PMI applikabbli u għalhekk ma kinux soġġetti għal dazji anti-dumping. |
|
(170) |
Minn dan isegwi li ċ-ċirkostanzi mibdula kellhom l-effett li l-ħsara reġgħet feġġet u li għamlu l-forma tal-miżuri insuffiċjenti biex jipproteġu l-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet bi prezzijiet imwaqqa’. |
4.2. Bidla tal-forma tal-miżura
|
(171) |
Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u, b’mod partikolari, dawk dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, il-bidliet fiċ-ċirkostanzi meta mqabbla mal-investigazzjoni oriġinali u n-natura dejjiema ta’ dawn il-bidliet, u fuq l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li l-forma attwali tal-miżuri anti-dumping fuq il-melamina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ma għadhiex adegwata biex tneħħi d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. |
|
(172) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ ddaħħal id-dazji ad valorem għall-kumpaniji kollha. |
|
(173) |
Wara d-divulgazzjoni, SGE u KRP sostnew li d-dħul mill-ġdid ta’ dazji ad valorem stabbiliti aktar minn għaxar snin ilu kien inġust. Huma kienu tal-fehma li, ladarba kienu nbidlu ċ-ċirkostanzi li fihom ġie introdott oriġinarjament il-PMI, dawk l-istess ċirkostanzi oriġinali kienu ugwalment obsoleti għall-impożizzjoni tad-dazji ad valorem. Barra minn hekk, uħud mid-dazji ad valorem li kellhom jerġgħu jiddaħħlu ġew ikkalkulati abbażi tad-data mill-2009, u wieħed biss kien ibbażat fuq data mill-2022. Għalhekk, id-dħul mill-ġdid tad-dazji ad valorem kien inġust għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li r-rati tad-dazju tagħhom ġew ikkalkulati abbażi ta’ data fl-investigazzjoni oriġinali, li hija skaduta u mhux konformi mal-kundizzjonijiet attwali tas-suq. |
|
(174) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat l-affermazzjonijiet bħala infondati. Dazji ad valorem jikkostitwixxu l-forma standard ta’ miżura anti-dumping użata mill-Kummissjoni fl-impożizzjoni ta’ miżuri sussegwenti għal investigazzjoni. L-impożizzjoni ta’ forom oħra ta’ miżuri tipikament teħtieġ ġustifikazzjoni speċjali fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni rispettivi, li mhuwiex il-każ għall-impożizzjoni ta’ dazji ad valorem. F’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed raġunijiet li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-impożizzjoni eċċezzjonali ta’ dazji bbażati fuq prezzijiet minimi skont ir-regolament oriġinali ma għadhomx jeżistu. |
|
(175) |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni fakkret li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2653, li permezz tiegħu ġie attribwit dazju anti-dumping ad valorem ta’ 12 % lil Xinjiang, emenda l-miżuri eżistenti. Skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rieżami interim, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li tirrieżamina l-miżuri eżistenti kollha inkluż kwalunkwe emenda bħal dik li saret skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2653. Għalhekk, hija ma tistax tittratta l-miżura emendata imposta skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2653 b’mod differenti mill-miżuri oriġinali. |
|
(176) |
SGE u KRP proponew l-aġġustament tal-PMI minn EUR 1 153/tunnellata għal firxa minn 1 300 sa EUR 1 400/tunnellata, abbażi tal-aħħar data tal-prezz spot miġbura u ppubblikata mis-Servizzi Indipendenti tal-Intelligence tal-Komoditajiet (ICIS, Independent Commodity Intelligence Services (38)). Din il-firxa ta’ prezzijiet proposta hija derivata mill-prezz medju tal-melamina għall-perjodu minn Lulju 2024 sa Diċembru 2024, kif irrapportat mill-ICIS. F’seduta ta’ smigħ wara d-divulgazzjoni, SGE speċifikat li skont l-iskema proposta tal-PMI, il-prezzijiet jiġu aġġustati kontinwament abbażi tad-data msemmija tal-ICIS. F’dan il-kuntest, SGE qieset ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 (39) bħala preċedent rilevanti għal din l-investigazzjoni. |
|
(177) |
Il-Kummissjoni fakkret li dan ir-rieżami interim kien limitat għall-forma tal-miżuri. Madankollu, il-proposta magħmula minn SGE u KRP kienet tinvolvi emenda għal-livell tal-miżuri, b’mod partikolari minn livell ta’ PMI ta’ EUR 1 153/tunnellata għal mill-inqas EUR 1 300/tunnellata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset ir-referenza ta’ SGE għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/82 bħala żbaljata, peress li dak ir-Regolament mhux biss ittratta rieżami interim parzjali limitat għall-eżami tal-forma tal-miżuri (ara l-premessa (8), it-tielet inċiż ta’ dak ir-Regolament) iżda wkoll rieżami interim parzjali limitat għad-dannu (ara l-premessa (8), ir-raba’ inċiż ta’ dak ir-Regolament). Kif stabbilit fil-premessa (181) ta’ dak ir-Regolament, fil-qafas tar-rieżami interim parzjali limitat għad-dannu, il-Kummissjoni stabbiliet prezz ġdid mhux dannuż għall-industrija tal-Unjoni u fuq dik il-bażi PMI ġdid (peress li l-miżuri kienu bbażati fuq id-dannu). Peress li r-rieżami interim parzjali preżenti hija limitata għall-forma tal-miżuri, emenda għal-livell tal-miżuri mhijiex possibbli. Għalhekk, il-proposti ta’ SGE u KRP kellhom jiġu miċħuda. |
|
(178) |
Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali. Il-kumpaniji soġġetti għal rati ta’ dazju individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. |
|
(179) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri japplikaw ir-rati tad-dazju individwali, dan mhuwiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti dwar it-trasport fuq l-ilma, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rati tad-dazju individwali tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(180) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jew bidla fiċ-ċirkostanzi skont it-tifsira tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni jew investigazzjoni ta’ rieżami interim. Tali investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija tar-rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu. |
|
(181) |
Ir-rati tad-dazju individwali previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina miċ-Ċina u prodott mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. |
|
(182) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (40). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(183) |
Il-partijiet interessati kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li l-forma tal-miżuri tinbidel. Il-partijiet kollha ngħataw ukoll perjodu sabiex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din id-divulgazzjoni u sabiex jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ttieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq. |
|
(184) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat b’segwitu għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(185) |
Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ta opinjoni pożittiva, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2933 61 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Xinjiang Xinlianxin Energy Chemical Co., Ltd |
12,0 |
8 99B |
|
Sichuan Golden-Elephant Sincerity Chemical Co., Ltd |
44,9 |
A 986 |
|
Shandong Holitech Chemical Industry Co., Ltd |
47,6 |
A 987 |
|
Henan Junhua Development Company Ltd |
49,0 |
A 988 |
|
L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw miċ-Ċina |
65,2 |
A 999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta”. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
Artikolu 2
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 tal-10 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 124, 13.5.2011, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/457/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1171 tat-30 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 170, 1.7.2017, p. 62), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1171/oj.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1776 tal-15 ta’ Settembru 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-melamina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 228, 15.9.2023, p. 199, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1776/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2653 tas-27 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1776 li jimponi dazji anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 28.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2653/oj).
(6) LAT Nitrogen inħolqot bħala riżultat tal-akkwist minn AGROFERT tan-negozju ta’ Borealis tal-Fertilizzant, tan-Nitroġenu Tekniku u tal-Melamina fl-2023. Sors: Kumpanija (lat-nitrogen.com).
(7) Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ melamina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2023/1595, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1595/oj).
(8) https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2609.
(9) Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.
(10) Il-premessi (63) u (65) tar-Regolament oriġinali.
(11) Il-premessa (22) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2010 tal-15 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 298, 16.11.2010, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1035/oj).
(12) https://www.consilium.europa.eu/mt/infographics/eu-gas-supply/.
(13) https://www.statista.com/statistics/1021735/share-russian-gas-imports-eu/.
(14) Ara https://tradingeconomics.com/commodity/eu-natural-gas Il-Kummissjoni użat il-perjodu minn April sa Diċembru 2010 bħala punt ta’ referenza peress li huwa l-aktar wieħed bikri viżibbli fiċ-ċart disponibbli għall-pubbliku ta’ dak is-sit web.
(15) https://www.consilium.europa.eu/mt/infographics/eu-gas-supply/.
(16) https://tradingeconomics.com/commodity/eu-natural-gas.
(17) Firxa mogħtija għall-protezzjoni tad-data soġġetta għad-drittijiet tal-awtur.
(18) https://tradingeconomics.com/commodity/eu-natural-gas.
(19) Ara t-tabella 7(b) tar-Regolament (UE) Nru 1035/2010.
(20) Ara t-tabella 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1171.
(21) Ara t-tabella 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1776.
(22) t24.001030, paġna 9, paragrafi 22 u 23.
(23) Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/956/oj).
(24) Qed tingħata firxa usa’ biex tiġi protetta data sensittiva.
(25) Il-premessi (62) sa (67) tar-Regolament oriġinali.
(26) t24.001039, paragrafu 10.
(27) Ara n-nota 25 f’qiegħ il-paġna.
(28) Medja tal-ewwel jiem ta’ negozjar ta’ kull xahar bejn Jannar u Ġunju 2024.
(29) Financial Times, id-29 ta’ April 2024, https://www.ft.com/content/16031b21-cb2f-40c7-a77d-1ac061196264.
(30) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2022) 360 final tal-20.7.2022.
(31) https://economy-finance.ec.europa.eu/document/download/3b537fad-ad74-419f-8b54-d73553ca7f7f_en?filename=AF2024%20PPT_final.pdf.
(32) https://www.ice.com/products/27996665/Dutch-TTF-Natural-Gas-Futures/data?marketId=5786628&span=1, il-prezzijiet ġew iċċekkjati fit-8 ta’ Jannar 2025.
(33) t24.009914.
(34) https://mcgroup.co.uk/news/20230426/melamine-market-challenges-dynamics.html.
(35) BASF Sells Ammonia, Methanol and Melamine Plants - ChemistryViews.
(36) Fir-rigward tad-dazju anti-dumping miżjud, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-miżuri kienu jikkonsistu fi prezzijiet minimi ta’ importazzjoni għal tliet produtturi esportaturi u dazju speċifiku fiss għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha. L-importazzjonijiet mit-tliet partijiet bi prezzijiet minimi tal-importazzjoni kienu, jekk ogħla mill-prezz minimu, ħielsa mid-dazju anti-dumping filwaqt li d-dazji anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet minn dawn il-partijiet taħt il-prezzijiet minimi tal-importazzjoni kienu jvarjaw skont il-valur nett tal-fattura qabel l-importazzjoni. Kien hemm ukoll importazzjonijiet minn produtturi esportaturi oħrajn li għalihom kien applikat id-dazju speċifiku residwu ta’ EUR 415 għal kull tunnellata. Fid-dawl ta’ din l-istampa mħallta, l-ammont ta’ dazji anti-dumping miżjud kien ibbażat fuq id-data tal-importazzjonijiet tal-melamina rrapportata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku, minħabba li dak is-sett tad-data kien jinkludi l-ammonti mħallsa.
(37) t24.007253.
(38) Skont SGE, ICIS hija fornitur indipendenti ta’ informazzjoni globali dwar is-suq tal-komoditajiet. ICIS tintuża ħafna fl-industrija globali tal-melamina u tirrifletti l-istampa sħiħa tas-suq tal-melamina f’ħin reali, inkluż ix-xejriet tal-prezzijiet, ix-xejriet tal-merkanzija, eċċ. Is-sit web tal-ICIS: https://www.icis.com.
(39) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta’ Jannar 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u ta’ rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/82/oj).
(40) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Rue de la Loi 170/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
(41) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/325/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)