SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża jew li tintroduċi projbizzjoni li jiġu offruti logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni u li tintroduċi projbizzjoni ta’ reklamar ta’ logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni”
Fil-Kawża C‑255/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2016, fil-proċeduri kriminali kontra
Bent Falbert,
Poul Madsen,
JP/Politikens Hus A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal P. Madsen u B. Falbert kif ukoll għal JP/Politikens Hus A/S, minn S. MacMahon Baldwin u M. Dittmer, advokater, |
|
– |
għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, M. N. Lyshøj, C. Thorning u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn L. Liţu u R. H. Radu, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, Y. Marinova, L. Grønfeldt, U. Nielsen u G. Braga da Cruz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1, 2, 5 u 11 tal-Artikolu 1, u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Bent Falbert, Poul Madsen kif ukoll JP/Politikens Hus A/S, li ġew akkużati li ppubblikaw reklami għal servizzi ta’ logħob online offrut mingħajr awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, fil-gazzetta Daniża Ekstra Bladet, kif ukoll fuq is-siti internet ta’ dan il-gazzetta. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:
Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:
Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V. […]
[…]
[…]” |
|
4 |
Din id-direttiva tipprevedi, fl-Artikolu 8(1) tagħha: “Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.” |
Id-dritt Daniż
|
5 |
L-Artikolu 10 tal-lov om visse spil, lotterier og væddemål (il-Liġi dwar il-logħob, lotteriji u mħatri, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-logħob”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali skont il-lov nr. 204 om ændring af lov om visse spil, lotterier og væddemål og andre love og om ophævelse af lov om væddemål i forbindelse med heste og hundevæddeløb (il-Liġi Nru 204 li temenda l-Liġi dwar il-logħob, lotteriji u mħatri kif ukoll liġijiet oħrajn u li tħassar il-Liġi dwar l-imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel u tal-klieb), tas‑26 ta’ Marzu 2003 (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ emenda tal‑2003”), huwa fformulat kif ġej: “1. Multa jew priġunerija sa mhux iktar minn sitt xhur għandha tiġi imposta fuq kull min, volontarjament jew minħabba negliġenza kbira,
[…] 3. Għandha tiġi imposta multa fuq kull min, volontarjament jew minħabba negliġenza kbira, […]
|
|
6 |
Skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-logħob, il-Ministru għat-Taxxa huwa awtorizzat jagħti awtorizzazzjoni għal logħob, lotteriji u mħatri li tista’ tingħata biss, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, lil kumpannija waħda biss. |
|
7 |
Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-liġi li wasslet għall-adozzjoni tal-Liġi ta’ emenda tal‑2003, l-għanijiet tal-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob ġew espressi b’dan il-mod: “Huwa propost li jiġi pprojbit ir-reklamar ta’ logħob, lotteriji u imħatri, li ma humiex awtorizzati bil-liġi. Din l-emenda tikkorrispondi għall-projbizzjoni li fil-preżent tidher fl-Artikolu 12(3) tal-Liġi dwar l-imħatri fuq tiġrijiet taż-żwiemel iżda hija kjarifika tal-Artikolu 10(4) tal-Liġi dwar l-imħatri u l-lotteriji. Din il-projbizzjoni għandha l-għan li tipproteġi operaturi ta’ logħob liċenzjat minn awtoritajiet Daniżi kontra kompetizzjoni minn impriżi li ma għandhomx din il-liċenzja u li, legalment, ma jistgħux jikkummerċjalizzaw logħob jew jiddistribwixxu logħob fid-Danimarka. Għall-finijet ta’ dan il-Liġi, reklamar għandu jfisser il-forom kollha ta’ tħabbira jew komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-offerta kummerċjali ta’ operaturi tal-logħob. Madankollu, din il-projbizzjoni ma tapplikax għal referenzi editorjali f’midja stampata jew diġitali. Din il-projbizzjoni tapplika irrispettivament mill-midja użata. Għalhekk, reklamar huwa pprojbit bl-istess mod kif inhu fil-midja stampata, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni u fuq midja diġitali, u fil-forma ta’ banners, pereżempju. Ir-reklamar tal-attivitajiet ta’ operaturi tal-logħob, b’mod partikolari tal-websajts tagħhom, indirizzi, eċċ., huwa wkoll ipprojbit fl-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 10(3).” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
8 |
B. Falbert u P. Madsen huma, rispettivament, l-edituri prinċipali passati u preżenti tal-gazzetta Daniża Ekstra Bladet, li s-sid tagħha hija l-kumpannija JP/Politikens Hus. |
|
9 |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju talli kisru, b’mod partikolari, il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, talli ppubblikaw reklami fil-gazzetta Ekstra Bladet kif ukoll fis-siti internet ta’ din il-gazzetta, bħal www.ekstrabladet.dk u “www.ekstrabladet.tv”, għall-kumpanniji ta’ mħatri li joffru logħob u mħatri fid-Danimarka mingħajr ma kisbu awtorizzazzjoni għalihom. |
|
10 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Liġi ta’ emenda għandhiex tiġi kklassifikata bħala “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34 u jekk, għaldaqstant, kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. |
|
11 |
Skont dik il-qorti, għandu jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, bħalma l-konvenuti fil-kawża prinċipali jargumentaw quddiemha, jekk il-Liġi ta’ emenda hijiex “regola dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, sa fejn din hija speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika. |
|
12 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ emenda, kienet biss l-organizzazzjoni tal-logħob fid-Danimarka minn operaturi barranin permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni fiżiċi li kienet ipprojbita, u li din il-liġi kellha l-għan, bħalma jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha, li testendi l-projbizzjoni tal-organizzazzjoni, minn operaturi barranin, tal-logħob fid-Danimarka għal-logħob offrut permezz tal-internet. |
|
13 |
Peress li l-Liġi ta’ emenda kienet intiża li testendi l-projbizzjoni eżistenti qabel għal servizzi ġodda, bħal-logħob online, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-liġi ma tirrigwardax, b’mod sempliċement “impliċitu jew aċċidentali”, l-offerti ta’ logħob online u r-reklamar korrispondenti. Għall-kuntrarju, hija leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-aċċess għal servizzi ġodda tas-soċjetà tal-informazzjoni li d-Direttiva 98/34 teżiġi, bħalma jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħha, in-notifika tagħha lill-Kummissjoni. Il-fatt li, minħabba l-Liġi ta’ emenda, id-distribuzzjoni ta’ logħob kienet ipprojbita, kemm jekk offrut online jew le, ma għandux rilevanza. |
|
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Københavns byret (il-Qorti Muniċipali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss: “Din il-kawża tinvolvi regola suġġetta għal obbligu ta’ notifika b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1), (2), (5) u (11) tad-[Direttiva 98/34], f’sitwazzjoni bħal dik segwenti:
|
Fuq id-domanda preliminari
|
15 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, kif ukoll fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji u tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati. |
|
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjonijiet nazzjonali li kulma jagħmlu huwa li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal awtorizzazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 76, u tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 26). |
|
17 |
F’dan il-każ, għandu jitqies, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 1 tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-logħob, sa fejn din tissanzjona l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, għandha tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din l-attività għal awtorizzazzjoni minn qabel” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. |
|
18 |
Konsegwentement, tali dispożizzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ “regolament tekniku” imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. |
|
19 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona r-reklamar ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, jikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, suġġett għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, minkejja li teżisti rabta mill-qrib bejn il-punt (1) tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona l-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, u l-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, sa fejn din id-dispożizzjoni tissanzjona attivitajiet ta’ reklamar għal tali logħob mhux awtorizzat, ma jsegwix madankollu li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal awtorizzazzjoni minn qabel” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet għandhom, minkejja l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejniethom, funzjonijiet u kampijiet ta’ applikazzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 28). |
|
20 |
Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax jekk il-Liġi ta’ emenda, li permezz tagħha ddaħħal il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, li jissanzjona r-reklamar ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mhux awtorizzat, emendatx ir-regoli preċedenti dwar il-logħob, b’mod partikolari billi wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal-logħob online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, jew, għall-kuntrarju, jekk hija sempliċement tippreċiżax jew tikkjarifikax l-imsemmija regoli preċedenti. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ logħob mhux awtorizzat, kif previst fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-ażżard online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, kinitx diġà prevista mir-regoli preċedenti dwar il-logħob, b’mod illi l-Liġi ta’ emenda hija limitata li tikkjarifika din il-projbizzjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija projbizzjoni ddaħħlitx fil-Liġi dwar il-logħob mil-Liġi ta’ emenda, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt nazzjonali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 83). |
|
22 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li huwa biss fis-sitwazzjoni li l-Liġi ta’ emenda daħħlet, fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, il-projbizzjoni tar-reklamar għal logħob mhux awtorizzat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-logħob tal-ażżard online offrut minn operaturi barranin ta’ logħob, li l-abbozz ta’ liġi li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi ta’ emenda kellu jkun suġġett għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. |
|
23 |
Fil-fatt, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tiġi meqjusa bħala regolament tekniku li għandu jiġi nnotifikat skont id-Direttiva 98/34, hija għandha ma tillimatx ruħha li tirriproduċi jew tissostitwixxi, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħrajn ġodda jew supplimentari, regolamenti tekniċi eżistenti debitament innotifikati lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Lindberg, C‑267/03, EU:C:2005:246, punt 85). |
|
24 |
Fil-każ li l-Liġi ta’ emenda daħħlet, fil-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, il-projbizzjoni tar-reklamar ta’ logħob mhux awtorizzat, b’mod partikolari billi estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal-logħob online offrut minn operaturi barranin, hemm lok jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix “regolament tekniku” fis-sens tad-Direttiva 98/34. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” ikopri erba’ kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, l-“ispeċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, it-tieni nett, il-“ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fil-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tielet nett, ir-“regola dwar is-servizzi”, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva u, ir-raba’ nett, il-“liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri […] li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 70, u tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 18). |
|
26 |
F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jistax jiġi kklassifikat bħala “regolament tekniku” minħabba li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “regoli dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. |
|
27 |
Hemm lok jitfakkar li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din il-kategorija ta’ “regolament tekniku” tkopri unikament ir-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika, jiġifieri kull servizz ipprovdut b’mezz elettroniku u fuq talba individwali ta’ destinatarju tas-servizzi (sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 21, kif ukoll tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 28). |
|
28 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jirrigwarda, bħala prinċipju, żewġ tipi ta’ servizzi, jiġifieri, minn naħa, is-servizzi ta’ reklamar, li huma s-suġġett immedjat tas-sanzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ logħob li l-projbizzjoni ta’ reklamar tagħmel riferiment għalihom u li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali tal-Liġi dwar il-logħob, meħuda fit-totalità tagħha. |
|
29 |
Issa, kemm is-servizzi ta’ reklamar kif ukoll is-servizzi ta’ logħob, sa fejn dawn jiġu pprovduti, b’mod partikolari, b’mezz elettroniku (online), jikkostitwixxu “servizzi tas-Soċjeta ta’ l-Informatika” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u, għaldaqstant, ir-regoli relatati magħhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala “regoli dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. |
|
30 |
Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi”, regola għandha, konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tkun “speċifikament” immirata lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika. |
|
31 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob jistax jitqies li huwa “speċifikament” immirat lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika filwaqt li, b’mod partikolari, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ssemmix b’mod espliċitu s-servizzi tas-soċjetà tal-informatika u ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-servizzi mhux pprovduti online u s-servizzi pprovduti online. Dik il-qorti tindika, madankollu, li mix-xogħol preparatorju tal-Liġi ta’ emenda donnu jsegwi li dik il-liġi kienet intiża, b’mod partikolari, li twessa’ l-imsemmija dispożizzjoni għas-servizzi online. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-kwistjoni dwar jekk regola hijiex immirata speċifikament lejn servizzi tas-soċjetà tal-informatika għandha, skont l-ewwel inċiż tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tiġi ddeterminata fid-dawl kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tat-test tad-dispożittiv ta’ din ir-regola. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li r-regola inkwistjoni jkollha fit-totalità tagħha “il-mira speċifika u l-għan” li tirregola servizzi tas-soċjetà tal-informatika, peress li huwa biżżejjed li din ir-regola tfittex din il-mira jew dan l-għan f’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha. |
|
33 |
Konsegwentement, għalkemm ma jirriżultax mill-formulazzjoni nfisha ta’ regola nazzjonali li hija intiża, għall-inqas parzjalment, li tirregola speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika – pereżempju sa fejn il-formulazzjoni tar-regola ma tistabbilixxi, bħal f’dan il-każ, ebda distinzjoni bejn servizzi mhux ipprovduti online u servizzi pprovduti online –, dan l-għan jista’ madankollu jirriżulta ċarament mill-motivazzjoni ta’ din ir-regola, kif tirriżulta, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni nazzjonali rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari mix-xogħol preparatorju tal-imsemmija regola. |
|
34 |
It-tieni nett, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 98/48, li emendat id-Direttiva 98/34, isegwi li din għandha l-għan li tadatta leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti għas-servizzi ġodda tas-soċjetà tal-informatika u li tevita r-“restrizzjonijiet għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, li b’hekk iwasslu għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern”. |
|
35 |
Issa, imur kontra dan l-għan li tiġi eskluża regola li għandha, skont ix-xogħol preparatorju tagħha, ċarament il-mira u l-għan li testendi regola eżistenza għal servizzi tas-soċjetà tal-informatika, mill-klassifikazzjoni ta’ regoli mmirati speċifikament għal tali servizzi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, għar-raġuni unika li d-dispożittiv tagħha ma jagħmilx riferiment espress għal dawn is-servizzi iżda jinkorporahom taħt kunċett ta’ servizzi iktar wiesa’, li jkopri kemm servizzi pprovduti online kif ukoll servizzi mhux ipprovduti online. |
|
36 |
Għaldaqstant, dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tal-Artikolu 10(3) tal-Liġi dwar il-logħob, tikkostitwixxi regolament tekniku li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tagħha, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. |
|
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji jew tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati, tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. |
Fuq l-ispejjeż
|
38 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji jew tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati, tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.