|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/485 |
23.1.2024 |
P9_TA(2023)0240
It-tortura u l-prosekuzzjoni kriminali tal-minorenni Ukreni Tihran Ohannisian u Mykyta Khanhanov min-naħa tal-Federazzjoni Russa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023dwar it-tortura u l-prosekuzzjoni kriminali tal-minorenni Ukreni Tihran Ohannisian u Mykyta Khanhanov min-naħa tal-Federazzjoni Russa (2023/2735(RSP))
(C/2024/485)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa akkuża lil Tihran Ohannisian u lil Mykyta Khanhanov, imwielda fl-2006, li allegatament ippjanaw sabotaġġ fuq linja ferrovjarja f’Berdiansk; billi skont l-Artikolu 281 tal-Kodiċi Kriminali Russu qed jissugraw sa 20 sena ħabs u ma rċevewx assistenza legali adegwata; |
|
B. |
billi l-inkrimazzjoni ta’ Ohannisian u Khanhanov ġiet wara xhur ta’ interrogazzjonijiet brutali min-naħa tal-awtoritajiet Russi, u billi mit-30 ta’ Settembru 2022 iż-żewġ minorenni ġew soġġetti għal swat u tortura bl-użu ta’ xokkijiet elettriċi bl-għan li jinkisbu ammissjonijiet ta’ ħtija, kif ukoll fastidju lill-familji tagħhom; |
|
C. |
billi bosta rapporti jindikaw li l-awtoritajiet Russi qed ikomplu bl-oppressjoni tat-tfal Ukreni, l-aktar vittmi vulnerabbli tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; |
|
D. |
billi, skont il-pjattaforma Ukrena “Children of War”, mill-anqas 488 tifel u tifla Ukreni mietu b’riżultat tal-invażjoni tar-Russja, kif irrappurtat ukoll mill-UNICEF, b’mill-inqas 1 016 midruba, madwar 19 500 deportati lejn ir-Russja u 3 924 irrappurtati nieqsa; billi r-rapport reċenti dwar il-Mekkaniżmu ta’ Moska kkonferma dan il-fenomenu; |
|
1. |
Jeżiġi l-għeluq immedjat tal-proċedimenti u t-twaqqigħ tal-akkużi kollha kontra Ohannisian u Khanhanov kif ukoll il-ħelsien immedjat tagħhom; jappella lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar biex jiffaċilita r-ritorn sikur tagħhom lejn it-territorju kkontrollat mill-Ukrajna; jappella lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra t-Tfal biex jinvestiga l-każ; jitlob li l-persuni wara l-oriġini tal-prosekuzzjoni jiżdiedu fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE; jitlob il-ħelsien taċ-ċittadini Ukreni kollha detenuti illegalment mir-Russja; |
|
2. |
Jikkundanna t-tqegħid fil-mira intenzjonat tat-tfal Ukreni min-naħa tar-Russja permezz ta’ miżuri li jinkludu t-trasferimenti furzati fi ħdan it-territorju Ukren temporanjament okkupat mir-Russja, id-deportazzjonijiet illegali lejn ir-Russja u l-Belarussja, l-adozzjonijiet illegali u t-tentattivi biex tiġi imposta l-hekk imsejħa “riedukazzjoni”; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jadottaw “pakkett dwar il-protezzjoni tat-tfal” bejn l-UE u l-Ukrajna għat-tfal li qed jaħarbu jew li ġew affettwati mill-gwerra; |
|
3. |
Jikkundanna t-tqegħid fil-mira, il-persekuzzjoni u t-tortura tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat u l-attakki diretti fuq oġġetti protetti taħt id-dritt internazzjonali, inklużi skejjel u sptarijiet; |
|
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jintensifikaw l-isforzi biex jiġi evitat u mitmum il-ksur serju kontra t-tfal affettwati minn kunflitt armat; jisħaq fuq l-importanza li l-aġenda dwar il-kunflitti armati u t-tfal titmexxa ’l quddiem fil-politiki tal-azzjoni esterna tal-UE u tal-politiki ta’ sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tiġi integrata fl-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, ir-riformi tas-settur tas-sigurtà u l-medjazzjoni; |
|
5. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Vjolenza Kontra t-Tfal, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u lill-awtoritajiet tal-Belarussja. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/485/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)