Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑533/24
Vermilion Energy Ireland Ltd,
Vermilion Exploration and Production Ireland Ltd,
Vermilion Energy Corrib Ireland Ltd
vs
The Minister for the Environment, Climate and Communications,
Ireland,
The Attorney General
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Validità tal-Kapitolu III adottat abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE – Artikoli 14 u 15 – Kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu III – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità”
I. Introduzzjoni
1. Ir-Regolament (UE) 2022/1854 (2) stabbilixxa intervent ta’ emerġenza intiż sabiex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-gwerra fl-Ukraina permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien. Adottat abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE, dan ir-regolament kien jipprevedi, fl-Artikolu 14 tiegħu, l-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà applikabbli għal ċerti impriżi tas-settur tal-enerġija, sakemm l-Istati Membri ma jkunux adottaw “miżuri nazzjonali ekwivalenti”.
2. F’dan il-kuntest, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), adita b’tilwima bejn kumpanniji li jeżerċitaw attività ta’ żvilupp u ta’ produzzjoni tal-gass fl-Irlanda u l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità ta’ dan il-kapitolu u dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-premessi 54 u 55 ta’ dan ir-regolament.
3. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jkompli sensiela ta’ kawżi reċenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (3), fosthom il-kawżi Acea Produzione et (C‑153/25) kif ukoll Varo Energy Belgium et (C‑358/24), li l-konklużjonijiet tiegħi fihom ukoll qegħdin jiġu ppreżentati llum (4), joffri lil din tal-aħħar l-opportunità li tippreċiża iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament 2022/1854, ikkonċepit bħala strument eċċezzjonali u temporanju f’kuntest ta’ kriżi tal-enerġija mingħajr preċedent, u, b’mod partikolari, li tiddeċiedi, minn naħa, dwar il-validità tal-Kapitolu III tiegħu fid-dawl tal-bażi legali li fuqha ġie adottat, jiġifieri l-Artikolu 122(1) TFUE, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji u artikoli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. Skont il-premessi 6, 7, 9, 13, 14, 50, 51, 54, 55, 57, 64 u 65 tar-Regolament 2022/1854:
“(6) Għalhekk huwa meħtieġ rispons rapidu u kkoordinat fil-livell tal-Unjoni. L-istabbiliment ta’ intervent ta’ emerġenza jippermetti mitigazzjoni temporanja tar-riskju li l-prezzijiet tal-elettriku u l-kost tal-elettriku għall-klijenti finali jilħqu livelli saħansitra inqas sostenibbli u li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati, li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-Unjoni u jpoġġu piż addizzjonali fuq l-industrija u l-konsumaturi tal-Unjoni. Fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ sforz ikkoordinat mill-Istati Membri matul l-istaġun tax-xitwa 2022-23 biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jiġi żgurat li l-kriżi attwali ma twassalx għal ħsara dejjiema għall-konsumaturi u għall-ekonomija, filwaqt li tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
(7) L-interruzzjonijiet attwali ta’ provvisti tal-gass, id-disponibbiltà mnaqqsa ta’ ċerti impjanti li jiġġeneraw l-enerġija, u l-impatti li jirriżultaw minnha fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku, jikkostitwixxu diffikultà serja fil-provvista ta’ prodotti tal-enerġija tal-gass u tal-elettriku skont it-tifsira tal-Artikolu 122(1) [TFUE]. […]
[…]
(9) Rispons konġunt u kkoordinat tajjeb fl-Unjoni kollha huwa meħtieġ biex tiġi indirizzata ż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-elettriku u l-impatt tagħhom fuq l-unitajiet domestiċi u l-industrija. Miżuri nazzjonali mhux ikkoordinati jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista u jwasslu għal aktar żidiet fil-prezzijiet fl-aktar Stati Membri milquta mill-kriżi. Għalhekk, is-salvagwardja tal-integrità tas-suq intern tal-elettriku hija kruċjali biex tiġi ppreservata u tissaħħaħ is-solidarjetà neċessarja bejn l-Istati Membri.
[…]
(13) Jidher xieraq fis-sitwazzjoni attwali li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tiġi introdotta kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għall-kumpanniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji sabiex jittaffew l-effetti ekonomiċi diretti tal-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew għall-baġits tal-awtoritajiet pubbliċi, il-klijenti finali u l-kumpaniji madwar l-Unjoni. Tali kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li tkun eċċezzjonali u strettament temporanja.
(14) Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà hija mezz xieraq biex jiġi indirizzat is-surplus tal-profitti, f’każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti. Dawk il-profitti ma jikkorrispondux għal xi profitt regolari li kumpanniji jew stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji kienu jew setgħu jistennew li jiksbu f’ċirkostanzi normali, kieku ma seħħewx l-avvenimenti imprevedibbli fis-swieq tal-enerġija. […]
[…]
(50) Mingħajr ma biddlu b’mod sostanzjali l-istruttura tal-kost tagħhom u mingħajr ma żiedu l-investimenti tagħhom, il-kumpaniji tal-Unjoni u l-istabbilimenti permanenti li jiġġeneraw mill-inqas 75 % tal-fatturat b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, kellhom żidiet fil-profitti tagħhom minħabba ċ-ċirkostanzi għal għarrieda u imprevedibbli […]
(51) Il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà jenħtieġ li taġixxi bħala miżura ta’ distribuzzjoni mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-kumpaniji kkonċernati li jkunu kisbu surplus tal-profitt bħala riżultat taċ-ċirkostanzi mhux mistennija, jikkontribwixxu b’mod proporzjonat għat-titjib tal-kriżi tal-enerġija fis-suq intern.
[…]
(54) Dan l-approċċ ikun jiżgura li parti mill-marġni ta’ profitt, li mhijiex dovuta għall-iżviluppi imprevedibbli fis-swieq tal-enerġija wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, tkun tista’ tintuża mill-kumpaniji u mill-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni kkonċernati għal investiment futur jew biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tagħhom matul il-kriżi tal-enerġija li għaddejja attwalment inkluż għall-industrija intensiva fl-użu tal-enerġija. Dan l-approċċ għad-determinazzjoni tal-bażi tal-kalkolu jkun jiżgura li l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà fi Stati Membri differenti tkun proporzjonata. Fl-istess ħin, l-iffissar ta’ rata minima jenħtieġ li jiżgura li l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà tkun ġusta kif ukoll proporzjonata. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu ħielsa li japplikaw rata ogħla minn 33 % għall-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà tagħhom. B’hekk dawn l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu r-rata ppreferuta tagħhom li jqisu aċċettabbli u xierqa skont is-sistemi legali nazzjonali tagħhom.
(55) Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà prevista minn dan ir-Regolament u jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti għall-aġġustamenti neċessarji fil-liġi nazzjonali, b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-ġbir f’waqtu tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, inkluż abbażi tad-dħul nett li fil-konfront tiegħu tista’ tiġi kkumpensata l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, biex tkopri d-deduċibbiltà jew in-nuqqas ta’ deduċibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, jew biex tkopri t-trattament tat-telf fis-snin fiskali preċedenti […]
(57) L-użu tar-rikavati għal dawk l-iskopijiet jirrifletti n-natura eċċezzjonali u temporanja tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà bħala miżura maħsuba biex tnaqqas u ttaffi l-effetti dannużi tal-kriżi tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji madwar l-Unjoni bl-objettiv li tipproteġi s-suq intern u tipprevjeni r-riskju ta’ aktar frammentazzjoni. [...] Sabiex jiġi massimizzat l-impatt ta[l-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà], l-użu tar-rikavati tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li jsir b’mod ikkoordinat u/jew permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni fi spirtu ta’ solidarjetà.
[…]
(64) […] L-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà għas-sena fiskali sħiħa jenħtieġ li tippermetti l-użu tal-profitti eċċessivi għall-perjodu rilevanti, fl-interess pubbliku li jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi tal-enerġija, filwaqt li titħalla parti xierqa tal-profitti għall-kumpaniji kkonċernati.
(65) Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà jenħtieġ li tapplika biss għas-sena fiskali 2022 u/jew 2023. […]”
5. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jiddikjara:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi intervent ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien. Dawk il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku, […] li jistabbilixxu regoli għal kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà obbligatorja minn kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji biex jikkontribwixxu għall-affordabbiltà tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji.”
6. L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jippreċiża, fil-punti 17 sa 19 u 21 tiegħu:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, […] japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(17) ‘Kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, fis-setturi tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji’ tfisser kumpaniji jew stabbilimenti permanenti tal-Unjoni li jiġġeneraw mill-inqas 75 % tal-fatturat tagħhom mill-attivitajiet ekonomiċi fil-qasam tal-estrazzjoni, tal-minjieri, tar-raffinar taż-żejt jew tal-manifattura ta’ prodotti tal-forn tal-kokk, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 [(5)];
(18) ‘surplus tal-profitti’ tfisser profitti taxxabbli, kif determinati skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali fis-sena fiskali 2022 u/jew is-sena fiskali 2023 u għad-durata sħiħa tagħhom, akkumulati minn attivitajiet imwettqa fil-livell ta’ kumpaniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji li huma aktar minn 20 % żieda tal-medja tal-profitti taxxabbli fl-erba’ snin fiskali li jibdew fl‑1 ta’ Jannar 2018 jew wara;
(19) ‘kontribuzzjoni ta’ solidarjetà’ tfisser miżura temporanja maħsuba biex tindirizza s-surplus tal-profitti ta’ kumpaniji u ta’ stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji biex jittaffew l-iżviluppi eċċezzjonali tal-prezzijiet fis-swieq tal-enerġija għall-Istati Membri, għall-konsumaturi u għall-kumpaniji;
[…]
(21) ‘miżura nazzjonali ekwivalenti promulgata’ tfisser miżura leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva adottata u ppubblikata minn Stat Membru sal‑31 ta’ Diċembru 2022 li tikkontribwixxi għall-affordabbiltà tal-enerġija.”
7. Il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Miżura li tikkonċerna s-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji”, kien jinkludi l-Artikoli 14 sa 18. Konformement mal-Artikolu 14 tiegħu, intitolat “Sostenn lill-klijenti tal-enerġija finali permezz ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà”:
“1. Is-surplus tal-profitti ġġenerati minn kumpanniji u stabbilimenti permanenti tal-Unjoni b’attivitajiet fis-settur tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji għandu jkun soġġett għal kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà, dment li l-Istati Membri ma jkunux ippromulgaw miżuri nazzjonali ekwivalenti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri nazzjonali ekwivalenti promulgati jikkondividu objettivi simili u huma soġġetti għal regoli simili bħall-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà skont dan ir-Regolament u jiġġeneraw rikavati komparabbli jew ogħla mir-rikavati stmati mill-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà.
3. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw miżuri li jimplimentaw il-kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà msemmija fil-paragrafu 1 sal‑31 ta’ Diċembru 2022.”
8. L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà”, kien jipprevedi:
“Il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għall-kumpaniji u l-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni, b’attivitajiet fil-qasam tas-setturi tal-petroleum grezz, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, inkluż dawk li jagħmlu parti minn grupp konsolidat għal finijiet fiskali biss, għandha tiġi kkalkulata fuq il-profitti taxxabbli, kif determinati skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, fis-sena fiskali 2022 u/jew is-sena fiskali 2023 u għad-durata sħiħa tagħhom, li huma iżjed minn żieda ta’ 20 % tal-profitti taxxabbli medji, kif determinat skont ir-regoli tat-taxxa nazzjonali, fl-erba’ snin fiskali li jibdew fl‑1 ta’ Jannar 2018 jew wara. Jekk il-medja tal-profitti taxxabbli f’dawk l-erba’ snin fiskali tkun negattiva, il-profitti taxxabbli medji għandhom ikunu żero għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.”
9. L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rata għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà”, kien ifformulat kif ġej:
“1. Ir-rata applikabbli għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tkun mill-inqas 33 % tal-bażi msemmija fl-Artikolu 15.
2. Il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tapplika flimkien mat-taxxi u l-imposti regolari applikabbli skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru.”
10. L-Artikolu 17 tal-istess regolament, intitolat “Użu tar-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà”, kien jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà b’impatt opportun biżżejjed għal kwalunkwe skop minn dawn li ġejjin:
a) għal miżuri ta’ sostenn finanzjarju għall-klijenti tal-enerġija finali, u b’mod partikolari lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, sabiex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, b’mod immirat;
[…]
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli.”
11. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Natura temporanja tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà”:
“Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà applikata mill-Istati Membri f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun ta’ natura temporanja. Għandha tapplika biss għas-surplus tal-profitti ġġenerati fis-snin fiskali msemmija fl-Artikolu 15.”
12. L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, kien redatt kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li tiġi żgurata d-distribuzzjoni tas-surplus tad-dħul f’konformità mal-Artikolu 10, u li jintużaw ir-rikavati mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà f’konformità mal-Artikolu 17, u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ rapportar imsemmi fl-Artikolu 20(2), dan ir-Regolament għandu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2023 […]”
B. Id-dritt Irlandiż
13. L-Energy (Windfall Gains in the Energy Sector) (Temporary Solidarity Contribution) Act 2023 (il-Liġi tal‑2023 dwar l-Enerġija (Qligħ Eċċezzjonali fis-Settur tal-Enerġija) (Kontribuzzjoni Temporanja ta’ Solidarjetà)), tat‑2 ta’ Awwissu 2023 (6), applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2023”), implimentat, fl-ordinament ġuridiku Irlandiż, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista mir-Regolament 2022/1854.
14. L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi kien jiddefinixxi l-“perijodu taxxabbli” bħala l-perijodu ta’ 12‑il xahar “li jibda fl‑1 ta’ Jannar ta’ kull waħda mis-snin 2022 u 2023”.
15. Bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, ir-rata tal-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà ġiet iffissata għal 75 % tal-profitti taxxabbli li jaqbżu 120 % tal-medja tal-profitti taxxabbli għas-snin ta’ riferiment.
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (7) huma kumpanniji rregolati mid-dritt privat li jeżerċitaw attività ta’ żvilupp u ta’ produzzjoni tal-gass fl-Irlanda. Dawn il-kumpanniji jisfruttaw il-kamp tal-gass ta’ Corrib, li jinsab lil hinn mill-kosta tal-punent tal-Irlanda, li allegatament huwa attwalment l-uniku sors ta’ gass sfruttat f’dan l-Istat Membru u li allegatament kopra madwar 25 % tal-ħtiġijiet tal-gass tiegħu għas-sena 2022.
17. Permezz tal-Liġi tal‑2023, l-Irlanda implimentat id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854 billi introduċiet kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq il-profitti tas-settur tal-enerġija għas-snin fiskali 2022 u 2023. Din il-kontribuzzjoni kienet tammonta għal 75 % tal-parti tal-profitti li taqbeż 120 % tal-medja tal-profitti taxxabbli magħmula matul il-perijodu ta’ riferiment 2018‑2021.
18. Insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li l-Artikolu 122(1) TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali valida għall-adozzjoni tal-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament 2022/1854, li jikkostitwixxu l-Kapitolu III tiegħu. Huma jallegaw ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità kif ukoll il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ggarantiti mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Għaldaqstant, huma jitolbu li tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ dan il-kapitolu u, konsegwentement, dik tal-Liġi tal‑2023 li tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu.
19. Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonkludix li l-imsemmi kapitolu huwa invalidu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li madankollu l-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata li l-Liġi tal‑2023 tikser, fi kwalunkwe każ, il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
20. Għall-kuntrarju, il-konvenuti fil-kawża prinċipali (8) jsostnu li l-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament 2022/1854, li jikkostitwixxu l-Kapitolu III tiegħu, kif ukoll il-Liġi tal‑2023 li tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu, huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.
21. F’tali ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dwar jekk l-adozzjoni tiegħu setgħetx validament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 122(1) TFUE u jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu humiex konformi mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ proporzjonalità kif ukoll mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Din il-qorti tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-konformità tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita mil-Liġi tal‑2023 ma’ dawn l-istess prinċipji u artikoli.
22. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 122 TFUE jikkostitwixxi bażi legali valida sabiex jiġi [adottat] il-Kapitolu III tar-Regolament [2022/1854]? Jekk dan ma jkunx il-każ, [dan] il-Kapitolu III huwa invalidu minħabba l-fatt li [dan ir-regolament] ġie adottat:
a) fuq bażi legali invalida u/jew
b) b’mod mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 122 TFUE u/jew
c) bi ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi previst mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u/jew
d) bi ksur tar-rekwiżit ta’ vot unanimu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-adozzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw it-tassazzjoni diretta jew miżuri fiskali?
2) Il-Kapitolu III tar-Regolament [2022/1854], u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu, sa fejn dan jipprevedi li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tapplika għas-sena fiskali 2022 u/jew is-sena fiskali 2023, jikser il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u/jew ta’ nonretroattività u/jew [ukoll] il-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li [dan il-Kapitolu III] huwa invalidu u/jew b’mod partikolari l-Artikoli 14 u/jew 15 tiegħu?
3) Il-Kapitolu III tar-Regolament [2022/1854], u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u/jew 15 tiegħu, fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, huwa invalidu għar-raġuni li jinterferixxi mad-drittijiet tar-rikorrenti ggarantiti mill-Artikoli 16 u/jew 17 tal-[Karta]?
4) Meta qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-[Liġi tal‑2023] mal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u/jew non-retroattività tad-dritt tal-Unjoni minħabba li [timponi] kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-snin 2022 u 2023 b’riferiment għad-definizzjoni tal-‘perijodu taxxabbli’ (iddefinit fl-Artikolu 2 tal-[Liġi tal‑2023] bħala ‘il-perijodu ta’ 12‑il xahar li jibda fl‑1 ta’ Jannar, 2022 u 2023 rispettivament’), liema huma l-fatturi rilevanti fl-evalwazzjoni tal-validità tal-[Liġi tal‑2023] fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq, u x’inhi r-rilevanza (jekk ikun il-każ) tal-fatturi li ġejjin (filwaqt li jiġi osservat li l-fatti għad iridu jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju):
a) il-fatt li r-Regolament [2022/1854] ġie ppubblikat fis‑7 ta’ Ottubru 2022 u daħal fis-seħħ l-għada,
b) il-fatt li fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [2022/1854], is-sena 2022 kienet għadha ma spiċċatx u s-sena 2023 kienet għadha ma bdietx,
c) il-fatt li xi wħud (iżda mhux kollha) mill-operazzjonijiet li ġġeneraw profitti għar-rikorrenti fl‑2022 tlestew meta [dan ir-regolament] daħal fis-seħħ,
d) il-fatt li r-Regolament [2022/1854] jeżiġi li l-Istati Membri jintroduċu kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà jew miżuri ekwivalenti għas-snin 2022 u/jew 2023,
e) il-fatt li l-[Liġi tal‑2023] [ġiet adottata] fis‑17 ta’ Lulju 2023 u [ilha tapplika] mit‑2 ta’ Awwissu 2023,
f) il-fatt li l-[Liġi tal‑2023] [timponi] biss responsabbiltà ċivili,
g) il-fatt li l-Irlanda għandha obbligi ċari taħt ir-Regolament [2022/1854],
h) il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Irlanda għad-definizzjoni tagħha tal-‘perijodu taxxabbli’,
i) il-fatt li kumpannija relatata mar-rikorrenti ddikjarat lill-awtorità nazzjonali Irlandiża tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li hija kkunsidrat iż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fil-qasam tal-gass ta’ Corrib bħala ‘investiment attraenti’ wara l-adozzjoni tar-Regolament [2022/1854] u t-tħabbir tal-miżuri meħuda mill-Gvern Irlandiż biex jimplimenta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, u/jew
j) kwalunkwe fattur ieħor, u f’dak il-każ, liema?
5) Fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà kiser id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta] (jew wieħed minnhom) u/jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkluż kif stabbilit fil-premessi 54 u 55 tar-[Regolament 2022/1854], b’mod partikolari minħabba:
a) l-impożizzjoni ta’ rata ta’ 75 % skont l-Artikolu 4(2) tal-[Liġi tal‑2023] u/jew
b) il-mod li bih l-[Liġi tal‑2023 irregolat it]-trattament tat-telf fis-snin fiskali preċedenti,
Liema fatturi huma rilevanti għal qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-[Liġi tal‑2023] mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq, x’rilevanza (jekk hu l-każ) għandha tingħata lill-fatturi li ġejjin (filwaqt li jiġi osservat li l-fatti għad iridu jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju):
a) il-fatt li l-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b’mod sinjifikattivi fl-Irlanda u fi Stati Membri oħra,
b) l-affermazzjoni (ifformulata mill-konvenuti iżda kkontestata mir-rikorrenti) li dan ikkawża tbatija lill-konsumaturi u lin-negozji fl-Irlanda, li l-konvenuti rrimedjaw billi għenu lill-konsumaturi u lin-negozji bi spiża ta’ madwar EUR 4.5 biljun,
c) l-affermazzjoni (magħmula mill-konvenuti iżda kkontestata mir-rikorrenti) li r-rikorrenti għamlu profitti sinjifikattivi fl‑2022 u l‑2023 minħabba żieda ġenerali fil-prezz tal-enerġija, iktar milli minħabba investimenti addizzjonali jew effiċjenza mtejba jew l-iżvilupp [tal-]implimentazzjoni ta’ karatteristiċi [ġodda] tal-prodott li għalihom il-klijenti jħallsu prezz ogħla,
d) il-fatt li l-profitti qabżu l‑120 % tal-profitti medji tal-erba’ snin preċedenti,
e) il-fatt li [dan ir-regolament] jeħtieġ li l-Istati Membri jimponu kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà jew miżuri ekwivalenti fuq dawn il-profitti,
f) il-fatt li, meta l-Istati Membri jintroduċu kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, ir-Regolament [2022/1854] jistabbilixxi rata minima ta’ 33 % iżda l-ebda rata massima,
g) il-fatt li l-Irlanda stabbilixxiet rata ta’ 75 % (applikabbli għall-parti tal-profitti li taqbeż il‑120 % tal-profitti medji tal-erba’ snin preċedenti),
h) il-fatt li r-rikorrenti ħallsu madwar EUR 99 miljun bħala kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena 202l [2022],
i) il-fatt li r-rikorrenti jistgħu jistennew li jħallsu madwar EUR 40 miljun bħala kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena 2023,
j) il-fatt li d-dħul tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà huwa applikat għall-ispejjeż tal-miżuri adottati mill-konvenuti biex jgħinu lill-konsumaturi u lin-negozji jlaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija,
k) il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jew il-leġiżlatur Irlandiż qiesu li huwa xieraq li impriżi li jagħmlu profitti ogħla min-normal jikkontribwixxu b’mod raġonevoli għall-ispejjeż imġarrba biex jiġu sostnuti l-konsumaturi u l-impriżi,
l) il-fatt li r-rikorrenti jaffermaw li ma stennewx li jkunu suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji Irlandiża fl‑2022 jew fl‑2023 minħabba telf akkumulat fis-snin fiskali preċedenti (filwaqt li jiġi oservat li, bħal fir-rigward tal-fatti kollha u l-affermazzjonijiet li ma ġewx espressament iddikjarati aċċettati, il-qorti nazzjonali se tiddetermina jekk din l-affermazzjoni u r-raġonevolezza tagħha humiex ipprovati),
m) il-fatt li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament [2022/1854] jipprevedi li ‘[i]l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tapplika flimkien mat-taxxi u l-imposti regolari applikabbli skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru’,
n) il-fatt li l-[Liġi tal‑2023] [ma tippermettix] li jittieħed inkunsiderazzjoni telf minn snin qabel l‑2018 biex jiġu ddeterminati l-profitti suġġetti għall-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà,
o) il-fatt li kumpannija relatata mar-rikorrenti ddikjarat lill-awtorità nazzjonali Irlandiża għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li hija kkunsidrat iż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fil-qasam tal-gass ta’ Corrib bħala ‘investiment attraenti’ wara l-adozzjoni tar-Regolament [2022/1854] u t-tħabbir tal-miżuri meħuda mill-Gvern Irlandiż biex jimplimenta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, u/jew
p) kwalunkwe fattur ieħor, u jekk ikun il-każ, liema?”
23. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, komuni għall-kawżi Acea Produzione et (C‑153/25) kif ukoll Varo Energy Belgium et (C‑358/24), li nżammet fid‑9 ta’ Ġunju 2026.
IV. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. Fuq l-ammissibbiltà
24. Qabel ma ssir l-analiżi tal-ewwel domanda preliminari, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan li jsostni, essenzjalment, li din id-domanda hija inammissibbli minħabba li l-eżami tagħha huwa irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-eventwali invalidità tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854 ma jkollhiex effett fuqha, peress li l-Istati Membri jibqgħu, fi kwalunkwe każ, kompetenti, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tagħhom, sabiex jistabbilixxu kontribuzzjoni bħal dik prevista mil-Liġi tal‑2023.
25. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (9).
26. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw preċiżament il-validità tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, li jistabbilixxi l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà u li abbażi tiegħu ġiet adottata l-Liġi tal‑2023 sabiex jiġu implimentati, fl-ordinament ġuridiku Irlandiż, l-obbligi li jirriżultaw minnu. Il-kwistjoni tal-validità ta’ dan il-kapitolu, kif imressqa mill-qorti tar-rinviju, ma tistax għalhekk titqies li hija manifestament mingħajr rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, peress li din il-liġi għandha preċiżament l-għan li timplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, l-evalwazzjoni tal-validità tiegħu għandha rabta diretta mat-tilwima li biha hija adita din il-qorti (10). Barra minn hekk, il-fatt li l-Irlanda għandha kompetenza fiskali tagħha stess li tippermettilha tadotta, skont id-dritt nazzjonali tagħha, miżuri bħall-kontribuzzjoni inkwistjoni huwa għalhekk irrilevanti.
27. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula tirrigwarda l-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li ma hijiex ta’ natura ipotetika u li l-eżami tagħha jista’ jipprovdi lil din il-qorti l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.
2. Fuq il-mertu
28. L-ewwel domanda preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 122(1) TFUE jikkostitwixxix bażi legali valida għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux ikunu vvizzjati b’invalidità minħabba: (i) l-għażla ta’ bażi legali mhux xierqa; (ii) l-inkompatibbiltà tagħhom mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 122 TFUE; (iii) ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, jew (iv) in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt it-tassazzjoni diretta u/jew ta’ miżuri fiskali.
a) Fuq l-għażla tal-bażi legali u l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 122(1) TFUE
29. Qabelxejn, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (11). Barra minn hekk, meta fit-Trattati tkun teżisti dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att tal-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett, meta l-eżami ta’ tali att juri li dan għandu diversi skopijiet jew diversi komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn huma biss anċillari jew għandhom biss portata estremament limitata, il-bażi legali għall-adozzjoni ta’ dan l-att għandha tiġi ddeterminata konformement ma’ dan l-iskop jew dan il-komponent prinċipali (12).
30. Skont l-Artikolu 122(1) TFUE, “[m]ingħajr preġudizzju għal proċeduri oħrajn provduti fit-Trattati, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-enerġija”.
31. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-użu tagħha bħala bażi legali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa suġġett għall-issodisfar ta’ diversi kundizzjonijiet. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha, li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem, li għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk l-Artikolu 122(1) TFUE setax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament 2022/1854 kollu kemm hu u, b’mod partikolari, tal-Kapitolu III tiegħu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iskop u tal-kontenut tiegħu.
32. Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 122(1) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika għal sitwazzjonijiet partikolari ta’ emerġenza jew eċċezzjonali, ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-miżuri adottati abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VIII tat-Trattat FUE, għandhom ifittxu li jirrimedjaw sitwazzjoni ta’ natura ekonomika. Barra minn hekk, għalkemm l-istess dispożizzjoni ssemmi espressament id-“diffikultajiet serji” fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, l-użu tal-kliem “b’mod partikolari” jindika li dan huwa eżempju u mhux l-unika sitwazzjoni ta’ emerġenza li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (13).
33. F’dan il-każ, jidhirli li din il-kundizzjoni hija a priori ssodisfatta. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1854, moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 6 tiegħu, dan għandu l-għan li “jistabbilixxi intervent ta’ emerġenza biex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien”, inkluż permezz tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista fl‑Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament (14). L-imsemmi regolament b’hekk għandu l-għan li jaffronta sitwazzjoni li, fil-mument tal-adozzjoni tiegħu, kienet ta’ natura kemm urġenti kif ukoll eċċezzjonali, fid-dawl tal-eżistenza ta’ “diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-enerġija”. Għaldaqstant, din hija preċiżament l-ipoteżi espressament prevista fl-Artikolu 122(1) TFUE. Id-diffikultajiet fil-provvista ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, ikunu limitati għall-provvista diretta li ssir lill-Istati Membri biss, iżda jinkludu wkoll il-provvista ta’ prodotti tal-enerġija li ssir lill-konsumaturi, lill-impriżi u lill-individwi privati. Fil-fatt, kieku l-kapaċità tal-provvista kellha tirrigwarda biss lill-Istati Membri, filwaqt li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess wiesa’ għal dawn il-prodotti minħabba prezzijiet eċċessivament għoljin li jirriżultaw minn ċirkustanzi eċċezzjonali, din id-dispożizzjoni tkun mingħajr ebda kontenut ta’ sustanza.
34. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq juru n-natura essenzjalment ekonomika tar-Regolament 2022/1854, jiġifieri li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, li jtaffi ż-żieda fil-prezz tal-enerġija li taffettwa b’mod negattiv l-ekonomija u li jikkontribwixxi sabiex l-enerġija tkun affordabbli għall-Istati Membri kollha (15). F’dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà, prevista fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, għandha, hija wkoll, għan ta’ natura ekonomika, li jikkonsisti f’li “jittaffew l-effetti ekonomiċi diretti tal-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jogħlew għall-baġits tal-awtoritajiet pubbliċi, il-klijenti finali u l-kumpaniji madwar l-Unjoni” (16).
35. Fit-tieni lok, għalkemm din il-kundizzjoni ma tirriżultax espliċitament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE, il-miżuri adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu ta’ natura temporanja. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-għan stess tagħha, li jippermetti lill-Kunsill jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza. Għalhekk, tali miżuri ma humiex intiżi li japplikaw b’mod permanenti, iżda biss matul is-sitwazzjoni ta’ kriżi li huma intiżi li jirrimedjaw, tal-inqas sakemm din tkun intemmet. Fin-nuqqas ta’ dan, l-imsemmija dispożizzjoni tirriskja li tidħol fuq il-bażijiet legali sostantivi previsti mit-Trattati u, għaldaqstant, li tmur kontra l-kliem introduttiv tagħha stess, li jissuġġetta l-applikazzjoni tagħha għall-osservanza ta’ “proċeduri oħrajn provduti fit-Trattati”. Għaldaqstant, l-użu tal-Artikolu 122(1) TFUE la jista’ jikkomprometti u lanqas jippermetti li jiġi evitat l-użu tal-bażijiet legali l-oħra previsti mit-Trattati għas-sitwazzjonijiet li jseħħu fi “żminijiet normali” (17).
36. F’dan il-każ, din il-kundizzjoni hija wkoll osservata. Minn naħa, il-miżuri stabbiliti mir-Regolament 2022/1854 huma, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, “limitati fiż-żmien”, peress li l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2023. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, in-natura temporanja tagħha tirriżulta mit-titolu stess tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, li juża l-aġġettiv “temporanja”. L-Artikolu 18 tal-istess regolament jippreċiża wkoll li hija “ta’ natura temporanja” u tapplika biss għas-surplus tal-profitti ġġenerat matul is-snin fiskali msemmija fl-Artikolu 15, jiġifieri dawk tal‑2022 u tal‑2023.
37. Fit-tielet lok, mill-Artikolu 122(1) TFUE jirriżulta li l-miżuri adottati fuq abbażi tiegħu għandhom ikunu “xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika”. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik li tkun l-inqas restrittiva. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-oqsma, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li jinvolvu min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. F’tali kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa limitat għall-eżami ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan imfittex, peress li din in-natura biss tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (18).
38. F’dan il-każ, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, din jidhirli li, minn naħa, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li huwa dak li jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din il-kontribuzzjoni ma għandhiex biss l-għan li tiġġenera dħul baġitarju addizzjonali għall-Istati Membri, iżda hija intiża wkoll sabiex tiffinanzja miżuri intiżi sabiex itaffu l-effetti ta’ din il-kriżi tal-enerġija, billi ġġiegħel lill-impriżi tas-settur li, minħabba fiha, għamlu dak li huwa kklassifikat bħala “surplus tal-profitti”, jiġifieri profitti li ma kinux isiru f’“ċirkostanzi normali”, jikkontribwixxu (19). F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 17 tar-Regolament 2022/1854 jipprevedi li, filwaqt li għandhom marġni ta’ manuvra wiesa’ fir-rigward tal-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni, l-Istati Membri “għandhom jużaw” id-dħul minnha għal wieħed mill-finijiet, direttament marbuta mal-effetti tal-kriżi tal-enerġija, elenkati f’dan l-artikolu.
39. Min-naħa l-oħra, jidhirli li nista’ nikkunsidra li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tista’ titqies bħala neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex – li huwa dak li jittaffew l-effetti negattivi tal-kriżi tal-enerġija fuq il-familji u l-impriżi madwar l-Unjoni kollha, filwaqt li jiġu żgurati l-integrità u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija – fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ġie espost fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, il-karatteristiċi ta’ din il-kontribuzzjoni, iddefiniti fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament 2022/1854, jippermettu li jitqies li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, l-imsemmija kontribuzzjoni tirrigwarda biss parti mill-hekk imsejjaħ “surplus tal-profitti” tal-impriżi kkonċernati, u b’hekk tiggarantixxi li parti mill-marġni ta’ profitt li ma tirriżultax mill-iżvilupp tas-swieq wara l-gwerra tkun tista’ tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-impriżi u tal-istabbilimenti permanenti kkonċernati, sabiex ikunu jistgħu jwettqu investimenti futuri jew jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja attwali tagħhom (20).
40. Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-Artikolu 122(1) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu “fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri”. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jirreferu għalih u li fuqu hija bbażata s-sistema ġuridika kollha tal-Unjoni (21). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-prinċipju jikkostitwixxi kriterju ta’ stħarriġ tal-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li dan il-prinċipju jinvolvi drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. B’hekk, l-Unjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri, filwaqt li dawn tal-aħħar huma suġġetti għal obbligu ta’ solidarjetà bejniethom kif ukoll fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki mwettqa minnha. L-osservanza tal-imsemmi prinċipju teżiġi għalhekk ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-interessi partikolari tal-Istati Membri kif ukoll dawk tal-Unjoni kollha (22).
41. Jidhirli li dawn il-prinċipji, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni (23), jistgħu jiġu trasposti għar-rekwiżit ta’ solidarjetà previst fl-Artikolu 122(1) TFUE (24). F’dan il-każ, diversi elementi jwassluni sabiex inqis li l-miżuri adottati skont il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854 effettivament josservaw dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, l-“ispirtu ta’ solidarjetà” huwa invokat diversi drabi f’dan ir-regolament sabiex jiġġustifika l-isforz ikkoordinat tal-Istati Membri kollha intiż sabiex jittaffew l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u sabiex jiġi żgurat li l-kriżi attwali ma tikkawżax dannu fit-tul lill-konsumaturi (25) u lill-ekonomija, filwaqt li jiġi evitat aggravar tal-iżbilanċi u tal-frammentazzjoni tas-suq intern u tiġi ppreżervata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi (26).
42. Minn dan isegwi li r-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari, il-Kapitolu III tiegħu ġew adottati b’mod ċar fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri.
43. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-Regolament 2022/1854, kollu kemm hu, u b’mod partikolari l-Kapitolu III tiegħu, ġew validament adottati abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE u b’osservanza tal-kundizzjonijiet li dan jipprevedi għall-adozzjoni ta’ miżuri abbażi tiegħu.
b) Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u tar-rekwiżit ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill
44. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà ma tistax tiġi validament adottata abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE, minħabba n-natura fiskali tagħha. Huma jsostnu, minn naħa, li tali miżura tikkostitwixxi tassazzjoni diretta, b’tali mod li l-adozzjoni tagħha mil-leġiżlatur tal-Unjoni allegatament tmur kontra l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li, anki jekk jitqies li l-Unjoni għandha kompetenza sabiex tistabbilixxi tali tassazzjoni, din tista’ tkun ibbażata biss fuq waħda mill-bażijiet legali speċifiċi previsti mit-Trattat FUE fil-qasam fiskali, li jeħtieġu vot unanimu fi ħdan il-Kunsill.
45. F’dan ir-rigward, peress li huwa stabbilit li r-Regolament 2022/1854 jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE, ma jidhirlix li huwa rilevanti li jiġi eżaminat jekk dan ir-regolament jew waħda mill-miżuri li jipprevedi setgħux ġew adottati wkoll fuq bażi legali oħra suġġetta għal regoli tal-votazzjoni differenti. Fil-fatt, l-Artikolu 122(1) TFUE jikkostitwixxi bażi legali speċifika, li l-użu tagħha ma jistax jiġi eskluż għas-sempliċi raġuni li bażijiet legali oħra, ta’ portata iktar ġenerali, jistgħu wkoll ikunu applikabbli (27).
46. Għall-finijiet ta’ kompletezza, nosserva madankollu li jidhirli diffiċli li jiġi kkontestat li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista mir-Regolament 2022/1854, li tikkonsisti fil-ġbir ta’ kontribuzzjoni fuq is-“surplus” tal-profitti tal-impriżi kkonċernati, hija ta’ “natura fiskali”. Madankollu, ma nara ebda raġuni sabiex wieħed jiddubita jekk tali miżura tistax tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE.
47. Fil-fatt, l-ewwel nett, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda esklużjoni ta’ miżuri fiskali mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. La l-formulazzjoni tagħha u lanqas l-iskop tagħha ma jippermettu li tiġi ġġustifikata esklużjoni ġenerali ta’ tali miżuri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 122(1) TFUE. Meta t-Trattati jkollhom l-intenzjoni li jeskludu l-miżuri fiskali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ bażi legali, huma jipprevedu dan espressament (28).
48. It-tieni, huwa stabbilit li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta miżuri ta’ natura fiskali mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 5(1) TUE. Fil-fatt, l-Unjoni għandha kompetenzi fil-qasam fiskali u diġà eżerċitathom, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 115 TFUE (29), iżda wkoll abbażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE u tal-Artikolu 194(3) TFUE. Minn dan isegwi li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni ma hijiex għaldaqstant imċaħħda minn kull kompetenza f’dan il-qasam, sakemm hija taġixxi fil-limiti ta’ bażi legali prevista mit-Trattati.
49. It-tielet, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura fiskali tistax tiġi adottata biss fuq waħda mill-bażijiet legali speċifiċi previsti mit-Trattat FUE fil-qasam fiskali u tkun suġġetta għar-regola ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill, nirrileva qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fir-rigward tal-Artikolu 103 KEE preċedenti, li dan seta’ jippermetti deroga mir-regoli tat-Trattat li, f’ċirkustanzi ordinarji, kienu jikkostitwixxu l-bażijiet legali rilevanti (30). Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ faċilment tiġi trasposta għall-Artikolu 122(1) TFUE, li jawtorizza lill-Kunsill, f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi ekonomika eċċezzjonali, jadotta l-miżuri xierqa u temporanji neċessarji sabiex jaffrontaha. F’dan il-każ, l-għan prinċipali tal-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854 ma huwiex li jarmonizza jew jirregola l-politika fiskali tal-Istati Membri, iżda li jikkontribwixxi, b’mod partikolari permezz tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, sabiex jiġu rrimedjati l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Għaldaqstant, u konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’dan is-sens, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà hija differenti b’mod sinjifikattiv minn miżura fiskali ordinarja intiża, pereżempju, sabiex tarmonizza b’mod dejjiemi r-regoli ta’ tassazzjoni tal-profitti.
50. Il-fatt li din il-kontribuzzjoni hija ta’ natura fiskali ma jistax għalhekk jiġi evalwat b’mod iżolat, iżda għandu jiġi evalwat fil-kuntest iktar wiesa’ tal-miżuri kollha ta’ intervent ta’ emerġenza stabbiliti mir-Regolament 2022/1854 sabiex tiġi indirizzata kriżi speċifika u temporanja. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-imsemmija kontribuzzjoni għandha, minbarra l-għan li tirrimedja l-effetti tal-kriżi tal-enerġija, għan fiskali proprju, dan tal-aħħar ikun ta’ natura anċillari fid-dawl tal-għan imfittex minn dan ir-regolament. Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, meta att tal-Unjoni jkollu skop doppju jew komponent doppju u wieħed minnhom jista’ jiġi identifikat bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss anċillari, dan l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent prinċipali jew predominanti.
51. Ir-raba’, u f’dan ir-rigward, nosserva li n-neċessità li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 122(1) TFUE tikkonferma wkoll din l-analiżi. Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi li hija tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għal proċeduri oħrajn provduti fit-Trattati”, dan ma jipprekludix l-użu tagħha meta, f’ċirkustanzi ordinarji, bażi legali oħra tkun tippermetti l-adozzjoni tal-miżura prevista. Tali interpretazzjoni twassal, fil-fatt, sabiex l-Artikolu 122(1) TFUE jiġi mċaħħad minn parti sostanzjali mill-effett utli tiegħu (31).
52. Il-ħames nett, fir-rigward tar-regoli tal-votazzjoni, ninnota li l-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE huma suġġetti għar-regola tal-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda hija l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex dan tal-aħħar jiġi adottat (32). Konsegwentement, anki jekk il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, meqjusa b’mod iżolat, tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ natura fiskali, dan il-fatt ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li l-Artikolu 122(1) TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għar-Regolament 2022/1854, inkluża l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma huwiex rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, jekk element purament anċillari – meqjus b’mod iżolat – kienx suġġett għal rekwiżit ta’ unanimità (33). Barra minn hekk, l-Artikolu 122(1) TFUE għandu preċiżament l-għan li jippermetti lill-Kunsill jaġixxi malajr meta s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jkunu jeħtieġu dan, li ma huwiex kompatibbli ma’ rekwiżit ta’ vot unanimu.
53. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li jiġi konkluż li, peress li r-Regolament 2022/1854 ġie validament adottat abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE, dan ġie adottat ukoll fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u konformement mal-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, li ma teħtieġx l-unanimità.
54. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament 2022/1854, inkluż il-Kapitolu III tiegħu, ġie validament adottat abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE u b’osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri fuq din il-bażi u, għaldaqstant, fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u konformement mal-proċedura prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
55. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu, huwiex invalidu sa fejn allegatament jikser il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tal-Unjoni u ta’ proporzjonalità (34).
56. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan joħroġ mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jipprekludi li dispożizzjoni legali ġdida tapplika retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tagħha (35). Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni legali ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni maħluqa taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda. Jista’ jkun mod ieħor, bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata minn dispożizzjonijiet partikolari li jiddeterminaw b’mod speċifiku l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (36). Barra minn hekk, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkollha l-bidu tagħha ffissat għal data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta għan ta’ interess ġenerali jkun jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (37).
57. B’dan premess, nirrileva li, konformement mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament 2022/1854, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit‑8 ta’ Ottubru 2022.
58. B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-eventwali natura retroattiva tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 18 tiegħu jipprevedi li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tapplika għas-surplus tal-profitti ġġenerat matul is-snin fiskali msemmija fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, jiġifieri dawk tal‑2022 u/jew tal‑2023 (38).
59. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-fatt li dan il-Kapitolu III daħal fis-seħħ qabel it-tmiem tas-sena fiskali 2022 huwa tali li jeskludi n-natura retroattiva tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.
60. Kif irrilevajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni legali ġdida tapplika, bħala prinċipju, immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni maħluqa taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi ġodda. Issa, fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ imposta ġdida fuq il-profitti tal-impriżi, adottata matul sena fiskali, ma tistax titqies li tirregola sitwazzjoni stabbilita qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, peress li s-sistema fiskali applikabbli għal dawn il-profitti tista’ tiġi ddeterminata biss fi tmiem din is-sena, ladarba dawn ikunu ġew iġġenerati kollha kemm huma.
61. Barra minn hekk, infakkar li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita mir-Regolament 2022/1854 tikkostitwixxi imposta ad hoc u eċċezzjonali, li, bħala tali, ma għandhiex l-għan li tidderoga minn leġiżlazzjoni eżistenti jew li temendaha, b’tali mod li ma tistax taffettwa sitwazzjoni stabbilita li l-impriżi kkonċernati setgħu jinvokaw.
62. Fid-dawl tal-elementi preċedenti, inqis li l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena fiskali 2022 ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tal-Unjoni.
63. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, infakkar li dan il-prinċipju, li għandu wkoll bħala korollarju l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali ikunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-individwi, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Dan il-prinċipju jeżiġi b’mod partikolari li leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom (39). Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu li jipprekludu li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li huwa jadotta, juża kunċett legali astratt. Dan jidher ovvju, sa fejn ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati bil-quddiem, b’mod preċiż u speċifiku, is-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu jinqalgħu. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali lanqas ma jinkludi obbligu li l-ordinament ġuridiku jinżamm l-istess maż-żmien, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jibqa’ liberu, fil-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni tiegħu, li jbiddel is-sitwazzjoni leġiżlattiva eżistenti (40).
64. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt li wieħed jinvokah jippreżupponi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Operatur ekonomiku lanqas ma jista’ jibbaża l-aspettattivi leġittimi tiegħu fuq l-assenza totali ta’ bidla f’sitwazzjoni eżistenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (41).
65. Għar-raġunijiet li ser nesponi fil-punti li ġejjin ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li ma jista’ jiġi stabbilit ebda ksur ta’ dawn il-prinċipji mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2022/1854.
66. Minn naħa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, nirrileva li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jiddefinixxu b’mod suffiċjentement ċar u preċiż kemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà kif ukoll il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha (42). B’hekk, huma jippermettu lill-produtturi kkonċernati jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti l-portata tal-obbligi tagħhom, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, peress li, skont din il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jimplikax iż-żamma ta’ ordinament ġuridiku mingħajr tibdil, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat talli adotta, f’kuntest ta’ emerġenza, miżuri eċċezzjonali intiżi sabiex jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija (43).
67. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ebda waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ta assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-rigward taż-żamma tas-surplus tal-profitti ġġenerat minħabba ċirkustanzi straordinarji matul il-kriżi tal-enerġija (44). Barra minn hekk, ebda aspettattiva leġittima ma setgħet titnissel għall-kumpanniji kkonċernati fir-rigward tal-kisba ta’ tali profitti eċċezzjonali, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni intervjena malajr sabiex jadotta miżuri ta’ emerġenza b’reazzjoni għaż-żieda imprevedibbli fil-prezzijiet tal-gass (45). Fil-fatt, operatur ekonomiku prudenti u avżat għandu jistenna tali intervent fid-dawl tan-natura straordinarja tas-sitwazzjoni u tal-effett sinjifikattiv tagħha mhux biss fuq is-suq tal-enerġija, iżda wkoll fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Bl-istess mod, tali aspettattiva ma tistax tkun ibbażata fuq il-kisba ta’ profitti li jirriżultaw minn ċirkustanzi straordinarji li tali operatur ma setax jistenna fil-mument li fih ħa d-deċiżjoni tiegħu li jinvesti (46).
68. Minn dan isegwi li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistgħu jiġu interpretati li jipprekludu kull intervent tal-awtoritajiet pubbliċi intiż sabiex jirrimedja falliment tas-suq, b’mod partikolari meta dan l-intervent ikun ta’ natura urġenti b’reazzjoni għal avveniment eċċezzjonali u, mid-definizzjoni tiegħu stess, imprevedibbli. Barra minn hekk, l-impriżi kkonċernati ma jistgħux leġittimament jinvokaw iż-żamma ta’ sitwazzjoni legali jew ekonomika eżistenti, peress li din tal-aħħar tista’ tinbidel fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni.
69. Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jissemma wkoll fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 39 kif ukoll 81 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2022/1854 ma jippreġudikawx dan il-prinċipju.
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu, ma jiksirx il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tal-Unjoni u ta’ proporzjonalità.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
71. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu, huwiex invalidu sa fejn jikser l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
72. Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-kwistjoni tal-validità, fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, tal-miżuri ta’ emerġenza stabbiliti mir-Regolament 2022/1854 kienet diġà fil-qofol tal-kawża 2Valorise Ham et, li fiha l-konklużjonijiet tiegħi ġew ippreżentati fis‑16 ta’ Lulju 2026. Għalkemm, b’differenza minn din il-kawża tal-aħħar, il-kawża odjerna tirrigwarda l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà u mhux il-mekkaniżmu li jistabbilixxi limitu massimu fuq id-dħul ta’ ċerti ġeneraturi tal-elettriku (47), dawn iż-żewġ miżuri xorta waħda jaqgħu fl-istess kuntest ta’ emerġenza marbut mal-kriżi tal-enerġija, huma bbażati fuq loġika komuni ta’ ridistribuzzjoni tal-profitti straordinarji ġġenerati f’dan il-kuntest u jsegwu għan simili li huwa dak li jiġu rrimedjati l-effetti ta’ din il-kriżi (48).
73. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 17 tal-Karta, infakkar li dan jiggarantixxi d-dritt għall-proprjetà. Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom hija inerenti għall-essenza stess tal-attivitajiet ekonomiċi, iżda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur min għandu t-titolu għalihom (49). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà iddeċidiet, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li jistabbilixxi livell minimu ta’ protezzjoni, il-kunċett ta’ “beni” għandu jiġi mifhum, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 (iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952) għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), bħala li jista’ jkopri kemm “beni attwali” kif ukoll “valuri patrimonjali”, inklużi krediti, li bis-saħħa tagħhom il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka li għandha minn tal-inqas “aspettattiva leġittima” li tikseb it-tgawdija effettiva ta’ dritt għall-proprjetà (50). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li d-dħul futur jista’ jitqies bħala “beni” li jista’ jibbenefika mill-protezzjoni ta’ dan l-artikolu biss jekk ikun diġà ġie akkwistat, jekk ikun is-suġġett ta’ kreditu ċert jew jekk jeżistu ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu joħolqu, għall-persuna kkonċernata, aspettattivi leġittimi li jinkiseb valur patrimonjali (51).
74. Jidhirli li huwa utli li jiġi nnotat, qabelxejn, li ma huwiex ikkontestat, f’dan il-każ, li s-“surplus tal-profitti” msemmi fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2022/1854 jissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala “beni” fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Karta applikati mill-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, sa fejn huwa stabbilit li l-profitti suġġetti għall-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà ġew effettivament irċevuti mill-produtturi kkonċernati u tteħdulhom biss sussegwentement, dawn għandhom jitqiesu bħala “beni” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, indipendentement min-natura eċċezzjonali u aleatorja tagħhom (52).
75. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (53). F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun neċessarja u għandha tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta wkoll li l-impożizzjoni ta’ taxxa tikkostitwixxi, bħala prinċipju, preġudizzju għad-dritt iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 għall-KEDB, għaliex iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mis-somma li jkollha tħallas (54). Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza tal-aħħar jirriżulta li kull indħil fid-dritt għall-proprjetà, inkluż dak li jirriżulta minn miżura intiża sabiex tiżgura l-ħlas tat-taxxi, għandu josserva “bilanċ ġust” bejn ir-rekwiżiti tal-interess ġenerali tal-komunità u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu (55). B’hekk, l-obbligu finanzjarju li jitnissel mit-teħid ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet jista’ jippreġudika d-dritt għall-proprjetà jekk jimponi fuq il-persuna jew l-entità kkonċernata “piż eċċessiv” jew “jippreġudika b’mod fundamentali s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (56).
76. Għalkemm ma huwiex ikkontestat li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita mill-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854 tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-proprjetà tal-produtturi kkonċernati, inqis madankollu li, f’dan il-każ, dan l-indħil jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun ammissibbli.
77. Qabel ma nipproċedi għall-analiżi tal-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-kapitolu fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, infakkar li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u soċjali li fih ġiet adottata l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’, b’mod partikolari peress li l-intervent tiegħu kien jinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, kif ukoll evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-emerġenza (57). B’hekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jkollhom l-intenzjoni li jsegwu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (58).
78. F’dan il-każ, nosserva, l-ewwel nett, li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, b’mod partikolari l-bażi tal-kalkolu tagħha kif ukoll ir-rata applikabbli, huma espressament previsti mir-Regolament 2022/1854 u ddefiniti b’mod ċar, preċiż u ddettaljat fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dan tal-aħħar (59).
79. F’dak li jirrigwarda, it-tieni, ir-rekwiżit li l-indħil inkwistjoni għandu josserva l-kontenut essenzjali tad-dritt protett, inqis li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt ukoll f’dan il-każ. Nindika, f’dan ir-rigward, li l-miżuri ta’ emerġenza adottati skont ir-Regolament 2022/1854 la jirrigwardaw l-assi tal-impriżi kkonċernati u lanqas id-dħul “ordinarju” tagħhom, iżda huma limitati għall-qligħ eċċezzjonali ġġenerat mill-kriżi tal-enerġija, li dawn l-impriżi ma setgħux raġonevolment jistennew (60). B’mod iktar preċiż, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha tiġi stabbilita b’rata minima ta’ 33 % u tiġi kkalkolata fuq il-bażi tas-“surplus tal-profitti”, iddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu bħala l-profitti li jaqbżu b’iktar minn 20 % il-medja tal-profitti taxxabbli tal-erba’ snin fiskali li jibdew fl‑1 ta’ Jannar 2018 jew wara din id-data. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni huwa limitat għall-impriżi u għall-istabbilimenti permanenti tal-Unjoni li jeżerċitaw attività li taqa’ taħt is-setturi msemmija fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament u li jiksbu mill-inqas 75 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom minn attivitajiet ekonomiċi fil-qasam tal-industriji estrattivi, tar-raffinar taż-żejt jew tal-manifattura ta’ prodotti tal-forn tal-kokk, konformement mal-punt 17 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament.
80. Nirrileva, it-tielet, li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà ssegwi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jikkonsisti fit-taffija tal-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1854. B’mod partikolari, mill-Artikoli 14 u 17 kif ukoll mill-premessi 13, 14, 50, 51 u 64 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din il-kontribuzzjoni tkopri s-surplus tal-profitti ġġenerat minn ċerti impriżi li, minħabba l-kriżi tal-enerġija, irreġistraw profitti eċċezzjonalment għoljin, sabiex tippermetti r-ridistribuzzjoni mmirata ta’ dawn il-profitti għall-benefiċċju tal-klijenti finali tal-elettriku. B’hekk, din ir-ridistribuzzjoni hija intiża sabiex tirrimedja l-effetti tal-kriżi tal-enerġija fuq is-suq intern u sabiex tiżgura enerġija affordabbli għall-unitajiet domestiċi. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għandha rabta diretta u manifesta mal-għan prinċipali segwit mill-imsemmi regolament (61).
81. Ir-raba’, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, infakkar li dan jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (62).
82. Issa, il-miżuri straordinarji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament 2022/1854 huma strettament limitati fiż-żmien (63). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tirrigwarda biss is-surplus tal-profitti ġġenerat matul is-snin fiskali 2022 u/jew 2023.
83. Barra minn hekk, fir-rigward tal-intensità tal-indħil fid-dritt għall-proprjetà fid-dawl tal-għan imfittex, nippreċiża, kif ġie rrilevat fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li, għalkemm il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà hija stabbilita b’rata minima ta’ 33 % u l-Istati Membri jibqgħu liberi li japplikaw rata ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament 2022/1854, din ir-rata tapplika biss għas-“surplus tal-profitti”, jiġifieri għall-profitti eċċezzjonali li jirriżultaw minn ċirkustanzi esterni marbuta mas-sitwazzjoni ta’ kriżi. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-parametri ta’ din il-kontribuzzjoni jidhru li ġew imfassla b’mod li jippreżervaw il-marġni ta’ profitt tal-impriżi kkonċernati li ma jirriżultax minn dawn iċ-ċirkustanzi partikolari. Il-fatt irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li r-Regolament 2022/1854 ma jistabbilixxix limitu massimu għar-rata prevista fl-Artikolu 16 tiegħu, ma jistax, waħdu, iqiegħed f’dubju l-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament dwar il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kontribuzzjoni tapplika biss, minn naħa, għal ċerti impriżi li għamlu profitti ogħla minn dawk li normalment setgħu jistennew u, min-naħa l-oħra, għal parti minn dawn il-profitti eċċezzjonali biss.
84. Minn dan isegwi li, billi għażel li jsegwi l-għan ta’ interess ġenerali tar-Regolament 2022/1854 li jikkonsisti fit-taffija tal-effetti tal-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-enerġija, permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jillimita l-indħil fid-dritt għall-proprjetà tal-impriżi kkonċernati u li jevita li l-piż finanzjarju li jirriżulta minnu jkun ta’ natura eċċessiva. Għaldaqstant, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
85. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 16 tal-Karta, li jirrigwarda l-libertà ta’ intrapriża, dan jipprovdi li din il-libertà hija rrikonoxxuta konformement mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjonijiet u mal-prattiki nazzjonali. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni mogħtija minn dan l-artikolu tinkludi, b’mod partikolari, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera, kif ukoll id-dritt, għal kull impriża, li tkun tista’ tiddisponi liberament, fil-limiti tar-responsabbiltà tagħha għall-atti tagħha stess, mir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (64). Barra minn hekk, l-imsemmija libertà, li ma hijiex prerogattiva assoluta, tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi tas-setgħa pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika. Din iċ-ċirkustanza hija riflessa, b’mod partikolari, fil-mod kif għandha tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (65).
86. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-istabbiliment tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà ma jistax, waħdu, jitqies li jikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża tal-produtturi kkonċernati. Fil-fatt, meta tiġi applikata, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament 2022/1854, għal “surplus” tal-profitti li jirriżulta minn ċirkustanzi eċċezzjonali, din il-kontribuzzjoni ma tidhirx li tista’ tippreġudika la l-kapaċità ta’ investiment tal-impriżi kkonċernati u lanqas il-libertà tagħhom li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom (66). Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija kontribuzzjoni tirrigwarda biss parti mill-profitti magħmula minn dawn l-impriżi, jiġifieri dawk li, konformement mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, jaqbżu b’iktar minn 20 % il-medja tal-profitti taxxabbli tagħhom matul is-snin 2018 sa 2021. Il-premessa 54 tal-imsemmi regolament tippreċiża, f’dan is-sens, li dan l-approċċ huwa intiż li jiżgura li parti mill-marġni ta’ profitt, li ma tirriżultax mill-iżvilupp imprevedibbli tas-swieq tal-enerġija wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina, tibqa’ disponibbli sabiex tippermetti lill-imsemmija impriżi jwettqu investimenti futuri jew jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tagħhom.
87. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, tali restrizzjoni jidhirli li tkun iġġustifikata għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 78 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet (67).
88. Fi tmiem din l-analiżi, inqis li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista mir-Regolament 2022/1854 ma timponix fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali piż eċċessiv u ma tikkostitwixxix, fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija ssegwi, indħil sproporzjonat fil-libertà ta’ intrapriża tagħhom jew fid-dritt għall-proprjetà tagħhom. Din il-konklużjoni tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest partikolari ta’ emerġenza li fih ġiet adottata l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-gravità tas-sitwazzjoni li hija kienet intiża li tindirizza, kif ukoll in-natura eċċezzjonali u temporanja tagħha.
89. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu, ma jiksirx l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
D. Fuq ir-raba’ domanda preliminari
90. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività jipprekludux li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, adottata u ppubblikata wara l‑31 ta’ Diċembru 2022, u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Awwissu 2023, tipprevedi l-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854 għas-snin fiskali 2022 u 2023 (68).
91. Qabel kollox, nosserva li domanda simili saret kemm fil-kawża li wasslet għas-sentenza Electrabel et (69) kif ukoll fil-kawża 2Valorise Ham et, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Belġjana li timplimenta r-Regolament 2022/1854. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza minn dawn iż-żewġ kawżi, din il-kawża ma tirrigwardax l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ emerġenza stabbilita minn dan ir-regolament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu (70). Minflok, din il-kawża tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ tali miżura matul perijodu kopert mill-imsemmi regolament, f’sitwazzjoni fejn Stat Membru implimentah tard fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu.
92. Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda hija, madankollu, għandha l-ġuriżdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (71).
93. Kif fakkart fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda preliminari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni tibda tiddekorri minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, filwaqt li jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament irrispettati (72).
94. Barra minn hekk, nippreċiża li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni (73). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Liġi tal‑2023 li, kif jirriżulta mit-titolu tagħha u mid-deċiżjoni tar-rinviju, stabbilixxiet il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista fil-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854. Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività japplika wkoll għal tali leġiżlazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
95. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni bħal-Liġi tal‑2023 hijiex konformi ma’ dawn iż-żewġ prinċipji, peress li hija tipprevedi l-applikazzjoni ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-snin fiskali 2022 u 2023, minkejja li ġiet adottata u ppubblikata biss wara l‑31 ta’ Diċembru 2022 u daħlet fis-seħħ biss fit‑2 ta’ Awwissu 2023 (74).
96. Nosserva, qabelxejn, li l-kwistjoni tar-retroattività tal-Liġi tal‑2023 ma tqumx fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena fiskali 2023. Fil-fatt, tali applikazzjoni tammonta għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali ġdida għal sitwazzjoni ġuridika li għadha ma ġietx definittivament stabbilita jew li hija ġdida, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tas-sena fiskali 2022 (75). Il-Liġi tal‑2023, ippromulgata fis‑17 ta’ Lulju 2023 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Awwissu ta’ wara, fil-fatt tapplika wkoll għal din is-sena fiskali, meta din kienet diġà ngħalqet fid-data tal-adozzjoni tagħha u tad-dħul fis-seħħ tagħha. Konsegwentement, hija għandha titqies li tipproduċi effett retroattiv.
97. B’dan premess, għar-raġunijiet esposti fil-punti segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma nkisirx f’dan il-każ, peress li huma ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta, b’mod eċċezzjonali, l-applikazzjoni retroattiva ta’ dispożizzjoni legali, jiġifieri li għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan u li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati.
98. Minn naħa, jidhirli li ma tantx jista’ jiġi kkontestat li r-Regolament 2022/1854, li jipprevedi, b’mod partikolari, l-istabbiliment tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, isegwi għan ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kontribuzzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ emerġenza, straordinarja u temporanja intiża sabiex tirrimedja l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. L-applikazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni għall-profitti magħmula għas-sena fiskali 2022 hija ġġustifikata iktar u iktar peress li dawn il-profitti kienu direttament marbuta mal-kriżi tal-enerġija (76).
99. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiena tal-fehma, għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li dan huwa osservat ukoll f’dan il-każ. Barra minn hekk, ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-awtoritajiet Irlandiżi kisru dan il-prinċipju.
100. Barra minn hekk, nippreċiża li, sabiex jiġi evalwat jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ġiex osservat fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, in concreto, il-modalitajiet ta’ informazzjoni normalment użati mill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ (77). Issa, minbarra l-elementi fattwali li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju li jindikaw li dan il-prinċipju effettivament ġie osservat (78), ir-Regolament 2022/1854 ġie adottat f’Ottubru 2022 (79) u kien jipprevedi espressament l-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena fiskali 2022 (80). Dawn l-elementi jeskludu, fil-fehma tiegħi, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jinvokaw b’mod utli aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma tas-surplus tal-profitti magħmul matul din is-sena jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni għal dawn il-profitti (81).
101. Ninnota, fl-aħħar nett, li ebda waħda miċ-ċirkustanzi addizzjonali, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha, ma tidher li hija ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-analiżi preċedenti fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam taċ-ċertezza legali, tan-nuqqas ta’ retroattività u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (82).
102. Konsegwentement, u bla ħsara għall-verifiki fattwali li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, l-aspettattivi leġittimi tal-impriżi kkonċernati jidhru li ġew debitament irrispettati fir-rigward tal-applikazzjoni retroattiva tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena fiskali 2022.
103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854 għas-snin fiskali 2022 u 2023, meta din l-applikazzjoni tkun prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali adottata u ppubblikata wara l‑31 ta’ Diċembru 2022 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Awwissu 2023.
E. Fuq il-ħames domanda preliminari
104. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854, li tiffissa r-rata ta’ din il-kontribuzzjoni għal 75 % u teskludi, għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018 (83).
105. Nosserva, preliminarjament, li r-Regolament 2022/1854 jirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni kunsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza li huwa jipprevedi, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà (84). Għalhekk, l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi biss rata minima ta’ 33 % għal din il-kontribuzzjoni, mingħajr ma jiddetermina r-rata massima tagħha. Il-premessa 54 tal-imsemmi regolament tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li japplikaw rata ogħla minn 33 % u li jiffissaw dik li jqisu aċċettabbli u xierqa fid-dawl tas-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom.
106. Fir-rigward tal-esklużjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018 mill-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, għandu jiġi nnotat li r-Regolament 2022/1854 la jirregola t-trattament tat-telf tas-snin fiskali preċedenti (85) u lanqas il-possibbiltà li dan jitnaqqas sabiex jiġi ddeterminat is-surplus tal-profitti għas-snin 2022 u/jew 2023. Din il-kwistjoni taqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Istati Membri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 55 ta’ dan ir-regolament.
107. Għalhekk, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-imsemmi regolament ma jipprekludix, bħala prinċipju, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, minn naħa, rata ta’ tassazzjoni ta’ 75 % u, min-naħa l-oħra, l-esklużjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018 mill-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.
108. Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, issa għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni li tinsab fil-qalba tal-ħames domanda preliminari, jiġifieri dik tal-konformità, fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, kif ġew stabbiliti mil-leġiżlatur Irlandiż. Fil-fatt, mit-titolu u mill-kontenut tal-Liġi tal‑2023 jirriżulta li din timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li din tal-aħħar hija applikabbli għall-kawża prinċipali. Għalhekk, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali previst mill-Karta għandu jintlaħaq waqt tali implimentazzjoni, indipendentement mill-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Istat Membru (86).
109. Konsegwentement, l-analiżi tal-konformità tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà prevista mir-Regolament 2022/1854 mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, imwettqa fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, tista’ tiġi trasposta għal-Liġi tal‑2023, sakemm jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-miżura adottata mill-Istat Membru fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilu minn dan ir-regolament (87).
110. Inqis, għar-raġunijiet li ser nesponi fil-punti li ġejjin, u bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-karatteristiċi tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita mil-Liġi tal‑2023, kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.
111. Minn naħa, ma tantx hemm dubju li l-ewwel rekwiżit iddikjarat fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jeżiġi li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha tkun prevista mil-liġi, huwa osservat f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà hija stabbilita mil-Liġi tal‑2023, li tiffissa espressament ir-rata tagħha għal 75 % u tiddetermina r-regoli applikabbli għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf preċedenti għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tagħha. Barra minn hekk, għal kunsiderazzjonijiet simili għal dawk imressqa fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, b’mod partikolari fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-miżura tidher li tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà, iggarantiti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, u li ssegwi għan ta’ interess ġenerali.
112. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-Liġi tal‑2023 fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, għandu jiġi evalwat jekk il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex mir-Regolament 2022/1854. Issa, ebda wieħed mill-elementi rrilevati mill-qorti tar-rinviju ma jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jitqies li dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.
113. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti EDB iddeċidiet li l-Istati għandhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fil-qasam fiskali u li hija tirrispetta l-evalwazzjoni magħmula mil-leġiżlatur f’tali oqsma, ħlief jekk din tkun nieqsa minn bażi raġonevoli (88). F’din l-istess loġika, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni kunsiderevoli li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Regolament 2022/1854, kif ġie mfakkar fil-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma biss il-miżuri vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni li jistgħu jiġu ssanzjonati.
114. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rata fiha nnifisha, ninnota li din ma tapplikax għall-profitti kollha tal-impriżi kkonċernati, iżda biss għall-profitti tagħhom imsejħa “surplus”, b’tali mod li dawn l-impriżi jżommu parti mill-profitti magħmula. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imfakkra iktar ’il fuq ma jirriżultax li rata ta’ tassazzjoni ta’ 75 % hija, fiha nnifisha, eċċessiva jew konfiskatorja (89). Barra minn hekk, kif irrilevajt fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kontribuzzjoni inkwistjoni hija ta’ natura temporanja u tapplika biss għal sentejn fiskali ddefiniti espressament.
115. Inżid, dejjem fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, li, konformement mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2022/1854, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tapplika “flimkien” mat-taxxi u mal-imposti regolari previsti mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru u indipendentement minnhom. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li l-portata ta’ miżura fiskali għandha tiġi evalwata in concreto, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha għall-kontribwent ikkonċernat, billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tassazzjoni effettiva applikata għall-impriżi kkonċernati pjuttost milli biss ir-rata ta’ tassazzjoni nominali prevista mil-leġiżlazzjoni (90).
116. Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienu responsabbli għall-ħlas ta’ ebda taxxa fuq il-kumpanniji, u lanqas ta’ xi ħlas obbligatorju ieħor lill-awtoritajiet fiskali Irlandiżi bbażat fuq il-profitti taxxabbli tagħhom fir-rigward tal-profitti magħmula matul is-snin 2022 u 2023 minħabba l-imputazzjoni tat-telf storiku. Għalhekk, jidher li, fil-prattika, il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà Irlandiża tirrappreżenta l-uniku piż fiskali fuq it-total tal-profitti tar-rikorrenti għas-sena 2022, b’tali mod li r-rata ta’ tassazzjoni globali effettiva tal-profitti tagħhom kienet tammonta, fir-realtà, għal 25.2 %.
117. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-esklużjoni tat-telf imġarrab mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel is-sena 2018 mill-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni inkwistjoni, xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidher li jindika li din l-esklużjoni tmur kontra l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, li teċċedi dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex jew li dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva.
118. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, għall-finijiet tal-kalkolu tas-surplus tal-profitti, il-Liġi tal‑2023 tippermetti li jitnaqqas it-telf imġarrab mis-sena 2018 ’il quddiem. Barra minn hekk, it-telf storiku tas-snin preċedenti, inkluż dak imġarrab qabel is-sena 2018, jibqa’ deduċibbli għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa normali fuq il-kumpanniji u jista’ jkompli jitnaqqas matul is-snin sussegwenti. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat, kif ġie rrilevat fil-punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li, fid-dawl tal-portata tat-telf storiku li għadu disponibbli, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma huma ser iħallsu ebda taxxa fuq il-kumpanniji u ebda taxxa oħra fuq il-profitti magħmula għas-snin fiskali 2022 u 2023. Minn dan isegwi li l-uniċi imposti li għalihom dawn il-profitti ser ikunu suġġetti għall-benefiċċju tal-baġit tal-Istat jirriżultaw mill-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, u dan biss minħabba l-esklużjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018 mill-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tagħha.
119. Konsegwentement, jidher li, kieku l-Irlanda kienet awtorizzat it-tnaqqis tat-telf imġarrab qabel is-sena 2018, l-ammont tal-kontribuzzjoni inkwistjoni miġbura mingħand l-impriżi kkonċernati kien ikun kunsiderevolment iżgħar, jew saħansitra żero, u b’hekk kien jiġi kompromess il-finanzjament tal-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ għall-unitajiet domestiċi u għall-impriżi. F’dan ir-rigward, insib partikolarment rilevanti l-argument tal-Gvern Irlandiż li, fid-dawl tal-livell għoli ħafna tat-telf li jirriżulta mill-investimenti inizjali mwettqa mill-impriżi tas-settur tal-enerġija, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018 kien iwassal sabiex l-ammont tal-kontribuzzjoni jitnaqqas sostanzjalment, jew saħansitra jitnaqqas għal żero, konsegwenza li setgħet tikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex mir-Regolament 2022/1854.
120. Fit-tielet u l-aħħar lok, inqis li diversi elementi oħra rrilevati mill-qorti tar-rinviju huma wkoll ta’ natura li jsaħħu l-analiżi tal-proporzjonalità preċedenti jew, tal-inqas, ma jippermettux li din titqiegħed inkwistjoni. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-fatt li l-ammont tas-somom miġbura jibqa’ ferm inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-Istat Membru u għall-fatt li l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà allegatament ma ddisswadietx lil uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jkomplu l-attivitajiet tagħhom fl-Irlanda (91).
121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854, li tiffissa r-rata ta’ din il-kontribuzzjoni għal 75 % u teskludi, għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018.
V. Konklużjoni
122. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Ard-Chúirt (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) bil-mod li ġej:
1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, inkluż il-Kapitolu III tiegħu, ġie adottat b’mod validu abbażi tal-Artikolu 122(1) TFUE, fl-osservanza tar-rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni u konformement mal-proċedura li hija tipprevedi.
2) Il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jiksirx il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tal-Unjoni u ta’ proporzjonalità.
3) Il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tiegħu,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jiksirx l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4) Il-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854 għas-snin fiskali 2022 u 2023, meta din l-applikazzjoni tkun prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali adottata u ppubblikata wara l‑31 ta’ Diċembru 2022 u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Awwissu 2023.
5) L-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà, imsemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2022/1854, li tiffissa r-rata ta’ din il-kontribuzzjoni għal 75 % u teskludi, għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf preċedenti għas-sena 2018.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261 I, p. 1).
3 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Electrabel et (C‑633/23, EU:C:2025:991), kif ukoll tat‑22 ta’ Jannar 2026, Secab (C‑423/23, EU:C:2026:32), kawżi li fihom il-konklużjonijiet ġew redatti minni. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Axpo Energy Romania u PPC Renewables Romania (C‑251/24 u C‑392/24, EU:C:2026:521), kif ukoll fil-kawża 2Valorise Ham et (C‑467/24, iktar ’il quddiem il-“kawża 2Valorise Ham et”, EU:C:2026:608). Barra minn hekk, ir-Regolament 2022/1854 huwa s-suġġett ta’ diversi rikorsi għal annullament attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara, f’dan ir-rigward, il-kawżi Electrawinds Shabla South vs Il‑Kunsill (T‑759/22); Vermilion Energy Netherlands et vs Il‑Kunsill (T‑775/22), Vermilion Exploration and Production Ireland u Vermilion Energy Ireland vs Il‑Kunsill (T‑795/22); ExxonMobil Producing Netherlands u Mobil Erdgas Erdöl vs Il‑Kunsill (T‑802/22); u Petrogas E&P Netherlands vs Il‑Kunsill (T‑803/22).
4 Dawn iż-żewġ kawżi jqajmu, parzjalment, domandi identiċi jew simili għal dawk magħmula f’din il-kawża sa fejn jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/1854 dwar il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà u l-miżuri nazzjonali ekwivalenti. Barra minn hekk, bħall-kawża Varo Energy Belgium et (C‑358/24), din il-kawża tirrigwarda wkoll il-validità tal-bażi legali li fuqha ġie adottat dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-Artikolu 122(1) TFUE għall-adozzjoni tal-Kapitolu III tiegħu.
5 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi ta’ l-istatistika (ĠU 2006, L 393, p. 1).
6 Din il-liġi daħlet fis-seħħ permezz tal-istrument statutorju intitolat “Energy (Windfall Gains in the Energy Sector) (Temporary Solidarity Contribution) Act 2023 (Commencement) Order 2023” (id-Digriet dwar il-Liġi tal‑2023 dwar l-Enerġija (Qligħ Eċċezzjonali fis-Settur tal-Enerġija) (Kontribuzzjoni Temporanja ta’ Solidarjetà) (Dħul fis-Seħħ)) (S.I. Nru 388 tal‑2023).
7 B’mod iktar preċiż, dawn huma Vermilion Energy Ireland Ltd, Vermilion Exploration and Production Ireland Ltd, kif ukoll Vermilion Energy Corrib Ireland Ltd.
8 Jiġifieri, il-Minister for the Environment, Climate and Communications (il-Ministru għall-Ambjent, għall-Klima u għall-Komunikazzjonijiet, l-Irlanda), l-Irlanda, kif ukoll l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda).
9 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, Centro Petroli Roma (C‑386/24, EU:C:2026:471, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Fil-fatt, ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda tista’ tqiegħed fid-dubju l-bażi legali tal-imsemmija liġi u, għaldaqstant, ikollha effett fuq l-obbligu tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jħallsu din il-kontribuzzjoni.
11 Il-kuntest ġuridiku li fih taqa’ leġiżlazzjoni ġdida jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi ċċarat l-għan imfittex minnha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 121 u 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
12 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Landeshauptstadt Wiesbaden (C‑61/22, EU:C:2024:251, punti 45 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Fil-fatt, l-Artikolu 122(1) TFUE serva wkoll bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ diversi atti oħra tal-Unjoni b’risposta għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi li ma jaqgħux taħt il-qasam tal-enerġija, b’mod partikolari matul il-kriżi migratorja (ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal‑15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU 2016, L 70, p. 1)) u matul il-pandemija tal-COVID‑19 (ara, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal‑14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID‑19 (ĠU 2020, L 117, p. 3)).
14 Ara, b’mod partikolari, il-premessi 13 u 14 tar-Regolament 2022/1854.
15 Ara l-premessi 6, 7 u 9 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1854.
16 Ara l-premessa 13 tar-Regolament 2022/1854.
17 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Rewe Zentral (10/73, EU:C:1973:111, punt 15).
18 Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 354 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
19 Ara l-premessi 14, 51 u 57 tar-Regolament 2022/1854.
20 Ara l-premessa 54 tar-Regolament 2022/1854. Ara wkoll il-punti 83 u 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
21 Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(3) TUE. Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 38 u 41).
22 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà ma tfissirx li l-politika tal-Unjoni ma għandha fl-ebda każ ikollha effetti negattivi fuq l-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam ikkonċernat. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 44, 49 u 53 kif ukoll 73).
23 Ara l-Artikolu 194(1) TFUE.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il‑Kummissjoni (C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 71).
25 Il-kunċett innifsu ta’ “solidarjetà” għandu jiġi mifhum bħala li jinkludi kemm l-Istati Membri kif ukoll il-konsumaturi finali. Fil-fatt, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina l-“ispirtu ta’ solidarjetà” b’mod li jista’ jkun separat mill-interessi tal-konsumaturi nazzjonali, li, fl-aħħar mill-aħħar, għandhom ukoll jibbenefikaw minnu.
26 Ara, b’mod partikolari, il-premessi 6, 7, 14 u 57 kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament 2022/1854.
27 Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
28 Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 114(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 194(3) TFUE, li jintroduċi proċedura differenti għall-miżuri fil-qasam tal-enerġija li huma “essenzjalment ta’ natura fiskali” (użu tal-korsiv minni).
29 Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97), minn fejn jirriżulta li, filwaqt li t-tassazzjoni diretta taqa’ prinċipalment fil-kompetenza tal-Istati Membri, dak il-fatt ma jipprevjenix lill-Unjoni milli teżerċita kompetenzi f’dan il-qasam, li, barra minn hekk, kien suġġett ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni f’ċerti setturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P, EU:C:2022:859, punt 73)). Barra minn hekk, ġew adottati diversi direttivi dwar it-tassazzjoni diretta fuq il-bażi tal-Artikolu 115 TFUE (ara, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU 2022, L 328, p. 1)).
30 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Balkan-Import-Export (5/73, EU:C:1973:109, punti 14 u 15).
31 Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Balkan-Import-Export (5/73, EU:C:1973:109, punt 15), u tal‑24 ta’ Ottubru 1973, Rewe Zentral (10/73, EU:C:1973:111, punt 15). Min-naħa l-oħra, din ir-riżerva tista’ titqies li tirreferi għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat FUE speċifikament intiżi sabiex jaffrontaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħall-Artikolu 66, l-Artikolu 78(3), l-Artikolu 143(2), kif ukoll l-Artikoli 213 u 222 TFUE.
32 Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80).
33 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Każakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 38).
34 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandi nippreċiża li, fil-kawża 2Valorise Ham et, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) diġà adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda simili dwar il-validità tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament 2022/1854, relatati mal-mekkaniżmu ta’ limitazzjoni tad-dħul ta’ ċerti ġeneraturi tal-elettriku. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑467/24, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et”, EU:C:2026:608, punti 112 sa 117).
35 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan il-każ, il-kwistjoni ta’ eventwali applikazzjoni retroattiva tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tqum biss fir-rigward tas-sena fiskali 2022. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni għas-sena fiskali 2023 ma tistax tagħti effett retroattiv lir-Regolament 2022/1854, peress li dan ġie adottat qabel il-bidu ta’ din is-sena fiskali.
39 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 188 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
40 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 158, 159 u 162 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
41 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-mobbiltà) (C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 616 u 617 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
42 L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2022/1854 jiddefinixxu, b’mod ċar u ddettaljat, il-qafas ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita minnu. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti s-setturi ta’ attività suġġetti għal din il-kontribuzzjoni, il-modalitajiet tal-kalkolu tagħha kif ukoll il-każijiet li fihom ċerti impriżi jistgħu jiġu eżentati. Ir-rata applikabbli hija, min-naħa tagħha, espressament stabbilita fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament.
43 Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et (punt 115).
44 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Secab (C‑423/23, EU:C:2025:63, punti 52 u 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u 2Valorise Ham et (punt 116).
45 Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet, sa mit‑8 ta’ Marzu 2022, ippubblikat il-Komunikazzjoni intitolata “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022) 108 final, p. 5), li fiha hija rrakkomandat diversi miżuri intiżi sabiex jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija, fosthom il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jadottaw miżuri fiskali temporanji fuq il-profitti eċċezzjonali.
46 Fil-fatt, il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà stabbilita mir-Regolament 2022/1854 tirrigwarda s-“surplus tal-profitti”, li jikkorrispondi għal profitti eċċezzjonali li jirriżultaw minn ċirkustanzi imprevedibbli li affettwaw is-swieq tal-enerġija u li l-impriżi kkonċernati, għalhekk, ma setgħux jipprevedu raġonevolment.
47 Ara l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament 2022/1854.
48 Infakkar, f’dan ir-rigward, li, permezz tar-raba’ u tas-sitt domanda preliminari tagħha fil-kawża 2Valorise Ham et, il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, dwar il-validità tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, sa fejn dan kien jipprevedi rata ta’ imposta ta’ 100 % fuq is-surplus tad-dħul mis-suq. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et (punti 64 sa 76 u 89 sa 102).
49 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 145 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punti 35 u 36), kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2024, Novo Banco et (C‑498/22 sa C‑500/22, EU:C:2024:686, punt 112).
51 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 61).
52 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et (punt 66).
53 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2024, Neves 77 Solutions (C‑351/22, EU:C:2024:723, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, id‑29 ta’ April 2008, Burden vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2008:0429JUD001337805, punt 59).
55 Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, it‑22 ta’ Jannar 2009, “Bulves” AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2009:0122JUD000399103, punt 62).
56 Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, it‑3 ta’ Lulju 2003, Buffalo Srl fi stralċ vs L‑Italja (CE:ECHR:2003:0703JUD003874697, punt 32). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 153).
57 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
58 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et (C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
59 Ara wkoll il-premessa 54 tar-Regolament 2022/1854, li tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.
60 Kif jirriżulta mill-premessa 50 tar-Regolament 2022/1854, l-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għamlu profitti eċċezzjonali li ma kinux jirriżultaw mill-aġir kummerċjali tagħhom stess, iżda minn ċirkustanzi esterni u f’daqqa marbuta mas-sitwazzjoni ta’ kriżi.
61 Barra minn hekk, ebda element fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermetti li tiġi ddubitata l-kapaċità tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ għall-klijenti finali tal-elettriku previsti mir-Regolament 2022/1854.
62 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 55).
64 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 140 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑13 ta’ Novembru 2025, PB Vi Goods (C‑563/24, EU:C:2025:887, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
65 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2025, INTERZERO et (C‑254/23, EU:C:2025:569, punt 141 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
66 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et (punt 93).
67 Fil-fatt, l-eventwali limitazzjoni għal-libertà ta’ intrapriża li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà tidher li tosserva l-kontenut essenzjali ta’ din il-libertà, peress li din il-miżura tirrigwarda biss parti mis-“surplus” tal-profitti tal-impriżi kkonċernati u tapplika biss għal perijodu limitat għal sentejn fiskali.
68 Fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk ir-risposta għal din id-domanda tiddependix b’mod partikolari miċ-ċirkustanzi li ġejjin: a) ir-Regolament 2022/1854 ġie ppubblikat fis‑7 ta’ Ottubru 2022 u daħal fis-seħħ l-għada; b) dan ir-regolament jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà jew miżuri nazzjonali ekwivalenti għas-snin 2022 u/jew 2023; c) it-tranżazzjonijiet li ġġeneraw il-profitti magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għas-sena fiskali 2022 kienu diġà tlestew fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament; d) il-Liġi tal‑2023 ġiet ippromulgata fis‑17 ta’ Lulju 2023 u daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Awwissu 2023; e) din il-leġiżlazzjoni timponi biss responsabbiltà ċivili, u f) kumpannija relatata mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat, wara l-adozzjoni tal-istess regolament u t-tħabbir tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru sabiex jimplimenta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, li hija kienet tqis iż-żieda tas-sehem tagħha fil-kamp tal-gass ta’ Corrib bħala “investiment attraenti”.
69 Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025 (C‑633/23, EU:C:2025:991).
70 Għal kull skop utli, infakkar li, f’dawn iż-żewġ kawżi, id-dubji tal-qrati Belġjani kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imposta stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għad-surplus tad-dħul iġġenerat fil-Belġju matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2022 u t‑30 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li r-Regolament 2022/1854 kien daħal fis-seħħ biss fit‑8 ta’ Ottubru 2022, li l-limitu massimu previst minnu kien japplika biss għall-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023 u li dan ir-regolament ma kienx jipprevedi espressament il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw dan il-limitu massimu qabel l‑1 ta’ Diċembru 2022.
71 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, van den Booren (C‑127/11, EU:C:2013:140, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-punti 56 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
73 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola (C‑459/02, EU:C:2004:454, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
74 Għalkemm din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġi stabbilit li l-Liġi tal‑2023 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, nirrileva li l-Irlanda ma osservatx it-terminu previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament 2022/1854, li jipprovdi li l-Istati Membri kienu obbligati jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022, il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà.
75 Nindika wkoll li, fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li ċerti tranżazzjonijiet li ġġeneraw surplus tal-profitti kienu “tlestew” qabel il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑2023.
76 Ara l-premessi 64 u 65 tar-Regolament 2022/1854.
77 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 43).
78 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mhux biss li l-awtoritajiet nazzjonali ma pprovdew ebda assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tista’ toħloq aspettattivi fondati fir-rigward taż-żamma tas-surplus tal-profitti jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà għas-sena fiskali 2022, iżda li, għall-kuntrarju, huma ħabbru lill-impriżi kkonċernati, qabel tmiem is-sena 2022, l-applikazzjoni ta’ din il-miżura. Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li allegatament bdew laqgħat bejn l-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni sa minn tmiem ix-xahar ta’ Ottubru 2022, li matulhom dawn l-awtoritajiet allegatament informaw lil dawn l-impriżi bl-elementi li setgħu jikkostitwixxu l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-Kapitolu III tar-Regolament 2022/1854. Barra minn hekk, fix-xahar ta’ Novembru 2022, il-pubbliku allegatament ġie informat, permezz ta’ stqarrija għall-istampa, li l-imsemmija miżura kienet ser tiġi applikata għas-surplus tal-profitti magħmul għas-snin fiskali 2022 u 2023.
79 Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament 2022/1854, dan daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit‑8 ta’ Ottubru 2022.
80 Ara l-premessa 65 tar-Regolament 2022/1854.
81 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kuntest simili, li emenda leġiżlattiva nazzjonali adottata konformement ma’ direttiva fil-qasam fiskali li tħalli setgħat wiesgħa lill-Istati Membri ma tistax titqies li hija imprevedibbli.
82 Lanqas ma huma ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni din l-analiżi, minn naħa, il-fatt li l-Liġi tal‑2023 taqa’ taħt il-qasam “ċivili” u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ kumpannija relatata mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li, wara l-adozzjoni tar-Regolament 2022/1854 u t-tħabbir tal-miżuri adottati mill-Istat Membru sabiex jimplimenta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, allegatament kienet tqis iż-żieda tas-sehem tagħha fil-kamp tal-gass ta’ Corrib bħala “investiment attraenti”.
83 Nippreċiża li, permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk ir-risposta għaliha tiddependix mill-elementi differenti li hija telenka u li huma riprodotti fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
84 Dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jippermetti wkoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri li huma jqisu xierqa fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq nazzjonali tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jikkompromettux l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament 2022/1854 u li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-libertà hekk irrikonoxxuta lill-Istati Membri, huma biss il-miżuri vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni li jistgħu jiġu ssanzjonati. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża 2Valorise Ham et (punti 80 u 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
85 L-Artikolu 15 tar-Regolament 2022/1854 jagħti definizzjoni tal-bażi tat-taxxa tal-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà b’mod relattivament flessibbli.
86 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
87 Nippreċiża, madankollu, li l-osservanza, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-kriterji adottati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Karta għandha tiġi evalwata konkretament, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u mhux b’mod astratt. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti u jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax effettivament ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha, f’dan ir-rigward, l-elementi ta’ interpretazzjoni meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.
88 Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, il‑15 ta’ Jannar 2015, Arnaud et vs Franza CE:ECHR:2015:0115JUD003691811, punt 27.
89 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Ġunju 2013, Gáll vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2013:0625JUD004957011) u tal‑15 ta’ Jannar 2015, Arnaud et vs Franza (ECLI:CE:ECHR:2015:0115JUD003691811), li minnhom jirriżulta, essenzjalment, li s-sempliċi fatt li rata ta’ tassazzjoni tkun eċċezzjonalment għolja ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1, peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti EDB għandha tirrigwarda l-miżura kollha kemm hi u għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li fihom din tapplika.
90 Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, il‑25 ta’ Ġunju 2013, Gáll vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2013:0625JUD004957011, punt 61.
91 Dan huwa l-każ, pereżempju, fid-dikjarazzjoni magħmula minn kumpannija affiljata mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li, wara l-adozzjoni tar-Regolament 2022/1854 u l-avviż tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà, qieset iż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fil-qasam tal-gass ta’ Corrib bħala “investiment attraenti”.